20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/43


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2010 — Forgital Italy vs Il-Kunsill

(Kawża T-438/10)

()

2010/C 317/77

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Forgital Italy SpA (Velo d’Astico, l-Italja) (rappreżentanti: V. Turinetti di Priero u R. Mastroianni, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 566/2010, tad-29 ta’ Ġunju 2010, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1255/96 li jissospendi b’mod temporanju d-dazji awtonomi tat-Tariffi Doganali Komuni fuq ċerti prodotti industrijali, agrikoli u tas-sajd, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 1(1) u l-Anness għal dak ir-regolament, sa fejn jemenda d-deskrizzjoni tal-Kodiċi NM 8108 20 00.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti fil-kawża preżenti hija kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Italja u li hija speċjalizzata fix-xogħol tal-metall. Din tikkontesta ir-Regolament Nru 566/2010 li emenda l-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sospensjoni temporanja tad-dazji awtonomi tat-Tariffi Doganali Komuni, sa fejn fost l-emendi mwettqa tinsab dik li tapplika għall-prodott kopert mill-Kodiċi NM 8108 20 00, TARIC 20, li d-deskrizzjoni tiegħu intbiddlet għal din li ġejja: “Ingotti mhux maħduma minn fużjoni ta’ titanju jew liegi tat-titanju, b’dijametru ta’ mhux aktar minn 380 mm”.

B’riżultat ta’ tali emenda, l-ingotti b’dijametru akbar minn 380 mm, li sa dik id-data kienu eżenti mid-dazji bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni preċedenti, saru suġġetti, mill-1 ta’ Lulju 2010, għal ħlas tat-Tariffa Doganali Komuni. Min-naħa l-oħra, l-ingotti b’dijametru ta’, jew iżgħar minn, 380 mm ser ikomplu jibbenifikaw mill-eżenzjoni tad-dazji sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi:

(1)

Nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni. F’dan ir-rigward huwa sostnut li r-regolament ikkontestat huwa nieqes minn motivazzjoni xierqa li tiġġustifika l-emenda tad-deskrizzjoni għall-prodott kopert mill-Kodiċi NM 8108 20 00, TARIC 20, billi llimita ruħu sabiex josserva li tali emenda hija neċessarja “sabiex ikunu kkunsidrati l-iżviluppi tekniċi tal-prodott u x-xejriet ekonomiċi fis-suq”. Minkejja dak li huwa mitlub mill-ġurisprudenza, tali formulazzjoni ma tippermettix lir-rikorrenti li tkun magħrrfa bir-raġunijiet għal miżura sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittjijiet tagħha stess u ma jippermettix lill-qorti tal-Unjoni li tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

(2)

Ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi tar-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat, sa fejn jirrigwarda d-deskrizzjoni tal-prodott inkwistjoni, ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, inkwantu l-emendi magħmula ma kinux prevedibbli fid-dawl tal-prattika preċedenti u tal-indikazzjoni mogħtija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji awtonomi (ĠU C 128, p. 2). Dan iwassal ukoll għall-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi tar-rikorrenti, li kienet fdat in bona fede i) fid-deskrizzjoni preċedenti u fit-termini tas-sospensjoni tariffarja relattiva għall-prodotti inkwistjoni, kif stabbilit mill-leġiżlazzjoni ta’ qabel l-emenda, u ii) fil-kriterji identifikati fil-prattika preċedenti u provduta fl-imsemmija komunikazzjoni bħala l-basi ta’ kwalunkwe emenda għad-deskrizzjoni jew għall-annullament antiċipat tal-imsemmija sospensjoni tariffarja.

(3)

Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat jintroduċi trattament differenti, mingħajr ma jipproduċi ebda ġustifikazzjoni plawsibbli, bejn l-importaturi tal-inglotti mhux maħduma minn fużjoni ta’ titanju jew liegi tat-titanju, b’dijametru ta’ mhux iktar minn 380 mm (li jibbenifikaw mis-sospensjoni tariffarja) u dawk li jimpurtaw ingotti tat-titanju ta’ b’dijametru akbar.

(4)

Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li għal dak li jirrigwarda l-prodott inkwistjoni, ir-regolament ikkontestat jidher sproporzjonat meta mqabbel mal-allegata ħtieġa li “ikunu kkunsidrati l-iżviluppi tekniċi tal-prodott u x-xejriet ekonomiċi fis-suq” inkwantu: i) ma kien hemm ebda żviluppi ekonomiċi u tekniċi fis-settur tal-ingotti f’liega tat-titanju, ta’ natura li kienu tant sinjifikattivi li kien hemm ħtieġa tal-emenda għall-iskema ta’ importazzjoni introdotta mir-regolament ikkontestat u ii) in-natura drastika u immedjata ta’ tali emendi, li ma kienet akkumpanjata minn ebda perijodu tranżitorju, hija inkonsistenti mal-għanijiet li jrid jilħaq ir-regolament.