Kawża T-468/10

Joseph Doherty

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Nuqqas ta’ forza maġġuri — Nuqqas ta’ żball skużabbli — Inammissibbiltà manifesta”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni — Kunċett

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 102(2))

2.      Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Kalkolu — Teħid inkunsiderazzjoni tad-data u tas-siegħa tal-preżentata fir-Reġistru

(Protokoll Nru 6 dwar il-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati TUE, TFUE u KEEA, Artikolu uniku; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 43(3) u 101(1)(a) u (b), u (2))

3.      Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45)

4.      Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett — Portata

1.      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jitressaq fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih. Dak it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku, peress li ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio,jekk ġiex osservat.

(ara l-punti 10, 12)

2.      Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-preżentata tar-rikors huwa l-ħin irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, sa fejn, b’mod konformi mal-Artikolu 43(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fir-rigward tat-termini tal-proċedura, hija biss id-data tal-preżentata fir-Reġistru li tittieħed inkunsiderazzjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa biss il-ħin tal-preżentata fir-Reġistru li għandu jintuża għall-kalkolu tat-termini. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha s-sede tagħha fil-Lussemburgu, jeħtieġ għaldaqstant jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħin tal-Lussemburgu għall-preżentata ta’ rikors fir-Reġistru.

(ara l-punt 16)

3.      Ma jistax ikun hemm deroga mill-applikazzjoni tar-regoli dwar it-termini proċedurali ħlief fiċ-ċirkustanzi għal kollox eċċezzjonali, tal-każ fortuwitu u tal-forza maġġuri, b’mod konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawk ir-regoli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-kunċetti ta’ każ fortuwitu jinvolvi element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi abnormali u estraneji għall-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment abnormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-operatur għandu josserva bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċeduri mibdija, u b’mod partikolari, jkun diliġenti sabiex josserva t-termini previsti.

(ara l-punti 18, 19)

4.      Żball skużabbli jista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jkollu bħala effett li r-rikorrent ma jitqiesx bħala li qiegħed jaġixxi barra t-terminu. L-iżball skużabbli huwa kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu adottaw imġiba li, waħedha jew b’mod determinanti, hija tali li toħloq konfużjoni kunsiderevoli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur b’livell normali ta’ prudenza.

Dan ma huwiex il-każ anki jekk jiġi preżunt li r-Reġistru pprovda informazzjoni permezz tat-telefon dwar il-modalitajiet tal-preżentata tar-rikorsi, minn naħa, li r-rikorrent huwa obbligat japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-modalitajiet tal-preżentata tar-rikorsi previsti kif ukoll dawk dwar it-termini applikabbli, liema dispożizzjonijiet ma jippreżentawx diffikultajiet partikolari ta’ interpretazzjoni u, min-naħa l-oħra, li ma jifformax parti mill-attribuzzjonijiet u l-kompetenzi tal-uffiċjali tar-Reġistru li dawn tal-aħħar jipprovdu dikjarazzjonijiet dwar il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Il-kwistjonijiet marbuta mal-funzjonament u l-organizzazzjoni tas-servizzi tar-rappreżentant tar-rikorrent iktar u iktar ma jistgħux jiskużaw il-preżentata tardiva tar-rikors.

(ara l-punti 27-30)







DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

1 ta’ April 2011(*)

“Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Nuqqas ta’ forza maġġuri – Nuqqas ta’ żball skużabbli – Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża T‑468/10,

Joseph Doherty, residenti f’Burtonport (l-Irlanda), irrappreżentat minn A. Collins, SC, N. Travers, barrister, u D. Barry, solicitor,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4763 tat‑13 ta’ Lulju 2010, li tiċħad talba għal żieda ta’ kapaċità għal raġunijiet ta’ sigurezza li tikkonċerna bastiment tas-sajd ġdid, l-MFV Aine,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti u l-proċedura

1        Fis‑16 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent, Joseph Doherty, ġie nnotifikat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4763, tat‑13 ta’ Lulju 2010, indirizzata lill-Irlanda, li tiċħad talba għal żieda ta’ kapaċità għal raġunijiet ta’ sigurezza li tikkonċerna bastiment tas-sajd ġdid, l-MFV Aine (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Dik id-deċiżjoni tissostitwixxi dik li tinsab fl-Artikolu 2 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE, tal‑4 ta’ April 2003, dwar talbiet irċevuti mill-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-PMG IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurezza, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-bastimenti ta’ tul ġenerali ta’ iktar minn tnax-il metru (ĠU L 90, p. 48).

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. L-oriġinal tar-rikors wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ottubru 2010.

3        Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tal‑5 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrent ġie informat li dan ir-rikors ma ġiex ippreżentat fit-terminu previst mill-Artikolu 263 TFUE u ġie mitlub jagħti r-raġunijiet għall-preżentata tardiva tar-rikors.

4        Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrent wieġeb li r-rikors tiegħu ġie ppreżentat qabel l-iskadenza tat-terminu tar-rikors, peress li huwa kien bagħat ir-rikors permezz tal-posta elettronika, fis‑27 ta’ Settembru 2010, eżatt qabel nofsillejl, skont ir-reġjun tal-ħin Irlandiż. Fil-każ li l-Qorti Ġenerali jkollha tikkunsidra li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħin li fih ir-rikors ġie rċevut mir-Reġistru fil-Lussemburgu, ir-rikorrent isostni li huwa ġie affaċċjat b’ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, li, fl-opinjoni tiegħu, jiġġustifikaw il-preżentata tardiva tar-rikors tiegħu.

5        Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2010, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrent fejn talbitu jipprovdi preċiżjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-problemi li kellu mal-faks tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

6        Fl‑10 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrent wieġeb għall-imsemmija mistoqsijiet.

 It-talbiet tar-rikorrent

7        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

 Id-dritt 

8        Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta r-rikors huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

9        F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li hija informata biżżejjed mill-atti tal-proċess sabiex, b’applikjazzjoni ta’ dak l-Artikolu, tiddeċiedi mingħajr ma tkompli l-proċedura.

10      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih.

11      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għandu jiżdied b’terminu ta’ għaxart’ijiem għal raġuni ta’ distanza.

12      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa terminu ta’ ordni pubbliku li ġie stabbilit bil-għan li tkun żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali u bil-għan li jkunu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dan it-terminu ġiex osservat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Jannar 1997, Coen, C-246/95, Ġabra p. I-403, punt 21, u sentenza tal-Qorti tal-Qorti Ġenerali tat‑18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T-121/96 u T-151/96, Ġabra p. II-1355, punti 38 u 39).

13      F’dan il-każ, b’mod konfromi mal-Artikolu 101(1)(a) u (b) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għall-preżentata tar-rikors beda jiddekorri fis‑17 ta’ Lulju tal‑2010, jum wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, u skada fis‑27 ta’ Settembru 2010 f’nofsillejl, bit-terminu għal raġuni ta’ distanza inkluż, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li s‑26 ta’ Settembru tal‑2010 kien il-Ħadd, u dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrent.

14      Peress li r-rikors intbagħat lir-Reġistru permezz tal-posta elettronika fit‑28 ta’ Settembru fi 00 h 59 (ħin tal-Lussemburgu), u l-oriġinal ġie ppreżentat fis‑6 ta’ Ottubru 2010, dan ir-rikors ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, u għaldaqstant b’mod tardiv.

15      Ir-rikorrent, fl-ittra tiegħu tat‑22 ta’ Novembru 2010, madankollu jsostni li r-rikors tiegħu ntbagħat lir-Reġistru permezz tal-posta elettronika qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, peress li huwa bagħat il-posta elettronika tiegħu, fi 23 h 59, skont ir-reġjun tal-ħin Irlandiż.

16      Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-preżentata tar-rikors huwa l-ħin irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, sa fejn, b’mod konformi mal-Artikolu 43(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fir-rigward tat-termini tal-proċedura, hija biss id-data tal-preżentata fir-Reġistru li tittieħed inkunsiderazzjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa l-ħin tal-preżentata fir-Reġistru li għandu jintuża għall-kalkolu tat-termini. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod konformi mal-Artikolu uniku tal-Protokoll Nru 6 tat-TFUE dwar il-lokalità tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, għandha s-sede tagħha fil-Lussemburgu, jeħtieġ għaldaqstant jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħin tal-Lussemburgu.

17      Ir-rikorrent jinvoka l-eżistenza ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, huwa jindika li huwa kellu problemi mal-faks tar-Reġistru, wara 21 h 35 (skont il-ħin tal-faks tiegħu), u li huwa pprova iżda ma rnexxilux jibgħat l-imsemmi rikors bil-faks wara li kienu ġew trażmessi lir-Reġistru seba’ rikorsi b’mod regolari. Fuq dan il-punt, huwa hemeż żewġ rapporti ta’ konferma tat-trażmissjoni tal-faks tiegħu, li juru li dik tal-Qorti Ġenerali ma rrispondietx fi 21 h 53 u fi 21 h 57 (skont il-ħin tal-faks tiegħu), fil-ħin li sar tentattiv sabiex jintbagħat ir-rikors fil-Kawża T-471/10, Gill vs Il-Kummissjoni. Huwa ppreċiża li huwa bagħat, permezz tal-posta elettronika, ir-rikorsi l-oħra, li minnhom erba’ ntbagħtu qabel 22 h 35, u li kellu problemi wkoll mas-sistema tal-posta elettronika tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

18      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw it-termini tal-proċedura fil-każ biss ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ta’ każijiet fortuwiti jew forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Novembru 2007, Il-Beġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, Ġabra p. I‑9757, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tippreċiża li l-kunċetti ta’ forza maġġuri u ta’ każ fortuwitu jinvolvu element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi mhux normali u li m’għandhomx x’jaqsmu mal-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment mhux normali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-operatur għandu jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, juri diliġenza sabiex josserva t-termini stabbiliti (ara d-digriet Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrent stabbilixxa li l-faks tar-Reġistru ma rrispondietx mumentarjament fi 21 h 53 u fi 21 h 57 (skont il-ħin tal-faks tiegħu) waqt li kien qiegħed jintbagħat ir-rikors l-ieħor (Kawża T‑471/10). Madankollu, l-arloġġ tal-faks tiegħu, għal raġunijiet li ma ġewx spjegati lill-Qorti Ġenerali, minkejja li saret mistoqsija bil-miktub li kienet tindirizza speċifikament dan il-punt, kien sagħtejn tard meta mqabbel ma’ dak tal-faks tar-Reġistru, u dan kif juri r-rapport tal-faks tar-Reġistru.

21      Issa, hemm biss siegħa li tissepara r-reġjun tal-ħin li tinsab fih l-Irlanda min dak li jinsab fih il-Lussemburgu. It-tieni siegħa ta’ differenza ma tistax tirriżulta minn dewmien fit-trażmissjoni tal-faksijiet, peress li jirriżulta minn rapporti ta’ trażmissjoni ta’ faksijiet ta’ rikorsi oħra ppreżentati (T-461/10, Boyle vs Il-Kummissjoni, T‑464/10, Fitzpatrick vs Il-Kummissjoni, T‑459/10, Hugh McBride vs Il-Kummissjoni, T‑463/10, Ocean Trawlers Ltd vs Il-Kummissjoni, T‑467/10, Murphy vs Il-Kummissjoni, T‑466/10, Hannigan vs Il-Kummissjoni, u T-462/10, Flaherty vs Il-Kummissjoni) li d-dewmien medju ta’ trażmissjoni ta’ rikors kienet biss ta’ madwar sitt minuti, kif jikkonferma r-rikorrent.

22      Isegwi li l-ħinijiet li jirreferi għalihom ir-rikorrent sabiex juri li l-faks tal-Qorti Ġenerali ma rrispondietx, fil-mument meta ntbagħat ir-rikors fil-Kawża T-471/10, għandhom jinftiehmu bħala li kienu 23 h 53 u 23 h 57 fil-Lussemburgu. Għaldaqstant, u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dewmien medju ta’ trażmissjoni ta’ sitt rikorsi (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), anki jekk jiġi preżunt li l-faks tar-Reġistru kienet qiegħda tiffunzjoni b’mod regolari, kien biss ir-rikors fil-Kawża T‑471/10 li seta’ jiġi trażmess sa nofsillejl, is-siegħa li fih jiskadi t-terminu għall-preżentata tar-rikors.

23      Fir-rigward tal-argument dwar il-problemi li kellu r-rikorrent mas-sistema tal-posta elettronika tar-Reġistru, hemm lok li dan jiġi miċħud, peress li din hija biss sempliċi allegazzjoni li ma hijiex sostnuta minn prova.

24      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent kien avża lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bil-problemi li huwa kellu mal-faks jew mas-sistema tal-posta elettronika ta’ dan tal-aħħar.

25      Isegwi li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu każ ta’ forza maġġuri, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26      Ir-rikorrent jinvoka wkoll żball skużabbli. Fir-risposta tiegħu tal‑10 ta’ Jannar 2011 għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent żied li r-Reġistru tal-Qorti Ġenerali kien żgura lir-rappreżentent tiegħu, waqt konverżazzjoni telefonika wara nofsinhar tas‑27 ta’ Settembru 2010, li r-rikors fil-Kawża T-461/10, Boyle vs Il-Kummissjoni, ġiet trażmessa lilu permezz tal-faks u li l-ħin li fih wasal dak ir-rikors kien ser jgħodd għar-rikorsi l-oħra kollha li kien ser jintbagħtu warajh.

27      Skont ġurisprudenza stabbilita żball skużabbli jista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jkollu bħala effett li r-rikorrent ma jitqiesx bħala li qiegħed jaġixxi barra t-terminu (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Jannar 2009, SGAE vs Il-Kummissjoni, T-456/08, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      L-iżball skużabbli huwa kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod ristrettiv u jista’ japplika biss għal ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata adottat aġir tali li, waħdu jew b’mod determinanti, iwassal għal konfużjoni ammissibbli għall-parti kkonċernata li għandha bona fide u li tkun eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, T‑5/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu f’dan il-każ ma jistax jiġi identifikat żball skużabbli. Anki jekk jiġi preżunt li r-Reġistru pprovda informazzjoni permezz tat-telefon dwar il-modalitajiet tal-preżentata tar-rikorsi, fatt li bl-ebda mod ma ġie stabbilit, ir-rikorrent kien obbligat japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-modalitajiet tal-preżentata tar-rikorsi previsti kif ukoll dawk dwar it-termini applikabbli, liema dispożizzjonijiet ma jippreżentawx diffikultajiet partikolari ta’ interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Jannar 2004, OPTUC vs Il-Kummissjoni, T‑142/01 u T‑283/01, Ġabra p. II‑329, punt 44, u digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Novembru 2009, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, T-2/09, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21). Barra minn hekk, ma jifformax parti mill-attribuzzjonijiet u l-kompetenzi tal-uffiċjali tar-Reġistru li dawn tal-aħħar jipprovdu dikjarazzjonijiet dwar il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (digriet SGAE vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Wara kollox, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dak l-argument ġie mqajjem mir-rikorrent biss, wara diversi skambji ta’ ittri mar-Reġistru, fl‑10 ta’ Jannar 2011, fir-risposta tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fejn ġie mitlub jipprovdi preċiżjonijiet addizzjonali dwar il-problemi li huwa kellu mal-faks tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

30      Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-ġustifikazzjoni li r-rappreżentant tar-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jibgħat dan ir-rikors lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali ħlief wara nofsinhar u filgħaxija tas‑27 ta’ Settembru 2010, minħabba li l-klijent tiegħu u l-arkitett navali ma kinux faċilment raġunġibbli fl-aħħar xhur, peress li kienu jgħaddu ħafna mill-ħin fuq il-baħar sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom. Fil-fatt, il-kwistjonijiet marbuta mal-funzjonament u l-organizzazzjoni tas-servizzi tar-rappreżentant tar-rikorrent ma jistgħux jiskużaw il-preżentata tardiva tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ April 2008, Publicare Marketing Communications vs UASI (Publicare), T-358/07, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 17).

31      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli, mingħajr ma għandu għalfejn jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li dan id-digriet ġie adottat qabel in-notifika tar-rikors lill-Kummissjoni u qabel ma din ta’ l-aħħar setgħet sostniet xi spejjeż, huwa suffiċjenti li jiġi deċiż li r-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Joseph Doherty għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Il-Lussemburgu, l‑1 ta’ April 2011.

E. Coulon

 

       S. Papasavvas

Reġistratur

 

      President


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.