SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Ażil — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 4 — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Artikolu 3(1) u (2) — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Artikoli 6 sa 12 — Kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru Responsabbli — Artikolu 13 — Klawżola residwa”

Fil-Kawża C‑4/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hessischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Bundesrepublik Deutschland

vs

Kaveh Puid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur) u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, D. Šváby, M. Berger u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn N. Graf Vitzthum, bħala aġent,

għal K. Puid, minn U. Schlung-Muntau, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn D. Conlan Smyth, barrister,

għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou, M. Michelogiannaki, T. Papadopoulou, F. Dedousi u G. Papagianni, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, Avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent,

għall-Gvern Svizzeru, minn O. Kjelsen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju Federali għall-immigrazzjoni u għar-refuġjati, iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”), u K. Puid, ċittadin Iranjan, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Bundesamt li tiddikjara l-applikazzjoni għall-ażil ta’ dan tal-aħħar inammissibbli u li tordna t-trasferiment tiegħu lejn il-Greċja.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 3(1) u (2) tar-regolament jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. [...]”

4

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament jipprovdi:

“Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati [fil-Kapitolu III].”

5

Sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, il-Kapitolu III tiegħu jipprovdi lista ta’ kriterji oġġettivi u ġerarkiċi.

6

L-Artikolu 6 tar-Regolament jindika l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata minn minuri mhux akkumpanjat.

7

L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament japplikaw għal applikanti għall-ażil li membru tal-familja tiegħu tħalla jirrisjedi bħala refuġjat fi Stat Membru jew iddepożita applikazzjoni għall-ażil li ma kinitx is-suġġett tal-ewwel deċiżjoni fuq il-mertu f’tali Stat.

8

L-Artikolu 9 tar-Regolament jirrigwarda l-applikanti għall-ażil li għandhom permess ta’ residenza jew viża li għadha valida jew li skadiet.

9

Il-kriterju previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament jipprovdi:

“Fejn ikun stabbilit, [...] li [l-]persuna [li] tfittex l-ażil tkun qasmet b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li tkun ġiet minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil. [...]”

10

Il-kriterju previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament jista’ japplika, taħt ċerti kundizzjonijiet, meta applikant għall-ażil daħal fit-territorju ta’ Stat Membru fejn huwa eżenti milli jkollu viża.

11

L-Artikolu 12 tar-Regolament jagħmel jirrigwarda applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati fiż-żona ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport ta’ Stat Membru.

12

L-Artikolu 13 tar-Regolament jipprovdi li, meta fuq il-bażi tal-ġerarkija tal-kriterji ma jkun jista’ jintgħażel ebda Stat Membru, l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil għandu jkun awtomatikament l-ewwel Stat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

K. Puid, imwieled fl-1979, wasal il-Greċja, b’dokumenti tal-identità foloz, fl-20 ta’ Ottubru 2007 permezz ta’ titjira bejn Teheran (l-Iran) u Ateni (il-Greċja). Wara li rrisjeda erbat ijiem fil-Greċja huwa pproċeda lejn Frankfurt am main (il-Ġermanja) fejn iddepożita l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

14

Sabiex it-teħid lura lejn il-fruntieri tiegħu jiġi ggarantit, ġie ordnat li huwa jinżamm taħt arrest sal-25 ta’ Jannar 2008. Wara dan huwa ressaq proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main fejn talab, b’mod partikolari, li tinħareġ ordni li tobbliga lill-Bundesrepublik Deutschland tiddikjara lilha nnifisha responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament. L-imsemmija qorti ordnat li K. Puid ma jiġix ittrasferit lejn il-Greċja qabel is-16 ta’ Jannar 2008.

15

Fl-14 ta’ Diċembru 2007, il-Bundesamt iddikjara l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu inammissibbli u ordna t-trasferiment tiegħu lejn il-Greċja. Effettivament, huwa kkunsidra li r-Repubblika Ellenika kienet l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina din l-applikazzjoni u ma sab ebda raġuni li tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament min-naħa tal-Bundesrepublik Deutschland. Fit-23 ta’ Jannar 2008, K. Puid ġie ttrasferit lejn il-Greċja.

16

Madankollu, sadattant fil-25 ta’ Diċembru 2007 K. Puid ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-Bundesamt u sabiex il-Bundesrepublik Deutschland tiġi ordnata tiddikjara ruħha responsabbli mill-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2009, il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main annullat id-deċiżjoni tal-Bundesamt u ddeċidiet li l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ refoulement kienet illegali. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-Bundesrepublik Deutschland kienet obbligata li teżerċita d-dritt li tassumi r-responsabbiltà mogħti mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil u tat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-Greċja.

18

Il-Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesamt, appellat minn din is-sentenza quddiem il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010 il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari intiżi sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament fil-każ fejn is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru indikat, skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament, bħala responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, tpoġġi fil-perikolu d-drittijiet fundamentali tal-applikant għall-ażil inkwistjoni.

20

Fl-20 ta’ Jannar 2011, il-Bundesamt aċċetta li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ta’ K. Puid, abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament. Sussegwentement, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2011, huwa rrikonoxxa lil K. Puid il-kwalità ta’ refuġjat.

21

Il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof madankollu tikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha għad għandha skop sa fejn K. Puid jista’ jkollu interess leġittimu li jistabbilixxi l-illegalità tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2007 fil-kuntest ta’ talba għad-danni abbażi tal-arrest li għalih huwa kien suġġett.

22

B’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2011, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C-493/10, Ġabra p. I-13905), filwaqt li stedinha tinformah jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, xtaqitx iżżomm ir-rinviju tagħha għal deċiżjoni preliminari.

23

B’deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2012, il-Hessischer Verwaltungsgerichtshof irtirat l-ewwel tliet domandi preliminari tagħha peress li qieset li dawn kienu ġew risposti b’mod suffiċjenti fis-sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, sabiex il-portata ta’ dik is-sentenza tiġi speċifikata fir-rigward tal-possibbiltà li l-applikant jinvoka quddiem qorti l-obbligu li għandu l-Istat Membru li fih huwa jinsab li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, hemm lok li tinżamm id-domanda segwenti:

“L-obbligu li l-Istat Membru [...] għandu li jeżerċità d-dritt mogħti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament [...] jagħti lill-applikant għall-ażil dritt suġġettiv għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ intervent awtonomu [ta’ assunzjoni ta’ responsabbiltà] li jista’ jiġi invokat fil-qrati fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru [...]?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk applikant għall-ażil jistax jinvoka, quddiem qorti nazzjonali, l-obbligu li l-Istat Membru li miegħu ddepożita l-applikazzjoni għall-ażil għandu li jeżamina din l-applikazzjoni, abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament, meta s-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru, indikat, skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament, bħala responsabbli biex jeżamina l-imsemmija applikazzjoni, tpoġġi fil-perikolu d-drittijiet fundamentali tal-imsemmi applikant.

25

Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li mid-deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju mogħtija fl-20 ta’ Diċembru 2011 u fl-1 ta’ Ġunju 2012 jirriżulta li din id-domanda hija msejsa fuq il-premessa li tgħid li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru li miegħu l-applikant għall-ażil iddepożita l-applikazzjoni tiegħu huwa obbligat li jeżerċita d-dritt ta’ assunzjoni ta’ responsabbiltà mogħti lilu mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament.

26

Issa, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala bażi għal tali premessa.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed, indikat bħala responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament.

28

Madankollu, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament jipprovdi li b’deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk dan l-eżami mhux ir-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji previsti f’dan ir-Regolament.

29

Għalkemm fil-punt 107 tas-sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, f’kuntest bħal dak inkwistjoni f’dik is-sentenza, l-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli għandu l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament, li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni, madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatatx li huwa kien obbligat jagħmel dan.

30

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li l-Istati Membri ma għandhomx jittrasferixxu applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru, indikat, skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament, bħala responsabbli, meta ma jistgħux jinjoraw li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-applikant ser ikun iffaċċjat bir-riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 94 u 106).

31

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk tali nuqqasijiet sistematiċi kinux jeżistu meta ġiet implementata d-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ K. Puid lejn il-Greċja.

32

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru li ma jkunx jista’ jwettaq it-trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru inizjalment identifikat bħala responsabbli skont ir-Regolament huwiex obbligat li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni, għandu jitfakkar li l-Kapitolu III tar-Regolament jistabbilixxi numru ta’ kriterji u li, skont l-Artikolu 5(1) tar-regolament, dawn il-kriterji japplikaw fl-ordni li fihom huma ppreżentati fil-kapitolu msemmi (sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95).

33

Għalhekk, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għall-possibbiltà li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament, l-impossibbiltà li applikant għall-ażil jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru inizjalment indikat, skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament, bħala responsabbli, tobbliga lill-Istat Membru li kellu jwettaq dan it-trasferiment sabiex ikompli bl-eżami tal-kriterji ta’ dan il-Kapitolu sabiex jivverifika jekk wieħed minn dawn il-kriterji jippermettix li jiġi identifikat Stat Membru ieħor bħala dak responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil (sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 96 u 107).

34

Jekk dan ma huwiex il-każ, l-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni huwa responsabbli għal dan l-eżami skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

35

Madankollu, huwa meħtieġ li l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-applikant għall-ażil, jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dan l-applikant, permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li tieħu tul ta’ żmien mhux raġonevoli. Jekk ikun meħtieġ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (sentenza N. S. et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 98 u 108).

36

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li meta l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru inizjalment indikat, skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament, bħala responsabbli, jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-applikant għall-ażil ser ikun iffaċċjat bir-riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li ma jittrasferixxix lill-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru inizjalment indikat bħala responsabbli u, bla ħsara għall-possibbiltà li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni, li jkompli bl-eżami tal-kriterji tal-imsemmi Kapitolu sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi indikat bħala responsabbli abbażi ta’ wieħed minn dawn il-kriterji jew, fin-nuqqas ta’ dan, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament.

37

Min-naħa l-oħra, f’tali sitwazzjoni, l-impossibbiltà li applikant għall-ażil jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru inizjalment indikat bħala responsabbli ma timplikax, bħala tali, li l-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li jeżamina huwa nnifsu l-applikazzjoni għall-ażil abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Meta l-Istati Membri ma jistgħux jinjoraw li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru inizjalment indikat, skont il-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, bħala responsabbli, jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jagħtu lil wieħed x’jifhem li l-applikant għall-ażil ser ikun iffaċċjat bir-riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li ma jittrasferixxix lill-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru inizjalment indikat bħala responsabbli u, bla ħsara għall-possibbiltà li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni, li jkompli bl-eżami tal-kriterji tal-imsemmi Kapitolu sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi indikat bħala responsabbli abbażi ta’ wieħed minn dawn il-kriterji jew, fin-nuqqas ta’ dan, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament.

 

Min-naħa l-oħra, f’tali sitwazzjoni, l-impossibbiltà li applikant għall-ażil jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru inizjalment indikat bħala responsabbli ma timplikax, bħala tali, li l-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li jeżamina huwa nnifsu l-applikazzjoni għall-ażil abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.