KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-5 ta’ Lulju 2012 ( 1 )

Kawża C-149/11

Leno Merken BV

vs

Hagelkruis Beheer BV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Trade mark Komunitarja — Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja — Użu ġenwin — Post tal-użu”

1. 

Il-protezzjoni tat-trade mark hija b’mod kwintessenzjali territorjali. Dan minħabba li t-trade mark hija dritt ta’ proprjetà li tipproteġi sinjal f’territorju partikolari. Fl-Unjoni Ewropea, teżisti kemm il-protezzjoni ta’ trade mark nazzjonali kif ukoll dik Komunitarja. Proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jista’ jeżerċita d-drittijiet marbutin ma’ dik it-trade mark fit-territorju ta’ Stat Membru li taħt id-dritt nazzjonali tiegħu tkun protetta t-trade mark. Proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jagħmel l-istess ħaġa fit-territorju tas-27 Stat Membru minħabba li t-trade mark hija effettiva f’dak it-territorju kollu ( 2 ).

2. 

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) jipprovdi li trade mark Komunitarja għandha tkun suġġetta għas-sanzjonijiet jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel “użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata” (sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu) ( 4 ).

3. 

Filwaqt li l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja hija definita legalment b’riferiment għat-territorju tas-27 Stat Membru, il-punt dwar fejn dik it-trade mark għandu jsir użu ġenwin minnha ma jistax jingħata risposta bilfors bl-istess mod. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi safejn testendi ż-żona territorjali li fiha t-trade mark trid tintuża biex tkun tissodisfa l-kundizzjoni tal-“użu ġenwin” imsemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament u b’mod partikolari jekk huwiex suffiċjenti li t-trade mark tintuża fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tat-trade mark Ewropew

Ir-Regolament

4.

It-trade mark Komunitarja hija “trade mark ta’ prodotti jew servizzi li tkun irreġistrata skont il-kundizzjonijiet li jinsabu” fir-Regolament ( 5 ). It-trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’“sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra”. ( 6 )

5.

Skont il-premessa 2 tal-preambolu tar-Regolament, “[s]abiex jinħoloq suq ta’ dan it-tip li jkun dejjem iżjed suq waħdieni, hemm bżonn li mhux biss jitneħħew kull ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi u li jsiru arranġamenti li jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix ostakolata, imma wkoll, li jinħolqu kundizzjonijiet legali li jippermettu li l-impriżi jaddattaw l-attivitajiet tagħhom għall-iskala tal-Komunità, kemm fil-manufattura u fid-distribuzzjoni ta’ beni kif ukoll fil-provvediment ta’ servizzi”. Il-premessa 2 tgħid ukoll li:

“Għal dawn l-għanijiet, fost l-istrumenti legali għad-dispożizzjoni tal-impriżi għandu jkun hemm trade marks li jippermettu li l-prodotti u s-servizzi ta’ dawn l-istess impriżi jintgħarfu b’mod identiku fil-Komunità kollha, irrispettivament mill-fruntieri”.

6.

Il-premessa 3 tipprovdi li, sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet tal-istess Komunità, “jidher neċessarju li jkun hemm arranġamenti Komunitarji għar-rigward ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trade mark Komunitarja taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fil-Komunità kollha”. Dan hu l-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark Komunitarja, li “japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor”.

7.

Il-premessa 6 tirrikonoxxi l-libertà li impriża tirreġistra trade mark bħala trade mark nazzjonali jew trade mark Komunitarja, filwaqt li tenfasizza li “[m]a jidhirx li huwa ġustifikat li l-impriżi jkunu meħtieġa li japplikaw għar-registrazzjoni tat-trade marks tagħhom bħala trade marks Komunitarji”. Skont din il-premessa, “[i]t-trade marks nazzjonali jibqgħu meħtieġa għal dawk l-impriżi li ma jkunux jixtiequ l-protezzjoni tat-trade marks tagħhom fil-livell Komunitarju”.

8.

Skont il-premessa 10, “[m]’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw”.

9.

L-Artikolu 1(2) jipprovdi li:

“It-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fil-Komunità kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Kommunità kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

10.

Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja tagħti ċerti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju tagħha. Dawn id-drittijiet jinsabu elenkati b’mod partikolari fl-Artikolu 9, li jipprovdi li:

“1.   It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a)

kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

(b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

(ċ)

kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

[…]”

11.

L-Artikolu 15 jipprovdi li l-proprjetarju għandu jagħmel użu mit-trade mark Komunitarja:

“1.   Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fl-ewwel subparagrafu:

(a)

l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija ġiet reġistrata;

(b)

it-twaħħil tat-trade mark Komunitarja ma’ prodotti jew mal-imballaġġ tagħhom fil-Komunità għal skopijiet ta’ esportazzjoni biss.

2.   L-użu ta’ trade mark Komunitarja bil-kunsens tal-proprjetarju għandu jitqies li jikkostitwixxi użu mill-proprjetarju.”

12.

L-Artikolu 42 bit-titolu “Eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni”, jipprovdi li:

“2.   Fuq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3.   Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu f’ l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.”

13.

L-Artikolu 51 għandu t-titolu “Raġunijiet għal revoka” u jipprovdi li:

“1.   Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

(a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu […]

[…]”

14.

Skont l-Artikolu 112, proprjetarju ta’ trade mark jista’ jitlob li t-trade mark Komunitarja tiġi kkonvertita fi trade mark nazzjonali:

“1.   L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jitlob li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew it-trade mark Komunitarja tiegħu tinqeleb f’applikazzjoni għal trade mark nazzjonali:

(a)

sakemm l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tkun ġiet miċħuda, irtirata, jew meqjusa bħala irtirata;

(b)

sakemm it-trade mark Komunitarja tieqaf milli jkollha effett.

2.   Il-konverżjoni m’għandhiex isseħħ:

(a)

meta d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jkunu ġew revokati minħabba nuqqas ta’ użu, sakemm it-trade mark Komunitarja ma tkunx intużat fl-Istat Membru li għalih tkun qiegħda tintalab il-konverżjoni b’mod li jitqies bħala użu ġenwin taħt il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru;

[…]”

Id-Direttiva

15.

Skont il-premessa 9 tal-preambolu tad-Direttiva “huwa essenzjali li jkun meħtieġ li t-trade marks reġistrati għandhom ikunu fil-fatt użati jew, jekk mhux użati, ikunu suġġetti għal revokazzjoni”; dan ir-rekwiżit japplika “[s]abiex jiġi mnaqqas it-total tan-numru tat-trade marks reġistrati u protetti fil-Komunità u, konsegwentement, in-numru ta’ konflitti li jqumu bejniethom”.

16.

L-Artikolu 10, bit-titolu “Użu ta’ trade marks”, jipprovdi li:

“1.   Jekk, f’perijodu ta’ ħames snin wara d-data tat-tlestija tal-proċedura tar-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma wżax it-trade mark ġenwinament fl-Istat Membru relattivament għall-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, jew jekk tali użu ġie sospiż matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, it-trade mark għandha tkun suġġettibbli għas-sanzjonijiet previsti f’din id-Direttiva, sakemm m’hemmx raġunijiet tajba għan-nuqqas ta’ użu.

[…]”

17.

L-Artikolu 11(2) jipprovdi li:

“Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tistax tiġi rifjutata għar-raġuni li hemm trade mark konfliġġenti preċedenti jekk ta’ l-aħħar ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-użu stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2) jew fl-Artikolu 10(3), skond il-każ.”

18.

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jagħmilha ċara li “trade marks preċedenti” jinkludu t-trade marks Komunitarji.

Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade marks u Disinni)

19.

Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Benelux”) tistabbilixxi, inter alia, il-kundizzjonijiet biex tinkiseb u tinżamm trade mark tal-Benelux u d-drittijiet relatati ma’ dik it-trade mark.

20.

Trade mark tal-Benelux tinkiseb permezz tar-reġistrazzjoni. Biex jistabbilixxi l-ordni ta’ prijorità tal-preżentazzjonijiet ( 7 ), l-Artikolu 2.3(b) tal-Konvenzjoni Benelux jipprovdi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fi “trademarks identiċi jew simili ppreżentati għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili, fejn ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku li tinkludi r-riskju ta’ assoċjazzjoni ma’ trademark preċedenti” ( 8 ). Il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark preċedenti għandu, skont l-Artikolu 2.14.1, id-dritt li jopponi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark.

21.

Skont l-Artikolu 2.46, l-Artikolu 2.3 “għandu japplika [wkoll] għat-trade marks Komunitarji li l-preċedenza tagħhom fit-territorju Benelux tiġi invokata validament skont ir-[Regolament tat-Trade Mark Komunitarja] […]”.

Il-proċeduri prinċipali u d-domandi preliminari

22.

Leno Merken BV (iktar ’il quddiem “Leno”) u Hagelkruis Beheer BV (iktar ’il quddiem “Hagelkruis”) huma impriżi involuti fi kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar tas-27 ta’ Lulju 2009, għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “OMEL” bħala trade mark tal-Benelux inkonnessjoni ma’ ċerti servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 41 u 45 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice ( 9 ). Leno opponiet għal din ir-reġistrazzjoni fit-18 ta’ Awwissu 2009, fejn argumentat li hija l-proprjetarja tat-trade mark Komunitarja “ONEL”, li kienet ġiet irreġistrata fit-2 ta’ Ottubru 2003 għal ċerti servizzi taħt il-klassi 35, 41 u 42 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice ( 10 ). L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq argumenti li nkitbu f’ittra tas-26 ta’ Ottubru 2009 li għaliha Hagelkruis wieġbet fit-2 ta’ Diċembru 2009.

23.

Fis-6 ta’ Novembru 2009, Hagelkruis talbet lil Leno sabiex tipprova li hija għamlet użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja “ONEL”. Leno wieġbet għal din it-talba fid-19 ta’ Novembru 2009.

24.

Fil-15 ta’ Jannar 2010, l-Uffiċċju dwar il-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux (iktar ’il quddiem il-“UPIB”) ċaħad l-oppożizzjoni ta’ Leno u kkonkluda li Hagelkruis għandha tkun permessa tirreġistra “OMEL” bħala trade mark tal-Benelux.

25.

Leno appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te’ s-Gravenhage (Il-Qorti ta’ Appell Reġjonali, Den Haag). Huwa paċifiku quddiem dik il-qorti li: (i) “ONEL” u “OMEL” huma trade marks simili; (ii) it-trade marks ġew irreġistrati għal servizzi identiċi jew tal-inqas simili’ (iii) bejn “OMEL” u “ONEL” hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 2.3(b) tal-Konvenzjoni Benelux; u (iv) Leno għamlet użu ġenwin minn “ONEL” fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-kontestazzjoni bejn Leno u Hagelkruis hija dwar jekk Leno hijiex mitluba turi użu ġenwin ta’ “ONEL” f’iktar minn Stat Membru wieħed sabiex tkun tista’ topponi għar-reġistrazzjoni ta’ “OMEL” minn Hagelkruis.

26.

Il-qorti nazzjonali għamlet id-domandi segwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata deċiżjoni preliminari:

“1.

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament […] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed sabiex ikun hemm użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja li din tkun intużat fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, [ġaladarba], li kieku kienet trade mark nazzjonali, dan l-użu kien jiġi kkunsidrat f’dan l-Istat Membru bħala użu ġenwin [ara d-dikjarazzjoni konġunta Nru 10 dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 u l-linji gwida tal-UASI dwar l-oppożizzjoni]?

2.

Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-użu ta’ trade mark Komunitarja fi Stat Membru wieħed [kif deskritt iktar ’il fuq] ma jista’ [qatt] jiġi kkunsidrat bħala użu ġenwin fil-Komunità fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament […]?

3.

Jekk l-użu ta’ trade mark Komunitarja fi Stat Membru wieħed qatt ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala użu ġenwin fil-Komunità, liema kriterji [japplikaw] f’dak li jirrigwarda l-portata territorjali tal-użu ta’ trade mark Komunitarja flimkien mal-fatturi l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit użu ġenwin fil-Komunità?

4.

[Jew inkella – bħala alternattiva għal dak li ngħad hawn fuq –] l-Artikolu 15 tar-Regolament […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-evalwazzjoni tal-użu ġenwin fil-Komunità għandha ssir [kompletament fl-astratt,] billi b’ebda mod ma jitqiesu l-fruntieri tat-territorju tal-Istati Membri differenti [u li, pereżempju, issir b’riferiment għall-ishma tas-suq (swieq tal-prodott jew swieq ġeografiċi)]?”

27.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Leno, Hagelkruis, mill-Gvern Belġjan, Daniż, Ġermaniż, Ungeriż, Olandiż u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea.

28.

Waqt is-seduta tad-19 ta’ April 2012, Leno, Hagelkruis, il-Gvern Daniż, Franċiż u Ungeriż u l-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.

Kunsiderazzjonijiet

Osservazzjonijiet preliminari

29.

Permezz tal-erba’ domandi preliminari, il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-estensjoni taż-żona territorjali li fiha għandu juża t-trade mark il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja biex jevita s-sanzjonijiet pprovduti fir-Regolament u għaldaqstant iżomm id-drittijiet esklużivi relatati ma’ dik it-trade mark.

30.

Il-ġustifikazzjoni biex trade mark Komunitarja tkun protetta tispiċċa jekk it-trade mark fil-fatt ma tintużax ( 11 ). Jekk is-sempliċi reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja kellha tkun biżżejjed biex din tibbenefika mill-protezzjoni fit-territorju tas-27 Stat Membru, l-impriżi jaf jippruvaw jiksbu protezzjoni għal trade marks li huma ma jkollhomx il-ħsieb li jużaw. B’dan il-mod huma jkunu jistgħu jċaħħdu lill-kompetituri mill-opportunità li jużaw dik it-trade mark jew oħra simili meta jqiegħdu fis-suq intern prodotti u/jew servizzi li huma identiċi jew simili għal dawk li huma koperti bit-trade mark. Għal din ir-raġuni, proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jkun li ma jibqax jista’ jinvoka drittijiet ta’ monopolju esklużivi marbutin mat-trade mark jekk din ma sarx użu ġenwin minnha fil-Komunità fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni.

31.

Id-digriet tar-rinviju ftit fih dettalji dwar ir-reġistrazzjoni ta’ “ONEL” bħala trade mark Komunitarja jew dwar iċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-konklużjoni li sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Pajjiżi l-Baxxi ( 12 ). Skont id-digriet, Leno ma sabitx kontestazzjoni fl-asserzjoni tagħha li “ONEL”, kieku kienet trade mark Olandiża, kienet titqies bħala li sar użu ġenwin minnha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx dettalji dwar is-suq tas-servizzi koperti minn “ONEL” jew l-użu speċifiku li jsir minn dik it-trade mark fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant, ser nindirizza f’termini ġenerali l-kwistjoni dwar l-estensjoni taż-żona territorjali meta jkun irid jiġi pprovat l-użu ta’ trade mark Komunitarja.

It-tifsira ta’ “użu ġenwin fil-Komunità” fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament

32.

Fil-każijiet preċedenti l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat it-tifsira tal-“użu ġenwin”, primarjament fir-rigward ta’ trade marks nazzjonali jew tal-Benelux ( 13 ). It-trade marks nazzjonali għandhom “[jintużaw] ġenwinament fl-Istat Membru” ( 14 ). Min-naħa l-oħra, it-trade marks Komunitarji għandu jsir “użu ġenwin mi[nnhom] fil-Komunità” ( 15 ). Għalkemm dawn it-tipi ta’ trade marks jeżistu f’diversi ġurisdizzjonijiet, jidhirli li l-funzjoni tar-rekwiżit dwar l-“użu ġenwin” huwa l-istess. Dan huwa intiż li jiżgura li r-reġistru ma jkunx fih trade marks li jostakolaw, iktar milli jtejbu, l-kompetizzjoni fis-suq minħabba li jillimitaw il-firxa ta’ sinjali li jistgħu jkunu reġistrati bħala trade marks minn terzi, ma jservu ebda skop kummerċjali u fil-fatt ma jgħinux biex jiddistingwu bejn prodotti jew servizzi fis-suq rilevanti u biex jassoċjawhom mal-proprjetarju tat-trade mark.

33.

Jekk trade mark Komunitarja ma tintużax b’mod konsistenti mal-funzjoni tagħha, il-protezzjoni tat-trade mark fit-territorju kollu tas-27 Stat Membru għandha tispiċċa. L-istess prinċipju japplika għal trade mark nazzjonali, għalkemm it-tneħħija tal-protezzjoni hija ovvjament limitata għat-territorju tal-Istat Membru li fih kienet irreġistrata t-trade mark. Għaldaqstant, ma nara ebda raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinterpreta l-kunċett tal-“użu ġenwin” kif użat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament b’mod li jikkorrispondi ġeneralment mat-tifsira li hija tat lill-istess kunċett fid-Direttiva ( 16 ).

34.

Madankollu, it-testi tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament huma differenti peress li l-ewwel wieħed juża “fl-Istat Membru” mentri t-tieni wieħed juża “fil-Komunità”. Dan jidher li jindika li l-punt dwar jekk sarx użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja jiddependi fuq l-evalwazzjoni tal-kriterji rilevanti f’dimensjoni ġeografika li tmur lil hinn mill-kuntest li fih ikun ġie kkonstatat l-użu ġenwin mit-trade mark nazzjonali.

Użu barra mill-Komunità huwa irrilevanti

35.

Il-frażi “fil-Komunità” fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tfisser b’mod ċar li l-użu li jsir minn trade mark Komunitarja barra mit-territorju tas-27 Stat Membru ma jistax jikkontribwixxi biex jitqies li sar użu ġenwin mit-trade mark sabiex jiġu evitati s-sanzjonijiet tar-Regolament ( 17 ). Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) hija konsistenti mal-prinċipju li l-protezzjoni ta’ trade mark Komunitarja hija limitata għal dak it-territorju.

36.

Barra minn hekk, kieku l-interpretazzjoni opposta kienet korretta, ma kien ikun hemm ebda raġuni biex fl-Artikolu 15(1)(b) il-leġiżlatur jgħid espressament li t-twaħħil ta’ trade mark Komunitarja ma’ prodotti jew mal-imballaġġ tagħhom fil-Komunità għal skopijiet ta’ esportazzjoni biss “jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fl-ewwel subparagrafu”.

“Użu ġenwin fil-Komunità” huwa kunċett indiviżibbli

37.

Kliem l-Artikolu 15(1) tar-Regolament ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi differenti ta’ użu ġenwin skont fejn isir dak l-użu, barra milli “fil-Komunità”. L-enfasi huwa fuq jekk it-trade mark isirx “użu ġenwin [minnha] fil-Komunità”, li jiena nqis li huwa kunċett indiviżibbli. Dan ifisser li l-“użu ġenwin” u “fil-Komunità” ma humiex kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu eżaminati b’mod separat.

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li “l-importanza territorjali ta’ l-użu mhijiex ħlief waħda mill-fatturi li jridu jitqisu, fost oħrajn, sabiex jiġi ddeterminat jekk [dak l-użu] huwiex ġenwin jew le” ( 18 ). Għaldaqstant, il-post fejn isir l-użu huwa fattur li għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-evalwazzjoni dwar jekk sarx użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità. La hi kundizzjoni indipendenti li tapplika flimkien mar-rekwiżit tal-użu ġenwin ( 19 ), u lanqas ma hu l-uniku fattur jew il-fattur dominanti li jiddetermina x’jikkostitwixxi l-użu ġenwin fil-Komunità.

39.

Għal din ir-raġuni biss, nikkunsidra li l-użu ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss ma huwiex, minnu nnifsu, neċessarjament suffiċjenti biex jikkostitwixxi użu ġenwin ta’ dik it-trade mark, u dan peress li t-territorjalità tal-użu huwa biss wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni.

It-territorjalità tal-użu fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament

– L-applikazzjoni tal-kriterju użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pago

40.

Diversi partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jinnotaw li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza HIWATT, diġà ddeċidiet li l-“użu ġenwin ifisser li t-trade mark trid tkun preżenti f’parti sostanzjali mit-territorju fejn tgawdi protezzjoni”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] jiġifieri, fil-Komunità ( 20 ). Dan huwa l-istess kriterju bħal dak użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pago ( 21 ) biex jiġi stabbilit jekk trade mark għandhiex reputazzjoni fil-Komunità ( 22 ).

41.

Fil-fehma tiegħi, is-sentenza Pago tikkonċerna kwistjoni differenti. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li biex trade mark Komunitarja jkollha reputazzjoni fil-Komunità għall-finijiet li tikseb protezzjoni addizzjonali taħt l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament, hija għandha tkun magħrufa f’parti sostanzjali mit-territorju tal-Komunità qabel mal-proprjetarju tagħha jkun jista’ jeżerċita d-dritt deskritt f’dik id-dispożizzjoni ( 23 ). Dak it-territorju jista’ jikkonsisti fit-territorju ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi sa fejn jestendi t-territorju li fih għandha tintuża t-trade mark Komunitarja biex tevita s-sanzjonijiet bħalma hija r-revoka.

42.

Għaldaqstant, il-punt tat-tluq tiegħi huwa li l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza Pago ma tistax tiġi trasposta direttament għall-kuntest tar-revoka ta’ trade mark Komunitarja u l-kundizzjoni tal-użu ġenwin.

– L-użu tat-trade mark Komunitarja għandu jkun suffiċjenti biex jinżamm jew jinħoloq sehem mis-suq fis-suq intern

43.

Fis-sentenza Sunrider, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trade mark nazzjonali tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin “meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hi [li] tiggarantixxi l-identità ta’ l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti jew servizzi”  ( 24 ). L-użu għandu jkun “suffiċjenti biex jinżamm jew jinħoloq parti tas-suq għall-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark” ( 25 ). L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina ta’ l-użu tat-trade mark għandha tistrieħ fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi l-karatteristiċi tas-settur ekonomiku u tas-suq inkwistjoni, in-natura tal-prodotti u tas-servizzi protetti mit-trade mark u l-ammont u l-frekwenza tal-użu ( 26 ).

44.

Essenzjalment, għaldaqstant, it-trade marks jintużaw fis-swieq. Is-suq rilevanti għal trade mark Komunitarja huwa s-suq intern li, skont l-Artikolu 26(2) TFUE, jinvolvi “arja [żona] bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat”.

– L-estensjoni taż-żona territorjali li fiha għandha tintuża t-trade mark Komunitarja biex tissodisfa l-kundizzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament

45.

It-trade mark Komunitarja tippermetti lill-impriżi li jaddattaw l-attivitajiet tagħhom għall-kobor tas-suq intern. Fil-fatt, hija nħolqot għall-impriżi li jixtiequ jibdew jew ikomplu l-attivitajiet tagħhom fuq livell Komunitarju u jixtiequ jagħmlu dan immedjatament jew fil-futur qarib. Hija tippermetti lin-negozjanti, konsumaturi, produtturi u distributuri biex jidentifikaw il-merkanzija u s-servizzi fis-suq u biex jiddistingwuhom minn dawk ta’ oħrajn fil-Komunità kollha. Dan huwa konsistenti mal-għanijiet ġenerali tal-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja, li huma li tiġi nkoraġġuta u mibdija l-attività ekonomika fis-suq intern kollu kemm hu permezz tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark ( 27 ).

46.

Għal dan il-għan, it-trade marks Komunitarji huma protetti fit-territorju kollu tal-Komunità mingħajr distinzjoni bbażata fuq il-konfini territorjali bejn l-Istati Membri.

47.

L-Artikolu 15 tar-Regolament jipprovdi li, biex tiġi ppreservata dik il-protezzjoni, it-trade mark Komunitarja għandu jsir “użu ġenwin [minnha] fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata”. Jekk it-trade mark ma tintużax b’dan il-mod, il-proprjetarju tagħha jista’ jitlef id-dritt li jopponi l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark simili għal servizzi identiċi jew simili u dan skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament ( 28 ). Dan il-prinċipju japplika wkoll jekk il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja: f’dawk iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament jipprovdi li l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta għandu jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità. Fil-fehma tiegħi, l-istess prinċipju għandu japplika, mutatis mutandis, f’każ li l-oppożizzjoni għal trade mark nazzjonali hija bbażata fuq trade mark Komunitarja preċedenti: il-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jista’ jiġi mitlub jipprova l-użu ġenwin fil-Komunità ( 29 ). In-natura unitarja ta’ trade mark Komunitarja tfisser li hija għandha tgawdi l-istess protezzjoni fi proċeduri ta’ oppożizzjoni li jinvolvu reġistrazzjonijiet ta’ trade marks nazzjonali u kif ukoll ta’ trade marks Komunitarji.

48.

Biex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjoni tal-użu ġenwin fil-Komunità hijiex sodisfatta, nikkunsidra li l-qorti nazzjonali għandha teżamina t-tipi kollha ta’ użu tat-trade mark fis-suq intern. F’dak il-kuntest, id-definizzjoni ġeografika tas-suq rilevanti hija t-territorju kollu tas-27 Stat Membru. Il-konfini bejn l-Istati Membri u d-daqs rispettiv tat-territorji tagħhom huma irrilevanti għal din l-investigazzjoni. Dak li hu importanti huwa l-preżenza kummerċjali ta’ dik it-trade mark u konsegwentement, dik tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade mark, fis-suq intern.

49.

F’dan il-każ, nikkunsidra li l-użu tat-trade mark fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi jifforma parti minn dik l-evalwazzjoni u jista’ jikkontribwixxi biex jiġi stabbilit jekk it-trade mark ippenetratx is-suq intern għas-servizzi koperti mit-trade mark. L-użu (jew in-nuqqas ta’ użu) barra mill-Pajjiżi l-Baxxi huwa, madankollu, daqstant rilevanti.

50.

F’dan ir-rigward, hemm differenza bejn trade marks nazzjonali u dawk Komunitarji. Għall-finijiet li jiġi stabbilit l-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali, huma rilevanti biss l-okkażjonijiet ta’ użu fit-territorju tal-Istat Membru li fih hija tkun irreġistrata, anki jekk il-proprjetarju tagħha jużaha x’imkien ieħor. L-użu ta’ trade mark Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament, min-naħa l-oħra, għandu jiġi evalwat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni okkażjonijiet ta’ użu fis-suq intern kollu kemm hu. Huwa irrilevanti jekk it-trade mark Komunitarja intużatx fi Stat Membru wieħed jew iktar. Dak li huwa importanti huwa l-impatt tal-użu fis-suq intern: b’mod iktar speċifiku, jekk dan huwiex suffiċjenti biex jinżamm jew jinħoloq sehem mis-suq f’dak is-suq tal-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark u jekk dan jikkontribwixxix għall-preżenza kummerċjalment rilevanti tal-prodotti u servizzi f’dak is-suq ( 30 ). Jekk dak l-użu jwassalx għal suċċess kummerċjali attwali huwa irrilevanti ( 31 ).

51.

Fis-sentenza La Mer, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt dwar jekk l-użu huwiex suffiċjenti “jiddependi fuq diversi fatturi u fuq evalwazzjoni każ b’każ li huwa xogħol il-qorti nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“karatteristiċi ta’ dawk il-prodotti u servizzi, il-frekwenza u r-regolarità tal-użu tat-trade mark, jekk it-trade mark hijiex użata għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew servizzi identiċi kollha tal-proprjetarju jew biss ftit minnhom, jew l-evidenza li l-proprjetarju jista’ jipproduċi” ( 32 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit a priori, u fl-astratt, x’livelli kwantitattivi għandhom jintgħażlu sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu huwiex ġenwin jew le”; livell “ma jippermettix lill-qorti nazzjonali tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tal-kwistjoni quddiemha” ( 33 ). Jidhirli li dan ir-raġunament għandu japplika għall-evalwazzjoni globali tal-użu ġenwin – inkluż, sa fejn xieraq, dik dwar sa fejn jestendi l-użu territorjali tat-trade mark.

52.

Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni li ssir każ b’każ dwar x’jikkostitwixxi użu ġenwin tinvolvi li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi tas-suq intern għall-prodotti u servizzi partikolari involuti. Din teħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawk il-karatteristiċi jistgħu jinbidlu biż-żmien.

53.

Id-domanda jew il-provvista f’partijiet mis-suq intern, jew l-aċċess għalihom, jistgħu jkunu limitati skont, pereżempju, l-ostakli lingwistiċi, l-ispejjeż tat-trasport jew tal-investiment, jew it-tendenzi jew abitudnijiet tal-konsumaturi. L-użu ta’ trade mark f’żona fejn is-suq huwa partikolarment ikkonċentrat jista’, għaldaqstant, ikollu rwol iktar sinjifikattiv fl-evalwazzjoni milli jkollu l-użu tal-istess trade mark f’parti mis-suq fejn is-sorsi tal-provvista u d-domanda għal dawk il-prodotti jew servizzi bilkemm jeżistu jew iqumu.

54.

Wieħed jista’ jimmaġina wkoll li l-użu lokali ta’ trade mark Komunitarja jkollu, madankollu, effetti fuq is-suq intern billi, pereżempju, jiġi żgurat li l-prodotti jkunu magħrufa — b’mod kummerċjalment rilevanti — mill-parteċipanti f’suq li huwa ikbar minn dak li jikkorrispondi għat-territorju fejn tintuża t-trade mark ( 34 ).

55.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-użu f’territorju li jikkorrispondi għal dak ta’ Stat Membru wieħed jipprekludi neċessarjament l-użu milli jiġi kklassifikat bħala ġenwin fil-Komunità. Fl-istess ħin, ma nikkunsidrax li, pereżempju, l-użu ta’ trade mark f’sit tal-internet li hija aċċessibbli fis-27 Stat Membru hija minnha nfisha użu ġenwin fil-Komunità.

56.

Jekk ir-rekwiżit tal-“użu ġenwin fil-Komunità” jiġi interpretat b’dan il-mod, dan jiggarantixxi l-libertà tal-impriżi ta’ kull tip li jagħżlu li jirreġistraw trade mark bħala jew trade mark nazzjonali jew trade mark Komunitarja ( 35 ). It-trade mark Komunitarja, u l-koeżistenza tagħha mat-trade marks nazzjonali, kienet inħolqot bil-għan li tissodisfa l-bżonnijiet tal-parteċipanti fis-swieq kollha, u mhux biss dawk tal-impriżi ż-żgħar li joperaw fi Stat Membru wieħed jew f’parti żgħira tas-suq intern, jew tal-impriżi l-kbar li huma attivi fis-suq intern kollu jew f’parti kbira minnu. Il-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja għandha tkun disponibbli għat-tipi kollha ta’ impriżi li jixtiequ jiksbu protezzjoni għat-trade marks tagħhom fit-territorju kollu tas-27 Stat Membru u bil-għan li jużaw it-trade mark b’mod li jżommu jew joħolqu sehem mis-suq fis-suq intern rilevanti.

57.

F’dan il-każ, nikkunsidra li d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali dwar jekk il-kundizzjoni tal-użu ġenwin fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament hijiex sodisfatta ma tistax tkun ibbażata fuq evalwazzjoni biss tal-okkażjonijiet ta’ użu ta’ “ONEL” fil-Pajjiżi l-Baxxi. Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-okkażjonijiet kollha ta’ użu fis-suq intern, li ovvjament jinkludi dawk li jseħħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, u tagħti piż lil kull użu fl-isfond tal-karatteristiċi partikolari tas-suq u tas-sehem mis-suq tal-proprjetarju f’dak is-suq. Jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata, pereżempju, li s-suq intern għas-servizzi koperti minn “ONEL” huwa partikolarment ikkonċentrat fil-Pajjiżi l-Baxxi u possibbilment fiż-żoni tal-madwar, ikun jista’ jingħata ċertu piż lill-użu tat-trade mark fil-Pajjiżi l-Baxxi biss. Fl-istess ħin, il-qorti nazzjonali għandha twessa’ l-eżami tagħha biex tinkludi tipi ta’ użu li jista’ jkun ma humiex rilevanti biex jiġi evalwat l-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali Olandiża bħalma huma, pereżempju, l-użu ta’ trade mark Komunitarja li jrendu s-servizzi magħrufa b’mod li jagħmel sens kummerċjalment lil konsumaturi potenzjali barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

58.

Meta tagħmel din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra wkoll li dawk li għandhom jiġu pprovati u evalwati ma humiex fatti statiċi. Min-naħa l-oħra, dawn jistgħu jevolvu biż-żmien, inkluż matul il-ħames snin wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark.

59.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-użu ġenwin fil-Komunità fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament huwa użu li, meħud kont tal-karatteristiċi partikolari tas-suq rilevanti, huwa suffiċjenti biex iżomm jew joħloq sehem mis-suq f’dak is-suq għall-prodotti u servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja.

60.

B’din il-konklużjoni li qiegħed nasal għaliha, ma jidhirlix li d-Dikjarazzjoni Konġunta jew il-Linji gwida dwar l-oppożizzjoni – dokumenti li evidentement ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja – huma neċessarji għall-analiżi. Fil-fehma tiegħi, it-test tal-Artikolu 15(1), analizzat fid-dawl tal-kuntest u tal-għan u tal-iskop tiegħu, huwa ċar biżżejjed. Fi kwalunkwe każ, la d-Dikjarazzjoni Konġunta u lanqas il-Linji gwida dwar l-oppożizzjoni ma jidhru li jmorru kontra l-konklużjoni tiegħi.

– Il-portata territorjali tal-użu ta’ trade mark Komunitarja u l-konverżjoni tagħha f’waħda nazzjonali f’każ ta’ nuqqas ta’ użu

61.

Fl-aħħar nett, b’kuntrast ma’ xi partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, jidhirli li l-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ma jippreġudikax l-effett utli tal-Artikolu 112(2)(a) tal-istess regolament. Lanqas l-Artikolu 112 ma huwa deċiżiv biex jiddistingwi r-rekwiżit tal-użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja minn dak ta’ trade mark nazzjonali.

62.

L-Artikolu 112 jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi li fiha t-trade mark Komunitarja tista’ tiġi kkonvertita fi trade mark nazzjonali. Il-konverżjoni ma hijiex possibbli meta “d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jkunu ġew revokati minħabba nuqqas ta’ użu”. L-Artikolu 112(2)(a) tipprovdi eċċezzjoni għal din ir-regola jekk “it-trade mark Komunitarja ma tkunx intużat fl-Istat Membru li għalih tkun qiegħda tintalab il-konverżjoni b’mod li jitqies bħala użu ġenwin taħt il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru”.

63.

Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ użu huwa kkuntrastat, minn naħa, ma’ użu ġenwin fil-Komunità u, min-naħa l-oħra, ma’ użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali taħt il-liġijiet ta’ Stat Membru. Jekk l-użu fi Stat Membru wieħed jista’, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti l-oħra kollha, jikkostitwixxi użu ġenwin fil-Komunità, ma jkunx hemm bażi biex it-trade mark tiġi revokata u ċ-ċirkustanzi li fihom ma hijiex possibbli li sseħħ il-konverżjoni, ma jkunux jeżistu. F’ċerti ċirkustanzi, l-istess użu ta’ trade mark ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet kemm għall-użu ġenwin ta’ trade mark Komunitarja u kif ukoll għall-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali. F’dak il-każ, l-Artikolu 112 ma japplikax. Min-naħa l-oħra, jekk qorti nazzjonali tikkonstata, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha tal-każ, li użu fi Stat Membru ma kienx suffiċjenti biex jikkostitwixxi użu ġenwin fil-Komunità, xorta jista’ jkun possibbli li t-trade mark Komunitarja tiġi kkonvertita fi trade mark nazzjonali, u dan wara li tiġi applikata l-eċċezzjoni tal-Artikolu 112(2)(a).

Konklużjoni

64.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mill-Gerechtshof te ’s-Gravenhage f’dan is-sens:

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja għandu jiġi interpretat fis-sens li (i) użu ta’ trade mark Komunitarja fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed ma huwiex, minnu nnifsu, neċessarjament biżżejjed biex jikkostitwixxi użu ġenwin ta’ dik it-trade mark, iżda (ii) huwa possibbli li, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha, l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’żona li tikkorrispondi għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed ikun jikkostitwixxi użu ġenwin fil-Komunità.

L-użu ġenwin fil-Komunità fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa użu li, meħud kont tal-karatteristiċi partikolari tas-suq rilevanti, huwa suffiċjenti biex iżomm jew joħloq sehem mis-suq f’dak is-suq għall-prodotti u għas-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża primarjament it-terminoloġija użata fir-regolamenti u direttivi rilevanti, li għadhom jirreferu għall-użu ta’ trade mark Komunitarja fil-Komunità u għadhom ma ġewx emendati fid-dawl tat-Trattat ta’ Lisbona.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). Ir-Regolament ikkodifika d-diversi emendi li saru lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), li ħoloq it-trade mark Komunitarja. Ara l-premessa 1 tar-Regolament.

( 4 ) Min-naħa l-oħra, it-trade mark nazzjonali għandha tintuża “ġenwinament fl-Istat Membru”: Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). Ara l-punti 15 u 16 iktar ’il quddiem.

( 5 ) Artikolu 1(1) tar-Regolament.

( 6 ) Artikolu 4 tar-Regolament.

( 7 ) F’dan il-kuntest, il-preżentazzjoni tfisser il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark.

( 8 ) Din hija t-traduzzjoni tiegħi tal-verżjonijiet awtentiċi tal-Konvenzjoni Benelux.

( 9 ) Il-Ftehim ta’ Nice, tal-15 ta’ Ġunju 1957, dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, kif irrivedut u emendat.

( 10 ) La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ma qalu jekk “ONEL” kinitx is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nassumi li din it-trade mark Komunitarja fil-fatt ma kinitx is-suġġett ta’ tali reġistrazzjoni internazzjonali.

( 11 ) Il-premessa 10 tal-preambolu tar-Regolament.

( 12 ) Wieħed għandu jippreżumi, madankollu, li l-applikazzjoni biex tiġi rreġistrata “ONEL” bħala trade mark Komunitarja ma kinitx affettwata minn xi waħda mir-raġunijiet assoluti jew relattivi ta’ rifjut imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament. Pereżempju, skont l-Artikolu 7(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi rrifjutata jekk hija tkun nieqsa minn karattru distintiv f’parti mill-Komunità: ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck (C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 81).

( 13 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C-40/01, Ġabra p. I-2439); id-digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer (C-259/02, Ġabra p. I-1159); u s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider (C-416/04 P, Ġabra p. I-4237).

( 14 ) Artikolu 10(1) tad-Direttiva. Dik id-dispożizzjoni u d-Direttiva ġeneralment japplikaw għat-trade marks nazzjonali u tal-Benelux: Artikolu 1 tad-Direttiva.

( 15 ) Artikolu 15(1) tar-Regolament.

( 16 ) Ara, pereżempju, il-punt 43 iktar ’il quddiem.

( 17 ) Nikkunsidra li l-istess prinċipju japplika għat-trade marks nazzjonali: l-użu ġenwin fi Stat Membru ma jistax jiġi kkonstatat abbażi tal-użu ta’ dik it-trade mark barra mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

( 18 ) Sentenza Sunrider, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 76.

( 19 ) Ara wkoll il-Memorandum fuq il-ħolqien ta’ trade mark tal-KEE adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Lulju 1976, SEC(76) 2462 (Lulju 1976), Bulletin of the European Communities Suppliment 8/76, paragrafu 126: “l-użu fit-territorju ta’ numru stabbilit ta’ Stati Membri ma għandux ikun il-fattur determinanti” u “tkun iktar xierqa dispożizzjoni li teħtieġ l-użu f’parti sostanzjali tas-suq komuni” jew “użu ġenwin fis-suq komuni”.

( 20 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2002, Fernandes v UASI (HIWATT) (T-39/01, Ġabra p. II-5233, punt 37).

( 21 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Pago (C-301/07, Ġabra p. I-9429).

( 22 ) Ara l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament.

( 23 ) Il-fatti kienu tali li “it-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni [jiġifieri l-Awstrija] jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jammonta għal parti sostanzjali mit-territorju tal-Komunità”: sentenza Pago, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 30.

( 24 ) Sentenza Sunrider, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 70. Ara wkoll il-premessa 8 tar-Regolament.

( 25 ) Sentenza Sunrider, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 ) Sentenza Sunrider, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 27 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippreżentati fil-kawża Ansul, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 44.

( 28 ) F’dak il-kuntest, ma nistax ħlief niċċita l-osservazzjoni tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer li jgħid li “[r]eġistri ta’ trade marks ma jistgħux ikunu maħżen għal sinjali moħbija fl-istennija li xi ħadd, mingħajr ma jkun jaf b’dan, jipprova jużahom sabiex imbagħad tingħatalhom intenzjoni li l-iktar l-iktar tkun spekulattiva”: Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Ansul, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 42.

( 29 ) Id-Direttiva ma fihiex dispożizzjoni identika għall-Artikolu 42(3) tar-Regolament. Ara wkoll l-Artikoli 10(1) u 11(2) tad-Direttiva.

( 30 ) Ara l-punti 41 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Għaldaqstant, jien naqbel mal-Qorti Ġenerali li adottat l-istess pożizzjoni f’diversi sentenzi. Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider (VITAFRUIT) (T-203/02, Ġabra p. II-2811, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Biex nagħti eżempju mhux daqstant serju pereżempju: bejjiegħ ta’ suċċess taċ-ċikkulata moqlija fiż-żejt fl-Iskozja jista’ jfassal pjan ta’ kummerċjalizzazzjoni biex jespandi n-negozju tiegħu fi Franza, l-Italja, l-Estonja u l-Ungerija. Għal dak il-għan, huwa jirreġistra trade mark Komunitarja. Minkejja l-aħjar sforzi kummerċjali tiegħu, il-pjan jirriżulta li ma kienx tajjeb. Il-konsumaturi f’dawk l-Istati Membri jidhru li kellhom qalbhom marbuta mal-ikel tajjeb nazzjonali tagħhom stess u ma dehrux li jixtiequ jippruvaw il-prodott il-ġdid. In-nuqqas ta’ suċċess kummerjali ma jaffettwax l-analiżi dwar jekk kienx hemm użu ġenwin mit-trade mark. B’kuntrast ma’ dan, il-fatt li d-domanda għal prodott partikolari inkwistjoni kienet ikkonċentrata, f’mument partikolari, f’żona ġeografika speċifika, ikun rilevanti għall-evalwazzjoni.

( 32 ) Sentenza La Mer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 22.

( 33 ) Sentenza La Mer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 25.

( 34 ) Dawn l-effetti extra territorjali li jirriżultaw mill-użu lokali ta’ trade mark nazzjonali ma humiex rilevanti biex jiġi evalwat l-użu ġenwin fl-Istat Membru fejn hija rreġistrata dik it-trade mark. Ara l-punt 50 iktar ’il fuq.

( 35 ) Ara l-premessa 6 tal-preambolu tar-Regolament.