SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 51 — Direttiva 2003/109/KE — Ċittadini ta’ pajjiżi terzi — Dritt ta’ residenza fi Stat Membru — Direttiva 2004/38/KE — Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni — Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jakkumpanjax jew ma jingħaqadx ma’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti u li jibqa’ fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin — Dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ ċittadin li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor — Ċittadinanza tal-Unjoni — Drittijiet fundamentali”

Fil-Kawża C-40/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja), b’deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Yoshikazu Iida

vs

Stadt Ulm,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász , T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Y. Iida, minn T. Oberhäuser u W. Weh, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn C. H. Vang, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u K. Bulterman kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M Szpunar, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, sussegwentement minn A. Robinson, bħala aġenti, assistiti minn R. Palmer, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Y. Iida u l-iStadt Ulm, rigward ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtih dritt ta’ residenza fil-Ġermanja skont id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) u li tagħtih, f’dan il-kuntest, karta ta’ residenza.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/19/KE

3

L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)

it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu, […]”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)

jirrisjedu sabiex isegwu studji jew taħriġ vokazzjonali;

b)

ikunu awtorizzati li jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ protezzjoni temporanja jew li ikunu appkliaw għall-awtorizzazzjoni biex jirrisjedu fuq dak il-bażi u li ikunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;

ċ)

ikunu awtorizzati li jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ forma sussidjarja ta’ protezzjoni skond obbligi internazzjonali, leġislazzjoni nazzjonali jew il-prattika ta’ l-Istati Membri jew li ikunu appkliaw għall-awtorizzazzjoni biex jirrisjedu fuq dak il-bażi u li ikunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;

d)

ikunu refuġjati jew ikunu applikaw għar-rikonoxximent bħala refuġjati u li l-applikazzjoni tagħhom tkun għada ma tatx lok għal deċiżjoni finali;

e)

jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal ħaddiema au pair jew staġjonali, jew bħala ħaddiema ppustjati minn provditur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri, jew bħala provdituri ta’ servizzi bejn il-fruntieri jew fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir formalment limitat;

f)

igawdu status legali regolat mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi ta’ l-1961, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar relazzjonijiet Konsulari ta’ l-1963, il-Konvenzjoni ta’ l-1969 dwar Missjonijiet Speċjali jew il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Rappresentazzjoni ta’ Stati fir-Relazzjoni tagħhom ma’ Organizzazzjonijioet Internazzjonali ta’ Karattru Universali ta’ l-1975.”

5

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.”

6

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:

a)

riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta’ l-assietnza soċjali ta’ l-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjoniijiet qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għat-tul;

b)

l-assigurazzjoni tal-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji tiegħu/tagħha fl-Istat membru konċernat;

2.   L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.”

7

Taħt it-titolu “Kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi fil-paragrafi (1) u (3):

“1.   Biex jinkiseb status ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun/tkun tirrisjedi. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpnajata b’evidenza dokuemntata li għandha tiġi stabbilita bil-liġi nazzjonali li hu/i jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 kif ukoll, jekk meħtieġ, b’dokument validu ta’ l-ivvjaġġar jew kopja tiegħu ċertifikata.

L-evidenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ ukoll tinkludi dokumentazzjoni fir-rigward ta’ l-akkommodazzjoni xierqa.

[…]

3.   Jekk il-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 4 u 5 jitħarsu, u l-persuna ma tkunx tippresenta theddida skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 6, l-Istat Membru konċernat għandu jagħti liċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat status ta’ residenti għat-tul.”

8

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Permess KE ta’ residenza għal residenti għat-tul”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   L-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9.

2.   L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess KE ta’ residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. Il-permess għandu ikun validu għal ta’ l-anqas ħames snin; dan għandu ma’ l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.”

Id-Direttiva 2004/38

9

Taħt it-titolu “Disposizzjonijiet ġenerali”, il-Kapitolu I tad-Direttiva 2004/38 fih l-Artikoli 1 sa 3.

10

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

“ċittadin ta’ l-Unjoni” tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)

‘membru tal-familja’ tfisser:

a)

ir-raġel jew martu;

b)

is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ)

d-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

d)

il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3)

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

11

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji” jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)

kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

b)

is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

12

Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri. Dan il-kapitolu fih, b’mod partikolari, l-Artikoli 6, 7 u 10.

13

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur […]

2.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

14

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[…]

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni […]”

15

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħruġ tal-karta ta’ residenza” jipprovdi:

“1.   Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza.

2.   Biex tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

[…]

ċ)

iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’reġistrazzjoni, kwalunkwe evidenza oħra ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li qiegħdin jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu miegħu;

d)

fil-każijiet li jaqgħu taħt il-punti (ċ) u (d) ta’ l-Artikolu 2(2), l-evidenza dokumentata li qed jintlaħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti;

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

16

Taħt it-titolu “Permess ta’ residenza”, l-Artikolu 7 tal-liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju Federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet, iktar ’il quddiem l-“AufenthG”) jipprovdi:

“1.   Il-permess ta’ residenza huwa ċertifikat ta’ residenza temporanju. Dan jinħareġ għall-finijiet ta’ residenza msemmija fid-dispożizzjonijiet li ġejjin. Fil-każ fejn dan jidher iġġustifikat, permess ta’ residenza jista’ jinħareġ ukoll għal għan mhux previst f’din il-liġi.

2.   Il-permess ta’ residenza għandu jiġi limitat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan previst tar-residenza. Jekk kundizzjoni essenzjali għall-ħruġ, għall-estensjoni jew għad-determinazzjoni tat-tul ta’ validità ma hijiex iktar sodisfatta, it-terminu jista’ jitqassar, ukoll ulterjorment.”

17

Skont l-Artikolu 18 tal-AufenthG, intitolat “Impjieg”:

“1.   L-ammissjoni ta’ impjegati barranin tiddependi mill-bżonnijiet tal-ekonomija Ġermaniża, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, kif ukoll tan-neċessità ta’ ġlieda effettiva kontra l-qgħad. It-Trattati internazzjonali ma humiex affettwati minn din id-dispożizzjoni.

2.   Barrani jista’ jikseb ċertifikat ta’ residenza biex ikun jista’ jaħdem meta l-aġenzija Federali għax-xogħol (Bundesagentur für Arbeit) tkun tat l-awtorizzazzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 39 ta’ din il-liġi jew ukoll meta regolament adottat skont l-Artikolu 42 ta’ din il-liġi jew Trattat internazzjonali jipprovdi li l-impjieg jista’ jiġi eżerċitat mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ din l-aġenzija. Ir-restrizzjonijiet ifformulati waqt il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni mill-aġenzija Federali għax-xogħol għandhom jissemmew fil-permess ta’ residenza.

3.   Permess ta’ residenza għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg skont il-paragrafu 2 iktar ’il fuq li ma jirrikjedix taħriġ professjonali kkwalifikat jista’ jinħareġ biss jekk Trattat internazzjonali jipprovdi dan jew jekk regolament adottat skont l-Artikolu 42 ta’ din il-liġi jippermetti l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ta’ permess ta’ residenza għal tali impjieg.

4.   Permess ta’ residenza għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ impjieg skont il-paragrafu 2 iktar ’il fuq li jirrikjedi taħriġ professjonali kkwalifikat jista’ jinħareġ biss għall-impjiegi ta’ kategorija professjonali awtorizzata minn regolament skont l-Artikolu 42 ta’ din il-liġi. F’każijiet partikolari ġġustifikati, huwa possibbli li jinħareġ permess ta’ residenza għal impjieg li jippreżenta interess pubbliku, jiġifieri b’mod partikolari interess reġjonali jew ekonomiku jew ukoll interess marbut mas-suq tax-xogħol.

5.   Permess ta’ residenza li jaqa’ taħt il-paragrafu (2) iktar ’il fuq u l-Artikolu 19 ta’ din il-liġi jista’ jinħareġ biss jekk offerta ta’ impjieg preċiża teżisti.

18

L-Artikolu 39 tal-AufenthG intitolat “Awtorizzazzjoni tax-xogħol tal-barranin” jipprovdi fil-paragrafi (2) sa (4) tiegħu:

“2.   L-aġenzija Federali għax-xogħol tista’ tawtorizza l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-eżerċizzju ta’ impjieg abbażi tal-Artikolu 18 ta’ din il-liġi, meta

1)

a)

l-impjieg tal-barranin ma jwassalx għal effetti negattivi fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-istruttura tal-impjieg, fir-reġjuni u fis-setturi ta’ attività ekonomika u

b)

ħaddiema Ġermaniżi, ħaddiema assimilati legalment mal-ħaddiema Ġermaniżi fil-qasam ta’ aċċess għax-xogħol kif ukoll barranin oħra jistgħu jitolbu aċċess prijoritarju fis-suq tax-xogħol skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma humiex disponibbli għall-impjieg ikkonċernat jew

2)

din l-aġenzija, wara li tkun wettqet eżami abbażi tal-punt 1(a) u (b), iktar ’il fuq, tikkonstata għal ċerti kategoriji professjonali jew għal ċerti setturi ta’ attività ekonomika li l-okkupazzjoni ta’ postijiet vakanti minn kandidati barranin tidher xierqa kemm mill-perspettiva tas-suq tax-xogħol kif ukoll f’termini ta’ integrazzjoni,

u li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li l-barrani huwa suġġett għalihom ma humiex inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-ħaddiema Ġermaniżi paragunabbli. Il-ħaddiema Ġermaniżi u barranin assimilati mal-ħaddiema Ġermaniżi huma kkunsidrati bħala disponibbli għall-impjieg, anki jekk l-impjieg jista’ jingħatalhom biss bis-sostenn tal-aġenzija Federali għax-xogħol. Il-persuna li timpjega li tixieq tħaddem barrani suġġett għall-awtorizzazzjoni għandha tibgħat lill-aġenzija Federali għax-xogħol informazzjoni fuq ir-remunerazzjoni, il-ħin tax-xogħol u l-kundizzjonijiet oħra ta’ xogħol.

[…]

4.   l-awtorizzazzjoni tista’ tippreċiża t-tul u l-attività professjonali u tillimita l-impjieg għal ċerti stabbilimenti jew reġjuni.”

19

L-Artikolu 28 tal-AufenthG intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadini Ġermaniżi”, jipprovdi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu (1) tiegħu:

“1. Il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ:

1)

lill-konjuġi barrani ta’ ċittadin/a Ġermaniż/a;

2)

lill-wild barrani minuri u mhux miżżewweġ ta’ ċittadin Ġermaniż;

3)

lill-ġenitur barrani ta’ ċittadin Ġermaniż minorenni u mhux miżżewweġ, sabiex ikun jista’ jeżerċita l-awtorità parentali fir-rigward tiegħu,

bil-kundizzjoni li l-post ta’ residenza abitwali taċ-ċittadin Ġermaniż jinsab fit-territorju Federali.”

20

L-Artikolu 31 tal-AufenthG, intitolat “Dritt għal residenza awtonoma tal-konjuġi”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Fil-każ ta’ tmiem ta’ għajxien konjugali, il-permess ta’ residenza tal-konjuġi jiġi estiż b’sena bħala dritt ta’ residenza awtonomu u indipendenti mir-riunifikazzjoni tal-familja, meta

1)

l-għajxien konjugali jkun eżista legalment matul tal-inqas sentejn fit-territorju Federali jew

2)

il-barrani miet matul l-għajxien konjugali fit-territorju Federali

u li l-barrani sa dik id-data kellu permess ta’ residenza, titolu ta’ stabbiliment jew permess ta’ resident għat-tul — KE, sakemm huwa ma setax jitlob fil-ħin l-estensjoni ta’ dawn il-permessi jew titoli minħabba raġunijiet li ma huwiex responsabbli għalihom. [...]

2.   Il-kundizzjoni, li l-għajxien konjugali għandu jkun eżista legalment matul tal-inqas sentejn fit-territorju Federali skont il-punt (1) tal-ewwel sentenza tal-paragrafu (1) iktar ’il fuq, ma hijiex meħtieġa meta jirriżulta neċessarju li l-konjuġi jkun jista’ jestendi r-residenza tiegħu sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ħarxa partikolari, sakemm l-estensjoni ta’ permess ta’ residenza ma jiġix eskluż għall-barrani. [...]”

21

L-Artikolu 9a(1) u (2) tal-AufenthG, intitolat “Permess ta’ residenza ta’ residenti għat-tul — KE jipprovdi”,

“1.   Il-permes ta’ residenza għat-tul — KE huwa permess ta’ residenza għal tul ta’żmien mingħajr limitu. It-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 9(1) japplikaw mutatis mutandis. Sakemm ma jeżistux dispożizzjonijiet kuntrarji previsti f’din il-liġi, il-permess ta’ residenza ta’ resident għat-tul — KE huwa ekwivalenti għal titolu ta’ stabbiliment.

2.   Permess ta’ residenza ta’ resident għat-tul — KE għandu jinħareġ lil barrani skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva [2003/109], meta

1)

huwa jirrisjedi minn tal-inqas ħames snin fit-territorju Federali b’permess ta’ residenza;

2)

huwa jista’ jmantni l-bżonnijiet tiegħu u dawk tal-membri tal-familja tiegħu permezz ta’ riżorsi stabbli u regolari;

3)

huwa għandu konoxxenza suffiċjenti tal-lingwa Ġermaniża;

4)

huwa għandu għarfien bażiku tal-qafas ġuridiku u soċjali u dwar l-oqsma tal-ħajja fit-territorju Federali;

5)

raġunijiet marbuta mas-sigurtà pubblika ma jipprekludux il-ħruġ ta’ tali permess, fid-dawl tal-gravità jew tan-natura tal-ksur kontra l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubbliku jew tal-periklu li tirrappreżenta l-persuna kkonċernata u fid-dawl ukoll tat-tul ta’ residenza u tal-eżistenza ta’ rabtiet fit-territorju Federali;

6)

huwa għandu akkomodazzjoni xierqa għalih u għall-membri tal-familja tiegħu li jgħixu miegħu.”

22

L-Artikolu 5(1) u (2) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern), tat-30 ta’ Lulju 2004 (iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”), jipprovdi:

“1.   Immedjatament jinħareġ awtomatikament dokument li jistabbilixxi d-dritt ta’ residenza tagħhom liċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u lill-membri tal-familja tagħhom li għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

2.   Membri tal-familja li jgawdu mil-libertà ta’ moviment u li ma humiex ċittadini tal-Unjoni għandha tinħarġilhom, awtomatikament, fi żmien sitt xhur wara li jkunu pprovdew l-informazzjoni meħtieġa, karta ta’ residenza għal membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandha tibqa’ valida għal ħames snin. Il-membru tal-familja jirċievi immedjatament ċertifikat li jindika li l-informazzjoni neċessarja ġiet ikkomunikata.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Y. Iida, ċittadin Ġappuniż, matul is-sena 1998, iżżewweġ fl-Istati Uniti lil N.-I, ċittadina Ġermaniża. It-tifla tagħhom, Mia, twieldet fis-27 ta’ Awwissu 2004 fl-Istati Uniti u għandha n-nazzjonalità Ġermaniża, Amerikana u Ġappuniża.

24

Fix-xahar ta’ Diċembru 2005, il-familja stabbilixxiet ruħha fil-Ġermanja. Fix-xahar ta’ Jannar 2006, Y. Iida kiseb permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja skont l-Artikolu 28 tal-AufenthG. Mix-xahar ta’ Frar 2006, huwa ħadem full-time f’Ulm skont kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u attwalment jirċievi dħul fix-xahar gross ta’ EUR 4 850. Minħabba s-sigħat ta’ xogħol huwa ġie eżentat mill-obbligu tiegħu, skont id-dritt nazzjonali, li jsegwi kors ta’ integrazzjoni.

25

Fis-sajf tas-sena 2007, il-mara ta’ Y. Iida bdiet taħdem full-time fi Vjenna. Jekk fil-bidu l-konjuġi żammew għajxien konjugali bejn Ulm u Vjenna, mix-xahar ta’ Jannar 2008, huma kienu ilhom jgħixu separati fit-tul, anki jekk huma ma ddivorzjawx. It-tnejn li huma għandhom u jeżerċitaw komunement l-awtorità parentali fuq it-tifla tagħhom, anki jekk, mix-xahar ta’ Marzu 2008, l-omm u t-tifla għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Vjenna, fejn din tal-aħħar issegwi l-istudji tagħha.

26

Y. Iida jmur jara lil bintu darba fix-xahar fi tmiem il-ġimgħa fi Vjenna u hija tqatta’ l-parti l-kbira tal-vakanzi tagħha ma’ missierha f’Ulm. Saru wkoll vjaġġi komuni. Ir-relazzjoni missier-bint hija, skont l-informazzjoni pprovduta minn Y. Iida lill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg, eċċellenti.

27

Wara t-tluq tat-tifla tiegħu u tal-mara tiegħu, l-applikazzjoni għad-dritt ta’ residenza awtonoma previst fl-Artikolu 31 tal-AufenthG ġiet eskluża għal Y. Iida, għar-raġuni li l-għajxien konjugali ma ġiex stabbilit fil-Ġermanja għal tul ta’ mill-inqas sentejn u li l-eżenzjoni ta’ din l-aħħar kundizzjoni ma ġietx mitluba.

28

Madankollu, minħabba l-impjieg tiegħu f’Ulm, Y. Iida kiseb permess ta’ residenza li, skont l-Artikolu 18 tal-AufenthG, ġie estiż fit-18 ta’ Novembru 2010 sat-2 ta’ Novembru 2012 u l-estensjoni ulterjuri tiegħu hija diskrezzjonali.

29

Fit-30 ta’ Mejju 2008, Y. Iida talab lil Stadt Ulm li toħorġ f’ismu “karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”, kif previst fl-Artikolu 5 tal-FreizügG/EU. L-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda għar-raġuni li huwa ma setax jitlob tali karta billi jibbaża ruħu fuq id-dritt tal-Unjoni, l-ewwel mill-iStadt Ulm u l-Regierungspräsidium Tübingen (subdiviżjoni amministrattiva ta’ Tübingen), sussegwentement mid-deċiżjoni tal-Verwaltungsgericht Sigmaringen (tribunal amministrattiv ta’ Sigmaringen).

30

Fis-6 ta’ Mejju 2010, Y. Iida appella din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg.

31

Minbarra dan, Y. Iida introduċa applikazzjoni intiża sabiex jikseb permess ta’ residenza għat-tul skont l-Artikolu 9a tal-AufenthG, li madankollu ġiet sussegwentement irtirata.

32

Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Domandi dwar l-Artikoli 2, 3 u 7 tad-Direttiva 2004/38 [...]

a)

Fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’] u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)] u b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38/KE, “membru tal-familja” jista’ jinftiehem ukoll bħala l-ġenitur ta’ wild li jibbenefika mil-libertà li jiċċaqlaq bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea, meta l-wild ma huwiex dipendenti fuq dan il-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu l-awtorità parentali?

b)

Fl-affermattiv: fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta] u tal-Artikolu 8 tal-[KEDB] u b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38/KE, l-imsemmija direttiva tapplika wkoll għal dan il-ġenitur, meta dan ma jakkompanjax jew ma jingħaqadx mal-wild tiegħu sa minn meta dan ikun stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor, iżda jkompli jgħix fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild?

ċ)

Fl-affermattiv: fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta] u tal-Artikolu 8 tal-[KEDB], dan il-ġenitur jista’ jeżiġi dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild, b’interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-inqas sakemm ikun għad għandu l-awtorità parentali u jkun għadu fil-fatt jeżerċitaha?

2)

Domandi dwar id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 6(1) [UE] u tal-[Karta]

a)

i)

Il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, meta s-suġġett tal-kawża jiddependi minn liġi nazzjonali (jew minn parti ta’ liġi) li fost affarijiet oħra — iżda mhux biss — tittrasponi direttivi Ewropej?

ii)

Fin-negattiv: il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, mill-fatt biss li r-rikorrent jista’ possibbilment jeżiġi dritt ta’ residenza taħt il-leġiżlazzjoni Ewropea u jkun jista’ konsegwentement jitlob, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tal-[[FreizügG/EU], “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, kif previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE?

iii)

Fin-negattiv: fl-estensjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża ERT (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punti 41 sa 45), il-Karta hija intiża sabiex tapplika skont it-tieni alternattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, meta Stat Membru jillimita d-dritt ta’ residenza tal-missier ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor [tal-Unjoni] ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar, filwaqt li l-missier, ċittadin ta’ pajjiż terz, jeżerċita wkoll l-awtorità parentali?

b)

i)

Fil-każ fejn il-Karta hija intiża sabiex tkun applikabbli: huwa possibbli li mill-Artikolu 24(3) tal-[Karta] jiġi direttament dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-inqas sakemm dan ikollu l-awtorità parentali u sakemm huwa fil-fatt jeżerċitaha fir-rigward tal-wild tiegħu li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, u dan, anki jekk il-wild ikun joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?

ii)

Fin-negattiv: id-dritt ta’ moviment liberu li l-wild għandu bħala ċittadin tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 45(1) tal-[Karta] moqri flimkien ma’, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 24(3) tal-imsemmija karta jippermetti li jiġi dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz, tal-inqas sakemm dan għandu l-awtorità parentali u sakemm dan fil-fatt jeżerċitaha fir-rigward tal-wild tiegħu, sabiex jiġi evitat b’mod partikolari li d-dritt ta’ moviment liberu tal-wild jitlef kull effett utli?

3)

Domandi dwar l-Artikolu 6(3) [UE] flimkien mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

a)

Id-drittijiet fundamentali “mhux miktuba” tal-Unjoni Ewropea, kif deskritti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1969 Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 7) sa, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 75), jistgħu japplikaw fl-intier tagħhom, anki jekk il-[Karta] ma hijiex intiża sabiex tapplika fil-każ ineżami; fi kliem ieħor, id-drittijiet fundamentali li jibqgħu applikabbi inkwantu huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 6(3) [UE] jeżistu b’mod awtonomu u indipendenti flimkien mad-drittijiet fundamentali l-ġodda tal-Karta rikonoxxuti fl-Artikolu 6(1)?

b)

Fl-affermattiv: sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tal-awtorità parentali, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-[KEDB], jippermettu li jiġi dedott dritt ta’ residenza Ewropew għall-missier ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar, meta l-missier ikun ċittadin ta’ pajjiż terz?

4)

Domanda dwar id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 8 tal-[KEDB]

Fil-każ fejn l-Artikolu 6(1) jew (3) [UE] ma jippermettix li r-rikorrent jikseb dritt ta’ residenza Ewropew: sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv tal-awtorità parentali fl-estensjoni tas-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C-200/02, Ġabra p. I-9925, punti 45 sa 47), id-dritt ta’ moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li joqgħod fil-parti l-kbira taż-żmien fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni ma’ ommu minħabba l-attività professjonali ta’ din tal-aħħar jippermetti li jiġi dedott għall-missier ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza Ewropew fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild, fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE u, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-[KEDB]?

5)

Domanda dwar l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 [...]

Fil-każ fejn dritt ta’ residenza Ewropew ikun rikonoxxut: ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent, għandu d-dritt li jikseb il-ħruġ ta’ “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE?”

33

Id-domandi msemmija iktar ’il fuq jistgħu, skont il-qorti tar-rinviju, jinġabru fid-domanda waħda li ġejja:

“Sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri bħala ġenitur ikun jista’ jżomm regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mal-wild tiegħu li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jagħti lil dan il-ġenitur il-jedd li jibqa’ fi Stat Membru tal-oriġini tal-wild permezz ta’ “[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, meta l-wild ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor wara l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu?”

Fuq id-domanda preliminari

34

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk persuna f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tistax tibbenefika minn dispożizzjonijiet tad-dritt idderivat li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprevedu l-għoti ta’ permess ta’ residenza fi Stat Membru lil ċittadin ta’ pajjiż terz.

35

Jekk dan ma kellux ikun il-każ, sussegwentement għandu jiġi vverifikat jekk persuna f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, tistax tibbaża dritt ta’ residenza direttament fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/109

36

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/109, din tal-aħħar tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Kuntrarjament għad-Direttiva 2004/38 (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C-425/10, Ġabra p. I-14035, punti 46 u 47), id-Direttiva 2003/109 ma tistabbilixxix il-kundizzjonijiet li r-residenza ta’ tali ċittadini għandha tissodisfa sabiex huma jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Isegwi li tali kundizzjonijiet jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali biss.

37

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ residenti għat-tul lil dawn iċ-ċittadini li, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, ikunu rrisjedu legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni rilevanti. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/109 madankollu jeskludi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ residenzi.

38

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jagħti evidenza li jkollu, għalih u għall-membri dipendenti tal-familja tiegħu riżorsi stabbli u regolari li jkunu suffiċjenti biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu u dawk tal-membri tal-familja tiegħu, mingħajr rikors għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll ta’ assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tagħhom stess fl-Istat Membru kkonċernat. Minbarra dan, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

39

Skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2003/109, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, previsti fl-Artikoli 4 u 5 tagħha, huma sodisfatti, u jekk il-persuna ma tkunx tippreżenta theddida skont it-tifsira tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti liċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat l-istatus ta’ residenti għat-tul.

40

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ pajjiż terz, beda r-residenza legali tiegħu fit-territorju Ġermaniż fix-xahar ta’ Jannar 2006, skont permess ta’ residenza għal riunifikazzjoni tal-familja mogħti skont l-Artikolu 28 tal-AufenthG. Barra minn hekk, skont kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat iffirmat fix-xahar ta’ Frar 2006, Y. Iida seta’, sussegwentement, jikseb permess ta’ residenza skont l-Artikolu 18 tal-AufenthG, validu sat-2 ta’ Novembru 2012, u dan minkejja l-impossibbiltà li jinkiseb id-dritt ta’ residenza awtonoma previst fl-Artikolu 31 tal-AufenthG minħabba l-interruzzjoni tal-għajxien konjugali tiegħu.

41

Għalhekk, jirriżulta mill-proċess li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, minn naħa, ma jaqax, minħabba r-residenza tiegħu, taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/109 u, min-naħa l-oħra, li huwa rrisjeda legalment u kontinwament fit-territorju Ġermaniż matul ħames snin.

42

Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-impjieg tiegħu, Y. Iida l-ewwel nett huwa fil-pożizzjoni li jipproduċi l-prova li għandu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu kif ukoll assigurazzjoni għall-mard għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tal-Ġermanja.

43

Barra minn hekk, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-proċess li Y. Iida jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/109.

44

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni previsti fil-punti (3) u (4) tal-Artikolu 9a(2) tal-AufenthG, jekk il-livell ta’ għarfien ta’ Y. Iida fir-rigward tal-lingwa Ġermaniża jew ukoll fir-rigward tal-qafas ġuridiku u soċjali kif ukoll tal-qasam tal-ħajja fit-territorju Ġermaniż ma huwiex stabbilit, xorta jibqa’ l-fatt li l-Gvern Ġermaniż irrileva waqt is-seduta li, minħabba d-diploma universitarja li Y. Iida għandu, dan huwa suġġett, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, għal rekwiżiti mnaqqsa fil-qasam ta’ integrazzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li, minħabba l-ħinijiet tax-xogħol tiegħu, Y. Iida ġie eżentat mill-obbligu tiegħu li jsegwi kors ta’ integrazzjoni.

45

Isegwi li, bħala prinċipju, ċittadin ta’ pajjiż terz fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jingħata l-istatus ta’ residenti għat-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109.

46

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, Y. Iida rtira l-applikazzjoni għal residenza tiegħu intiża sabiex jikseb permess ta’ residenza għat-tul skont l-Artikolu 9a tal-AufenthG.

47

Issa, mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li, sabiex jinkiseb l-istatus ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jintroduċi applikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jirrisjedi. Bl-istess mod, jirriżulta mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva li l-Istati Membri jagħtu l-istatus ta’ residenti għat-tul billi jieħdu inkunsiderazzjoni s-snin li immedjatament ippreċedew l-introduzzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni.

48

Għalhekk, peress li Y. Iida volontarjament irtira l-applikazzjoni tiegħu intiża għall-kisba tal-istatus ta’ residenti għat-tul skont id-Direttiva 2003/109, permess ta’ residenza ma jistax jingħatalu abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38

49

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji” jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu li hija għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr f’dak fejn għandhom in-nazzjonalità tagħhom, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

50

Skont l-Artikolu 2(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu kkunsidrati bħala “membr[i] tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-konjuġi kif ukoll l-axxendenti diretti dipendenti u dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb kif imfissra fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

51

Għalhekk, mhux iċ-ċittadini ta’ Stat terz kollha jibbenefikaw mid-Direttiva 2004/38 mid-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ Stat Membru, iżda biss dawk li huma “membr[i] tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C-127/08, Ġabra p. I-6241, punt 73, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 56).

52

Fil-kawża prinċipali, kemm il-mara kif ukoll it-tifla ta’ Y. Iida jgawdu mid-Direttiva 2004/38, peress li huma marru lejn u rrisjedew fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn huma għandhom in-nazzjonalità tagħhom, jiġifieri, fl-Awstrija.

53

F’dak li jikkonċerna l-eventwali kwalità ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, hemm lok li ssir distinzjoni bejn ir-rabtiet eżistenti bejn dan ir-rikorrent u t-tifla tiegħu, minn naħa, u l-mara tiegħu, min-naħa l-oħra.

54

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rabtiet tal-ġenituri eżistenti bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u t-tifla tiegħu, mill-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-axxendent dirett taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu jkun “dipendenti” fuq dan tal-aħħar sabiex jiġi kkunsidrat bħala “membru tal-familja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

55

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwalità ta’ membru tal-familja “dipendenti” fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni li għandu d-dritt ta’ residenza tirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt ikkaratterizzata miċ-ċirkustanza li s-sostenn materjali tal-membru tal-familja huwa żgurat minn min għandu d-dritt ta’ residenza, b’mod li, meta hija sitwazzjoni bil-kontra li tippreżenta ruħha, jiġifieri li d-detentur tad-dritt ta’ residenza huwa dipendenti fuq iċ-ċittadin ta’pajjiż terz, dan tal-aħħar ma jistax jibbaża ruħu fuq il-kwalità ta’ axxendent “dipendenti” ta’ dan id-detentur, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, sabiex ikun jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (ara, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jixxiebhu tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva 2004/38, is-sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Isegwi li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “membru tal-familja” tat-tifla tiegħu fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38.

57

Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rabtiet eżistenti bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-mara tiegħu, hemm lok li jiġi rrilevat li, sabiex jiġi kkunsidrat bħala “membru tal-familja” ta’ ċittadina tal-Unjoni li eżerċitat id-dritt għal moviment liberu tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx kundizzjonijiet oħra fir-rigward tal-persuna kkonċernata fil-kwalità tagħha bħala konjuġi.

58

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata, fil-kuntest tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għad-Direttiva 2004/38, li r-rabta konjugali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala xolta meta ma jkunx ġie stabbilit terminu mill-awtorità kompetenti u li dan ma huwiex il-każ tal-konjuġi li jgħixu sempliċement b’mod separat, anki meta huma għandhom l-intenzjoni li jiddivorzjaw sussegwentement, b’mod li l-konjuġi ma għandux neċessarjament jgħix b’mod permanenti maċ-ċittadina tal-Unjoni sabiex ikollu dritt idderivat ta’ residenza (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1985, Diatta, 267/83, Ġabra p. 567, punti 20 u 22).

59

Tali interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, li, minbarra dan, teħtieġ akkomodazzjoni normali għall-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, għandha tapplika iktar u iktar fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 2(2)(a), li, min-naħa l-oħra, ma jimponix dan l-aħħar rekwiżit.

60

F’dan il-każ, iż-żwieġ tal-konjuġi Iida ma ġiex xolt mill-awtorità kompetenti, b’mod li Y. Iida jista’ jiġi kkunsidrat bħala membru tal-familja tal-mara tiegħu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/38.

61

Madankollu, jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kkunsidrat bħala “membru tal-familja” tal-mara tiegħu fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, huwa ma jistax jikkwalifika bħala “benefiċjarju” ta’ din tal-aħħar, peress illi l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jimponi li l-membru tal-familja taċ-ċittadina tal-Unjoni li tmur tgħix jew tirrisjedi fi Stat Membru li ma huwiex dak li għandha n-nazzjonalità jakkumpanjaha jew jingħaqad magħha.

62

L-istess rekwiżit ta’ akkumpanjament jew li jingħaqad maċ-ċittadina tal-Unjoni huwa, barra minn hekk, riprodott fl-Artikoli 6(2) u 7(2) tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll l-estensjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar lill-membri tal-familja tiegħu li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jew ukoll l-Artikolu 10(2)(ċ) għall-ħruġ ta’ karta ta’ residenza previst minn din id-direttiva.

63

Tali rekwiżit iwieġeb, minbarra dan, għall-għan tad-drittijiet sekondarji ta’ dħul u ta’ residenza li d-Direttiva 2004/38 tipprevedi għall-membri tal-famija taċ-ċittadini tal-Unjoni, peress illi, f’każ ieħor, l-impossibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat mill-familja tiegħu jew li jingħaqad magħha fl-Istat Membru ospitanti tista’ tippreġudika l-libertà ta’ moviment tiegħu billi tiskoraġġih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tiegħu f’dan l-istess Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metock et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

64

Għalhekk, jirriżulta minn dan li d-dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li jistabbilixxi ruħu magħha skont id-Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi invokat ħlief fl-Istat Membru ospitanti fejn tirrisjedi din iċ-ċittadina (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet simili tal-istrumenti tad-dritt tal-Ujoni preċedenti għad-Direttiva 2004/38, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C-291/05, Ġabra p. I-10719, punt 24).

65

Għalhekk, peress illi Y. Iida la kien akkumpanja u lanqas ingħaqad, fl-Istat Membru ospitanti, mal-membru tal-familja tiegħu li hija ċittadina tal-Unjoni li eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha, ma jistax jingħatalu dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE

66

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz.

67

Fil-fatt, abbażi tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38 lill-membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiż terz ta’ ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minnha, l-eventwali drittijiet mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet proprji għal dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment minn ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C-434/09, Ġabra p. I-3375, punt 42, u Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

68

Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet sekondarji huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni, billi jiddisswadih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti.

69

Għalhekk, ġie kkunsidrat li r-rifjut li ġenitur, ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, li għandu effettivament il-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa minorenni, jitħalla jirrisjedi ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti jċaħħad minn kull effettività d-dritt ta’ residenza ta’ dan ta l-aħħar, peress illi t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza minn wild ta’ età żgħira timplika neċessarjament li dan il-wild ikollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li tiżgura effettivament il-kustodja tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun fil-pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti matul din ir-residenza (sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

70

Minbarra dan, ġie kkonstatat li, meta ċittadin tal-Unjoni jmur lura fl-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità, wara li jkun eżerċità attività bi ħlas fi Stat Membru ieħor, ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem, għandu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn il-ħaddiem għandu n-nazzjonalità, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx eżerċità attività ekonomika reali u effettiva fih. Jekk dan iċ-ċittadin ma kellux tali dritt, il-ħaddiem, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jiġi dissważ milli jitlaq l-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità sabiex jeżerċità attività bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi perspettiva, għal dan il-ħaddiem, li ma jkunx jista’ jkompli, wara li jmur lura fl-Istat Membru ta’ oriġini, ħajja komuni mal-qraba stretti tiegħu, possibbilment mibdija permezz taż-żwieġ jew tar-riunifikazzjoni tal-familja, fl-Istat Membru ospitanti (sentenza Eind, iċċitata iktar il fuq, punti 45, 35 u 36).’

71

Fl-aħħar nett, jeżistu wkoll sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt idderivat relatat mad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza ma jistax, eċċezzjonalment, jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, peress li f’tali każ tiġi ppreġudikata l-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jgawdi minnha, jekk, bħala konsegwenza ta’ tali rifjut, dan iċ-ċittadin jiġi obbligat, fil-fatt, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet mogħtija b’dan l-istatus (ara s-sentenza Dereci et , iċċitata iktar ’il fuq, punti 67, 66 u 64).

72

L-element komuni li jikkaratterizza s-sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa li, anki jekk huma rregolati minn leġiżlazzjoni li taqa’ a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2003/109 u 2004/38, dawn madankollu għandhom relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni li tipprekludi li d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata.

73

F’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li l-ewwel nett jiġi rrilevat li r-rikorrent, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jitlobx dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti fejn jirrisjedu l-mara u t-tifla tiegħu, ċittadini tal-Unjoni, iżda fil-Ġermanja, Stat Membru ta’ oriġini ta’ dawn tal-aħħar.

74

Sussegwentement, huwa paċifiku li dan ir-rikorrent dejjem irrisjeda f’dan l-Istat Membru skont id-dritt nazzjonali, mingħajr ma l-assenza ta’ dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni jkun iddisswada lil bintu jew lill-mara tiegħu li jeżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom billi jmorru jgħixu fl-Awstrija.

75

Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-punti 28 u 40 sa 45 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, minn naħa, għandu dritt ta’ residenza skont id-dritt nazzjonali sat-2 ta’ Novembru 2012, inizjalment li jista’ jiġi estiż, skont il-Gvern Ġermaniż, u, min-naħa l-oħra, jista’, bħala prinċipju, jingħata l-istatus ta’ resident għat-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109.

76

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi validament sostnut li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriskja li ċċaħħad lit-tifla jew lill-mara ta’ Y. Iida mit-tgawdija effettiva tal-parti essenzjali tad-drittijiet marbuta mal-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, jew li tostakola l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (ara s-sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

77

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-perspettiva purament ipotetika tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu ma tikkostitwixxix rabta suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha (ara s-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 16). L-istess japplika fir-rigward tal-perspettivi purament ipotetiċi ta’ ostakolu għad-dritt.

78

Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali rrilevati mill-qorti tar-rinivju, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-drittijiet tat-tfal previsti, rispettivament, fil-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplementaw il-liġi tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(2), il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (ara s-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

79

Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jagħtu lil Y. Iida l-“[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” jaqax taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija ssegwix għanijiet differenti minn dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, kif ukoll, jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwaha (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi, C-309/96, Ġabra p. I-7493, punti 21 sa 23).

80

Jekk, ċertament, l-Artikolu 5 tal-FreizügG/EU jipprovdi l-ħruġ ta’ “[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” intiż sabiex jimplementa d-dritt tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni, peress illi ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ din il-karta skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ applikazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ residenti għat-tul skont id-Direttiva 2003/109, is-sitwazzjoni tiegħu ma tippreżenta ebda konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jagħtu lil Y. Iida “[k]arta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” ma jaqax taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, b’mod li l-konformità ta’ dan ir-rifjut mad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tad-drittijiet stabbiliti minn din tal-aħħar.

82

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, id-domanda għandha tiġi risposta li, barra mis-sitwazzjonijiet irregolati mid-Direttiva 2003/109 u meta minbarra dan ma teżisti ebda rabta oħra mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward iċ-ċittadinanza, ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jitlob id-dritt ta’ residenza idderivat ta’ ċittadin tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Barra mis-sitwazzjonijiet irregolati mid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, u meta minbarra dan ma teżisti ebda rabta oħra mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward iċ-ċittadinanza, ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jitlob dritt ta’ residenza idderivat ta’ ċittadin tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.