SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
5 ta’ Lulju 2012 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 97/7/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti li jsiru mill-bogħod — Informazzjoni tal-konsumatur — Informazzjoni pprovduta jew riċevuta — Medium li jservi — Kunċett — Hyperlink fuq is-sit internet tal-fornitur — Dritt ta’ rtirar”
Fil-Kawża C-49/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2011, fil-proċedura
Content Services Ltd
vs
Bundesarbeitskammer,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Content Services Ltd, minn J. Öhlböck, avukat, |
— |
għall-Bundesarbeitskammer, minn A. M. Kosesnik-Wehrle u S. Langer, avukati, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn G. Kotta, F. Dedousi u G. Alexaki, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u S. Grünheid, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Content Services Ltd (iktar ’il quddiem “Content Services”) u l-Bundesarbeitskammer dwar il-forma li fiha, il-konsumatur li jikkonkludi kuntratt li jsir mill-bogħod permezz tal-internet, għandu jikseb l-informazzjoni relattiva għal dan il-kuntratt. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 9, 11, 13, 14 u 22 tad-Direttiva 97/7 jipprovdu:
[...]
[...]
[...]
|
4 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni minn qabel” jipprevedi: “1. Il-konsumatur għandu jkun ipprovdut fi żmien adekwat qabel il-konklużjoni ta’ kull kuntratt mill-bogħod, bl-informazzjoni li ġejja:
[...] 2. L-informazzjoni li saret referenza għaliha fil-paragrafu 1, l-għan kummerċjali tagħha għandha tkun ċara, għandha tkun ipprovduta b’mod ċar u li jinftiehem f’kull mod xieraq għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użata, b’rigward xieraq, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ buona fede fi transazzjonijiet kummerċjali, u l-prinċipji li jiggvernaw il-protezzjoni ta’ dawk li ma jistgħux, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri, li jagħtu l-kunsens tagħhom, per eżempju l-minorenni. [...]” |
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konferma ta’ l-informazzjoni bil-miktub”, jipprovdi: “1. Il-konsumatur għandu jirċievi konferma bil-miktub jew konferma f’medium ieħor li jservi li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih ta’ l-informazzjoni li saret referenza għaliha fl-Artikolu 4(1)(a) sa (f), f’ħin f’waqtu [xieraq] waqt l-esekuzzjoni tal-kuntratt, u l-aktar tard fil-ħin tal-kunsinna fejn huma kkonċernati l-oġġetti li m’humiex ser jiġu kkunsinnati lil terzi partijiet, kemm-il darba l-informazzjoni diġà ngħatat lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt bil-mikub jew fuq medium ieħor li jservi li jkun disponibbli u aċċessibbli għalih. F’kull eventwalità għandu jkun ipprovdut dan li ġej:
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għas-servizzi li jsiru tramite l-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, fejn huma fornuti f’okkażjoni waħda biss u l-kont jintbagħat mill-operatur tal-mezz ta’ komunikazzjoni. Madankollu, il-konsumatur għandu fil-każijiet kollha jkun jista’ jikseb l-indirizz ġeografiku tal-post tal-kummerċ tal-fornitur li fih jista’ jibgħat xi ilmenti.” |
6 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7, intitolat “Dritt ta’ irtirar”, jipprevedi: “1. Għal kull kuntratt li jsir mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol li fihom jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni. [...] [...] 3. Kemm-il darba l-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, il-konsumatur ma jistax jerżerċita d-dritt ta’ rtirar li hemm ipprovdut għalih fil-paragrafu 1 dwar kuntratti:
[...]” |
7 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7, intitolat “Klawsola minima”, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti kompatibbli mat-Trattat FUE, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur u li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, b’kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat. |
8 |
Għall-finijiet tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321), “medja li sservi” [“medium li jservi”], skont l-Artikolu 2(f) tagħha, tfisser “kull strument li tippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet ta’ l-informazzjoni u li tippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula ta’ l-informazzjoni maħżuna”. |
9 |
Għall-finijiet tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew, tad-9 ta’ Diċembru 2002, dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330), “mezz dewwiemi” [“medium li jservi”] tfisser kull strument li jippermetti lill-klijent li jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lilu b’mod aċċessibbli għal referenza fil-futur għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-għanijiet ta’ l-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula ta’ l-informazzjoni maħżuna”. |
10 |
Għall-finijiet tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66), “mezz durabbli” [“medium li jservi”] tfisser “kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni indirizzata lilu personalment b’mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-fini ta’ l-informazzjoni u li tippermetti r-riproduzzjoni mhix mibdula ta’ l-informazzjoni maħżuna”. |
11 |
Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64), tħassar din l-aħħar Direttiva, permezz tal-Artikolu 31 tagħha, b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2014. Għall-finijiet tad-Direttiva 2011/83, skont l-Artikolu 2(10) tagħha, “mezz li jservi għal żmien twil” [“medium li jservi”] tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jew il-kummerċjant li jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna. |
Il-liġi Awstrijaka
12 |
Id-Direttiva 97/7 ġiet trasposta fil-livell nazzjonali permezz tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (Konsumentenschutzgesetz) tat-8 ta’ Marzu 1979 (BGBl. 140/1979), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KSchG”). |
13 |
Skont l-Artikolu 5c(1) tal-KSchG: “Il-konsumatur għandu jirċievi, fi żmien xieraq, qabel ma jagħmel l-ordni tiegħu, informazzjoni dwar il-punti li ġejjin:
[...]” |
14 |
L-Artikolu 5d(1) u (2) tal-KSchG jipprevedi: “1) Il-konsumatur għandu jirċievi, fi żmien xieraq matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u mhux iktar tard mill-mument tal-kunsinna fejn huma kkonċernati oġġetti li ma humiex ser jiġu kkunsinnati lil terzi, konferma bil-miktub tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5c(1), punti 1 sa 6, [tal-KSchG], sakemm din l-informazzjoni ma tkunx diġà ġiet ipprovduta lilu bil-miktub qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Il-konferma bil-miktub (il-komunikazzjoni tal-informazzjoni) isservi ta’ konferma fuq medium li jservi li jkun għad-dispożizzjoni tal-konsumatur u li huwa għandu aċċess għalih. 2) Barra minn hekk, l-informazzjoni segwenti għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur fi żmien xieraq, bil-miktub jew fuq medium li jservi għad-dispożizzjoni tiegħu u li huwa għandu aċċess għalih:
|
15 |
L-Artikolu 5e(1) sa (3) tal-KSchG jipprovdi: “1) Il-konsumatur jista’ jxolji kuntratt konkluż mill-bogħod jew jannulla ordni magħmula mill-bogħod sal-iskadenza tat-termini msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Huwa biżżejjed li d-dikjarazzjoni ta’ rtirar tintbagħat qabel l-iskadenza tat-terminu. 2) It-terminu ta’ rtirar huwa ta’ sebat ijiem tax-xogħol, u s-Sibt ma jgħoddx bħala jum tax-xogħol. Fir-rigward tal-kuntratti ta’ provvista ta’ oġġetti, it-terminu jibda jiddekorri mill-jum fejn dawn jiġu riċevuti mill-konsumatur u, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt. 3) Jekk l-impriża ma tkunx issodisfat l-obbligi li tagħti informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5d(1) u (2), it-terminu ta’ rtirar mill-kuntratt għandu jkun ta’ tliet xhur mid-dati msemmija fil-paragrafu 2. Jekk matul dan it-terminu l-impriża tissodisfa l-obbligi tagħha, it-terminu għall-eżerċitar tad-dritt ta’ rtirar imsemmi fil-paragrafu 2 jibda jiddekorri mid-data li fiha hija tikkomunika din l-informazzjoni.” |
16 |
Skont l-Artikolu 5f(1) tal-KSchG, il-konsumatur ma għandux dritt ta’ rtirar fil-każ ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi li l-eżekuzzjoni tagħhom fir-rigward tal-konsumatur u bi ftehim miegħu tkun bdiet fis-seba’ jiem tax-xogħol mill-konklużjoni tal-kuntratt. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
17 |
Content Services, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata bil-liġi Ingliża, li topera fergħa f’Mannheim (il-Ġermanja), toffri servizzi differenti online fuq is-sit internet tagħha, redatt bil-Ġermaniż u aċċessibbli fl-Awstrija wkoll. Permezz ta’ dan is-sit, huwa possibbli, b’mod partikolari, li jitniżżel software b’xejn jew verżjonijiet ta’ prova ta’ software li trid tħallas għalih. |
18 |
Sabiex wieħed ikun jista’ juża l-imsemmi sit, l-utenti tal-internet għandhom jimlew formula ta’ abbonament. Meta jagħmlu l-ordni tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom, billi jikklikjaw fuq kaxxa apposta u jimmarkawha, jiddikjaraw li huma jaċċettaw il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt u li huma jirrinunzjaw għad-dritt ta’ rtirar. L-informazzjoni prevista fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 97/7, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-dritt ta’ rtirar, ma hijiex murija lill-utenti tal-internet b’mod dirett, li madankollu jistgħu jarawha billi jikklikjaw fuq link li tinsab fil-paġna li huma jimlew sabiex jiġi konkluż il-kuntratt. Ma huwiex possibbli li kuntratt ta’ abbonament ma’ Content Services jiġi konkluż jekk l-imsemmija kaxxa ma tiġix ikklikjata u mmarkata. |
19 |
Wara li jibgħat l-ordni tiegħu, l-utent tal-internet ikkonċernat jirċievi, mingħand Content Services, posta elettronika li tinkludi link għal indirizz tal-internet, akkumpanjata minn isem tal-utent (user name) u password. Barra minn hekk, din il-posta elettronika tindika lill-utent tal-internet li, wara li jkun daħħal l-isem tal-utent u l-password, huwa jkollu aċċess immedjat għall-kontenut tas-sit internet u li huwa għandu jikkonserva d-data relattiva għall-aċċess għal dan is-sit f’post sikur. |
20 |
L-imsemmija posta elettronika ma tinkludi ebda informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar. L-informazzjoni dwar dan id-dritt tista’ tinkiseb unikament permezz ta’ link mibgħuta bl-istess posta elettronika. |
21 |
Sussegwentement, l-utent internet jirċievi fattura ta’ EUR 96 mingħand Content Services, għal aċċess għall-kontenut tas-sit internet għal matul tnax-il xhar. Din il-fattura tfakkar li l-utent internet ikkonċernat aċċetta li jirrinunzja għad-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt u li għaldaqstant huwa ma fadallux il-possibbiltà li jxolji l-kuntratt ta’ abbonament. |
22 |
Il-kawża prinċipali ngħatat bidu mill-Bundesarbeitskammer, li hija entità inkarigata sabiex tipproteġi lill-konsumaturi u li għandha s-sede tagħha fi Vjenna (l-Awstrija), liema entità tikkontesta l-prattika kummerċjali ta’ Content Services minħabba li din tikser għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. |
23 |
Content Services, li tilfet quddiem il-Handelsgericht Wien, ikkontestat is-sentenza mogħtija minn din il-qorti quddiem l-Oberlandesgericht Wien. |
24 |
L-Oberlandesgericht Wien tindika li, f’dan il-każ, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar ma tinsabx fil-posta elettronika ta’ konferma u tista’ tinkiseb unikament permezz ta’ link mibgħuta b’din il-posta elettronika. Issa, sit internet jista’ jinbidel fi kwalunkwe mument u, konsegwentement, ma jkunx għad-dispożizzjoni tal-konsumatur b’mod sostenibbli. |
25 |
Billi qieset li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/7 hija meħtieġa sabiex issolvi l-kawża li tressqet quddiemha, l-Oberlandesgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Huwa biżżejjed, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 5(1) tad-direttiva [97/7] dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod, li jipprovdi li l-konsumatur għandu jirċievi konferma tal-informazzjoni inkluża f’tali artikolu permezz ta’ medium sostenibbli [li jservi] li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih, ħlief jekk din l-informazzjoni tkun diġà ġiet trażmessa lilu, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, permezz ta’ medium sostenibbli li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih, fejn tali informazzjoni hija aċċessibbli għall-konsumatur permezz ta’ hyperlink fuq is-sit internet tan-negozjant, li hija inkluża f’test li fir-rigward tiegħu l-konsumatur għandu jindika li jkun qara, sabiex ikun jista’ jidħol f’relazzjoni kuntrattwali?” |
Fuq id-domanda preliminari
26 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li prattika kummerċjali li tirrendi aċċessibbli l-informazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni lill-konsumatur unikament permezz ta’ hyperlink fuq is-sit internet tal-impriża kkonċernata tissodisfax l-eżiġenzi tal-imsemmija dispożizzjoni. |
27 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-konsumaturi, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod, jistgħu jaċċedu għall-informazzjoni relattiva, b’mod partikolari għad-dritt ta’ rtirar, biss billi jikklikjaw fuq link li tibagħtek f’parti mis-sit internet ta’ Content Services. Minn dan jirriżulta wkoll li, wara li jkunu għamlu l-ordni tagħhom, dawn il-konsumaturi jirċievu posta elettronika li ma tinkludi ebda informazzjoni dwar dan id-dritt, iżda li fiha tinsab link lejn is-sit internet ta’ Content Services li minn fuqha tista’ tinkiseb ċerta informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar. |
28 |
Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7, il-konsumatur għandu jirċievi konferma bil-miktub jew konferma f’medium ieħor li jservi li huwa disponibbli u aċċessibbli għalih, tal-informazzjoni rilevanti f’ħin f’waqtu, kemm-il darba l-informazzjoni ma tkunx ingħatat diġà lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt bil-miktub jew fuq medium ieħor li jservi. |
29 |
Mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, meta kummerċjant iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur ċerta informazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, u dan jagħmlu b’mod ieħor barra milli bil-miktub jew f’medium ieħor li jservi disponibbli u aċċessibbli għalih, dan il-kummerċjant għandu l-obbligu li jikkonferma l-informazzjoni rilevanti bil-miktub jew fuq medium ieħor li jservi. |
30 |
Fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni hija jekk il-prattika kummerċjali adottata minn Content Services tinkludix il-provvista tal-informazzjoni rilevanti lill-konsumatur fuq medium li jservi, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jew, ulterjorment, ir-riċezzjoni, minn dan il-konsumatur, ta’ din l-informazzjoni permezz ta’ tali medium. |
31 |
L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest tal-imsemmija prattika kummerċjali, l-informazzjoni rilevanti hijiex “ipprovduta” lill-konsumatur jew “riċevuta” minnu, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la d-Direttiva 97/7 u lanqas id-dokumenti rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha, bħalma huma x-xogħlijiet preparatorji, ma jagħtu xi kjarezza dwar il-portata eżatta tal-kelmiet “riċevuta” [“għandu jirċievi”] u “pprovduta” [“għandu jkun ipprovdut”] imsemmija fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita t-tifsira ta’ dawn il-kelmiet, wieħed għandu juża t-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw, u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C-336/03, Ġabra p. I-1947, punti 20 u 21). |
33 |
Fir-rigward tat-tifsira komuni fil-lingwaġġ ta’ kuljum, għandu jiġi rrilevat, l-istess bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-kelmiet “ipprovduta” u “riċevuta”, użati fl-imsemmija dispożizzjoni, jagħmlu riferiment għal proċedura ta’ trażmissjoni, l-ewwel mill-perspettiva tal-konsumatur u t-tieni minn dik tal-fornitur. Fi proċedura ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni, ma huwiex neċessarju li d-destinatarju tagħha jwettaq azzjoni partikolari. Min-naħa l-oħra, f’każ fejn tintbagħat link lill-konsumatur, dan tal-aħħar irid jaġixxi sabiex isir jaf bl-informazzjoni inkwistjoni u, fi kwalunkwe każ, huwa jrid jiklikkja fuq din il-link. |
34 |
Fir-rigward tal-kuntest li fih huma użati l-kelmiet inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7 huwa intiż sabiex jiżgura li l-konsumatur jingħata l-informazzjoni neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt u, fuq kollox, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu ta’ konsumatur, b’mod partikolari d-dritt tiegħu ta’ rtirar mill-kuntratt. Hekk kif jenfasizza l-Gvern Taljan, din id-dispożizzjoni tinkludi sensiela sħiħa ta’ rekwiżiti intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, li huma l-parti d-dgħajfa fir-relazzjonijet kuntrattwali konklużi mill-bogħod. |
35 |
F’dan ir-rigward għandu wkoll jiġi rrilevat li, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/7, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi għażel formulazzjoni newtra, skont liema formulazzjoni l-konsumatur għandu “jkun ipprovdut” bl-informazzjoni rilevanti, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva, huwa għażel frażi iktar vinkolanti għall-fornitur, fejn jingħad li l-konsumatur għandu “jirċievi” l-konferma tal-imsemmija informazzjoni. Fil-fatt, din il-frażi tesprimi l-idea li, fir-rigward tal-konferma tal-informazzjoni lill-konsumaturi, aġir passiv min-naħa tal-konsumaturi huwa biżżejjed. |
36 |
F’dak li jikkonċerna l-għan tad-Direttiva 97/7, dan huwa intiż sabiex il-konsumaturi jibbenefikaw minn protezzjoni estiża, billi jagħtihom ċertu drittijiet fil-qasam tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod. Kif jirriżulta mill-premessa 11 ta’ din id-direttiva, l-għan tal-leġiżlatur huwa li jevita li l-użu ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod iwassal għal tnaqqis tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-informazzjoni li tkun tinsab fuq is-sit internet tal-bejjiegħ tkun aċċessibbli unikament permezz ta’ link li tintbagħat lill-konsumatur, din l-informazzjoni la tkun ġiet “ipprovduta” lil dan il-konsumatur u lanqas “riċevuta” minnu fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7. |
38 |
It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk sit internet li l-informazzjoni tiegħu hija aċċessibbli għall-konsumaturi permezz ta’ link ipprovduta mill-bejjiegħ għandhiex titqies bħala “medium [...] li jservi”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7. |
39 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni tindika alternattiva, jiġifieri li l-informazzjoni rilevanti għandha tiġi riċevuta mill-konsumatur “bil-miktub” jew “f’medium ieħor li jservi”. |
40 |
Minn dan jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ soluzzjonijiet ekwivalenti fuq il-livell funzjonali u, għalhekk, rekwiżit li tali media ikunu ekwivalenti. |
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-gvern Awstrijaku, Belġjan u Elleniku, fil-kuntest tat-teknoloġiji l-ġodda, sostitut għall-karta bħala medium jista’ jitqies bħala li jista’ jikkorrispondi għar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur jekk huwa jaqdi l-istess funzjonijiet li taqdi l-karta bħala medium. |
42 |
Minn dan isegwi li l-medium li jservi, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7, għandu jiggarantixxi lill-konsumatur, b’mod analogu għall-karta, il-pussess tal-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni sabiex jippermettilu li, jekk ikun il-każ, jasserixxi d-drittijiet tiegħu. |
43 |
Sa fejn medium jippermetti lill-konsumatur li jaħżen l-imsemmija informazzjoni li tkun indirizzata lilu personalment, jiggarantixxi li ma jkunx hemm alterazzjoni fil-kontenut tagħha kif ukoll jiggarantixxi l-aċċess għaliha għal żmien xieraq, u joffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jirriproduċuha mhux mibdula, dan il-medium għandu jitqies bħala “li jservi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
44 |
Approċċ bħal dan huwa kkorroborat mid-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “medium [...] li jservi” mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’testi leġiżlattivi oħra, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/65, fl-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2002/92 u fl-Artikolu 3(m) tad-Direttiva 2008/48. Minkejja li dawn id-direttivi ma japplikawx għal dan il-każ, ma hemm ebda raġuni għaliex għandu jitqies, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, li huma jagħmlu riferiment għal kunċett differenti minn dak użat fid-Direttiva 97/7. Tali konstatazzjoni tapplika wkoll għad-Direttiva 2011/83, li hija intiża li tissostitwixxi d-Direttiva 97/7 mit-13 ta’ Ġunju 2014, u li, fl-Artikolu 2(10) tagħha tiddefinixxi l-kunċett ta’ “mezz li jservi għal żmien twil” [“medium li jservi”], skont il-kriterji msemmija fil-punt ta’ qabel dan. |
45 |
Dan l-istess approċċ ġie segwit mill-Qorti tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (E-4/09, EFTA Court Report, p. 86), sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “medium li jservi”, fis-sens tad-Direttiva 2002/92. |
46 |
Issa, mill-proċess ma jirriżultax li s-sit internet tal-bejjiegħ li l-link indikata lill-konsumatur tibagħtu fiha tippermetti lil dan tal-aħħar sabiex jaħżen informazzjoni li hija indirizzata lilu personalment b’mod tali li huwa jista’ jaċċedi għaliha u jirriproduċiha mhux mibdula matul żmien adegwat mingħajr il-possibbiltà li jsiru emendi unilaterali fil-kontenut tagħha mill-bejjiegħ. |
47 |
Content Services issemmi rapport tal-European Securities Markets Expert Group (ESME) tal-2007, li jagħmel distinzjoni bejn is-“siti tal-internet ordinarji” (“ordinary websites”) u s-“siti tal-internet sofistikati” (“sophisticated websites”), u li jqis li wħud minn dawn tal-aħħar jistgħu jikkostitwixxu medium li jservi. |
48 |
Content Services tirrileva li l-progress tekniku u l-bidliet mgħaġġla li jseħħu fit-teknoloġiji l-ġodda jagħmluha possibbli li jiġu żviluppati siti internet li jistgħu jiggarantixxu li l-informazzjoni, mingħajr ma tiġi ttrasferita fl-isfera tal-kontroll tal-konsumatur, tkun tista’ tinħażen, tkun aċċessibbli u tkun tista’ tiġi rriprodotta mill-konsumatur għal żmien xieraq. |
49 |
Mingħajr ma tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-użu ta’ tali sit internet avvanzat jistax jissodisfa l-eżiġenzi tad-Direttiva 97/7, huwa paċifiku u rrikonoxxut minn Content Services stess, li hija ma tagħmilx użu minn tali sit għall-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
50 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li sit internet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-informazzjoni tiegħu hija aċċessibbli mill-konsumaturi tiegħu unikament permezz ta’ link ipprovduta mill-bejjiegħ, ma tistax tiqies “medium [...] li jservi”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7. |
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li prattika kummerċjali li tirrendi aċċessibbli l-informazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni unikament permezz ta’ hyperlink fuq is-sit internet tal-impriża kkonċernata ma tissodisfax l-eżiġenzi tal-imsemmija dispożizzjoni, u dan peress li din l-informazzjoni la hija “pprovduta” minn din l-impriża u lanqas “riċevuta” mill-konsumatur, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, u li sit internet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala “medium [...] li jservi” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5(1). |
Fuq l-ispejjeż
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, għandu jiġi interpretat fis-sens li prattika kummerċjali li tirrendi aċċessibbli l-informazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni unikament permezz ta’ hyperlink fuq is-sit internet tal-impriża kkonċernata ma tissodisfax l-eżiġenzi tal-imsemmija dispożizzjoni, u dan peress li din l-informazzjoni la hija “pprovduta” minn din l-impriża u lanqas “riċevuta” mill-konsumatur, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, u li sit internet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala “medium [...] li jservi” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5(1). |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.