27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/40


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Jannar 2010 — ING Groep vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-33/10)

2010/C 80/66

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ING Groep NV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: O. Brouwer, M. Knapen u J. Blockx, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ukoll minħabba nuqqas ta’ raġunament jew raġunament inadegwat, sa fejn id-deċiżjoni tikkwalifika l-emenda għat-tranżazzjoni CTI bħala għajnuna addizzjonali ta’ EUR 2 biljuni.

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ukoll minħabba nuqqas ta’ raġunament jew raġunament inadegwat, sa fejn il-Kummissjoni issuġġettat l-approvazzjoni tal-għajnuna għall-aċċettazzjoni ta’ projbizzjonijiet ta’ price leadership kif stabbilit fid-deċiżjoni u fl-Anness II tagħha;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ukoll minħabba naqqas ta’ raġunament jew raġunament inadegwat, sa fejn il-Kummissjoni issuġġettat l-approvazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ristrutturar tal-għajnuna lil hinn minn dak li huwa xieraq u meħtieġ taħt il-Komunikazzjoni ta’ Ristrutturazzjoni.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kuntest tat-taqlib fis-swieq finanzjarji f’Settembru/Ottubru 2008, l-Istat Olandiż, fil-11 ta’ Novembru 2008, ikkontribwixxa EUR 10 biljun ta’ kapital Core Tier 1 (iktar ’il quddiem it-“Tranżazzjoni CTI”) f’ING (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”). Din il-miżura ta’ għajnuna kienet approvata provviżorjament mill-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta’ Novembru 2008 għal perijodu ta’ sitt xhur.

F’Jannar 2009, l-Istat Olandiż qabel li jkopri r-riskju ekonomiku relatat ma’ parti ta’ xi uħud mill-attivi indeboliti tar-rikorrenti. Din il-miżura kienet provviżorjament approvata mill-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta’ Marzu 2009, fejn l-Istat Olandiż impenna ruħu li jippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni li jikkonċerna r-rikorrenti. F’Ottubru 2009, ir-rikorrenti u l-Istat Olandiż ikkonkludew emenda għat-tranżazzjoni CTI oriġinali sabiex isir ħlas mill-ġdid kmieni ta’ nofs il-kontribuzzjoni tal-kapital CTI. Verżjoni finali tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tar-rikorrenti tressqet quddiem il-Kummissjoni fit-22 ta’ Ottubru 2009.

Fit-18 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha hija approvat il-miżura ta’ għajnuna suġġetta għall-impenji ta’ ristrutturazzjoni mniżżla fl-Anness I u II tad-deċiżjoni.

Permezz tal-applikazzjoni tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni, tat-18 ta’ Novembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 10/2009 (ex N 138/2009) implementata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-faċilità ta’ sostenn ta’ attivi mhux likwidi u għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni tar-rikorrenti sa fejn huwa allegat li din (i) tikkwalifika l-emenda għat-tranżazzjoni CTI bħala għajnuna addizzjonali ta’ EUR 2 biljuni, (ii) issuġġettat l-approvazzjoni tal-għajnuna għall-aċċettazzjoni ta’ projbizzjonijiet ta’ price leadership u (iii) tissuġġetta l-approvazzjoni tal-għajnuna għal rekwiżiti ta’ ristrutturazzjoni li jmorru lil hinn minn dak li huwa proporzjonat u meħtieġ taħt il-Komunikazzjoni ta’ Ristrutturazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata parzjalment minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

 

Abbażi tal-ewwel talba tagħha, relata mal-emenda għat-tranżazzjoni CTI, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni:

(a)

kisret l-Artikolu 107 TFUE, meta ddeċidiet li l-emenda għat-tranżazzjoni Core Tier bejn ir-rikorrenti u l-Istat Olandiż kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat; u li

(b)

kisret il-prinċipju ta’ premura u l-Artikolu 296 TFUE minħabba li naqset li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali, li tisma’ l-persuni kkonċernati u li tipprovdi raġunament adegwat għad-deċiżjoni kkontestata.

 

Abbażi tat-tieni talba tagħha, relatata mal-projbizzjoni tal-price leadership għal ING u ING Direct, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni:

(a)

kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li ma eżaminatx b’attenzjoni u b’imparzjalità l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali u barra minn hekk kisret l-obbligu li tipprovdi raġunament adegwat għad-deċiżjoni;

(b)

kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi għamlet l-approvazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna suġġetta għal projbizzjonijiet ta’ price leadership li mhumiex adegwati, neċessarji jew proporzjonali;

(c)

kisret l-Artikolu 107(3) TFUE u applikat ħażin il-prinċipji u l-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni ta’ Ristrutturazzjoni.

 

Abbażi tat-tielet talba tagħha, dwar ir-rekwiżiti ta’ ristrutturazzjoni disproporzjonati, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni hija vvizzjata bi:

(a)

żball ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkalkolat b’mod żbaljat l-ammont assolut u relattiv ta’ għajnuna u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba billi talbet ristrutturazzjoni eċċessiva mingħajr ma eżaminat b’attenzjoni u b’imparzjalità l-fatti rilevanti kollha pprovduti lilha; u

(b)

żball ta’ evalwazzjoni u raġunament inadegwat billi ddevjat mill-Komunikazzjoni ta’ Ristrutturazzjoni meta evalwat ir-ristrutturazzjoni meħtieġa.