KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-26 ta’ April 2012 ( 1 )

Kawża C-277/11

M.

vs

Minister for Justice, Equality and Law Reform,

L-Irlanda,

Attorney General

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda)]

“Reġim Komuni Ewropew dwar l-Ażil — Direttiva 2004/83/KE — Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat — Direttiva 2005/85/KE — Standards minimi dwar il-proċedura għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Proċedura ta’ eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil — Garanziji proċedurali mogħtija lill-applikant — Dritt għal smigħ — Portata tad-dmir ta’ kooperazzjoni”

1. 

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-High Court (l-Irlanda) essenjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża l-portata tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja mressqa minn ċittadin tar-Rwanda abbażi tad-Direttiva 2004/83/KE ( 2 ). Din il-protezzjoni sussidjarja hija indirizzata lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jistax jitqies bħala refuġjat, iżda li fir-rigward tiegħu ikun hemm raġunijiet serji u attwali biex wieħed jemmen li jinsab f’riskju reali li jġarrab ħsara serja jekk imur lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu ( 3 ).

2. 

B’mod konformi mal-Artikolu 78(2) TFUE, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet kriterji komuni għall-Istati Membri kollha fir-rigward tal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali abbażi tad-Direttiva 2004/83. Fil-kuntest tal-kapitolu II ta’ dik id-Direttiva, li huwa ddedikat għall-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 4(1) jipprovdi skont kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu iqisuha bħala d-dmir ta’ l-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’koperazzjoni ma’ l-applikant huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru li jistma l-elementi rilevanti ta’ l-applikazzjoni.”

3. 

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dmir ta’ kooperazzjoni stabbilit f’dik id-dispożizzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li dan iġiegħel lill-awtorità responsabbli għall-eżaminazzjoni tat-talba biex tikkomunika, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sfavorevoli u meta applikazzjoni għall-ażil tkun diġà nċaħdet, l-elementi li fuqhom hija tkun beħsiebha tibbaża dik id-deċiżjoni u li tiġbor, fuq dak il-punt, l-osservazzjonijiet tal-applikant.

4. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari qed issir fil-kuntest ta’ kawża bejn M., ċittadin tar-Rwanda li huwa membru tal-grupp etniku Tutsi, u l-Minister for Justice, Equality and Law Reform, fl-Irlanda u l-Attorney General dwar il-legalità tal-proċedura segwita minn dawn l-awtoritajiet Irlandiżi biex jeżaminaw l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja.

5. 

Wara l-iskadenza tal-viża ta’ studju li kienet ingħatatlu mill-awtoritajiet Irlandiżi, M. ippreżenta, quddiem l-Office of the Refugee Applications Commissioner (servizz tal-Kummissarju inkarigat minn applikazzjonijiet ta’ ażil) ( 4 ), applikazzjoni għall-ażil fil-21 ta’ Mejju 2008. Wara li din inċaħdet, M. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja fil-31 ta’ Diċembru 2008, li wkoll inċaħdet fl-24 ta’ Settembru 2010. Il-Minister for Justice, Equality and Law Reform ikkunsidra li, minħabba d-dubji serji dwar il-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet tiegħu, ma kienx possibbli li jintwera li kien jinsab f’riskju li jġarrab ħsara serja malli jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li jiġġustifika l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja.

6. 

Kien kontra dik id-deċiżjoni li M. ressaq rikors għal annullament quddiem il-High Court. Huwa argumenta li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma osservawx id-dmir ta’ kooperazzjoni li kellhom abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, peress li ma offrewlux il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu, li kienet tagħmel referenza b’mod partikolari għal dokument li l-persuna kkonċernata ma kinitx taf dwaru matul il-proċedura.

7. 

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-High Court tindika li ma taqbilx mal-analiżi ta’ M. dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tagħha tal-24 ta’ Marzu 2011, Ahmed vs Minister for Justice, Equality and Law Reform, u għal tnejn mill-argumenti li hija ppreżentat sabiex tiċħad dik l-interpretazzjoni. L-ewwel wieħed kien marbut mal-ħtieġa li tiġi evitata multipliċità ta’ stadji proċedurali. It-tieni wieħed kien relatat mal-interazzjoni kunsiderevoli li diġà kienet seħħet bejn l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-applikant matul l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil. Il-High Court ippreċiżat, effettivament, li talba għal protezzjoni sussidjarja ma tiġix ippreżentata b’mod iżolat, iżda wara proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil li matulha l-applikant ikun diġà nstema’ f’diversi okkażjonijiet.

8. 

Madankollu, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-High Court tirrileva li r-Raad van State (Kunsill tal-Istat) (il-Pajjiżi l-Baxxi), f’sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, deher li adotta interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83. Kien sabiex tevita kull diverġenza fl-interpretazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri li l-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fl-ipoteżi fejn applikant jitlob l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja wara li jkun ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat, u fejn huwa propost li tali talba tinċaħad, il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mal-applikant imposta fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83[…] tobbliga lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru inkwistjoni li jikkomunikaw lill-applikant ir-riżultati ta’ tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, b’mod li jkun jista’ jirreaġixxi għall-aspetti tad-deċiżjoni proposta li tissuġġerixxi risposta negattiva?”

9. 

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mill-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Ungerija, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvezja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

10. 

Matul is-seduta, ir-rappreżentant ta’ M. talab lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tifformula mill-ġdid id-domanda li saret b’mod li hija tkun tista’, essenzjalment, tevalwa jekk il-proċedura ta’ eżami inkwistjoni ppermettietx li jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt għal rikors ġudizzjarju effettiv, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ). Peress li dik ir-riformulazzjoni tmur ampjament lil hinn mill-kuntest iffissat mill-qorti tar-rinviju u peress li dik id-domanda, konsegwentement, ma ġietx dibattuta mill-partijiet, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex ma tilqax din it-talba.

I – L-analiżi tiegħi

11.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dmir ta’ kooperazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru huwa obbligat li jisma’ lill-persuna kkonċernata dwar l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jkun għamel, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda.

12.

L-importanza tar-risposta għad-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju hija ċara.

13.

Minn naħa waħda, din tirrigwarda d-determinazzjoni tal-portata tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, il-kwistjoni hija jekk id-dmir ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, jġiegħelx lill-awtorità responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja biex tikkomunika, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sfavorevoli u meta applikazzjoni għall-ażil tkun diġà nċaħdet, l-elementi li fuqhom hija tkun beħsiebha tibbaża dik id-deċiżjoni u li tiġbor, fuq dak il-punt, l-osservazzjonijiet tal-applikant.

14.

Min-naħa l-oħra, id-domanda hija intiża biex jiġu ppreċiżati l-garanziji minimi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tagħhom. Effettivament, għalkemm skont il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2005/85/KE ( 6 ) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-organizzazzjoni tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, dawn tal-aħħar huma madankollu obbligati li jirrispettaw id-drittijiet u l-prinċipji proċedurali, anki jekk minimi, stabbiliti fil-kuntest ta’ dik id-direttiva ( 7 ).

A – L-osservazzjonijiet preliminari

15.

Qabel ma jiġu eżaminati dawn id-domandi, nixtieq nifformula żewġ osservazzjonijiet.

16.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 ma tippermettix li jiġi impost obbligu fuq l-Istati Membri bħal dak li jallega M., fi kwalunkwe verżjoni lingwistika ta’ dak it-test.

17.

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li, qabel kollox, titfakkar il-portata tad-dritt għal smigħ fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, qabel ma tiddetermina l-portata li dan għandu jkollu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

18.

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat il-mod kif dan id-dritt ġie kkonkretizzat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85. Effettivament, il-portata tad-dmir ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 għandha tiġi eżaminata mhux biss fir-rigward tal-ispirtu u l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni, iżda għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tar-regoli dwar il-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ffissata fil-kuntest tad-Direttiva 2005/85.

19.

Effettivament, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2004/83, kemm permezz tat-titolu u l-preambolu tagħha kif ukoll mill-kontenut u mill-iskop tagħha, ma hijiex intiża li tistabbilixxi r-regoli proċedurali applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li tistabbilixxi l-garanziji proċedurali li għandhom, fuq dik il-bażi, jingħataw lill-applikant. Dik id-direttiva għandha biss l-iskop li tiffissa kriterji komuni għall-Istati Membri kollha fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali ( 8 ) u l-kontenut ta’ dik il-protezzjoni.

20.

Huwa f’dan il-kuntest li d-Direttiva 2004/83 tiffissa, fl-Artikolu 4 tagħha, il-lista ta’ elementi ta’ natura fattwali u ċirkustanzjali, li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw sabiex jevalwaw il-fondatezza tal-applikazzjoni u tistabbilixxi, fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, id-dmir ta’ kooperazzjoni li l-portata tiegħu qiegħda titpoġġa indiskussjoni f’din il-kawża.

21.

Il-portata ta’ dik il-kooperazzjoni hija ppreċiżata fil-kuntest tad-Direttiva 2005/85.

22.

Id-Direttiva 2005/85, li ġiet adottata ftit xhur wara d-Direttiva 2004/83, għandha l-għan li tistabbilxxi r-regoli proċedurali komuni għall-Istati Membri kollha fir-rigward tal-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. F’dan il-kuntest, id-Direttiva 2005/85 tippreċiża, fil-kapitoli II u III tagħha, id-drittijiet u l-obbligi proċedurali tal-applikant u tal-Istat Membru fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil u tikkonkretizza l-kooperazzjoni stabbilita fil-kuntest tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83.

23.

Għandu jiġi ppreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85.

24.

B’mod konformi mal-Artikolu 3(1) tagħha, din tapplika għal kull applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fit-territorju tal-Istati Membri.

25.

Skont l-Artikolu 3(3) tagħha, din tapplika wkoll meta Stat Membru jistabbilixxi proċedura unika li fil-kuntest tagħha huwa jeżamina applikazzjoni fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri l-ażil u l-protezzjoni sussidjarja. Effettivament, skont dik id-dispożizzjoni, “[f]ejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni [dwar l-istatus tar-refuġjati ( 9 )] kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 [dwar il-protezzjoni sussidjarja], dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom”.

26.

Nifhem li l-maġġoranza tal-Istati Membri, jew kważi kollha fosthom, adottaw l-hekk imsejħa sistema ta’ “one-stop shop”, sistema li l-leġiżlatur tal-Unjoni ilu jħeġġeġ sew sa mill-2004 ( 10 ) u li llum il-ġurnata hija stabblita fil-kuntest tal-proposta emendata tad-Direttiva 2005/85 ( 11 ).

27.

Min-naħa l-oħra, mis-seduta jirriżulta li, meta Stat Membru jistabbilixxi proċedura amministrattiva distinta għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, huwa ma huwiex obbligat, stricto sensu, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/85, li japplika l-garanziji proċedurali mogħtija fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil.

28.

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-Direttivi 2004/83 u 2005/85 ġew adottati fuq il-bażi tal-ewwel punt tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63 KE, li jistabblixxi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu l-kompitu li jintroduċi miżuri dwar l-ażil fuq il-bażi ta’ applikazzjoni integrali u globali tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Dawn iż-żewġ direttivi b’hekk jipparteċipaw fl-istabbiliment ta’ Reġim Komuni Ewropew dwar l-Ażil ibbażat fuq l-applikazzjoni integrali u globali ta’ dik il-konvenzjoni u għandhom l-għan li jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li japplikawha permezz tad-definizzjoni ta’ kunċetti u ta’ kriterji komuni.

29.

Konsegwentement, u b’mod konformi mal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ), id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu interpretati mhux biss fid-dawl tal-ispirtu ġenerali u l-iskop tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85, iżda wkoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet previsti fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 13 ) u, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni adottata f’dan ir-rigward mill-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati (UNHCR) ( 14 ).

B – Fuq il-portata tad-dritt għal smigħ

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-importanza tad-dritt għal smigħ u l-portata wiesgħa ħafna tiegħu fis-sistema ġuridika tal-Unjoni.

31.

B’hekk, skont ġurisprudenza kostanti, dan id-dritt jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li, minn naħa waħda, jifforma parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, u min-naħa l-oħra, mill-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq li huma ggarantiti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ( 15 ).

32.

Id-dritt għal smigħ għandu japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ natura amministrattiva jew ġudizzjarja li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi ta’ persuna. Ma humiex biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-obbligu li josservaw dan id-dritt, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta ( 16 ), iżda wkoll, peress li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-amministrazzjonijiet ta’ kull Stat Membru meta jadottaw deċiżjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan anki meta r-regolamentazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità ( 17 ). Għaldaqstant, id-dritt għal smigħ għandu japplika għall-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mmexxija mill-awtorità nazzjonali kompetenti b’mod konformi mar-regoli adottati fil-kuntest tar-Reġim Komuni Ewropew dwar l-Ażil.

33.

Skont ġurisprudenza kostanti, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, bil-miktub jew orali, dwar l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkun beħsiebha tibbaża deċiżjoni kontriha ( 18 ). Dan id-dritt jeħtieġ li l-amministrazzjoni tpoġġi lill-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ dawk l-elementi matul il-proċedura u li tikkomunika l-fehma tagħha b’mod utli u effettiv. Dan jimplika wkoll li l-amministrazzjoni tieħu konjizzjoni tal-osservazzjonijiet tal-persuna kkonċernata bl-attenzjoni kollha meħtieġa.

34.

Id-dritt għal smigħ isegwi diversi għanijiet.

35.

Fl-ewwel lok, dan huwa utli sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u b’hekk sabiex jiġi kkumpilat il-proċess. L-osservazzjonijiet mogħtija mill-parti kkonċernata u l-komunikazzjoni tal-elementi kollha li jista’ jkollhom effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni għandhom jippermettu lil din tal-aħħar li teżamina b’għarfien sħiħ tal-kawża u b’mod eżawrjenti l-elementi kollha ta’ natura fattwali, ċirkustanzjali jew ġuridika li fuqhom tkun ibbażata l-proċedura.

36.

Fit-tieni lok, id-dritt għal smigħ għandu jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Din għandha dritt li tieħu sehem fil-proċedura li tikkonċernaha u, f’dan il-kuntest, għandha tingħata assigurazzjoni li tista’ tesprimi ruħha minn qabel dwar il-punti kollha importanti li fuqhom l-amministrazzjoni jkun beħsiebha li tibbaża d-deċiżjoni tagħha. Id-dritt għal smigħ għandu jippermettilha li tikkoreġi żball jew li tippreżenta informazzjoni dwar is-sitwazzjoni personali tagħha li tkun favur li d-deċiżjoni tittieħed, li ma tittiħidx, jew li jkollha kontenut partikolari ( 19 ). Dan jikkontribwixxi lejn il-fiduċja li ċ-ċittadin għandu jkollu fl-amministrazzjoni.

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod ċar l-eżistenza tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi ppreżentati minn persuna kkonċernata bil-għan li tibbenefika minn dritt bħal eżenzjoni doganali ( 20 ) jew konkors finanzjarju Komunitarju ( 21 ).

38.

Hija ppreċiżat ukoll il-portata ta’ dak id-dritt fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ natura kważi ripressiva li fihom l-amministrazzjoni tieħu passi kontra l-persuna kkonċernata minħabba att meqjus bħala kundannabbli u tadotta sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra tagħha ( 22 ).

39.

B’hekk, meta l-Kummissjoni tippenalizza akkordju jew abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt għal smigħ jimplika, mat-tmiem tal-inkjesta u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-komunikazzjoni lill-parti kkonċernata tal-ilmenti ssollevati kontra tagħha ( 23 ). Dik il-komunikazzjoni tal-ilmenti tikkostitwixxi dokument preparatorju li ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija ssemmi l-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi tispjega l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li hija għamlet fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-kawża u tiftaħ il-fażi kontradittorja tal-proċedura ( 24 ).

40.

Bl-istess mod, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill jiffriża l-fondi ta’ entitajiet involuti f’atti ta’ terroriżmu, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi, fil-prinċipju, li l-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri restrittivi jkunu ppreċeduti bil-komunikazzjoni lill-parti kkonċernata tal-elementi kkunsidrati kontriha kif ukoll bl-opportunità li tinstema’ ( 25 ). Għaldaqstant, dan il-prinċipju japplika biss għad-deċiżjonijiet li jittieħdu wara l-iffriżar ta’ fondi. Effettivament, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet inizjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tiffissa limiti għad-dritt għal smigħ, għall-finijiet tal-protezzjoni ta’ interess pubbliku superjuri. Peress li dawn id-deċiżjonijiet għandhom, min-natura tagħhom stess, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw immedjatament, il-Qorti tal-Ġustizzja tinvoka l-effettività tal-azzjoni amministrattiva meta tillimita l-komunikazzjoni tal-motivi lill-persuna kkonċernata u meta tiftaħ id-dritt għal smigħ tagħha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni jew immedjatament wara.

41.

Għalkemm id-dritt għal smigħ jista’, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, jiġi limitat meta jkun hemm riskju li dan jista’ jippreġudika interess pubbliku superjuri, madankollu dan xorta jikkostitwixxi formalità sostanzjali. Bħala konsegwenza u b’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-ksur ta’ dak id-dritt għandu jiġi ppenalizzat bħala tali mill-qorti u għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni jew tal-parti tad-deċiżjoni dwar il-fatti jew l-ilmenti li dwarhom il-parti kkonċernata ma setgħetx tissolleva l-osservazzjonijiet tagħha ( 26 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-okkażjoni li tippronunzja ruħha dwar il-portata tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, il-konsiderazzjonijiet li hija ressqet fil-kuntest tal-ġurisprudenza msemmija japplikaw, fil-fehma tiegħi, bl-istess saħħa.

43.

Effettivament, f’dan it-tip ta’ proċedura li hija kkaratterizzata minn sitwazzjoni umana u materjali diffiċli u fejn b’mod ċar tkun kwistjoni ta’ preżervazzjoni tad-drittijiet essenzjali tal-parti kkonċernata, ir-rispett ta’ dik il-garanzija proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali. Dan mhux biss minħabba li l-parti kkonċernata tokkupa post ċentrali b’mod eminenti peress li tagħti bidu għall-proċedura u hija l-unika persuna li tista’ tagħti, b’mod konkret, l-istorja personali tagħha kif ukoll il-kuntest li fih tinsab, iżda wkoll għaliex id-deċiżjoni mogħtija hija ta’ importanza vitali għaliha.

44.

Issa ser neżamina b’liema mod il-leġiżlatur tal-Unjoni implementa d-dritt għal smigħ fil-kuntest tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85.

C – Fuq l-implementazzjoni tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali

45.

Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva 2004/83 u t-tmien premessa tad-Direttiva 2005/85, il-leġiżlatur tal-Unjoni ntrabat li jirrispetta d-dittijiet fundamentali fl-istabbiliment tar-regoli sostantivi u proċedurali marbuta mal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali.

46.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk għamel ċert li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali rikonoxxuti lill-applikant u b’mod partikolari d-dritt għas-smigħ tiegħu.

47.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata li taqdi dmirha permezz ta’ eżami individwali oġġettiv u imparzjali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’mod konformi mal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2005/85. Hija għandha, barra minn hekk, tieħu konjizzjoni tal-elementi fattwali u ċirkustanzjali li hija bbażata fuqhom l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’mod xieraq u eżawrjenti, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85.

48.

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ b’mod effettiv, l-applikant jibbenefika mill-garanziji proċedurali msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikoli 10 u 13 tad-Direttiva 2005/85. B’hekk, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tinforma lill-parti kkonċernata, b’lingwa li hija tifhem, dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita kif ukoll bil-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tippreżenta l-argumenti tagħha. Hija għandha, barra minn hekk, tippermettilha tibbenefika minn interpretu u tiggarantilha eżami ddettaljat u bir-reqqa tal-applikazzjoni tagħha billi tqabbad persuna biex tmexxi l-intervista, li tkun kompetenti biex tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali jew ġenerali li fihom issir l-applikazzjoni. Finalment, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tal-intervista, li għandha effettivament tippermetti li tpoġġi lill-applikant f’sitwazzjoni ta’ fiduċja sabiex ikun jista’ jispjega b’mod ċar il-każ tiegħu u jesprimi l-opinjonijiet u s-sentimenti tiegħu b’mod sħiħ.

49.

Fit-tielet lok, nikkonstata li qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, l-applikant jinstema’ fil-kuntest ta’ laqgħa waħda jew iktar li matulha jew matulhom huwa jista’ jispjega l-elementi kollha ta’ natura fattwali u ċirkustanzjali li fuqhom huwa jibbaża l-applikazzjoni tiegħu.

50.

Qabel kollox, l-applikant jinstema’ matul laqgħa li l-prinċipju tagħha huwa ffissat fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2005/85 ( 27 ).

51.

Fil-fehma tiegħi, dik il-laqgħa tikkonkretizza d-dmir ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, li l-portata tagħha qed titpoġġa indiskussjoni f’din il-kawża.

52.

B’mod konformi mal-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, dik il-laqgħa għandha tippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tgħin lill-applikant “fit-tlestija ta’ l-applikazzjoni tiegħu u fil-preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni essenzjali fir-rigward ta’ l-applikazzjoni, konformement ma’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/83”. Dik l-informazzjoni tikkorrispondi mhux biss “[ma’ dik] ta’ l-applikant” u mad-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tiegħu “rigward l-età [tiegħu], l-ambjent minfejn ikun ġej, inkluż dak ta’ qraba rilevanti, identità, nazzjonalità(jiet), pajjiż(i) u post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, applikazzjonijiet ta’ asil ta’ qabel, [rotot] ta’ vjaġġar, dokumenti ta’ identita u ta’ vjaġġar”, iżda wkoll mar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

53.

Għalhekk, din l-ewwel laqgħa ssir fil-kuntest iffissat mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 u b’hekk għandha titpoġġa f’perspettiva mal-prinċipji ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dak l-Artikolu.

54.

L-artikolu msemmi jiffissa r-regoli li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom japplikaw f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ fatt u ċ-ċirkustanzi li jissostanzjaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

55.

Fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-ażil, l-għan huwa li jiġi ddeterminat, b’mod konformi mal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2004/83 u fuq il-bażi ta’ informazzjoni ferm konkreta, jekk il-biża’ tal-individwu li jiġi ppersegwitat malli jmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu hijiex fondata oġġettivament. Fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, l-għan huwa li jiġi evalwat, fid-dawl tal-Artikolu 2(e) ta’ dik id-direttiva, jekk jeżistux motivi serji u attwali biex wieħed jemmen li l-parti kkonċernata tinsab f’riskju reali li ġġarrab danni serji jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

56.

B’mod konformi mal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, l-oneru tal-prova jinsab fuq l-applikant għal protezzjoni internazzjonali. Effettivament, dan huwa obbligat li jippreżenta l-provi kollha meħtieġa sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu ( 28 ), li jfisser li l-applikant għandu, a priori, ikun f’pożizzjoni li jippreżenta s-sitwazzjoni li huwa jinsab fiha u li jressaq provi relatati ma’ dan.

57.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu kkwalifika dan il-prinċipju billi żied jgħid li “hija fil-kompetenza tal-Istat Membru biex jevalwa, b’kooperazzjoni mal-applikant, l-elementi relevanti tal-applikazzjoni”. Huwa b’hekk f’dan l-istadju tal-proċedura li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jistabbilixxi l-kooperazzjoni li l-portata tagħha tinsab inkwistjoni f’din il-kawża.

58.

Il-kooperazzjoni b’hekk għandha tinftiehem li hija suġġetta għall-preżentazzjoni tal-fatti rilevanti u għall-komunikazzjoni tal-elementi meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-applikazzjoni.

59.

L-użu tal-kunċett ta’ kooperazzjoni jippresupponi, barra minn hekk, kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet għall-finijiet ta’ għan komuni.

60.

Fil-kuntest tal-ħidmiet preparatorji tad-Direttiva 2004/83, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi obbligu “kondiviż” bejn l-applikant u l-Istat Membru inkarigat biex jeżamina l-applikazzjoni fil-verifika u l-evalwazzjoni tal-fatti kollha rilevanti ( 29 ).

61.

Fil-kuntest tal-kummenti mogħtija mill-UNHCR, intqal li din kienet tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ “responsabbiltà komuni għall-applikant u l-eżaminatur” f’dak li jirrigwarda l-kompitu li jiġu stabbiliti u evalwati l-elementi meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni ( 30 ).

62.

Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni jikkostitwixxi obbligu għall-applikant għall-ażil, b’mod konformi mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/85.

63.

Effettivament, l-applikant huwa l-persuna li tibda l-proċedura sabiex tibbenefika minn dritt. Huwa wkoll l-unika persuna li tista’ tispjega, b’mod konkret, l-istorja personali tagħha kif ukoll il-kuntest li fih tkun seħħet u li tista’ tagħti l-ewwel informazzjoni utli. Dik il-kooperazzjoni tissarraf f’diversi obbligi li fosthom insibu, b’mod partikolari, l-obbligu għall-individwu li jippreżenta ruħu personalment, f’data preċiża, li jippreżenta d-dokumenti u l-oġġetti li jkunu fil-pussess tiegħu u li huma rilevanti għall-eżami tal-applikazzjoni jew li jaċċetta r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tiegħu.

64.

Dak id-dmir ta’ kooperazzjoni jinsab ukoll fuq l-Istat Membru. Dan huwa spjegat, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tad-diffikultajiet li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiltaqa’ magħhom fl-istabbiliment tal-provi.

65.

Minn naħa waħda, ma huwiex wisq probabbli li dan ikun dejjem f’pożizzjoni li jiddetermina jekk l-applikazzjoni tiegħu tissodisfax il-kriterji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Genève jew fid-Direttiva 2004/83, li jkun jaf bi strumenti oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom huma bbażati forom oħra ta’ protezzjoni internazzjonali jew li jista’ jissottometti, mill-bidu nett, l-iktar provi adegwati għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu.

66.

Min-naħa l-oħra, huwa indispensabbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà mhux biss materjali, iżda wkoll psikoloġika li fiha jista’ jsib ruħu l-applikant għall-ażil. Kif ifakkar il-UNHCR, dan tal-aħħar, billi jkun ħarab minn pajjiżu, jista’ jasal bl-inqas affarijiet possibbli, ma jkollu ebda dokument ta’ identità u jista’, għaldaqstant, ma jkunx f’pożizzjoni li jissostanzja d-dikjarazzjonijiet tiegħu bi provi dokumentati. L-applikant jista’, barra minn hekk, ikun għaddej minn trawma psikoloġika u jħoss sens ta’ sfiduċja f’awtorità pubblika, minħabba dak li jkun għadda minnu f’pajjiżu, u jista’ jkun qed jibża’ jitkellem b’mod liberu u li jistqarr totalment u kompletament l-elementi kollha tas-sitwazzjoni tiegħu ( 31 ).

67.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kooperazzjoni stabbilita fil-kuntest tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 għandha tippermetti, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, li jiġu evalwati u miġbura l-iktar elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u li tinġabar, flimkien mal-applikant u permezz tar-riżorsi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-kredibbiltà tal-applikant u l-fondatezza tal-applikazzjoni tiegħu.

68.

F’dan l-istadju tal-eżami tiegħi, nista’ diġà nikkonkludi li, billi stabbilixxa dmir ta’ kooperazzjoni fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx iġiegħel lill-Istat Membru li jikkomunika, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sfavorevoli, l-elementi li fuqhom ikun beħsiebu jibbaża dik id-deċiżjoni u li jirċievi, fuq dak il-punt, l-osservazzjonijiet tal-applikant. Dik il-kooperazzjoni, bħal-laqgħa li fiha tista’ tiġi konkretizzata, għandha biss l-għan li tgħin lill-applikant biex jimla l-applikazzjoni tiegħu u li tiġbor l-elementi meqjusa bħala essenzjali għal dak il-għan.

69.

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-applikant għandu wkoll id-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ intervista personali stabbilita mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2005/85.

70.

B’applikazzjoni tal-Artikolu 13(3) ta’ dik l-istess direttiva, dik l-intervista għandha tippermetti lill-parti kkonċernata li tippreżenta l-motivi kollha tal-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, lanqas ma hija intenzjonata li tikkomunika lill-parti kkonċernata l-evalwazzjoni li tkun saret mill-awtorità nazzjonali kompetenti u li tirċievi l-osservazzjonijiet tal-applikant qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

71.

Finalment, għandu jingħad li l-applikant jirċievi rapporti li jsiru wara kull laqgħa.

72.

Effettivament, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/85, l-intervisti bejn l-applikant u l-awtorità nazzjonali kompetenti għandhom ikunu suġġetti għal rapport bil-miktub, li għandu jiġi kkomunikat lill-parti kkonċernata “fil-ħin” jew fi stadju bikri biżżejjed sabiex tkun tista’ tħejji u tressaq rikors fiż-żmien stipulat. Dan ir-rapport għandu jinkludi “mill-inqas” l-informazzjoni essenzjali dwar l-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-parti kkonċernata biex tapprova l-kontenut tagħha, u li l-punti li ma jkunx jaqbel magħhom jistgħu jitpoġġew, jekk ikun il-każ, fil-fajl personali tiegħu. L-applikant b’hekk għandu l-possibbiltà li jikkoreġi ċerti elementi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni jew warajha fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju.

73.

Wara dik l-analiżi tar-regoli sostantivi u proċedurali li jirregolaw l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux il-ħsieb li jobbliga lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jew fl-okkażjoni tal-intervisti personali u komunikazzjonijiet qabel it-teħid tad-deċiżjoni, li jikkomunikaw lill-parti kkonċernata l-abbozz tad-deċiżjoni prevista u li jirċievu l-opinjoni tagħha, meta jkun bi ħsiebhom jagħtu deċiżjoni sfavorevoli.

74.

B’hekk, jekk tali obbligu ma jistax jiġi dderivat mid-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttivi 2004/83 u 2005/85, jista’ jiġi stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tad-dritt għal smigħ?

75.

Ma naħsibx.

76.

Kif diġà rajna, huwa minnu li, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ natura kważi ripressiva bħal dik li fiha l-Kummissjoni tippenalizza akkordju jew abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt għal smigħ jimplika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-komunikazzjoni lill-parti kkonċernata tal-ilmenti kontra tagħha. Dik il-komunikazzjoni tesponi l-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi tispjega l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li hija tkun għamlet fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-kawża ( 32 ).

77.

F’dan il-kuntest, id-dritt għal smigħ effettivament jippermetti lill-persuna kkonċernata li tieħu konjizzjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, tal-mod kif l-awtorità beħsiebha tevalwa ġuridikament il-fatti allegati u li tesprimi ruħha, jekk ikun il-każ, dwar il-motivazzjoni ġuridika.

78.

Hawnhekk ninsabu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ natura kważi penali fejn il-Kummissjoni tieħu passi kontra impriża minħabba att meqjus bħala kundannabbli. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’hekk hija simili għal “att ta’ akkuża” fformulat wara inkjesta mmexxija mill-Kummissjoni. Din tiftaħ il-fażi kontradittorja tal-proċedura, fejn l-impriża titpoġġa f’pożizzjoni li tissottometti l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u li tinstema’ fil-kuntest ta’ seduta dwar il-fatti li fihom tkun akkużata, l-elementi ta’ prova li fuqhom ikunu bbażati dawk il-fatti kif ukoll il-kwalifikazzjoni tal-fatti msemmija.

79.

F’dan il-kuntest, id-dritt għal smigħ jinftiehem bħala dritt ġenwin tad-difiża, li jippermetti lill-impriża li tiċħad l-akkużi miġjuba kontra tagħha qabel ma l-Kummissjoni timponi miżura jew penali kontra tagħha.

80.

Fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tinfetaħ mill-parti kkonċernata stess bil-għan li tibbenefika minn dritt, hija diġà setgħet tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati.

81.

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha ċċitati iktar ’il fuq Sopropé u Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, l-iskop tar-regola li permezz tagħha d-destinatarju ta’ deċiżjoni sfavorevoli għandu jitpoġġa f’sitwazzjoni li jkun jista’ jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tiġi adottata huwa li l-awtorità kkonċernata tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod utli l-elementi rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-imsemmi destinatarju, hija għandha b’mod partikolari l-għan li huwa jkun jista’ jikkoreġi żball jew iressaq dawk l-elementi relattivi għas-sitwazzjoni personali tiegħu li jimmilitaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut partikolari.

82.

Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-qafas regolamentarju deskritt qabel, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel ċert li, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, id-dritt tal-applikant li jinstema’ jkun żgurat f’dawn it-termini.

83.

Għalkemm l-ewwel elementi li fuqhom hija bbażata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huma, fl-ewwel lok, ipprovduti fuq il-bażi ta’ formularju jew kwestjonarju standard, l-applikant jista’, sussegwentement, jikkomunika r-realtà tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li kellu jaffronta fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu fl-okkażjoni tal-fażi ta’ investigazzjoni tal-applikazzjoni. F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 tippermetti lill-applikant li jevalwa l-iktar elementi rilevanti u li jgħaqqad, b’mod konġunt mal-awtorità nazzjonali kompetenti, l-informazzjoni kollha meħtieġa insostenn tal-applikazzjoni tiegħu. Rigward l-intervista jew l-intervisti personali msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/85, dawn jikkostitwixxu okkażjoni ġdida għall-applikant biex jiġi intervistat mill-persuna l-iktar ikkwalifikata biex tikkunsidra s-sitwazzjoni personali tiegħu. Huwa jista’ jsemmi l-motivi kollha tal-applikazzjoni tiegħu kif ukoll l-elementi ġodda kollha li ma kienx integra fl-argumentazzjoni tiegħu u jista’ jispjega ruħu. Għall-awtorità nazzjonali kompetenti, dik l-intervista tippermetti li tiġi eżaminata b’mod ferm konkret ir-rilevanza ta’ dawk l-elementi kollha sabiex tiġi evalwata l-personalità tal-individwu kif ukoll il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tiegħu u li jixħet dawl, jekk ikun il-każ, fuq ċerti kontradizzjonijiet.

84.

Barra minn hekk, ma għandux jintesa’ li, b’mod konformi mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2005/85, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata li timmotiva fil-fatt u fid-dritt id-deċiżjoni li twassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 39 ta’ dik id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’hekk, il-legalità tad-deċiżjoni finali adottata u, b’mod partikolari, il-motivi li wasslu lill-awtorità kompetenti biex tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil bħala infondata, jistgħu jkunu suġġetti għal eżami fil-fond mill-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dik l-applikazzjoni ( 33 ).

85.

Finalment, għandu jitfakkar li l-proċeduri stabbiliti fil-kuntest tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85 jikkostitwixxu regoli minimi. B’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu jew li jżommu regoli iktar favorevoli f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet sostantivi kif ukoll il-proċeduri għall-għoti u għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm-il darba dawk ir-regoli jkunu kompatibbli mal-imsemmija direttivi. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jsaħħu l-garanziji fundamentali mogħtija lill-applikant fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Il-Gvern Olandiż b’hekk jindika, fl-osservazzjonijiet tiegħu, li fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-ministru kompetenti huwa obbligat li jinforma lill-applikant, bil-miktub u b’motivi ta’ sostenn, bl-intenzjoni tiegħu li jiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu sabiex jirċievi l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u, jekk ikun il-każ, li jirrettifika xi difetti li jistgħu jivvizzjaw id-deċiżjoni.

86.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li d-dmir ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, moqri fid-dawl tar-regoli u tal-garanziji proċedurali stabbliti fil-kuntest tad-Direttiva 2005/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni ma hijiex obbligata li tikkomunika, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sfavorevoli, l-elementi li fuqhom hija jkun bi ħsiebha tibbaża din tal-aħħar u li tirċievi, fuq dan il-punt, l-osservazzjonijiet tal-applikant.

87.

Din l-interpretazzjoni hija meħtieġa fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil.

88.

Hija meħtieġa bl-istess mod, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/85, meta l-Istat Membru jkun stabbilixxa proċedura unika li fil-kuntest tagħha huwa jeżamina l-applikazzjoni fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-applikazzjoni mill-persuna kkonċernata jew ex officio, fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti teżamina awtomatikament il-motivi tal-protezzjoni sussidjarja, meta l-kundizzjonijiet biex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat ma jkunux sodisfatti. Effettivament, rajna li, f’dik l-ipoteżi, hija għandha tirrispetta r-regoli u l-garanziji proċedurali stabbiliti mid-Direttiva 2005/85, matul dik il-proċedura kollha.

89.

Min-naħa l-oħra, meta l-Istat Membru jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja fil-kuntest ta’ proċedura distinta, huwa ma huwiex obbligat, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85, li jagħti l-garanziji proċedurali previsti għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. Madankollu, jibqa’ obbligat, minn naħa waħda, biex jikkoopera mal-applikant, fil-kuntest imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxi d-dritt għal smigħ, inkwantu kif diġà ntqal, dan jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

90.

Konsegwentement u fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, meta wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil, titressaq applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja fil-kuntest ta’ proċedura ġdida, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tkunx, fil-fehma tiegħi, obbligata li tikkomunika l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha, sakemm, madankollu, hija tkun poġġiet lill-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tressaq l-argumenti kollha u li tipproduċi d-dokumenti kollha li juru li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet partikolari tal-protezzjoni sussidjarja msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83.

91.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi li d-dmir ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, moqri fid-dawl tar-regoli u l-garanziji proċedurali stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2005/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali kompetenti jkun bi ħsiebha tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja mressqa wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil, hija ma tkunx obbligata li tikkomunika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-elementi li fuqhom hija bi ħsiebha tibbaża din tal-aħħar u li tirċievi, fuq dan il-punt, l-osservazzjonijiet tal-applikant.

92.

B’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu jew iżommu regoli iktar favorevoli fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm-il darba dawk ir-regoli jkunu kompatibbli mal-imsemmija Direttivi.

D – L-applikazzjoni għal din il-kawża

93.

Għalkemm huwa fil-kompetenza esklużiva tal-qorti li quddiemha tinsab il-kawża prinċipali biex teżamina jekk id-deċiżjoni ġietx adottata bi ksur tal-garanziji proċedurali mogħtija lill-applikant, madankollu nixtieq, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, nipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi li ġejjin għall-kunsiderazzjoni tagħha.

94.

Fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-regoli dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil kienu jinsabu fil-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati (Refugee Act 1996). Id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jinsabu, min-naħa l-oħra, fir-Regolament tal-2006 dwar l-ammissibbiltà tal-protezzjoni fil-kuntest tal-Komunitajiet Ewropej [European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006] ( 34 ), li jittrasponi d-Direttiva 2004/83.

95.

Jiena fhimt, matul is-seduta, li l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja fl-Irlanda jsir fil-kuntest ta’ proċedura distinta. Attwalment, ma teżistix proċedura unika. B’hekk, kif ikkonfermaw l-Irlanda u l-Kummissjoni, il-garanziji proċedurali stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2005/85 ma humiex applikabbli għal dik il-proċedura.

96.

L-ewwel nett, quddiem il-qorti tar-rinviju, M. sostna li ma nstemax fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tiegħu u li huwa ma kienx jaf x’kienu l-elementi li fuqhom l-awtorità nazzjonali kompetenti kien bi ħsiebha tibbaża d-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha.

97.

Mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li huwa, effettivament, ma nstemax fil-kuntest ta’ intervista personali f’dak l-istadju tal-proċedura.

98.

Fil-fehma tiegħi, għalkemm l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jsir fil-kuntest ta’ proċedura distinta, ma jidhirlix li għandhom jiġu injorati l-garanziji proċedurali li minnhom diġà bbenefika M. matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu. Effettivament, dawn iż-żewġ proċeduri jibqgħu marbuta b’mod intimu u bbażati, b’mod ferm konkret, fuq storja personali u fatti analogi. Għaldaqstant, huwa indispensabbli li jiġi żgurat li M. seta’ jressaq b’mod effettiv u utli l-osservazzjonijiet kollha tiegħu dwar ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata speċifikament l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tiegħu.

99.

Fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tiegħi, inħoss li l-persuna kkonċernata kienet f’pożizzjoni tajba biex tressaq l-argumenti tagħha dwar l-elementi li jiġġustifikaw l-għoti mhux biss tal-istatus ta’ refuġjat, iżda wkoll tal-protezzjoni sussidjarja.

100.

M. ressaq applikazzjoni għall-ażil quddiem l-ORAC fil-21 ta’ Mejju 2008, id-data meta huwa nstema’ fil-kuntest ta’ intervista preliminari b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati. F’dan il-kuntest, huwa kellu jimla kwestjonarju bil-għan li tinkiseb mingħandu kull informazzjoni rilevanti dwaru kif ukoll ir-raġunijiet li jimmotivaw l-applikazzjoni tiegħu. Fuq dik il-bażi u b’applikazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ dik il-liġi, M. nstema’ fit-23 ta’ Awwissu 2008, f’intervista personali li matulha huwa tħalla jippreżenta r-raġunijiet kollha li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tiegħu u l-provi li jissostanzjawhom. Dik l-intervista tat lok għat-tfassil ta’ rapport, li jikkostitwixxi deċiżjoni tal-ewwel istanza ( 35 ), li kien jinkludi rakkomandazzjoni negattiva tal-ORAC, li kien tal-fehma, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata ma kinitx kredibbli biżżejjed meta jitqies id-dewmien fil-preżentazzjoni ta’ dik l-applikazzjoni.

101.

Dik ir-rakkomandazzjoni ġiet innotifikata lill-parti kkonċernata fit-8 ta’ Settembru 2008. B’mod konformi mal-Artikolu 16(1) tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati, M. ressaq rikors kontra dik ir-rakkomandazzjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (l-Irlanda). Dak ir-rikors ġie eżaminat fil-kuntest ta’ proċedura bil-miktub, inkwantu l-fażi orali tal-proċedura ma saritx, skont l-Artikolu 13(5) u (6)(c) ta’ dik il-liġi, peress li l-applikant ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu fi żmien raġonevoli mingħajr raġuni valida ( 36 ). Dik il-proċedura ppermettietlu, minn naħa waħda, li jieħu pożizzjoni dwar il-motivi mogħtija mill-ORAC għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil u, min-naħa l-oħra, li jippreżenta għal darba oħra r-raġunijiet kollha li jipprekluduh milli jmur lura f’pajjiżu, filwaqt li jżid ma’ dawk in-noti ta’ osservazzjonijiet provi supplimentari kkomunikati fil-25 ta’ Settembru 2008.

102.

B’deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2008, ir-Refugee Appeals Tribunal ikkonferma r-rakkomandazzjoni negattiva tal-ORAC u talab biex l-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil M. Dik id-deċiżjoni, li għandha tiġi mmotivata b’mod konformi mal-Artikolu 16(17) tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati, ġiet ikkomunikata lill-parti kkonċernata fil-31 ta’ Ottubru 2008. Huwa ma kkontestax il-konklużjonijiet tal-ORAC u lanqas din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-High Court ( 37 ).

103.

B’ittra nnotifikata fit-8 ta’ Diċembru 2008, M. ġie infurmat bid-deċiżjoni tal-Minister for Justice, Equality and Law Reform biex tinċaħad l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu u li jieħu deċiżjoni ta’ deportazzjoni kontra tiegħu. Dik in-notifika ġiet akkumpanjata b’parir fejn huwa ġie infurmat li seta’ jitlob, minn naħa waħda, il-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja u, min-naħa l-oħra, awtorizzazzjoni temporanja biex jibqa’ fit-territorju. Għal dan il-għan, ma’ dik l-ittra ntehmżu avviż ta’ informazzjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja kif ukoll il-formularju li jippermetti li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Minbarra l-informazzjoni personali, l-applikant ġie mistieden biex jikkomunika d-dokumenti supplimentari kollha u biex jagħti dettalji tar-raġunijiet relatati speċifikament maċ-ċirkustanzi invokati insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tiegħu billi ġie ppreċiżat, b’mod partikolari, il-preġudizzju gravi li seta’ jġarrab malli jmur lura f’pajjiżu.

104.

Għaldaqstant, M. ressaq applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja fil-31 ta’ Diċembru 2008, li ġiet ikkompletata fil-15 ta’ Lulju 2009 u fis-6 ta’ Awwissu 2010 b’dokumenti li jissostanzjaw l-applikazzjoni tiegħu. Din tal-aħħar ġiet eżaminata b’mod konformi mar-regoli 4 u 5 tar-Regolament tal-2006, li jittrasponu l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83. B’hekk, b’mod konformi mar-regola 5 tar-Regolament tal-2006, l-awtorità nazzjonali kompetenti kienet obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha dwar il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni, inklużi l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti kkomunikati mill-applikant, inkluża l-informazzjoni dwar il-fatt li huwa kien suġġett jew seta’ kien suġġett għal persekuzzjonijiet jew ġarrab jew seta’ jġarrab preġudizzju serju, kif ukoll is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, inklużi fatturi bħall-istorja preċedenti tiegħu, is-sess, l-età u l-attivitajiet li huwa wettaq wara li telaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li jistgħu jwasslu għal persekuzzjonijiet jew preġudizzju serju f’każ li jmur lura.

105.

L-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja nċaħdet fl-24 ta’ Settembru 2010 mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform li kkunsidra li, minħabba d-dubji serji dwar il-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet tal-applikant, ma kienx possibbli li jintwera li huwa kien jinsab f’riskju li jsofri preġudizzju serju malli jmur lura f’pajjiżu. Dik id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet innotifikata lil M. fit-30 ta’ Settembru 2010.

106.

Ir-rendikont tal-fatti li għadni kemm tajt jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jiġi stabbilit li M. seta’ jippreżenta l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħu, protezzjoni internazzjonali, fil-forma ta’ dritt għall-ażil jew protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, nista’ nippreżumi li huwa kien jaf l-elementi li fuqhom l-awtorità nazzjonali kompetenti setgħet tevalwa l-fondatezza ta’ dik l-applikazzjoni peress li, matul l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, huwa ġie intervistat f’diversi okkażjonijiet mill-ORAC, u sussegwentement seta’ jsir jaf bir-raġunijiet invokati minnu biex jagħti rakkomandazzjoni negattiva fil-kuntest tar-rikors imressaq quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal. Finalment, huwa kkomunika l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Minister for Justice, Equality and Law Reform.

107.

Fit-tieni lok, M. jallega li l-awtorità nazzjonali kompetenti bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq dokumenti ppubblikati fl-2010, u b’mod partikolari fuq rapport tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar is-sitwazzjoni fir-Rwanda, waqt li l-persuna kkonċernata ppreżentat l-istess rapport iddatat 2008 kif ukoll informazzjoni supplimentari dwar is-sistema ġudizzjarja tar-Rwanda aġġornata f’ittra tas-6 ta’ Awwissu 2010.

108.

Ma nistgħux nakkużaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti talli evalwat il-fondatezza tal-applikazzjoni inkwistjoni fuq il-bażi tal-iktar informazzjoni preċiża u attwali dwar is-sitwazzjoni ġenerali fir-Rwanda.

109.

Effettivament, b’mod konformi mal-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri għandhom jipproċedu għal evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni “il-fatti kolla rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż tal-oriġin[i] fil-ħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni [ ( 38 )]”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85, liema dispożizzjoni ċertament ma hijiex applikabbli fil-proċedura inkwistjoni, l-awtorità responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għandha tipproċedi għal eżami xieraq u oġġettiv u għandha, għal dak il-għan, tiżgura li “tiġi miksuba informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, […] rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiż[…] ta’ origini ta’ l-applikant[…]”.

110.

Għaldaqstant, kif indikat il-High Court fis-sentenza tagħha Ahmed vs Minister for Justice, Equality and Law Reform, iċċitata iktar ’il fuq, l-applikant għandu jistenna sakemm l-awtorità responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu twettaq il-kompitu tagħha billi tiżgura li jkollha informazzjoni perfettament aġġornata.

111.

Il-kwistjoni issa hija jekk ir-rapport tal-2010 kienx ta’ tali natura li jorjenta b’mod sostanzjali d-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti. Kieku dan kien il-każ u inkwantu jikkonsisti, konsegwentement, f’element essenzjali, jiena tal-fehma li l-parti kkonċernata b’hekk kellha titpoġġa f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar dak il-punt. F’din il-kawża u fid-dawl tal-elementi tal-proċess, ma jidhirx li dan huwa l-każ. Minn naħa waħda, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma kienx hemm bidliet notevoli fis-sitwazzjoni ġenerali u tas-sigurtà fir-Rwanda fil-perijodu bejn l-2007 u l-2010. Min-naħa l-oħra, hija tindika li, fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tal-applikant u b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ kredibbiltà li biha huwa jinsab akkużat, id-differenzi bejn ir-rapport tal-2008 u dak tal-2010 ma humiex wisq rilevanti. Għaldaqstant, jidher li l-informazzjoni li fuqha bbaża l-Minister for Justice, Equality and Law Reform sempliċement ikkorroborat il-konklużjonijiet li kienu diġà ntlaħqu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil.

112.

Fit-tielet lok, M. jsostni li huwa ma kienx jaf f’liema mument kienet ser tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja, waqt li kkritika, barra minn hekk, id-dewmien tal-proċedura.

113.

Mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għall-ażil imressqa minn M. damet sitt xhur u nofs u dik dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tiegħu damet 21 xahar. Il-parti kkonċernata b’hekk saret taf bis-sitwazzjoni tagħha wara proċedura li damet ftit iktar minn sentejn u tliet xhur.

114.

Jidhirli li huwa ċar li dak id-dewmien ma huwiex raġonevoli. Għalkemm fl-Irlanda l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ma huwiex suġġett għar-regoli proċedurali msemmija fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85 – li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi konkluża mill-iktar fis possibbli u, fejn ma tistax tittieħed deċiżjoni fi żmien sitt xhur, li l-applikant għandu jiġi infurmat dwar id-dewmien jew jirċievi informazzjoni dwar id-dewmien – xorta jibqa’ l-fatt li l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata li tiggarantixxi, meta hija tadotta deċiżjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jiġi osservat id-dritt tal-parti kkonċernata għal amministrazzjoni tajba, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

115.

B’hekk, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja, bħall-applikazzjonijiet għal ażil, għandhom ikunu suġġetti għal eżami diliġenti, li jsir fi żmien raġonevoli, peress li r-rapidità tal-proċedura tikkontribwixxi mhux biss għaċ-ċertezza ġuridika tal-applikant, iżda wkoll għall-integrazzjoni tiegħu.

116.

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa liema grad id-dewmien relattivament twil ta’ dik il-proċedura seta’ jippreġudika d-drittijiet u l-garanziji mogħtija lil M. fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tiegħu.

II – Konklużjoni

117.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-High Court b’dan il-mod:

“Id-dmir ta’ kooperazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-istandards minimi għall-kwalifikazzjoni u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew persuni li, għal raġunijiet oħra, jkunu jeħtieġu ħarsien internazzjonali u l-kontenut tal-ħarsien mogħti, moqri fid-dawl tar-regoli u l-garanziji proċedurali stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali kompetenti jkun bi ħsiebha tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ppreżentata wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil, hija ma hijiex obbligata li tikkomunika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-elementi li fuqhom ikun bi ħsiebha tibbaża dik id-deċiżjoni u li tirċievi, fuq dak il-punt, l-osservazzjonijiet tal-applikant.

B’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/83 u mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu jew iżommu regoli iktar favorevoli fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti u għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm-il darba dawk ir-regoli jkunu kompatibbli mad-direttivi msemmija.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-istandards minimi għall-kwalifikazzjoni u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat bħala refuġjati jew persuni li, għal raġunijiet oħra, jkunu jeħtieġu ħarsien internazzjonali, u l-kontenut tal-ħarsien mogħti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u corrigendum ĠU 2005, L 204, p. 24).

( 3 ) Ara d-definizzjoni fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83.

( 4 ) Iktar ’il quddiem l-“ORAC”.

( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fi Stati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168 u corrigendum ĠU 2006, L 236, p. 36).

( 7 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C-69/10, Ġabra p. I-7151), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri għandhom f’diversi sitwazzjonijiet marġni ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85, evidentement b’kunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet tad-dritt nazzjonali tagħhom (punt 29).

( 8 ) Ara l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

( 9 ) Din il-konvenzjoni, li ġiet iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din il-konvenzjoni kienet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.

( 10 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, intitolata “Reġim ta’ ażil Ewropew komuni iktar effikaċi - Il-proċedura unika bħala l-istadju li jmiss [COM(2004) 503 finali].

( 11 ) Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [COM(2011) 319 finali, punt 3.1.5]. Din il-proposta kienet tipprevedi proċedura unika u b’hekk tistabbilixxi b’mod ċar li l-applikazzjonijiet kellhom jitqiesu fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali previsti mid-Direttiva 2004/83, bl-għan li l-garanziji proċedurali kollha applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil jiġu estiżi għal dak ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

( 12 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C-57/09 u C-101/09, Ġabra p. I-10979).

( 13 ) Punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 ) Skont l-Artikolu 35(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-UNHCR għandu l-kompitu li jiżgura li jiġu applikati konvenzjonijiet internazzjonali li jiżguraw il-protezzjoni tar-refuġjati. Huwa interessanti li ssir referenza għall-gwida dwar il-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tal-konvenzjoni tal-1951 u l-protokoll tal-1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, maħruġ mill-UNHCR, f’Jannar 1992, li jinsab f’dan l-indirizz fuq Internet: http://unhcr.org/refworld/docid/3ae6b32b0.html.

( 15 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C-349/07, Ġabra p. I-10369, punti 36 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C-27/09 P, Ġabra p. I-13427, punt 66), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T-439/10 u T-440/10, punti 71 u 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C-482/10, Ġabra p. I-14139), irrilevat espressament li, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta ma huwiex indirizzat lil-Istati Membri, iżda biss lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni (punt 28).

( 17 ) Sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

( 18 ) Ibidem (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll il-punt 50).

( 19 ) Ibidem (punt 49). Ara wkoll is-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C-269/90, Ġabra p. I-5469, punti 23 sa 25), dwar l-għoti ta’ eżenzjoni doganali għall-importazzjoni ta’ apparat xjentifiku, u tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Novembru 1995, France-aviation vs Il-Kummissjoni (T-346/94, Ġabra p. II-2841, punt 34), għal applikazzjoni ta’ dik il-ġurisprudenza għall-proċeduri ta’ rimbors tal-imposti doganali.

( 21 ) Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, (C-32/95 P, Ġabra p. I-5373).

( 22 ) Ara, għal applikazzjoni fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni (C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P, Ġabra p. I-7191), kif ukoll, għal applikazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq (punti 61 sa 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70).

( 25 ) Sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq (punti 61 u 62).

( 26 ) Ara, għal applikazzjoni, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Technische Universität München kif ukoll Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni.

( 27 ) Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/85 hija applikabbli għal dik il-laqgħa b’mod konformi mal-paragrafu 4 tiegħu.

( 28 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2005/85.

( 29 ) Ara l-kummenti tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 7(a), li jinsabu fil-proposta għal direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2001 dwar ir-regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti miċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr Stat sabiex jinvokaw l-istat ta’ refuġjat jew ta’ persun li, għal raġunijiet oħra, għandha bżonn protezzjoni internazzjonali, u dwar il-kontenut ta’ dawn ir-regoli [COM(2001) 510 finali].

( 30 ) Ara l-kummenti annotati tal-UNHCR fuq id-Direttiva 2004/83 dwar l-Artikolu 4(1) tagħha.

( 31 ) Ara l-kummenti annotati tal-UNHCR dwar id-Direttiva 2004/83 dwar l-Artikolu 4 tagħha u l-punti 195 sa 205 tal-gwida dwar il-proċeduri u l-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tal-konvenzjoni tal-1951 u tal-protokoll tal-1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

( 32 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 23 u 24.

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Samba Diouf, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).

( 34 ) Iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”.

( 35 ) B’mod konformi mal-Artikolu 13(4)(a) tal-imsemmija liġi, dak ir-rapport għandu jiġi kkomunikat lill-applikant.

( 36 ) Dan huwa wkoll il-każ meta t-talba tkun, b’mod partikolari, manifestament infondata jew meta l-applikant ikun qarraq lill-awtoritajiet billi ppreżenta indikazzjonijiet foloz [traspożizzjoni tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85].

( 37 ) Mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Irlanda jirriżulta li l-applikant li kien suġġett għal rakkomandazzjoni negattiva tal-ORAC u/jew tar-Refugee Appeals Tribunal, jista’ jressaq rikors ġudizzjarju quddiem il-High Court skont l-Artikolu 5(1)(h) u (i) tal-liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina u l-kummerċ fil-bnedmin [Illegal Immigrants (Trafficking) Act 2000].

( 38 ) Enfasi tiegħi.