25.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/21


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2010 — ELE.SI.A vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-312/10)

()

2010/C 260/29

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Elettronica e sistemi per automazione (ELE.SI.A) SpA (Guidonia Montecelio, l-Italja) (rappreżentanti: S. Bariatti, P. Tomassi, P. Caprile, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata u tiddikjara li ELESIA wettqet b’mod korrett l-obbligi kuntrattwali tagħha.

tikkonstata u tiddikjara li l-Kummissjoni kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha billi ma ħallsitx l-ammont dovut għas-servizzi ta’ ELESIA u billi talbet ir-rimbors tas-somom diġà mħallsa.

konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 83 627,68 bl-interessi mhux inklużi, li jirrappreżentaw l-ispejjeż sostnuti minn ELESIA fil-kuntest tal-proġett, u li għadhom ma tħallsux mill-Kummissjoni.

konsegwentement, tannulla, tirrevoka — jekk ikun hemm bżonn anki bil-ħruġ ta’ noti ta’ kreditu korrispondenti — jew, f’kull każ, tiddikjara illegali n-noti ta’ debitu li permezz tagħhom il-Kummissjoni talbet ir-rimbors tas-somom diġà mħallsa lil ELESIA, kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens.

f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-konsorzju li l-kumpannija rikorrenti fil-kawża preżenti hija l-koordinatriċi tiegħu, ikkonkluda mal-konvenuta kuntratt għat-twettiq tal-proġġett “I-Way, Intelligent co-operative system in cars for road safety”, iffinanzjat mill-fondi baġitarji fil-kuntest tas-“sitt programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku”.

Billi kkunsidrat li twettqu irregolaritajiet gravi fl-iżvulupp ta’ dan il-proġett, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tħassar dan il-kuntratt.

Minn naħa, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-aġir tal-Kummissjoni jmur kompletament kontra d-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u l-prinċipji legali applikabbli, bħall-prinċipji ta’ ekwità, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba, u, min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li filwaqt li l-prestazzjonijiet kuntrattwali kollha twettqu b’mod korrett matul kważi l-perijodu kollu ta’ 36 xahar previsti fil-kuntratt, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni tirrikonoxxi kwalunkwe debitu, billi tibbaża ruħha fost affarijiet oħra fuq verifika li tidher irregolari għal ħafna raġunijiet, u dan minkejja li r-rikorrenti kkooperat b’bona fide matul il-perijodu kollu tar-relazzjonijiet kuntrattwali u anki meta dawn intemmu.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni b’mod konkret li hija ssodisfat b’mod korrett u b’mod kostanti l-obbligi kuntrattwali tagħha kollha, filwaqt li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli II.1.11, II.16.1, II.16.2 u II.29 tal-klawżoli kuntrattwali ġenerali, kif ukoll id-drittijiet ta’ difiża tagħha u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2185/96 (1).


(1)  Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09, Vol. 01, p. 303).