SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Direttiva 2004/48/KE — Regoli tal-eżami ta’ provi fil-kuntest ta’ kawża quddiem il-qorti nazzjonali li hija mitluba tiddeċiedi dwar talba għal annullament tal-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità - Setgħat tal-qorti nazzjonali — Setgħat tal-qorti nazzjonali — Konvenzjoni ta’ Pariġi — Ftehim TRIPs”

Fil-Kawża C-180/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2011, fil-proċedura

Bericap Záródástechnikai bt

vs

Plastinnova 2000 kft,

fil-preżenza ta’:

Magyar Szabadalmi Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bericap Záródástechnikai bt, minn Z. Kacsuk, ügyvéd,

għal Plastinnova 2000 kft, minn J. Hergár, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u B. Béres, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar [ir-rispett] tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32 ), kif ukoll dwar il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), kif stabbilit fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u rratifikat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), u fuq il-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Bericap Záródástechnikai bt (iktar ’il quddiem “Bericap”) u Plastinnova 2000 kft (iktar ’il quddiem “Plastinnova”), dwar allegat nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva sottostanti ta’mudell ta’ utilità.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Ftehim TRIPs

3

L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim TRIPs huwa fformulat kif ġej:

“Xewqana biex inaqqsu ċ-ċaqliq u l-impedimenti għal kummerċ internazzjonali, u bil-ħsieb għall-ħtieġa li jippromwovu protezzjoni effettiva u adegwata tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali, u biex jassiguraw li l-miżuri u l-proċeduri li jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jsirux xkiel għal kummerċ leġittimu”;

4

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-parti I tal-Ftehim TRIPs, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali u prinċipji bażiċi”:

“1.   Il-Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il-Membri jistgħu, iżda mhux bil-fors, jimplimentaw protezzjoni iżjed ħarxa minn dik meħtieġa f’dan il-Ftehim, iżda [bil-kundizzjoni li] din il-protezzjoni ma tmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il-Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu l-metodu xieraq għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħhom.

2.   Għal dan il-Ftehim, it-termini “Proprjetà Intellettwali” jirreferi għal kategoriji kollha tal-proprjetà intellettwali li huma soġġetti għat-taqsima 1 sa 7 ta’ parti II.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi Ftehim, intitolat “Konvenzjonijiet dwar Proprjetà Intellettwali” jipprovdi:

“1.   Dwar il-partijiet II, III u IV ta’ dan il-Ftehim, il-Membri għandhom iħarsu l-Artikolu 1 sa 12, u l-Artikolu 19, tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (1967).

2.   Xejn fil-Partijiet I sa IV ta’ dan il-Ftehim m’għandu jidderoga mill-obbligi eżistenti li l-Membri għandhom ikollhom lejn xulxin tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-Konvenzjoni ta’ Berne, il-Konvenzjoni ta’ Ruma u t-Trattat ta’ Proprjetà Intellettwali dwar iċ-ċirkwiti integrati.”

6

L-Artikolu 41(1) sa (3), tal-Ftehim TRIPs, li jinstab fil-parti III ta’ dan tal-aħħar, intitolata “Infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali,, jipprovdi:

“1.   Il-Membri għandhom jassiguraw li l-proċeduri ta’ l-infurzar kif mniżżla f’din il-parti huma disponibbli taħt il-liġi tagħhom sabiex jistgħu jippermettu azzjoni effettiva kontra atti ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperta minn dan il-Ftehim, inklużi r-rimedji ta’ malajr li jipprevjenu ksur u rimedji li jkunu ta’ ostaklu għal xi ksur ieħor. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu applikati b’dak il-mod li jkun evitat il-ħolqien ta’ ostakli għall-kummerċ leġittimu u sabiex jissalvagwardjaw l-abbuż tagħhom.

2.   Il-proċeduri dwar l-infurzar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandhom ikunu mparzjali u ġusti. M’għandhomx ikunu komplikati żżejjed jew għoljin, jew ikollhom bżonn perjodu ta’ żmien twil jew dewmien mhux ġustifikat.

3.   Deċiżjonijiet dwar il-provi ta’ każ għandhom ikunu bil-miktub jew raġonati. Għandhom ikunu disponibbli lill-partijiet li qegħdin fis-seduta, mingħajr dewmien ġustifikat. Deċiżjonijiet dwar il-provi tal-każ għandhom ikunu bbażati fuq provi fejn il-partijiet kellhom l-opportunità li jinstemu.”

Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi

7

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

8

L-Artikolu 1(2) ta’ din il-konvenzjoni jistipula:

“Il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali għandha bħala suġġett il-privattivi għall-invenzjonijiet, il-mudelli utilitarji, id-disinni jew il-mudelli industrijali, it-trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju, it-trade marks għal servizzi, l-isem kummerċjali u l-indikazzjonijiet tal-provenjenza jew denominazzjonjiet ta’ oriġini, kif ukoll is-soppressjoni tal-konkorrenza mhux leċita.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

9

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“Iċ-ċittadini ta’ kull pajjiż tal-Unjoni għandhom jibbenefikaw fil-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, minn vantaġġi li l-liġijiet rispettivi jagħtu attwalment jew jattribwixxu sussegwentement liċ-ċittadini nazzjonali, u dan mingħajr preġudizzju għad-drittijiet speċjalment previsti b’din il-konvenzjoni. Għaldaqstant, huma għandhom ikollhom l-istess protezzjoni bħal dawn tal-aħħar u l-istess rikors legali kontra kull preġudizzju għad-drittijiet tagħhom, sakemm il-kundizzjonijiet u l-formalitajiet imposti fuq iċ-ċittadini huma sodisfatti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

10

Il-premessi 4 sa6 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati kif ġej:

“(4)

Fuq livell internazzjonali, l-Istati Membri, kif wkoll il-Komunità hija nnifsha fir-rigward ta’ ħwejjeġ li huma kompetenza tagħha, huma marbuta b’[il-Ftehim TRIPs] […].

(5)

Il-Ftehim TRIPS fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma l-istandards komuni applikabbli fuq livell internazzjonali u implimentati mill-Istati Membri kollha. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-Ftehim TRIPS

(6)

Hemm wkoll konvenzjonijiet internazzjonali li l-Istati Membri kollha huma partijiet u li fihom wkoll dispożizzjonijiet fuq il-mezzi għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi [...], il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artisitċi, u l-Konvenzjoni ta’ Ruma għall-Protezzjoni ta’ Produtturi ta’ Fonogrammi u Organiżazzjonijiet tax-Xandir.”

11

Il-premessa 27 tad-direttiva tippreċiża:

“Biex jservi ta’ diterrent supplimentari għal kontravventuri futuri u biex jikkontribwixxi għal konxejntiżazzjoni tal-pubbliku in ġenerali, huwa utili li d-deċiżjonijiet ikunu ppubblikati fil-każijiet ta’ kontravvenzjoni tal-proprjetà intellettwali.”

12

Skont il-premessa 32 tal-imsemmija direttiva:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tassigura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, skond l-Artikolu 17(2) ta’ dik il-Karta.”

13

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48 jiddefinixxi l-għan tagħha kif ġej:

“Din id-direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar [ir-rispett] tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “diritijiet tal-proprjetà intellettwali”; jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

14

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu iktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

15

Skont l-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2004/48 din tal-aħħar ma taffetwax “l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri u l-iktar il-Ftehim TRIPS, li jinkludu dawk relatati mal-proċeduri kriminali u l-penalitajiet [applikabbli].”

16

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat [ġustifikat].

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

Id-dritt Ungeriż

Il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-mudelli ta’ utilità

17

L-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru XXXVIII tal-1991 dwar il-protezzjoni tal-mudelli ta’ utilità (A használati minták oltalmáról szóló 1991. évi XXXVIII. törvény), jipprevedi:

“Jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija lill-mudelli ta’ utilità (iktar ’il quddiem il-“protezzjoni tal-mudelli”) is-soluzzjonijiet teknici kollha li jikkonċernaw id-disinn, l-istruttura jew l-assemblaġġ tal-kostitwenti ta’ oġġett (iktar ’il quddiem il-“mudell”) bil-kundizzjoni li jkun ġdid, u li jkun ir-riżultat ta’ attività inventiva u li tista’ jkollha applikazzjoni industrijali.”

18

L-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-mudelli ta’ utilità jipprovdi:

“Tagħmel parti mill-istat tat-teknika d-data li tkun saret aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ deskrizzjoni bil-miktub jew bl-użu fit-territorju nazzjonali qabel il-jum ta’ prijorità.”

19

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi:

“Mudell ta’ utilità huwa kkunsidrat bħala r-riżultat ta’ attività inventiva jekk ma jikkostitwixxix prova f’għajnejn persuni li jifhmu, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat tat-teknika.”

20

L-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

“1)   Tiġi mogħtija l-protezzjoni lil min jippreżenta l-mudell tiegħu, jekk dan:

a)

jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 1 sa 4 ta’ din il-liġi u ma jkunx eskluż mill-protezzjoni tal-mudelli skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jew tal-Artikolu 1(2) ta’ din il-liġi.”

21

L-Artikolu 24 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-mudelli ta’ utilità jipprovdi:

“1)   Il-protezzjoni ta’ mudell ma tkunx valida jekk:

a)

l-għan tal-protezzjoni ma jkunx jikkorrispondi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1)(a).

[...]”

22

Skont l-Artikolu 26 ta’ din il-liġi:

“L-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi jkun kompetenti sabiex:

[...]

c)

jiddikjara bħala invalida protezzjoni.”

23

L-Artikolu 27 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“[…]

3)   Il-qorti teżerċita, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 ta’ din il-liġi, stħarriġ ġudizzjarju fuq id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Uffiċċju fil-każi ta’ protezzjoni tal-mudelli.

4)   L-Uffiċċju jista’, jekk titressaq quddiemu talba għal bidla, u sakemm il-kwistjoni ma tkunx ġiet irriferita lill-qorti, jibdel jew jirtira deċiżjoni li tagħlaq proċedura, li jkun ta dwar waħda minn dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:

[...]

c)

l-annullament ta’ protezzjoni.”

24

Skont l-Artikolu 36(3) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-mudelli ta’ utilità:

“Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-privattivi japplikaw mutatis mutandis għall-proċeduri [...] ta’ annullament [...] tal-protezzjoni tal-mudelli.”

25

L-Artikolu 37 ta’ din il-liġi tipprevedi:

“1)   Il-qorti tista’, fuq talba, tirriforma d-deċiżjonijiet adottati mill-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi skont:

a)

l-Artikolu 27(4), ta’ din il-liġi.

[...]

13)

Għall-kumplament, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Uffiċċju tal-Privattivi japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda minnu fil-qasam tal-protezzjoni tal-mudelli.”

Il-Liġi dwar il-privattivi

26

L-Artikolu 42 tal-Liġi XXXIII tal-1995 dwar kemm l-invenzjonijiet jistgħu jingħataw privattivi (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Privattivi”) jipprovdi:

“[...]

3)

Meta tittieħed deċiżjoni definittiva li tiċħad talba għal annullament, ebda persuna ma tista’ tippreżenta kontra l-istess privattiva talba ġdida għal annullament bbażata fuq l-istess fatti.”

27

L-Artikolu 80 tal-Liġi dwar il-privattivi jipprovdi:

“1)   Bla ħsara għal dak li hemm previst fil-paragrafu 2, kull persuna tista’ titlob, skont l-Artikolu 42 ta’ din il-liġi, l-annullament ta’ privattiva permezz ta’ talba kontra l-proprjetarju tagħha.

2)   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 42(1)(d), l-annullament ta’ privattiva tintalab mill-persuna li tkun il-proprjetarja skont il-liġi.”

28

L-Artikolu 81 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“[...]

3)

F’każ ta’ rinunzja ta’ talba għal annullament, il-proċedura tista’ titmexxa ex officio [...]”

29

L-Artikolu 86 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1)   Il-qorti ta’ Budapest għandha ġurisdizzjoni esklussiva sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi għal riforma ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi.”

[...]”

30

Skont l-Artikolu 88 tal-istess liġi:

“Il-qorti tiddeċiedi dwar it-talbiet intiżi sabiex jiġu rriformati d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi skont ir-regoli tal-proċedura mhux kontenzjuża, bla ħsara għad-derogi previsti minn din il-liġi. Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi Nru III tal-1952, li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (A polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény), japplika mutatis mutandis għall-proċedura, sakemm din il-liġi jew il-karattru mhux kontenzjuż tal-proċedura timplika regolamentazzjoni differenti.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

31

L-Artikoli 3 u 4 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jinsabu fit-titolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, fil-kaptioli u subkapitoli intitolati, rispettivament; “Prinċipji Fundamentali” u “Kompiti tal-qrati fil-kawżi ċivili” ta’ dan il-kodiċi.

32

L-Artikolu 3(2) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“2)   Sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, il-qorti hija marbuta bit-talbiet u bid-dikjarazzjonijiet l-oħra al-partijiet li għandhom effetti ġuridiċi. [...]”

33

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1)   Fl-evalwazzjoni tagħha, il-qorti ma hijiex marbuta bid-deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet oħrajn jew mogħtija f’oqsma dixxiplinarji, u lanqas bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt li jsiru fihom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

34

Fis-17 ta’ Mejju 1991, Plastinnova ippreżentat mudell industrijali fl-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi bin-Numru 2252-320/91, sussegwentement, fl-1 ta’ Settembru 1992, ippreżentat talba għall-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità. Plastinnova, filwaqt li invokat bidla tal-protezzjoni mitluba, talbet, għat-tieni preżentata, id-dritt ta’ prijorità marbut mal-ewwel preżentata. L-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi laqa’ din it-talba għal bidla u, wara l-preżentata tal-mudell ta’ utilità, awtorizza l-protezzjoni tiegħu, mad-dritt ta’ prijorità marbut mal-preżentata tal-mudell industrijali.

35

Bericap, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, talbet, fis-6 ta’ Mejju 1998, li l-protezzjoni tal-mudell ta’ utilità ikkonċernat għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva sottostanti.

36

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu Nru U9200215/35, tal-1 ta’ Ġunju 2004, l-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi kkonferma l-validità tal-imsemmija protezzjoni permezz ta’ ta’ mudell ta’ utilità, filwaqt li llimita l-portata.

37

Plastinnova, bħala proprjetarja tal-mudell ta’ utilità, talbet lill-Fővárosi Bíróság il-bidla ta’ din id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi. Din il-qorti, li ddeċidiet fl-ewwel istanza, ċaħdet ir-rikors u, filwaqt li rriformat id-Deċiżjoni Nru U9200215/35, iddikjarat li l-protezzjoni tal-mudell ikkontestat hija annullata.

38

Fuq appell ta’ Plastinnova, il-Fővárosi ίtélőtábla (Qorti tal-Appell ta’ Budapest) permezz ta’ digriet, emendat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u, filwaqt li rriformat din id-deċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-annullament tal-protezzjoni tal-mudell ta’ utilità, ikkonfermatha għall-kumplament.

39

Il-Legfelsőbb Bíróság (Qorti Suprema), li quddiemha tressaq appell minn Bericap, ikkonfermat id-digriet mogħti fl-appell.

40

Il-kawża prinċipali (proċedura amministrattiva) inbdiet fil-31 ta’ Jannar 2007, meta Bericap ippreżentat fl-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi talba ġdida għal annullament magħmula kontra l-mudell ta’ utilità kkontestat. Din il-kumpannija invokat, bħala raġunijiet għall-annullament, in-nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva sottostanti. Mat-talba tagħha żdiedu, fost dokumenti oħra, deskrizzjonijiet tal-privattivi, fil-forma ta’ annessi, enumerati K4 sa K10, K19 sa K25, kif ukoll K29 u K30.

41

Plastinnova, filwaqt li invokat il-proċedura preċedenti għal annullament, talbet li t-talba l-ġdida għal annullament tiġi miċħuda mingħajr eżami tal-mertu.

42

Permezz tad-Deċiżjoni tagħha Nru U9200215/58, l-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi ċaħad it-talba għal annullament billi rrefera għall-Artikolu 42(3) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-privattivi. Huwa applika din id-dispożizzjoni b’mod li, fil-proċedura ta’ annullament il-ġdida, huwa ma ħa bl-ebda mod inkunsiderazzjoni, fost id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, id-deskrizzjonijiet ta’ privattivi K4 sa K8, K10, K19, K21 u K22. Fil-fatt, skont dan l-uffiċċju, dawn id-dokumenti “[kienu] jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni mogħtija wara l-proċedura għal annullament preċedenti”. Huwa żied li “kull wieħed minn dawn id-dokumenti k[ien] is-suġġett ta’ eżami, indipendentement mill-kwistjoni ta’ liema minnhom kien fihom informazzjoni rilevanti mill-perspettiva tal-mudell kkonċernat” u li, “peress li d-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura preċedenti [kienet] ibbażata fuq l-intier tad-dokumenti eżaminati, [kien] jaqbel li l-imsemmija dokumenti ma jiġux ikkunsidrati f’din il-proċedura”. L-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi indika wkoll li “kull waħda mill-karatteristiċi msemmija mit-talbiet prinċipali fil-qasam tal-protezzjoni tal-mudelli ta’ utilità [kienu] identifikabbli mir-ritratti u [li], għaldaqstant, il-protezzjoni tal-imsemmi mudell [seta’ jkun] intitolat għall-prijorità”. Huwa żied li l-“kwistjoni tal-prijorità [kienet] diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni fil-proċedura preċedenti, liema deċiżjoni [kienet] ibbażata wkoll fuq il-konklużjoni li l-protezzjoni għall-mudell ta’ utilità setgħet kienet intitolata għall-prijorità li ngħatatilha minħabba t-trasformazzjoni tal-protezzjoni tal-mudell industrijali”. Għal dan il-għan, l-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi ddikjara li d-dekrizzjonijiet tal-privattivi K20 u K23 ma jiffurmawx parti mill-istat tat-teknika.

43

Fl-aħħar nett; l-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi ma eżaminax il-kwistjoni tal-assenza ta’ novità u ta’ attività inventiva sottostanti ħlief fid-dawl tad-deskrizjonijiet tal-privattivi K9, K24, K25, K29 u K30 u qies li l-eżistenza tar-raġunijiet għal annullament invokati ma ġietx ippruvata.

44

Bericap ippreżentat rikors, quddiem il-qorti tar-rinviju, għal riforma tad-Deċiżjoni Nru U9200215/58, li jitlob għall-annullament tal-mudell ta’ utilità. Hija talbet li jiġu kkunsidrati d-dokumenti kollha ppreżentati u sostniet li l-protezzjoni b’mudell ta’ utilità jiżgura lill-proprjetarju tiegħu drittijiet esklużivi paragunabbli għal dawk mogħtija mill-privattiva. Din hija r-raġuni għaliex huwa fl-interess ġenerali li d-drittijiet esklużivi huma bbażati biss fuq protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità li josserva r-rekwiżiti legali. Billi istitwixxa legalment ir-rikors għal annullament, il-leġiżlatur ried jiżgura li jipprevali l-interess ġenerali. Il-karattru ta’ interess ġenerali tal-proċedura għal annullament huwa bbażat fuq l-Artikolu 80(1), tal-Ligi dwar il-Privattivi, li jipprovdi li, bla ħsara għal dak li hemm ipprovdut fil-paragrafu 2, kull persuna tista’ titlob, skont l-Artikolu 42 ta’ din il-liġi, l-annullament ta’ privattiva permezz ta’ talba kontra l-proprjetarju tagħha. Bl-istess mod, l-interess ġenerali jirriżulta mill-Artikolu 81(3) tal-imsemmija liġi, li jgħid li l-proċedura tista’ ssir ex officio f’każ ta’ rinunzja għat-talba għal annullament.

45

Plastinnova talbet il-konferma tad-Deċiżjoni Nru U9200215/58 peress li sostniet li hija fondata.

46

Il-qorti tar-rinviju annullat id-Deċiżjoni Nru U9200215/58 u rrinvijat il-kawża quddiem l-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi sabiex jiddeċiedi mill-ġdid dwarha. Hija qieset li l-provi prodotti fil-kuntest tal-proċedura għal annullament il-ġdida ma setgħux jiġu injorati sempliċement minħabba li dawn kienu ġew prodotti fil-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità preċedenti.

47

Il-Fővárosi ίtélőtábla annullat id-digriet mogħti fl-ewwel istanza u rrinvjat l-kawża quddiem il-Fővárosi Bíróság sabiex terġa’ tiġi eżaminata mill-ġdid u tingħata deċiżjoni ġdida, wara li kkonstatat li l-Uffiċċju Ungeriż tal-Privattivi kien, fl-analiżi tiegħu tat-talba għal annullament ġdida, iddefinixxa korrettament il-kuntest fattwali li għandu jiġi analizzat.

48

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Fővárosi Bíróság tippreċiża li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48, partikolarment tal-Artikoli 2(1) u 3(2) tagħha, hija tistaqsi dwar il-mod kif ir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar il-proċeduri għal annullament tal-protezzjoni ta’ mudelli ta’ utilità japplikaw.

49

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, barra minn hekk, li l-kwistjonijiet li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li tagħti deċiżjoni preliminari huma bbażati fuq paragun tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u tal-Ftehim TRIPs bil-mod kif ir-regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti jiġu applikati. Hija tinnota, f’dan ir-rigward, li, fl-Ungerija, il-Konvenzjoni ta’ Pariġi ġiet ippromulgata bid-Digriet Leġiżlattiv 18 tal-1970 u l-Ftehim TRIPs bil-Liġi Nru IX tal-1998.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Miżuri, proċeduri u kumpensi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni li tikkonċerna talba għall-annullament tal-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità, japplikaw b’mod li l-qorti nazzjonali ma tkunx marbuta bit-talbiet jew dikjarazzjonijiet oħra tal-partijiet li għandhom effetti legali, u li hi għandha s-setgħa li tordna ex officio il-produzzjoni ta’ provi li hija tqis neċessarji, huma konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

2)

Miżuri, proċeduri u kumpensi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni li tikkonċerna talba għall-annullament tal-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità, japplikaw b’mod li fl-evalwazzjoni tagħha, il-qorti nazzjonali ma tkunx marbuta b’deċiżjoni amministrattiva għal talba għal annullament, u lanqas minn konstatazzjonijiet ta’ fatt li huma effettwati minnha, b’mod partikolari permezz tal-motivi ta’ annullament invokati matul il-proċedura amministrattiva, jew ukoll mid-dikjarazzjonijiet jew affermazzjonijiet ifformulati, jew il-provi prodotti matulha, huma konformi mad dritt tal-Unjoni Ewropea?

3)

Miżuri, proċeduri u kumpensi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni li tikkonċerna talba għall-annullament tal-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità, japplikaw b’mod li l-qorti nazzjonali teskludi, minn fost il-provi prodotti fil-kuntest tat-talba ġdida – inklużi dawk minnhom li huma tal-iprem kwalità [li huma relatati mal-istat tat-teknika] – dawk li diġa ġew prodotti fuq talba preċedenti għall-annullament tal-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità, huma konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

51

Plastinnova u l-gvern Ungeriż għal raġunijiet diversi, jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

52

Fl-ewwel lok, Plastinnova titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad, mingħajr eżami tal-mertu, l-imsemmija talba fuq il-bażi, minn naħa, li l-Fővárosi Bíróság ma għandhiex, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, is-setgħa li tippreżenta tali talba u, min-naħa l-oħra, li, sa fejn, f’din il-kawża prinċipali, id-deċiżjoni inkwistjoni tista’ tkun s-suġġett ta’ appell fil-kassazzjoni, hija l-Qorti Suprema biss li għandha ġurisdizzjoni sabiex tibda proċedura għal deċiżjoni preliminari.

53

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jikkunsidraw li l-kawża quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għal deċiżjoni dwar il-kawża mressqa quddiemhom. Barra minn hekk il-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jikkunsidraw xieraq (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C-173/09, Ġabra p. I-8889, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżistenza ta’ regola tal-proċedura nazzjonali ma tistax tikkontesta s-setgħa li għandhom il-qrati nazzjonali li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari meta għandhom dubji, bħal fil-kawża prinċipali, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tal-20 ta’ Ottubru 2011, Iteredil C-396/09, Ġabra p. I-9915, punt 35).

55

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza għandha tkun libera, jekk hija tikkunsidra li l-evalwazzjoni ta’ dritt magħmula f’livell ogħla tista’ twassal għal sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li tirrinvija d-domandi li jkunu ta’ tħassib għaliha (sentenza Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Plastinnova għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

57

Fit-tieni lok, il-gvern Ungeriż isostni li, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/48 hija indispensabbli għaliha, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

58

Skont ġurisprudenza stabbilita, iċ-ċaħda tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha l-provi fattwali jew legali meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 48, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2006 Cipolla et, C-202/04 u C-94/04, Ġabra p. I-11421, punt 25).

59

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti nazzjonali ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali u lanqas li l-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt huma ta’ natura ipotetika. Għalkemm id-domandi magħmula jsemmu, b’mod ġenerali ħafna, id-dritt tal-Unjoni, madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti li quddiema tressqet il-kawża prinċipali titlob, fir-realtà, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u 3(2) tad-Direttiva 2004/48, kif ukoll tal-Artikoli 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u tal-Artikolu 41(1) u (2) tal-Ftehim TRIPs, bil-għan li tippermetti li jiġi evalwat jekk ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura applikabbli fil-kuntest ta’ talba għal annullament tal-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità humiex kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjonijiet.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula ma ġietx ikkonfutata.

61

Minn dan isegwi li t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha wkoll tiġi miċħuda.

62

Fit-tielet lok, il-gvern Ungeriż jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi jsostni li d-Direttiva 2004/48 hija manifestament irrilevanti fir-rigward tas-soluzzjoni għal din il-kawża, billi hija intiża biss li tarmonizza l-miżuri ċivili u dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Issa, f’din il-kawża, il-proċedura kellha bħala suġġett il-validità ta’ mudell ta’ utilità u mhux ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

63

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk proċedura ta’ annullament ta’ mudell ta’ utilità tikkostitwixxix proċedura sabiex tiżgura konformità mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari iżda tikkonċerna l-mertu ta’ dawn id-domandi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I_6619, punt 30, kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2010 ,Padawan, C-467/08, Ġabra p. I-10055, punt 27). Għalhekk, tali konstatazzjoni ma jkollhiex bħala effett iċ-ċaħda tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tagħha.

64

Peress li din it-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha wkoll tiġi miċħuda, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq il-mertu

65

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li fil-proċeduri ġudizzjarji dwar talba għal annullament tal-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità, il-qorti :

ma tkunx marbuta bit-talbiet u bid-dikjarazzjonijiet l-oħra tal-partijiet u tista’ ex officio tordna l-produzzjoni tal-provi li jidhrilha neċessarji;

ma tkunx marbuta b’deċiżjoni amministrattiva magħmula fuq talba għal annullament, u lanqas mill-fatti li huma kkonstatati f’din id-deċiżjoni,

ma tkunx tista’ tikkunsidra mill-ġdid il-provi li diġà ġew ippreżentati fit-talba preċedenti għal annullament.

66

B’mod iktar partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali tikkunsidra li d-Direttiva 2004/48 hija applikabbli għall-proċeduri fil-kawża prinċipali u tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fuq l-Artikoli 2(1) u 3(2) tagħha, fid-dawl tal-artikoli tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u tal-Ftehim TRIPs iċċitati fil-punt 59 ta’ din is-sentenza.

67

F’dan ir-rigward, għandu b’mod preliminari jiġi rrilevat li l-Ftehim li jistabilixxi d-WTO, li jagħmel parti minnu l-Ftehim TRIPs, ġie ffirmat mill-Unjoni u wara approvat bid-Deċiżjoni 94/800. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs issa jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara s-sentenza tal-11 Settembru 2007, Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos, C-431/05, Ġabra p I-7001, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fir-rigward b’mod iktar partikolari d-dispożizzjoni tal-Artikolu 41(1) u (2) tal-Ftehim TRIPs, moqrija flimkien, minnhom jirriżulta li l-Istati li huma partijiet għal dan il-ftehim ser jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom ikollha proċeduri b’karatteristiċi speċifiċi sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, sabiex tiġi permessa azzjoni effettiva kontra kull att ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperti b’dan il-Ftehim.

69

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati li huma partijiet għall-imsemmi ftehim, inkluża l-Unjoni, huma għalhekk obbligati sabiex jilleġiżlaw billi jdaħħlu fid-dritt intern tagħhom, miżuri relatati mar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma konformi mal-elementi speċifikati f’dawn id-dispożizzjonijiet.

70

Barra minn hekk, peress li l-Ftehim TRIPs jipprovdi, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tiegħu li, f’dak li jirrigwarda l-Partijiet II, III u IV ta’ dan il-Ftehim, l-Istati li huma partijiet għandhom ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 12 u 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-leġiżlazzjoni rikjesta mill-Artikolu 41(1) u (2) tal-Ftehim TRIPs għandha tkun konformi, b’mod partikoalri, mal-Artikolu 2(1) ta’ din il-konvenzjoni.

71

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iċ-ċittadini ta’ kull wieħed mill-pajjiżi li għalihom tapplika l-Konvenzjoni igawdu fil-pajjiżi l-oħra li għalihom tapplika wkoll l-imsemmija konvenzjoni, f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, il-benefiċċji li l-liġijiet rispettivi tagħhom attwalment jagħtu, jew jistgħu jagħtu iktar ’il quddiem, liċ-ċittadini tagħhom, dan kollu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet previsti speċifikatament mill-konvenzjoni stess. Konsegwentement, huma għandhom ikollhom l-istess protezzjoni bħalhom u l-istess rimedju legali kontra kull ksur tad-drittijiet tagħhom, suġġett għat-twettiq tal-kundizzjonijiet u tal-formalitajiet imposti fuq iċ-ċittadini.

72

Għalhekk, l-element ewlieni komuni għal dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Ftehim TRIPs u tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi huwa l-obbligu tal-partijiet li dawn il-konvenzjonijiet li jiżguraw, permezz tad-dritt intern tagħhom, ir-rispett għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali billi jipprovdu rimedji legali effettivi kontra kull att ta’ ksur ta’ tali drittijiet.

73

L-Unjoni wettqet dan l-obbligu li tilleġiżla billi adottat id-Direttiva 2004/48 li hija intiża speċifikament, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, billi tistabbilixxi, għal dan il-għan, diversi miżuri, proċeduri u rimedji fl-Istati Membri.

74

B’mod iktar partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad Direttiva 2004/48, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti minn din id-direttiva għandhom japplikaw, skont l-Artikolu 3 tagħha, għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u/jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

75

Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ta’ trattati u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 imsemmija hawn fuq (iktar ’il quddiem “id-dispożizzjonijiet rilevanti”) ma humiex intiżi sabiex jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali iżda biss dawk li huma inerenti minn naħa, mar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, mal-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali eżistenti.

76

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, proċedura intiża sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tippresupponi li dan id-dritt ikun legalment akkwistat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 128).

77

Minn dan isegwi, kif jirriżulta barra minn hekk ukoll mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48, li d-dispożizzjonijiet rilevanti biss jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet varji li jitgawdew minn persuni li jkunu akkwistaw drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, jiġifieri, il-proprjetarji ta’ tali drittijiet u ma għandhomx jiġu interpretati bħala intiżi sabiex jirregolaw id-diversi miżuri u l-proċeduri disponibbli għal persuni li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mingħajr ma huma stess jkunu proprjetarji ta’ tali drittijiet, jikkontestaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali akkwistati minn oħrajn.

78

Issa, proċedura ta’ annullament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab speċifikament disponibbli għal persuna li, mingħajr ma tkun proprjetarja ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tikkontesta l-protezzjoni ta’ mudell ta’ utilità mogħtija lill-proprjetarju ta’ drittijiet korrispondenti.

79

Għalhekk, tali proċedura ma hijiex intiża sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-proprjetarji tad-dritt ta’ proprjetà intelletwali, skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

80

Fil-fatt, din il-proċedura ma tinvolvix ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, kemm jekk fir-rigward tal-persuna li tibda din il-proċedura, peress li, la ma tkunx il-proprjetarja ta’ tali dritt, hija ma tkunx tista’, skont id-definizzjoni, tiġi suġġetta għal ebda ksur ta’ dan id-dritt, jew fil-każ tal-proprjetarju ta’ dritt li huwa kopert mill-imsemmija proċedura, peress li r-rimedju legali miġjub kontriha u li jikkontesta, fid-dritt, l-eżistenza tad-dritt tiegħu għall-proprjetà intellettwali, ma jkunx, skont id-definizzjoni, jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur.

81

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet rilevanti ma humiex intiżi sabiex jirregolaw l-aspetti varji ta’ proċedura ta’ annullament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

82

Konsegwentement, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(1) u 3(2) tad-Direttiva 2004/48, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u tal-Artikolu 41(1) u (2) tal-Ftehim TRIPs ma japplikawx għal proċedura ta’ annullament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala li jipprekludu li, f’tali proċedura ġudizzjarja, il-qorti :

ma tkunx marbuta bit-talbiet u dikjarazzjonijiet oħra tal-partijiet u tista’ ex officio tordna l-produzzjoni tal-provi li jidhrilha neċessarji;

ma tkunx marbuta b’deċiżjoni amministrattiva magħmula fuq talba għal annullament, u lanqas mill-fatti li huma kkonstatati f’din id-deċiżjoni, u

ma tkunx tista’ tikkunsidra mill-ġdid il-provi li diġà ġew ippreżentati fit-talba preċedenti għal annullament.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(1) u 3(2) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar [ir-rispett] tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979, u 41(1) u (2) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, kif stabbilit fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u rratifikat Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994), ma humiex applikabbli għal proċedura għal annullament, bħal dik fil-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jipprekludu li, f’tali proċedura ġudizzjarja, il-qorti :

 

ma tkunx marbuta bit-talbiet u dikjarazzjonijiet oħra tal-partijiet u tista’ ex officio tordna l-produzzjoni tal-provi li jidhrilha neċessarji;

 

ma tkunx marbuta b’deċiżjoni amministrattiva magħmula fuq talba għal annullament, u lanqas mill-fatti li huma kkonstatati f’din id-deċiżjoni, u

 

ma tkunx tista’ tikkunsidra mill-ġdid il-provi li diġà ġew ippreżentati fit-talba preċedenti għal annullament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż