26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/11


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2012 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus — Il-Finlandja) — O. S. vs Maahanmuuttovirasto (C-356/11), u Maahanmuuttovirasto vs L. (C-357/11)

(Kawżi magħquda C-356/11 u C-357/11) (1)

(Ċittadinanza tal-unjoni - Artikolu 20 TFUE - Direttiva 2003/86/KE - Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja - Ċittadini tal-Unjoni ta’ età żgħira li jirrisjedu ma ommijiethom, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu dawn l-ulied għandhom in-nazzjonalità - Dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru tal-ommijiet li ġew fdati bil-kustodja esklużiva taċ-ċittadini tal-Unjoni - Rikompożizzjoni tal-familja wara ż-żwieġ mill-ġdid tal-ommijiet ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u wara t-twelid ta’ wlied, li wkoll huma ċittadini ta’ pajjiżi terżi, minn dawn iż-żwiġijiet - Applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadini tal-Unjoni - Ċaħda tad-dritt ta’ residenza lill-konjuġi l-ġodda minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti - Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja - Teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-ulied)

2013/C 26/19

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: O., S. (C-356/11), Maahanmuuttovirasto (C-357/11)

Konvenuti: Maahanmuuttovirasto (C-356/11), L. (C-357/11)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Korkein hallinto-oikeus — Interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE — Dritt għal moviment liberu u residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Dritt għar-raggruppament tal-familja — Permess ta’ residenza fi Stat Membru għal ċittadin ta’ Stat terz, li jgħix mingħajr permess ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru, f’sitwazzjoni fejn il-konjuġi tal-persuna kkonċernata, ta’ nazzjonalità ta’ Stat terz, tirresjedi legalment fl-imsemmi Stat Membru u għandha wild ta’ nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u fejn il-persuna kkonċernata la hija l-ġenitur tal-wild, u lanqas ma għandha r-responsabbiltà parentali fir-rigward tiegħu — Sitwazzjoni fejn il-konjuġi għandhom ukoll wild komuni ta’ nazzjonalità ta’ Stat terz li jirresjedi magħhom u mal-wild tal-mara fl-Istat Membru inkwistjoni

Dispożittiv

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, meta dan iċ-ċittadin ikun qed jipprova jirrisjedi kemm mal-konjuġi tiegħu, li wkoll tkun ċittadina ta’ pajjiż terz residenti legalment f’dan l-Istat Membru u omm ta’ wild mill-ewwel żwieġ li huwa ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll mal-wild li kellhom mill-unjoni tagħhom, li wkoll huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, sakemm dan ir-rifjut ma jċaħħadx liċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja. L-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jitolbu l-prova li l-isponsor għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata fid-dawl tal-Artikoli 7, u 24(2) u (3) tal-Karta, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja, kif ukoll li jevitaw li jippreġudikaw kemm l-għan ta’ din id-direttiva kif ukoll l-effettività tagħha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ permessi ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ttiħdux fl-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.


(1)  ĠU C 269, 10.9.2011