SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Terminu raġonevoli”

Fil-Kawżi T‑413/10 u T‑414/10,

Socitrel – Sociedade Industrial de Trefilaria, SA, stabbilita f’Trofa (il-Portugall), irrappreżentata minn F. Proença de Carvalho u T. Faria, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑413/10,

Companhia Previdente – Sociedade de Controle de Participações Financeiras, SA, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), irrappreżentata minn D. Proença de Carvalho u J. Caimoto Duarte, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑414/10,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, P. Costa de Oliveira u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn M. Marques Mendes, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269 finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1. Kawża T‑413/10 – Socitrel vs Il-Kummissjoni

60

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2010, Socitrel ippreżentat ir-rikors ineżami.

61

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Settembru 2010, Socitrel ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, Socitrel vs Il-Kummissjoni (T‑413/10 R, EU:T:2011:179), u l-ispejjeż ġew irriżervati.

62

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Settembru 2010, Socitrel indikat li hija kienet qiegħda titlob li titħalla taġġusta l-motivi tagħha fid-dawl tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda.

63

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha t-tieni deċiżjoni ta’ emenda. Il-Kummissjoni onorat din it-talba fis-17 ta’ Ġunju 2011.

64

Sussegwentement għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, Socitrel aġġustat għal darba oħra l-motivi u t-talbiet tagħha permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2011.

65

Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fil-21 ta’ Novembru 2011 bil-preżentata, mill-Kummissjoni, tal-kontroreplika fil-lingwa tal-kawża.

66

Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża fis-27 ta’ Settembru 2013.

67

Ir-rapport preliminari msemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 ġie kkomunikat lis-Sitt Awla fil-31 ta’ Marzu 2014.

68

Fit-8 ta’ Mejju 2014, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali bagħtet lista ta’ sittax-il mistoqsija bil-miktub lil Socitrel u lill-Kummissjoni.

69

Permezz ta’ ittri tas-6 u tad-9 ta’ Ġunju 2014, rispettivament, il-Kummissjoni u Socitrel wieġbu għal dawn il-miżuri.

70

Fis-17 ta’ Settembru 2014, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

71

Socitrel titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċernawha;

sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċerna lil Socitrel u tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

72

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lil Socitrel għall-ispejjeż.

2. Kawża T‑414/10, Companhia Previdente vs Il-Kummissjoni

73

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2010, Companhia Previdente ppreżentat ir-rikors ineżami.

74

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Settembru 2010, Companhia Previdente ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ġunju 2011, Companhia Previdente vs Il-Kummissjoni (T‑414/10 R, EU:T:2011:268), u l-ispejjeż ġew irriżervati.

75

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Diċembru 2010, Companhia Previdente indikat li hija kienet qiegħda titlob li tkun tista’ taġġusta l-motivi tagħha fid-dawl tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda.

76

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha t-tieni deċiżjoni ta’ emenda. Il-Kummissjoni onorat din it-talba fis-17 ta’ Ġunju 2011.

77

Sussegwentement għall-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, Companhia Previdente aġġustat għal darba oħra l-motivi u t-talbiet tagħha permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2011.

78

Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fil-21 ta’ Novembru 2011 bil-preżentata, mill-Kummissjoni, tal-kontroreplika bil-lingwa tal-kawża.

79

Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża fis-27 ta’ Settembru 2013.

80

Ir-rapport preliminari msemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 ġie kkomunikat lis-Sitt Awla fil-31 ta’ Marzu 2014.

81

Fit-8 ta’ Mejju 2014, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali bagħtet lista ta’ sittax-il mistoqsija bil-miktub lil Companhia Previdente u lill-Kummissjoni.

82

Permezz ta’ ittri tas-6 u tad-9 ta’ Ġunju 2014, rispettivament, il-Kummissjoni u Companhia Previdente wieġbu għal dawn il-miżuri.

83

Fis-17 ta’ Settembru 2014, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

84

Companhia Previdente titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1, 2 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċernawha;

tirrikonoxxi li kwalunkwe tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuq Socitrel, fil-kuntest ta’ rikorsi oħra dwar ksur li għalihom Companhia Previdente hija responsabbli in solidum, jimplika tnaqqis awtomatiku ekwivalenti fl-ammont tal-multa in solidum ta’ din tal-aħħar;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

3. Fuq it-tgħaqqid għall-finijiet tal-proċedura orali tal-Kawżi T‑413/10, T‑414/10 u T‑409/13, Companhia Previdente u Socitrel vs Il-Kummissjoni, u fuq it-tħassir tal-Kawża T‑409/13, Companhia Previdente u Socitrel vs Il-Kummissjoni

85

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2013, Companhia Previdente u Socitrel ippreżentaw rikors kontra l-ittra li kienet intbagħtitilhom fl-24 ta’ Mejju 2013 mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni.

86

Din il-kawża ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T‑409/13. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Ġunju 2013, il-Kawżi T‑413/10, T‑414/10 u T‑409/13 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali.

87

Ir-rikorrenti rrinunzjaw għar-rikors ippreżentat fil-kuntest tal-Kawża T‑409/13 permezz ta’ ittra mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Novembru 2014. Peress li l-Kummissjoni indikat, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2014, li hija ma kinitx qiegħda toġġezzjona għar-rinunzja u li kienet qiegħda titlob il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ din ir-rinunzja fil-proċess verbal tas-seduta tas-17 ta’ Novembru 2014, u ordnat it-tħassir tal-Kawża T‑409/13 mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali kif ukoll il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż f’din l-istess kawża.

Id-dritt

88

Il-Kawżi T‑413/10 u T‑414/10 ġew magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza peress li l-partijiet, li saritilhom mistoqsija matul is-seduta, ma oġġezzjonawx għal dan.

89

Socitrel tinvoka tmien motivi insostenn tar-rikors tagħha kif ukoll żewġ motivi komplementari mressqa fil-kuntest tat-tieni aġġustament tal-motivi u tat-talbiet tagħha.

90

Min-naħa tagħha, Companhia Previdente tressaq erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha kif ukoll żewġ motivi komplementari mressqa fil-kuntest tat-tieni aġġustament tal-motivi u tat-talbiet tagħha.

91

L-ewwel motiv imressaq minn Socitrel huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn, essenzjalment, fid-deċiżjoni kkontestata huma nieqsa diversi elementi meħtieġa sabiex jinftiehem il-mod kif il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa.

92

It-tieni motiv imressaq minn Socitrel huwa bbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli.

93

It-tielet motiv imressaq minn Socitrel huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-prinċipji ta’ lealtà, ta’ bona fide u ta’ aspettattivi leġittimi, minħabba li l-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni inizjali darbtejn.

94

Ir-raba’ motiv imressaq minn Socitrel huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ responsabbiltà personali kif ukoll ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, sa fejn il-Kummissjoni qabżet il-limitu massimu tal-multa li setgħet tiġi imposta fuq Socitrel.

95

Dan il-motiv jinkludi tliet partijiet.

96

L-ewwel parti tar-raba’ motiv hija bbażata fuq l-argument li r-responsabbiltà in solidum ta’ Companhia Previdente kienet ġiet stabbilita b’mod żbaljat mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, fuq l-argument li l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ kien ikkalkolat b’mod żbaljat fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Companhia Previdente u mhux fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Socitrel. Dawn l-argumenti huma wkoll is-suġġett tal-ewwel u tat-tieni motivi mressqa minn Companhia Previdente.

97

It-tieni parti tar-raba’ motiv, ippreżentata b’mod sussidjarju, hija bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat tad-dħul mill-bejgħ ta’ Emesa, ta’ Galycas u ta’ ITC fil-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 %. Dawn l-argumenti huma wkoll is-suġġett tal-ewwel parti tat-tielet motiv imressaq minn Companhia Previdente.

98

It-tielet parti tar-raba’ motiv, ippreżentata b’mod iktar sussidjarju, hija bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat tad-dħul mill-bejgħ tas-sena 2009 ta’ Companhia Previdente. Dawn l-argumenti huma wkoll is-suġġett tat-tieni parti tat-tielet motiv imressaq minn Companhia Previdente.

99

Il-ħames motiv imressaq minn Socitrel huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ aspettattivi leġittimi fl-applikazzjoni tal-punti 13 u 22 tal-Linji gwida tal-2006 kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ffissat b’mod żbaljat ir-rata ta’ gravità fir-rigward tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Socitrel bħala 18 %.

100

Is-sitt motiv imressaq minn Socitrel huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn ir-rwol minuri jew passiv tagħha ma tteħidx inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti mill-Kummissjoni.

101

Is-seba’ motiv imressaq minn Socitrel huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-kooperazzjoni effettiva tagħha ma tteħditx inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti mill-Kummissjoni.

102

It-tmien motiv imressaq minn Socitrel huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, minħabba l-assenza li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku ta’ kriżi u l-inkapaċità li tħallas ta’ Socitrel. Dawn l-argumenti huma wkoll is-suġġett tar-raba’ motiv imressaq b’mod sussidjarju minn Companhia Previdente.

103

Ir-rikorrenti rrinunzjaw għal dan il-motiv permezz ta’ ittra mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Novembru 2014. Ittieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta li nżammet fis-17 ta’ Novembru 2014.

104

Barra minn hekk, Socitrel u Companhia Previdente jinvokaw motiv komplementari, imressaq fil-kuntest tat-tieni aġġustament tal-motivi u tat-talbiet tagħhom, li huwa bbażat, fir-rigward ta’ Socitrel, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ aspettattivi leġittimi kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u, fir-rigward ta’ Companhia Previdente, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn Socitrel u Companhia Previdente ma kinux ittrattati bl-istess mod bħal Arcelor u SLM, li kisbu tnaqqis tal-ammont tal-multa li minnu ma bbenefikawx ir-rikorrenti.

105

Fl-aħħar nett, Socitrel u Companhia Previdente jinvokaw motiv komplementari ieħor, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza, ta’ lealtà, ta’ bona fide u ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni inizjali għal darba oħra fl-2011.

1. Fuq l-ewwel motiv invokat minn Socitrel, ibbażat fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha

Tfakkir tal-prinċipji

106

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-qafas ta’ regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra, EU:C:2003:509, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra, EU:C:2004:379, punt 66).

Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

107

Għandhom jitfakkru fil-qosor l-argumenti ppreżentati minn Socitrel insostenn tal-motiv tagħha, argumenti li ġew emendati sussegwentement għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda.

108

Fir-rikors, Socitrel sostniet, essenzjalment, li fid-deċiżjoni inizjali kienu neqsin diversi elementi meħtieġa sabiex jinftiehem il-mod kif il-Kummissjoni kienet iffissat l-ammont tal-multa; skontha, dan kien iwassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

109

B’hekk, skont Socitrel, fid-deċiżjoni inizjali la kien indikat id-dħul mill-bejgħ u lanqas il-valur tal-bejgħ meħuda inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tal-ammont bażiku, bħalma lanqas ma kienu indikati l-parametri użati għall-iffissar bħala 18 % tar-rata ta’ gravità u tal-ammont addizzjonali.

110

Barra minn hekk, Socitrel sostniet li l-fatt li diversi siltiet mid-deċiżjoni mibgħuta lilha kienu kunfidenzjali ostakolaha milli tirrikostitwixxi l-premessi li fuqhom kienet ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa.

111

Sussegwentement għall-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, Socitrel aġġustat l-ewwel motiv tagħha.

112

Minn naħa, Socitrel issostni essenzjalment li l-emenda tad-deċiżjoni inizjali mill-Kummissjoni turi l-fondatezza tal-ewwel motiv tagħha, kif espost minnha fir-rikors.

113

Min-naħa l-oħra, Socitrel tqis li l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda ma rrimedjatx l-iktar nuqqasijiet sinjifikattivi li hija kienet iddenunzjat fir-rikors, b’mod partikolari fir-rigward tar-rata użata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur u tal-ammont addizzjonali.

114

Hija tosserva, barra minn hekk, li l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda tagħmel distinzjoni bejn żewġ perijodi ta’ ksur fir-rigward tagħha (premessa 5), filwaqt li tuża dħul mill-bejgħ identiku fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn il-perijodi, mingħajr madankollu ma din id-distinzjoni ma hija riflessa, skontha, fil-bqija tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda u, b’mod partikolari, fil-premessa 7 ta’ din id-deċiżjoni, fejn fil-konfront tagħha huwa kkonstatat biss perijodu wieħed ta’ ksur.

115

Socitrel iżżid li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 8 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, li kienet wettqet żball fil-kalkolu tal-ammont addizzjonali, iżda madankollu ma tidentifikax l-impriżi milquta minn dan l-iżball. Din il-premessa tirreferi għat-tabella li tinsab fil-premessa 5 ta’ din l-istess deċiżjoni, fejn hija tissemma flimkien ma’ dħul mill-bejgħ marbut ma’ diversi perijodi ta’ ksur. Hija tippreżumi li dan ir-riferiment ifisser li hija għalhekk kellha tkun milquta mill-iżball li jaffettwa l-kalkolu tal-ammont addizzjonali, li jidher li jwassal għat-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa li kienet imposta fuqha, fejn dan l-ammont fil-fatt jinbidel minn EUR 22500000 għal EUR 20000000. Madankollu, dawn jibqgħu ipoteżijiet min-naħa tagħha li, skontha, juru l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

116

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

Fir-rigward tal-indikazzjoni tal-valur tal-bejgħ

117

Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda rrimedjat numru ta’ nuqqasijiet li kien fiha d-deċiżjoni inizjali, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni (premessa 5 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda).

118

Sa hawnhekk, l-argumenti mressqa minn Socitrel insostenn tal-ewwel motiv tagħha dwar dan in-nuqqas fid-deċiżjoni inizjali saru ineffettivi.

Fir-rigward taż-żewġ perijodi ta’ ksur li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejniethom fil-premessa 5 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda

119

Barra minn hekk, kif tosserva Socitrel, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn żewġ perijodi fit-tabella li tirrigwarda l-valur tal-bejgħ, b’mod partikolari ta’ Socitrel, li tinsab fil-premessa 5 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda.

120

Fil-fatt, din it-tabella tispeċifika li, għall-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u t-8 ta’ Jannar 1996, l-ammont użat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tweġibiet mogħtija minn Socitrel fit-30 ta’ Ġunju 2009 huwa ta’ EUR 12016516. Ammont identiku huwa indikat għall-perijodu bejn id-9 ta’ Jannar 1996 u d-19 ta’ Settembru 2002.

121

Fil-premessa 932 tad-deċiżjoni inizjali huwa speċifikat li ż-“żona ġeografika kkonċernata żviluppat matul iż-żmien. Mill-1984 sal-1995 (perijodu tal-club Zurich), din kienet tkopri l-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussemburgu, Spanja u l-Awstrija. Mill-1992 (taħt l-arranġamenti tal-club España), din iż-żona kienet tinkludi wkoll il-Portugall. Mill-1996 sal-2002 (perijodu ta’ kriżi tal-club Zurich, iż-żmien li fih l-arranġament tal-club Europe fil-qasam tal-kwota ġie ppreparat, perijodu tal-club Europe u perijodu ta’ espansjoni), iż-żona ġeografika kienet tkopri l-istess pajjiżi bħal fiż-żmien tal-club Zurich, inkluż il-Portugall, kif ukoll id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja (ara l-punti 9.1.1 sa 9.1.5 tad-deċiżjoni inizjali). Dan jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-valur tal-bejgħ bl-esklużjoni tal-bejgħ imwettaq fil-Portugall qabel il-15 ta’ Diċembru 1992 u bl-esklużjoni tal-bejgħ fid-Danimarka, fl-Isvezja, fil-Finlandja u fin-Norveġja qabel id-9 ta’ Jannar 1996”.

122

Mill-premessa 5 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn diversi perijodi fir-rigward tal-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni (mill-1 ta’ Jannar 1984 sal-21 ta’ Diċembru 1985; mill-1 ta’ Jananr 1986 sal-14 ta’ Diċembru 1992; mill-15 ta’ Diċembru 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1993; mill-1 ta’ Jannar 1994 sat-8 ta’ Jannar 1996; mid-9 ta’ Jannar 1996 sad-19 ta’ Settembru 2002), skont iż-żona ġeografika kkonċernata mill-akkordju.

123

Il-ksur li bih il-Kummissjoni takkuża lil Socitrel kien estiż fuq tnejn minn dawn il-perijodi [mis-7 ta’ April 1994 (id-data kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Socitrel fil-ksur) sat-8 ta’ Jannar 1996 u mid-9 ta’ Jannar 1996 sad-19 ta’ Settembru 2002], perijodi li għalhekk ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

124

Madankollu, fil-premessa 949 tad-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni ddeċidiet li, fid-dawl tal-għarfien tardiv li Socitrel kellha tad-dimensjoni Ewropea tal-akkordju, kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ fi Spanja u fil-Portugall ta’ Socitrel.

125

Għalhekk, in-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ fid-Danimarka, fl-Isvezja, fil-Finlandja u fin-Norveġja wara d-9 ta’ Jannar 1996 (premessa 932 tad-deċiżjoni kkontestata) fir-rigward tal-membri tal-akkordju kkonċernati minn din iż-żona ġeografika baqa’ ma kellha ebda impatt fir-rigward ta’ Socitrel. Dan jispjega għaliex il-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fil-premessa 5 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda huwa identiku għaż-żewġ perijodi ta’ ksur li tagħmel distinzjoni bejniethom il-Kummissjoni.

126

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li wettqet żball meta kkontabbilizzat darbtejn l-ammont addizzjonali fid-deċiżjoni inizjali minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ ksur doppju, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Socitrel.

127

Madankollu, hija kkoreġiet dan l-iżball bl-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, li wassal għal tnaqqis fl-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Socitrel, ammont li, wara din il-korrezzjoni, inbidel minn EUR 22500000 għal EUR 20000000.

128

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fl-Anness 8 tar-rikors, Socitrel ipproduċiet ittra elettronika tad-DĠ “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni, bid-data tat-13 ta’ Awwissu 2010, li fiha l-uffiċjal inkarigat mill-fajl indika:

“Kif indikat fl-ittra [tal-Kummissjoni] tat-30 ta’ Lulju, hemm żball ta’ kalkolu fir-rigward tal-miżata tad-dħul (‘entry fee’). Fir-rigward tal-klijenti tagħkom, dan iwassal sabiex l-ammont li jinsab fit-tabelli tal-premessi 923 u 1057 huwa għoli wisq. Id-deċiżjoni ta’ emenda ser temenda dan u ser tibdel l-ammont ta’ EUR 22500000 b’ammont ta’ EUR 20000000. Kif diġà ġie indikat, minħabba l-limitu massimu [ta’ 10 %], dan ma jwassalx għal bidla fil-multa imposta fuq il-klijenti tagħkom u lanqas għal bidla fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni.”

129

Sa hawnhekk, hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata, kif emendata bl-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

Fir-rigward tar-rata ta’ 18 % applikata minħabba l-gravità

130

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-gravità, għandu jitfakkar li din hija eżaminata fil-punt 19.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata.

131

Fir-rigward ta’ Socitrel, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis:

l-ewwel nett, li “l-impriżi kollha, ħlief Fundia, kienu involuti fil-qsim tas-suq (iffissar ta’ kwoti), fl-attribuzzjoni ta’ klijentela u fl-iffissar orizzontali ta’ prezzijiet (ara l-[punt] 9 u l-Anness 2 sa 4 tad-deċiżjoni)” u li “[d]awn l-arranġamenti huma fost l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni dannużi, li jfixklu l-parametri prinċipali tal-kompetizzjoni” (premessa 939, punt 19.1.3.1 dwar in-natura tal-ksur);

it-tieni nett, li “s-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi li fir-rigward tagħhom seta’ jiġi stabbilit il-ksur huwa stmat għal madwar 80 %, kif spjegat fil-premessa 98” (premessa 946, punt 19.1.3.2 dwar is-sehem tas-suq akkumulat);

it-tielet nett, li l-portata ġeografika tal-ksur żviluppat fiż-żmien (premessa 932: ara l-punt 121 iktar ’il fuq);

ir-raba’ nett, li, “madankollu, fir-rigward ta’ Socitrel, Proderac, Fapricela u Fundia, impriżi li pparteċipaw biss fil-club España (li jkopri lil Spanja u lill-Portugall biss) jew, fil-każ tal-aħħar impriża, fil-koordinazzjoni dwar Addtek biss, u li fir-rigward tagħhom seta’ jiġi stabbilit biss għarfien tal-ksur uniku u kontinwu fi stadju tard ħafna tal-ksur (17 ta’ Mejju 2001 u 14 ta’ Mejju 2001 rispettivament, ara l-punt 12.2.2.4), il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika iktar limitata meta tiddetermina l-parti tal-valur tal-bejgħ” u li “s-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tal-parteċipanti l-oħra fil-club España (Emesa/Galycas, Tycsa/Trefilerías Quijano) li pparteċipaw fl-istess ħin f’diversi livelli tal-akkordju u/jew li fir-rigward tagħhom l-għarfien tal-ksur uniku u kontinwu seta’ jiġi stabbilit fi stadju nettament iktar bikri” (premessa 949, punt 19.1.3.3 dwar il-portata ġeografika).

132

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, “fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ ineżami, u fid-dawl tal-kriterji diskussi iktar ’il fuq fir-rigward tan-natura tal-ksur (ara l-punt 19.1.3.1) u tal-portata ġeografika (ara l-punt 19.1.3.3), il-parti tal-valur tal-bejgħ li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għandha tkun ta’ 16 % għall-impriża Fundia, 18 % għall-impriżi Socitrel, Fapricela u Proderac u 19 % għall-impriżi l-oħra kollha” (premessa 953).

133

Għandu jitqies li, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u li tippermetti li jinftiehem ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni, bla ħsara għan-natura fondata jew le ta’ dan ir-raġunament.

134

Għaldaqstant, l-ilment imressaq minn Socitrel għandu jiġi miċħud.

Fir-rigward tar-rata applikata għad-determinazzjoni tal-ammont addizzjonali għall-finijiet tad-dissważjoni

135

Fir-rigward tal-ammont addizzjonali, għandu jitfakkar li, skont il-punt 25 tal-Linji gwida tal-2006, “irrispettivament mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni ser tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ [...] sabiex tiddisswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw fi ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, dwar qsim tas-suq u dwar limitazzjoni ta’ produzzjoni”. Barra minn hekk, “[i]l-Kummissjoni tista’ tapplika wkoll tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor” u “[s]abiex tiddeċiedi dwar il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni ser tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-[punt] 22”, bħalma huma “n-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u jekk il-ksur kienx implementat jew le”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

136

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat ir-rata applikabbli għall-ammont addizzjonali bħala 18 % u għamlet riferiment, fil-premessa 953 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kunsiderazzjonijiet li hija kienet esponiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fir-rigward tan-natura tal-ksur (punt 19.1.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata) u fir-rigward tal-portata ġeografika tiegħu (punt 19.1.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

137

Issa, tali motivazzjoni tqieset suffiċjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, Ġabra, EU:C:2013:513, punti 121 sa 124).

138

Għaldaqstant, l-ilment imressaq minn Socitrel għandu jiġi miċħud.

Fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Socitrel

139

Socitrel issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu miksura għal żewġ raġunijiet.

140

Minn naħa, hija ssostni li min-nuqqasijiet li kien fiha d-deċiżjoni inizjali, li ġew parzjalment irrikonoxxuti mill-Kummissjoni fl-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu miksura.

141

Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu peress li Socitrel kienet mistiedna mill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ottubru 2010, sabiex taġġusta l-motivi u t-talbiet tagħha wara l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, kif għamlet permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Diċembru 2010.

142

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tagħha fis-sens li partijiet mid-deċiżjoni kkontestata ma kinux żvelati mill-Kummissjoni, fatt li pprekluda lil Socitrel milli tifhem kif il-Kummissjoni kienet ikkalkolat il-multa, għandu jiġi osservat li l-premessi kollha li għalihom tirreferi Socitrel (premessi 1142, 1144, 1149, 1157, 1159, 1160, 1165, 1171, 1172, 1175, 1178, 1179, 1181, 1185 u 1188) jikkonċernaw l-evalwazzjoni tat-talbiet dwar il-kapaċità tal-ħlas ta’ impriżi oħra.

143

Issa, f’tali każ, il-Kummissjoni hija meħtieġa tiżgura n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li tkun intbagħtitilha mill-impriżi meta dawn jitolbu dan, b’mod partikolari meta tkun involuta informazzjoni sensittiva dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi.

144

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament sostniet li l-elementi ta’ evalwazzjoni kollha li jikkonċernaw lil Socitrel u, b’mod partikolari, l-elementi dwar il-kapaċità tal-ħlas tagħha, kienu ġew ikkomunikati lilha.

145

Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Socitrel għandhom jiġu miċħuda u għalhekk l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

146

Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2. Fuq it-tieni motiv imressaq minn Socitrel, ibbażat fuq ksur ta ’ terminu raġonevoli

Tfakkir tal-prinċipji

147

L-ewwel nett, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, C‑452/11 P, EU:C:2012:829, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148

Il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ta’ proċedura amministrattiva ġie kkonfermat mill-ġdid fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni” (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, Ġabra, EU:T:2012:275, punt 284).

149

It-tieni nett, in-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest tal-każ, tal-mod kif jaġixxu l-partijiet matul il-proċedura, tal-interess fil-każ għad-diversi impriżi kkonċernati u tal-livell ta’ kumplessità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra, EU:T:1999:80, punt 126) kif ukoll, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-ġustifikazzjoni li l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi fir-rigward tal-atti ta’ investigazzjoni mwettqa matul il-proċedura amministrattiva.

150

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċedura amministrattiva tista’ tagħti lok għall-eżami ta’ żewġ perijodi suċċessivi, li kull wieħed isegwi loġika interna partikolari għalih. L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża li twettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar id-direzzjoni li fiha għandha timxi l-proċedura. Min-naħa tiegħu, it-tieni perijodu jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan il-perijodu għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-ksur inkwistjoni (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra, EU:C:2006:592, punt 38).

151

Ir-raba’ nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jista’ jwassal għal żewġ tipi ta’ konsegwenzi.

152

Minn naħa, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra, EU:C:2006:593, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153

Għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-fatt li jinqabeż terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għall-annullament biss ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Ħlief f’dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 17 (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra, EU:T:2003:342, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fl-appell fuq dan il-punt permezz tas-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 150 iktar ’il fuq, EU:C:2006:592, punti 42 u 43).

154

Madankollu, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju li n-natura fundamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra, EU:C:1983:313, punt 7) għandu importanza kbira fi proċeduri bħal dik ineżami, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għalhekk, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors tal-eventwali indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 150 iktar ’il fuq, EU:C:2006:592, punt 50).

155

Min-naħa l-oħra, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli ma jkollux impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur jista’ jwassal lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex tirrimedja b’mod adegwat il-ksur li jirriżulta mill-fatt li jkun inqabeż terminu raġonevoli fil-proċedura amministrattiva billi tnaqqas, jekk ikun il-każ, l-ammont tal-multa imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Technische Unie vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq, EU:C:2006:593, punti 202 sa 204, u s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, Ġabra, EU:T:2011:284, punti 429 u 434, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2012:829, punt 100).

Fuq il-fondatezza tat-tieni motiv

156

Socitrel issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma osservatx terminu raġonevoli minħabba li kien biss kważi tmien snin wara li bdiet il-proċedura amministrattiva li adottat id-deċiżjoni inizjali, li wassal, fil-fehma tagħha, għal nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħha, fid-dawl b’mod partikolari tar-ristrutturazzjonijiet li kienet is-suġġett tagħhom u tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom sabiex tiġbor il-provi kuntrarji minħabba t-tluq, matul is-snin, ta’ diversi membri tal-persunal tagħha.

157

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex proċedura amministrattiva li tkun damet ħafna tkun tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, it-tul ta’ din il-proċedura għandu jiġi kklassifikat bħala eċċessiv.

158

Fil-każ ineżami, il-proċedura amministrattiva kellha erba’ fażijiet suċċessivi, bl-ewwel fażi tippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u bit-tliet fażijiet sussegwenti wara l-imsemmija dikjarazzjoni.

159

L-ewwel fażi bdiet fid-9 ta’ Jannar 2002, bil-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, mill-Bundeskartellamt, tad-dokumenti msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq u ntemmet fit-30 ta’ Settembru 2008 permezz tal-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

160

Dan wassal għall-ftuħ tat-tieni fażi (ara l-punti 32 sa 37 iktar ’il fuq), li ngħalqet bl-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, fit-30 ta’ Ġunju 2010.

161

Wara l-preżentata ta’ sensiela inizjali ta’ rikorsi (imfakkra fil-punt 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Settembru 2010, l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) sabiex tikkoreġi diversi żbalji li kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni inizjali, u b’hekk ingħalqet it-tielet fażi tal-proċedura amministrattiva.

162

Fl-aħħar nett, fl-4 ta’ April 2011, ingħalqet ir-raba’ fażi tal-proċedura amministrattiva, permezz tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, li permezz tagħha tat tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, minn naħa, lil ArcelorMittal, lil ArcelorMittal Verderio, lil ArcelorMittal Fontaine u lil ArcelorMittal Wire France, u, min-naħa l-oħra, lil SLM u lil Ori Martin (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

163

Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-motiv imressaq minn Socitrel jikkonċerna biss l-ewwel żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva.

164

Fit-8 ta’ Mejju 2014, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali bagħtet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni sabiex tikseb deskrizzjoni ddettaljata tal-eżerċizzji ta’ diliġenza li hija kienet wettqet wara l-ispezzjonijiet li kienu saru fid-19 u fl-20 ta’ Settembru 2002, u dan sal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali.

165

Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2014.

166

Kopja tat-tweġiba tal-Kummissjoni ġiet ikkomunikata lil Socitrel fis-16 ta’ Ġunju 2014 mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

167

Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni tispjega b’mod iddettaljat u konvinċenti l-kompiti li hija wettqet matul il-proċedura amministrattiva kollha u r-raġunijiet għaliex il-proċedura damet mill-2002 sal-2010.

168

Fil-każ ineżami, it-tul tal-proċedura amministrattiva huwa dovut għal diversi fatturi.

169

F’dan ir-rigward għandhom jissemmew it-tul tal-akkordju (iktar minn 18-il sena), id-dimensjoni ġeografika partikolarment estiża tiegħu (l-akkordju kien jirrigwarda l-maġġoranza tal-Istati Membri), l-organizzazzjoni tal-akkordju fil-livell ġeografiku u mill-aspett temporali (id-diversi clubs deskritti fil-punti 41 sa 53), in-numru ta’ laqgħat li nżammu fil-kuntest tad-diversi clubs (iktar minn 500), in-numru ta’ impriżi kkonċernati (17), in-numru ta’ talbiet għal klemenza (ara l-punti 22 u 27 et seq iktar ’il fuq) u l-volum partikolarment sostanzjali ta’ dokumenti, ipprovduti f’dan il-kuntest jew miksuba matul l-ispezzjonijiet u redatti f’diversi lingwi, li kellhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, id-diversi talbiet għal informazzjoni komplementari li kellhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lid-diversi kumpanniji kkonċernati skont il-bżonn fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-komprensjoni tal-akkordju (ara l-punti 24 et seq u l-punti 36 et seq iktar ’il fuq), in-numru ta’ destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar minn 40), in-numru ta’ lingwi proċedurali (8), kif ukoll id-diversi talbiet dwar il-kapaċità tal-ħlas (14).

170

Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, li turi l-kumplessità partikolari tal-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, minkejja t-tul partikolari tal-ewwel żewġ fażijiet tal-proċedura, dan it-tul ma għandux jitqies li kien eċċessiv. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tosserva terminu raġonevoli.

171

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa minn Socitrel intiżi sabiex jiġi sostnut li d-drittijiet tad-difiża tagħha ma kinux irrispettati peress li, bejn l-2002 u l-2008, il-grupp Companhia Previdente kien inbidel b’mod sinjifikattiv minħabba r-ristrutturazzjonijiet marbuta mal-akkwist ta’ diversi kumpanniji — dan il-grupp żdied minn 21 għal 27 entità — u peress li, mill-mument li fih irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, f’Settembru 2008, il-fatti li kienet akkużata bihom kienu tant ilhom li seħħew li ebda waħda mill-persuni li kienu involuti direttament ma kienet għadha preżenti jew f’pożizzjoni li tiftakarhom.

172

Fil-fatt, tali argumenti huma vagi wisq sabiex ikun jista’ jiġi evalwat l-impatt konkret tagħhom fuq id-drittijiet tad-difiża ta’ Socitrel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif ġie espost fit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Socitrel irċeviet l-ewwel talba għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fil-11 ta’ Frar 2004 u li din it-talba kienet tindika b’mod ċar is-suġġett u l-portata tal-investigazzjoni kemm fuq livell materjali u kemm fuq livell temporali. B’hekk, b’effett minn dik id-data, Socitrel kienet f’pożizzjoni li tiġbor u tgħaddi lill-Kummissjoni l-provi kollha li fil-fehma tagħha kienu rilevanti sabiex twieġeb lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija ma tistax tinvoka n-negliġenza tagħha li tiġbor u żżomm dawk l-elementi li eventwalment setgħet tuża fid-difiża tagħha. Bl-istess mod, fl-assenza tal-iċken argument li jippermetti li jinftiehem sa fejn il-perijodu ta’ sena u nofs bejn Settembru 2002 u Frar 2004, perijodu li matulu l-Kummissjoni ħadet konoxxenza tad-dokumenti miksuba matul l-ispezzjoni jew mibgħuta fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza, seta’ ppreġudika l-eżerċizzju minn Socitrel ta’ dawn id-drittijiet tad-difiża, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li tqis li dan il-perijodu seta’ kkawżalha preġudizzju fil-kawża ineżami.

173

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3. Fuq it-tielet motiv imressaq minn Socitrel, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta ’ diliġenza tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-prinċipji ta ’ lealtà, ta ’ bona fide u ta ’ aspettattivi leġittimi

Tfakkir tal-prinċipji

174

Għandu jitfakkar qabel kollox li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza, sabiex dan il-prinċipju jkun jista’ jiġi invokat huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, assigurazzjonijiet, preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, min-naħa ta’ sorsi awtorizzati u affidabbli, għandhom ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li joħolqu aspettattiva leġittima f’moħħ il-persuna li lilha jkunu indirizzati. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi man-normi applikabbli (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il-Kummissjoni, T‑12/06, Ġabra, EU:T:2011:441, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ diliġenza jimplika l-obbligu għall-Kummissjoni li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il-Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176

Ġie deċiż ukoll diversi drabi li huwa leġittimu u fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva korretta li istituzzjoni tikkoreġi l-iżbalji u l-ommissjonijiet li bihom tkun ivvizzjata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑314/04 u T‑414/04, EU:T:2006:399, punt 45, u d-digriet tat-22 ta’ Novembru 2007, Investire Partecipazioni vs Il-Kummissjoni, T‑418/05, EU:T:2007:354, punt 40).

Fuq il-fondatezza tat-tielet motiv

177

Socitrel issostni, essenzjalment, li, minkejja li d-deċiżjoni inizjali kienet ġiet adottata, hija kienet informata mill-Kummissjoni li din id-deċiżjoni kienet ser tiġi emendata. B’hekk, Socitrel kienet obbligata tippreżenta rikors mingħajr ma kienet taf is-sustanza reali tad-deċiżjoni li kienet timponilha multa. B’hekk, il-Kummissjoni naqset mid-dmir ta’ diliġenza tagħha — kif jikkonferma, jekk tali konferma hija fil-fatt meħtieġa, il-fatt li l-Kummissjoni sussegwentement emendat id-deċiżjoni għat-tieni darba, mingħajr ma din it-tieni deċiżjoni ta’ emenda ma kienet innotifikata lil Socitrel — u b’hekk il-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża ta’ Socitrel.

178

Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

179

Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tippermetti li fl-ordinament ġuridiku tibqa’ teżisti deċiżjoni li tkun taf li hija vvizzjata bi żbalji u b’ommissjonijiet u, f’dan ir-rigward, huwa leġittimu u fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva korretta li istituzzjoni tikkoreġi l-iżbalji u l-ommissjonijiet li bihom tkun ivvizzjata d-deċiżjoni inizjali (ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 iktar ’il fuq).

180

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkoreġiet, permezz tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda, l-iżbalji u l-ommissjonijiet li hija kienet ikkonstatat fid-deċiżjoni inizjali.

181

Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, b’hekk, saħħet ukoll il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

182

Huwa minnu li l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda kienet ġiet adottata mill-Kummissjoni wara l-preżentata ta’ diversi rikorsi, fosthom dawk tar-rikorrenti, indirizzati, inizjalment, kontra d-deċiżjoni inizjali. Madankollu, Socitrel — bħall-impriżi l-oħra li kienu ppreżentaw rikors — kienet mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex taġġusta, jekk ikun il-każ, il-motivi u t-talbiet tagħha fid-dawl tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

183

Issa, għandu jiġi kkonstatat li Socitrel aġġustat il-motivi tagħha fid-dawl tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Diċembru 2010.

184

Barra minn hekk, minkejja li ma kinitx destinatarja tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, Socitrel irċeviet kopja tagħha fuq l-inizjattiva tal-Qorti Ġenerali u kienet mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex taġġusta, jekk ikun il-każ, il-motivi u t-talbiet tagħha, kif fil-fatt għamlet, fir-rigward tal-motivi tagħha, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2011.

185

Għalhekk, hija ma tistax issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura mill-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ emenda.

186

Socitrel issostni wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi kif ukoll il-prinċipji ta’ lealtà u ta’ bona fide, iżda r-raġunijiet għalfejn ġew invokati dawn l-aħħar żewġ prinċipji ma humiex ippreċiżati b’mod ċar fir-rikors tagħha.

187

Sa fejn Socitrel għandha l-intenzjoni ssostni, permezz ta’ dawn l-argumenti, li, meta kkoreġiet id-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni kienet ipprekludiet lir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali milli jkollu eżitu pożittiv, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva korretta, tikkoreġi d-deċiżjoni inizjali li kienet ivvizzjata bi żbalji u b’ommissjonijiet qabel ma tingħata deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali.

188

Għaldaqstant, ebda assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti, li toriġina minn sorsi affidabbli u awtorizzati, ma setgħet tingħata lil Socitrel mill-amministrazzjoni fir-rigward taż-żamma ta’ deċiżjoni vvizzjata bi żbalji u b’ommissjonijiet sal-eventwali annullament tagħha mill-Qorti Ġenerali.

189

Il-Kummissjoni lanqas ma tistax tiġi akkużata b’aġir żleali u b’mala fide għas-sempliċi raġuni li kienet emendat deċiżjoni vvizzjata, kif ammettiet hija stess, b’diversi żbalji u ommissjonijiet.

190

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

4. Fuq ir-raba ’ motiv imressaq minn Socitrel u fuq l-ewwel tliet motivi mressqa minn Companhia Previdente, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-prinċipji ta ’ proporzjonalità u ta ’ responsabbiltà personali kif ukoll ta ’ preżunzjoni ta ’ innoċenza, kif ukoll fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni u fuq nuqqas ta ’ osservanza mill-Kummissjoni tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, sa fejn inqabeż il-limitu massimu tal-multa li setgħet tiġi imposta fuq Socitrel

Fuq l-ewwel parti tar-raba ’ motiv imressaq minn Socitrel u fuq l-ewwel u t-tieni motivi mressqa minn Companhia Previdente, ibbażati fuq l-argument li r-responsabbiltà in solidum ta ’ Companhia Previdente kienet stabbilita b’mod żbaljat mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, fuq l-argument li l-limitu massimu ta ’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ kien ġie kkalkolat b’mod żbaljat fuq id-dħul mill-bejgħ ta ’ Companhia Previdente minflok fuq dak ta ’ Socitrel

Tfakkir tal-fatti

191

Companhia Previdente hija kumpannija li tiġġestixxi holdings f’diversi kumpanniji.

192

Bejn l-1994 u l-1998 hija kellha holding dirett ta’ 21.2 % fil-kapital ta’ Socitrel u 70 % fil-kapital ta’ Preside SGPS, li kellha 70.6 % tal-kapital ta’ Socitrel.

193

Bejn it-30 ta’ Diċembru 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002, Companhia Previdente żiedet il-holding tagħha fi Preside SGPS għal 100 % tal-kapital tagħha.

194

Huwa paċifiku li b’hekk Companhia Previdente kellha, matul dan il-perijodu, holding fil-kapital ta’ Socitrel li kien ta’ bejn 91.8 % u 93.7 %.

195

Barra minn hekk, wara d-data tal-waqfien tal-ksur, Companhia Previdente akkwistat diversi kumpanniji, fosthom Emesa, Galycas u ITC, li, it-tlieta li huma, kienu wkoll issanzjonati mill-Kummissjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell.

Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

196

Skont il-premessi 765 sa 768 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(765)

Bejn l-1994 u l-aħħar tal-1998, [Companhia Previdente] kellha holding dirett ta’ 21.2 % f’Socitrel u ta’ 70 % fi Preside SGPS, li min-naħa tagħha kellha, matul l-istess perijodu, holding ta’ 70.6 % f’Socitrel. Bejn it-30 ta’ Diċembru 1998 u l-aħħar tal-2002, Companhia Previdente kellha 100 % tal-kapital ta’ Preside SGPC u, permezz ta’ Preside SGPS, hija kienet tikkontrolla direttament jew indirettament minn 91.8 % sa 93.7 % mill-kapital ta’ Socitrel. Kif spjegat fil-premessa 32, bejn il-bidu tal-1994 u l-aħħar tal-2002 minn tal-inqas, kien hemm diversi rabtiet personali b’saħħithom bejn Socitrel u Companhia Previdente.

(766)

Companhia Prevident issostni li hija ma għandhiex tiġi ddikjarata responsabbli in solidum ma’ Socitrel minħabba li hija ma kellhiex influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Socitrel. L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni ma ppreżentatx fatti konkreti li jippermettu li tinstilet konklużjoni dwar l-influwenza determinanti eżerċitata minn Companhia Previdente fuq Socitrel. Barra minn hekk, hija ssostni li sal-1999, meta Socitrel saret is-sussidjarja kważi 100 % tagħha, il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ma setgħetx tapplika. Iż-żewġ impriżi kienu entitajiet distinti b’attivitajiet differenti u Socitrel kienet awtonoma fl-attività kummerċjali tagħha. Xhieda ta’ dan jinsab fil-fatt li wara li Socitrel kienet akkwistata minnha, l-amministrazzjoni eżekuttiva ta’ Socitrel ma kinitx inbidlet u kienet baqgħet kompletament indipendenti. Bl-istess mod, Socitrel kienet biss eżerċitat id-drittijiet marbuta mal-holding tagħha u l-obbligi tagħha bħalma huma l-approvazzjoni tal-kontijiet annwali ta’ Socitrel u t-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-politika fil-qasam ta’ dividendi u ta’ struttura tal-kapital. Fl-aħħar nett, Companhia Previdente issostni li l-membri tal-bord tagħha pparteċipaw fil-bord ta’ Socitrel fejn eżerċitaw funzjoni mhux eżekuttiva u li, skont id-dritt Portugiż dwar il-kumpanniji, din il-parteċipazzjoni fil-bord ta’ Socitrel kienet fuq livell personali u mhux bħala rappreżentanti tal-kumpannija parent.

(767)

Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tapplika għall-perijodu inkluż bejn it-30 ta’ Diċembru 1998 u l-aħħar tal-2002, meta Companhia Previdente kellha kontroll fuq 91.8 % sa 93.7 % tal-kapital ta’ Socitrel, l-argumenti mressqa minn Companhia Previdente ma jistgħux fi kwalunkwe każ jintlaqgħu fid-dawl tad-diversi rabtiet personali b’saħħithom li kien hemm bejn iż-żewġ impriżi bejn il-bidu tal-1994, minn tal-inqas, u l-aħħar tal-2002, kif deskritt fil-premessa 32 ta’ din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li s-Sinjuri P. B., L. F. u A. S. mhux biss kienu membri tal-bord tad-diretturi taż-żewġ impriżi, iżda kienu jattendu wkoll il-laqgħat tal-akkordju f’isem Socitrel b’mod regolari u kontinwu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li Companhia Previdente eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Socitrel matul il-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-akkordju (ara l-premessa 694).

(768)

Għaldaqstant, [Socitrel] u [Companhia Previdente] huma d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. [Socitrel] hija miżmuma responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju matul il-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-19 ta’ Settembru 2002. [Companhia Previdente] hija miżmuma responsabbli in solidum ma’ [Socitrel] għall-istess perijodu.”

Tfakkir tal-prinċipji

197

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, ikkunsidrat f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li, meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal tali ksur (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199

Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u għalhekk jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, ma hijiex neċessarjament relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-ewwel waħda fl-imsemmi ksur, li jippermettu lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, iżda huwa l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’ il fuq, EU:C:2011:620, punt 88).

200

Għandu jiġi ppreċiżat li, skont din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tikkonstata li impriża setgħet teżerċita tali influwenza determinanti fuq l-impriża l-oħra, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk din l-influwenza kinitx effettivament eżerċitata. Għall-kuntrarju, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, bħala prinċipju, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tali influwenza determinanti fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ elementi fattwali, fosthom, b’mod partikolari, l-eventwali setgħa tat-tmexxija ta’ waħda minn dawn l-impriżi fir-rigward tal-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra, EU:C:2003:529, punti 95 sa 99; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punti 118 sa 122, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra, EU:T:2002:70, punt 527).

201

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fil-każ partikolari ta’ kumpannija parent li jkollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli fis-sens li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti”) (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja jkun miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tapplika l-preżunzjoni li din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis li l-kumpannija parent hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li fuqha jaqa’ l-kompitu li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti sabiex turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203

Għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħalma huma l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-influwenza eżerċitata mill-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentanza komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra, EU:C:2000:630, punti 28 u 29), xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx tali ċirkustanzi bil-għan li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza mill-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra, EU:C:2009:536, punti 60 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, sabiex tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti f’każ partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tipproduċi indizji supplimentari għal dawk li juru l-applikabbiltà u n-natura effettiva ta’ din il-preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

204

Madankollu, il-kumpannija parent li żżomm kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha tinsab, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju esklużiv, fir-rigward tas-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, fid-dawl tal- konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jorbtuha ma’ din is-sussidjarja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tapplika għal din is-sitwazzjoni l-istess regoli dwar il-prova, jiġifieri li tirrikorri għall-preżunzjoni li din il-kumpannija parent tagħmel użu effettiv mis-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Madankollu, ma huwiex eskluż li, f’ċerti każijiet, l-azzjonisti b’minorità jista’ jkollhom, fir-rigward tas-sussidjarja, drittijiet li jippermettu li tiġi kkontestata l-analoġija msemmija iktar ’il fuq (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs Il-Kummissjoni, T‑168/05, EU:T:2009:367, punt 53, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni, C‑520/09 P, Ġabra, EU:C:2011:619).

205

Il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija intiża b’mod partikolari sabiex tilħaq bilanċ bejn, minn naħa, l-importanza tal-għan li jiġi ssanzjonat l-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari għall-Artikolu 101 TFUE, u li tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ tali aġir u, min-naħa l-oħra, l-importanza tar-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huma, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ personalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huwa, b’mod partikolari, għal din ir-raġuni li din il-preżunzjoni hija konfutabbli (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 59).

206

Barra minn hekk, għandu jitfakkar, minn naħa, li din il-preżunzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li, ħlief ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali, kumpannija li jkollha l-kapital kollu ta’ sussidjarja tista’, fid-dawl biss ta’ dan il-kapital, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ din is-setgħa ta’ influwenza tista’ normalment tiġi mistħarrġa, bl-iktar mod effettiv, fil-kuntest tal-entitajiet li kontrihom topera l-preżunzjoni (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 60).

207

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku jkun biżżejjed għal parti kkonċernata li tressaq sempliċi dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati sabiex tegħleb din il-preżunzjoni, din tal-aħħar tkun estensivament imċaħħda mill-effettività tagħha (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 61).

208

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-sempliċi fatt li l-kumpannija parent tkun kumpannija holding ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi eskluż li kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding, li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp, hija kumpannija maħsuba sabiex tiġbor fi ħdanha l-holdings f’diversi kumpannija u għandha l-funzjoni li tiżgura l-unità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll baġitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra, EU:T:2008:415, punt 63; tat-13 ta’ Lulju 2011, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑38/07, Ġabra, EU:T:2011:355, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, Ġabra, EU:T:2012:332, punt 283).

209

Sabiex jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn din is-sussidjarja u l-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw minn każ għal ieħor u li għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ lista eżawrjenti (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 203 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536 punt 74).

210

Din l-evalwazzjoni ma għandhiex tiġi llimitata biss għall-elementi li jirrigwardaw il-politika kummerċjali, fis-sens strett tal-kelma, tas-sussidjarja, bħalma hija l-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, il-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti ma tistax tiġi kkonfutata sempliċement billi jintwera li hija s-sussidjarja li tiġġestixxi dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi direttivi f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, FMC vs Il-Kummissjoni, T‑197/06, Ġabra, EU:T:2011:282, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-awtonomija tas-sussidjarja ma tistax tiġi stabbilita sempliċement billi jintwera li din tmexxi b’mod awtonomu aspetti speċifiċi tal-politika tagħha dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur (sentenza FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punt 106).

211

Bl-istess mod, peress li l-awtonomija tas-sussidjarja ma tiġix evalwata biss fir-rigward tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma tkun implementat, favur il-kumpannija parent, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq ikkonċernat ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri l-awtonomija tagħha (sentenza FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 210 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punt 145).

212

Barra minn hekk, il-fatt li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-kumpannija parent tat istruzzjonijiet lis-sussidjarja tagħha ma jistax jipprova li tali istruzzjonijiet ma eżistewx (ara s-sentenza Arkema vs Il-Kummissjoni, EU:T:2011:251, iċċitata fil-punt 204 iktar ’il fuq, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213

Għandu jitfakkar ukoll li l-qorti tal-Unjoni tqis li r-rappreżentazzjoni tal-kumpannija parent fil-korpi ta’ tmexxija tas-sussidjarja tagħha tikkostitwixxi prova rilevanti tal-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Total vs Il-Kummissjoni, T‑344/06, EU:T:2012:479, punt 73; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra, EU:T:2007:115, punt 137, u FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 210 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punt 150).

214

Fl-aħħar nett, barra minn hekk, kumpannija parent tista’ titqies li hija responsabbli għal ksur imwettaq minn sussidjarja anki meta jkun hemm numru kbir ta’ kumpanniji operazzjonali fi grupp wieħed (sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 149 iktar ’il fuq, EU:T:1999:80, punt 989, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, Ġabra, EU:T:2012:478, punt 52).

Fuq il-fondatezza tal-ewwel parti tar-raba’ motiv imressaq minn Socitrel u tal-ewwel u tat-tieni motivi mressqa minn Companhia Previdente

215

Għandu jitfakkar li r-responsabbiltà ta’ Socitrel ġiet stabbilita għall-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-19 ta’ Settembru 2002 u li r-responsabbiltà in solidum ta’ Companhia Previdente ġiet stabbilita għall-istess perijodu ta’ ksur.

216

Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-29 ta’ Diċembru 1998, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li hija kellha elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza determinanti minn Companhia Previdente fuq Socitrel, u, min-naħa l-oħra, il-perijodu bejn it-30 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002, li fir-rigward tiegħu hija qieset li, fid-dawl tal-importanza tal-holding ta’ Companhia Previdente fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, Socitrel, setgħet tapplika l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

217

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, l-ewwel nett, li r-responsabbiltà ta’ Companhia Previdente ma tistax tiġi stabbilita peress li l-ksur twettaq biss minn Socitrel u peress li ebda element ma jistabbilixxi li l-kumpannija parent kienet ipparteċipat fil-ksur jew saħansitra kienet taf bih, it-tieni nett, li l-Kummissjoni ma tistax tuża l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti peress li Companhia Previdente qatt ma kellha holding ta’ 100 % fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, it-tielet nett, li, fi kwalunkwe każ, huma jressqu elementi li jikkonfutaw din il-preżunzjoni u, fl-aħħar lok, ir-raba’ nett, li, għall-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-29 ta’ Diċembru 1998, il-Kummissjoni rreferiet biss għall-eżistenza ta’ “diversi rabtiet personali b’saħħithom” bejn Companhia Previdente u Socitrel u għall-fatt li ċerti diretturi, komuni għaż-żewġ kumpanniji, kienu jafu bl-akkordju, mingħajr madankollu ma ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti li dawn kienu ressqu sabiex juru l-assenza ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha.

218

Madankollu, ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jintlaqa’.

219

Ser jiġu eżaminati suċċessivament ir-responsabbiltà ta’ Companhia Previdente minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, il-provi li jistabbilixxu l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Companhia Previdente fuq Socitrel matul il-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-29 ta’ Diċembru 1998, il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni setgħetx tapplika l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti matul il-perijodu bejn it-30 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002 u, fl-aħħar nett, id-diversi argumenti mressqa mir-rikorrenti intiżi kemm sabiex jistabbilixxu l-assenza ta’ eżerċizzju ta’ tali influwenza matul il-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-29 ta’ Diċembru 1998 u kemm sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ tali influwenza fir-rigward tal-perijodu sussegwenti.

– Fuq ir-responsabbiltà ta’ Companhia Previdente minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha

220

Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ responsabbiltà ta’ Companhia Previdente minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur li huwa imputabbli biss lil Socitrel, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 199 iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali tal-kumpannija parent fil-ksur sabiex din tkun id-destinatarja ta’ deċiżjoni li timponilha multa minħabba t-twettiq tal-imsemmi ksur.

221

Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li l-ksur ma jistax jiġi imputat lil Companhia Previdente minħabba li din ma hijiex hija stess l-awtur ta’ dan il-ksur ma jistgħux jintlaqgħu u, għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

– Fuq il-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-29 ta’ Diċembru 1998 u dwar il-provi li jistabbilixxu l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Companhia Previdente fuq Socitrel

222

Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat il-holding li l-kumpannija parent kellha fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, irreferiet għall-eżistenza ta’ “diversi rabtiet personali b’saħħithom” bejn Companhia Previdente u Socitrel u għall-fatt li ċerti diretturi, komuni għaż-żewġ kumpanniji, kienu jafu bl-akkordju. Minn dan hija kkonkludiet li Companhia Previdente kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Socitrel.

223

Għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi.

224

Fir-rigward tal-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ Companhia Previdente fil-kapital ta’ Socitrel, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni sostniet li, skont id-dritt tal-kumpanniji Portugiż, azzjonist li jkollu iktar minn żewġ terzi tad-drittijiet ta’ vot f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata — bħalma hija Companhia Previdente, li kellha holding dirett ta’ 21.2 % fil-kapital ta’ Socitrel u ta’ 70 % fil-kapital ta’ Preside SGPS, li kellha 70.6 % tal-kapital ta’ Socitrel — igawdi, bħala prinċipju, minn kontroll totali fuq din il-kumpannija, sa fejn ikun jista’ japprova d-deliberazzjonijiet kollha, b’mod partikolari dawk dwar in-nomina tal-korp tat-tmexxija, tkun xi tkun l-istruttura tiegħu. Min-naħa l-oħra, hija speċifikat li tali sitwazzjoni setgħet tiġi evitata biss jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kumpannija, jew ċerti regoli introdotti minn ftehimiet bejn l-azzjonisti, jipprevedu mod ieħor, sabiex tkun prevista l-possibbiltà li jiġu kkostitwiti minoranzi ta’ veto fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet strateġiċi. Issa, skontha, Socitrel la pprovat u lanqas biss allegat l-eżistenza ta’ xi dispożizzjoni ta’ dan it-tip.

225

Meta sarulhom mistoqsijiet f’dan ir-rigward matul is-seduta, ir-rikorrenti ma kkontestawx dawn l-elementi.

226

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li Companhia Previdente kellha, matul il-perijodu kkonċernat, holding partikolarment kunsiderevoli fil-kapital tas-sussidjarja tagħha li kien jippermettilha teżerċita kontroll fuq id-deliberazzjonijiet kollha fi ħdanha.

227

Fir-rigward tad-diretturi komuni, għandu jitqies id-dokument mibgħut minn Socitrel lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2006 (paġni 19662 sa 19664 tal-fajl amministrattiv), li minnu jirriżulta li Socitrel u Companhia Previdente kellhom żewġ diretturi komuni fl-1995 (A. C. u P. B.), fl-1996 (L. D. u P. B.) u fl-1997 (L. D. u P. B.) kif ukoll tliet diretturi komuni fl-1998 (A. S., L. D. u L. F.).

228

Issa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 213 iktar ’il fuq, ir-rappreżentazzjoni tal-kumpannija parent fil-korpi ta’ tmexxija tas-sussidjarja tagħha tikkostitwixxi prova rilevanti tal-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar.

229

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li s-Sur P. B. ipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju bejn is-26 ta’ Awwissu 1993 u l-14 ta’ Mejju 1998. Min-naħa tiegħu, is-Sur L. F. ipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju bejn it-8 ta’ Settembru 1998 u t-30 ta’ Lulju 2002. Fl-aħħar nett, is-Sur A. S., li kien jippresjedi ż-żewġ kumpanniji bejn it-18 ta’ Settembru 1998 u l-aħħar tal-2002, ipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju bejn l-10 ta’ Diċembru 1998 u t-22 ta’ Mejju 2001. Dawn il-fatti ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

230

Għaldaqstant, dawn il-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija parent kienu debitament informati dwar l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, peress li kienu pparteċipaw fih huma stess.

– Fuq il-perijodu bejn it-30 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002 u l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha

231

Matul is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxew li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 204 iktar ’il fuq, li ngħatat wara l-preżentata tar-rikors tagħhom kontra d-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Companhia Previdente fuq Socitrel, minkejja l-fatt li l-holding tal-kumpannija parent fil-kapital tas-sussidjarja tagħha kien inqas minn 100 %.

232

Huma indikaw li, għalkemm kienu qegħdin jirrinunzjaw għall-argumenti tagħhom dwar dan il-punt, huma kienu qegħdin isostnu dawn l-argumenti sabiex jikkonfutaw l-imsemmija preżunzjoni.

– Fuq l-elementi mressqa mir-rikorrenti intiżi kemm sabiex juru l-assenza ta’ influwenza determinanti matul il-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-29 ta’ Diċembru 1998 u kemm sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fir-rigward tal-perijodu bejn it-30 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002

233

Ir-rikorrenti jqisu essenzjalment li, minkejja, minn naħa, id-daqs kunsiderevoli tal-holding ta’ Companhia Previdente fil-kapital tas-sussidjarja tagħha u l-eżistenza ta’ diretturi komuni matul l-ewwel perijodu u, min-naħa l-oħra, id-daqs saħansitra iktar kunsiderevoli tal-holding ta’ Companhia Previdente fil-kapital tas-sussidjarja tagħha matul it-tieni perijodu li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, hemm diversi elementi li jindikaw l-assenza ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn Companhia Previdente fuq Socitrel.

234

Preliminarjament, għandu jiġi miċħud qabel kollox l-ewwel ilment imressaq mir-rikorrenti u bbażat fuq l-argument li preżunzjoni bbażata fuq is-sempliċi żamma tal-kapital ta’ sussidjarja tikkostitwixxi probatio diabolica għall-kumpannija parent li tkun tixtieq tikkonfuta din il-preżunzjoni, sitwazzjoni li, f’dan ir-rigward, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

235

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tilħaq bilanċ bejn l-importanza, minn naħa, tal-għan li jiġi ssanzjonat l-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari għall-Artikolu 101 TFUE, u li tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ tali aġir u, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħalma huma, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ personalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li din il-preżunzjoni hija konfutabbli (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 59).

236

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li preżunzjoni, anki jekk diffiċli li tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata għall-għan leġittimu segwit, sakemm ikun hemm il-possibbiltà li titressaq il-prova kuntrarja u sakemm id-drittijiet tad-difiża jkunu żgurati (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

237

F’dan ir-rigward, għandhom jitressqu provi suffiċjenti ta’ natura li jistabbilixxu li s-sussidjarja aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-rikorrent ma jistax jirribatti l-imsemmija preżunzjoni billi jressaq sempliċi affermazzjonijiet mhux issostanzjati (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 61).

238

Sabiex jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn din is-sussidjarja u l-kumpannija parent (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 203 iktar ’il fuq, EU:C:2009:536, punt 74).

239

Issa, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jikkontradixxi t-teżi tal-Kummissjoni fis-sens li Companhia Previdente kienet teżerċita influwenza determinanti fuq Socitrel, matul il-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-29 ta’ Diċembru 1998, u li, fid-dawl tad-daqs kunsiderevoli tal-holding tagħha fil-kapital ta’ Socitrel, l-eżerċizzju effettiv ta’ din l-influwenza determinanti seta’ jiġi preżunt, fir-rigward tal-perijodu bejn it-30 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002.

240

L-ewwel nett, il-fatt li Companhia Previdente hija kumpannija holding, minkejja li ma hijiex kumpannija operazzjonali, ma huwiex biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 208 iktar ’il fuq, EU:T:2008:415, punt 63; Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 208 iktar ’il fuq, EU:T:2011:355, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; u E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 208 iktar ’il fuq, EU:T:2012:332, punt 283) u ma jimplika ebda trasferiment tal-oneru tal-prova, kif issostni b’mod żbaljat Socitrel.

241

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpannija parent kienet biss tiġġestixxi l-holdings tagħha, fid-dawl tan-natura tal-kumpannija u tal-għan tagħha skont l-istatut tagħha, ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 280 iktar ’il fuq, EU:T:2008:415, punt 70, u FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 210 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punt 130).

242

Minn dan isegwi wkoll li l-fatt li Companhia Previdente u Socitrel kienu kumpannija b’personalità ġuridika differenti u kellhom azzjonisti u uffiċċji rreġistrati differenti ma għandu ebda rilevanza peress li fi kwalunkwe każ kienu jifformaw l-istess impriża waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

243

Huwa kompletament irrilevanti l-argument tar-rikorrenti fis-sens li, skont id-dritt Portugiż, id-diretturi ta’ Companhia Previdente ma jirrappreżentawhiex meta jpoġġu fil-bord tad-diretturi tas-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, għandu jitfakkar li kumpannija ma tistax tinvoka l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex taħrab mir-regoli tal-Unjoni, peress li l-kunċetti ġuridiċi użati fid-dritt tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha (sentenzi tal-1 ta’ Frar 1972, Hagen, 49/71, Ġabra, EU:C:1972:6, punt 6, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Heijmans vs Il-Kummissjoni, T‑360/06, EU:T:2012:490, punt 70).

244

It-tieni nett, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Socitrel lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li din tal-aħħar kienet influwenzat il-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 208 iktar ’il fuq, EU:T:2011:355, punt 70).

245

Minn dan isegwi li l-fatt li l-kumpannija parent ma kinitx hija stess attiva fis-settur tal-azzar għall-prestressing lanqas ma huwa biżżejjed sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, u dan iwassal sabiex jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti dwar dan il-punt.

246

It-tielet nett, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li Companhia Previdente kellha holdings f’diversi kumpanniji oħra attivi f’setturi oħra minbarra dak milqut mill-akkordju ma huwiex rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 149 iktar ’il fuq, EU:T:1999:80, punt 989, u Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 214 iktar ’il fuq, EU:T:2012:478, punt 52).

247

Ir-raba’ nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Socitrel fis-sens li hija kienet gawdiet awtonomija totali fir-rigward tal-istrateġija kummerċjali tagħha.

248

Fil-fatt, minn naħa, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tistax tingħeleb sempliċement billi jintwera li Socitrel mexxiet il-politika kummerċjali tagħha fis-sens strett tal-kelma, bħall-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet, mingħajr ma rċeviet direttivi mingħand Companhia Previdente f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, peress li l-awtonomija ta’ Socitrel ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-aspetti tal-ġestjoni operazzjonali tal-impriża, il-fatt li s-sussidjarja qatt ma kienet implementat, favur il-kumpannija parent tagħha, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq ikkonċernat ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri l-awtonomija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FMC vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 210 iktar ’il fuq, EU:T:2011:282, punti 105 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).

249

Min-naħa l-oħra, Socitrel sempliċement tressaq argumenti mingħajr madankollu ma tistabbilixxi r-realtà tagħhom. Issa, sempliċi allegazzjonijiet ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex tingħeleb il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, EU:C:2011:620, punt 61).

250

Il-ħames nett, l-awtonomija li allegatament gawdiet minnha Socitrel minħabba l-kuntest storiku li fih Companhia Previdente akkwistat din il-kumpannija, li qabel kienet impriża tal-Istat, ma tistax tiġi dedotta minn dan is-sempliċi fatt, u lanqas mill-fatt li t-tmexxija eżekuttiva li kienet preżenti qabel baqgħet tmexxi l-impriża wara li kienet akkwistata.

251

Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

252

Is-sitt nett, għandu jiġi speċifikat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imputazzjoni lil impriża ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma tirrikjedix azzjoni jew anki għarfien min-naħa tas-soċji jew tad-diretturi prinċipali tal-impriża kkonċernata minn dan il-ksur, iżda l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra, EU:C:1983:158, punt 97, u tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra, EU:T:2002:71, punt 58).

253

Għalhekk, il-fatt li Companhia Previdente ma kellhiex għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, jekk jitqies li huwa stabbilit, li ma huwiex il-każ, huwa fi kwalunkwe każ irrilevanti fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħha għall-aġir tas-sussidjarja tagħha.

254

Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħu ma stabbilixxewx li Companhia Previdente ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Socitrel u li din tal-aħħar kienet aġixxiet b’mod kompletament awtonomu fis-suq.

255

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun meta stabbilixxiet ir-responsabbiltà in solidum ta’ Companhia Previdente kemm fir-rigward tal-perijodu bejn is-7 ta’ April 1994 u d-29 ta’ Diċembru 1998 u kemm fir-rigward tal-perijodu bejn it-30 ta’ Diċembru 1998 u d-19 ta’ Settembru 2002.

256

Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda kemm l-ewwel parti tar-raba’ motiv imressaq minn Socitrel u kemm l-ewwel żewġ motivi mressqa minn Companhia Previdente.

Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tar-raba ’ motiv imressaq minn Socitrel u fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet motiv imressaq minn Companhia Previdente, ippreżentati b’mod sussidjarju u b’mod iktar sussidjarju u bbażati, minn naħa, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat tad-dħul mill-bejgħ ta ’ Emesa, ta ’ Galycas u ta ’ ITC fil-kalkolu tal-limitu massimu ta ’ 10 % u, min-naħa l-oħra, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat tad-dħul mill-bejgħ tas-sena 2009 ta ’ Companhia Previdente

Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

257

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni, wara li ċaħdet l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-grupp ikkostitwit minn Companhia Previdente u mis-sussidjarji tagħha kollha għas-sena 2009, inklużi Emesa, Galycas u ITC, li kienu nxtraw minn Companhia Previdente fl-2004 u fl-2005 (premessi 1059, 1061, 1062, u 1063 sa 1069 tad-deċiżjoni kkontestata).

Tfakkir tal-prinċipji

258

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, “[g]ħal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti”.

259

Il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 56, u HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 200 iktar ’il fuq, EU:T:2002:70, punt 528).

260

Fil-fatt, dan il-limitu massimu tal-ammont tal-multa huwa maħsub sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multi li fir-rigward tagħhom ikun jista’ jiġi previst li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom kif iddeterminat, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, permezz tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, ma humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsu. Għalhekk, dan huwa limitu, applikabbli b’mod uniformi għall-impriżi kollha u espress skont id-daqs ta’ kull waħda minnhom, li huwa intiż sabiex jiġu evitati multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat (ara s-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 259 iktar ’il fuq, EU:C:2013:770, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

261

Madankollu, dan l-għan għandu jiġi kkunsidrat flimkien mal-intenzjoni li l-multa jkollha natura dissważiva suffiċjenti, li tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata, jiġifieri tar-riżorsi globali tal-awtur tal-ksur (ara s-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 259 iktar ’il fuq, EU:C:2013:770, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

262

Fil-fatt, huwa l-impatt mixtieq fuq l-impriża kkonċernata li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ din l-impriża sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, u dan sa fejn is-sanzjoni ma għandhiex tkun negliġibbli fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja ta’ din l-impriża (ara s-sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 259 iktar ’il fuq, EU:C:2013:770, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

263

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta jkunu qegħdin jiġu evalwati r-riżorsi finanzjarji ta’ impriża li lilha jiġi imputat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jidher iġġustifikat li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji kollha li fir-rigward tagħhom l-impriża kkonċernata tgawdi mill-possibbiltà li teżerċita influwenza determinanti (sentenza Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 259 iktar ’il fuq, EU:C:2013:770, punt 51).

264

Għall-kuntrarju, jekk l-unità ekonomika kkostitwita mill-impriża ma tkunx għadha teżisti bejn il-mument li fih ikun intemm il-ksur u l-mument li fih tkun adottata d-deċiżjoni li timponi multa, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li fir-rigward tiegħu jiġi applikat, b’mod individwali, il-limitu massimu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220, punt 390).

265

Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tas-“sena k[u]mmerċjali preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fis-sitwazzjonijiet fejn ma jkun hemm ebda indikazzjoni li impriża waqqfet l-attivitajiet kummerċjali tagħha jew tat indikazzjonijiet qarrieqa dwar id-dħul mill-bejgħ tagħha sabiex tevita l-impożizzjoni ta’ multa sostanzjali, għandu jitqies li l-Kummissjoni hija obbligata tiffissa l-limitu massimu tal-multa fid-dawl tal-iktar dħul mill-bejgħ reċenti li jirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑33/02, Ġabra, EU:T:2005:428, punt 49).

266

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa arbitrarja li tapplika l-limitu massimu ta’ 10 % għas-snin kummerċjali preċedenti għas-sena kummerċjali li tippreċedi d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni tista’ tuża tali sena kummerċjali preċedenti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali meta, pereżempju, l-impriża kkonċernata ma tkun iġġenerat ebda dħul mill-bejgħ matul is-sena li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex, lanqas f’tali każ, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tas-sena kummerċjali li għandha tuża sabiex tiffissa l-limitu massimu tal-multa. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attivitajiet ekonomiċi normali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 265 iktar ’il fuq, EU:T:2005:428, punti 39 sa 42 u 74).

267

B’hekk, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena sħiħa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra, EU:C:2007:326, punt 32), mill-kuntest u mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha l-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta, madankollu, li, meta d-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jkunx jirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar u, għalhekk, ma jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell adegwat tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, l-imsemmi dħul mill-bejgħ ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-multa. F’dan il-każ tal-aħħar, li jirriżulta biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija obbligata tirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni, T‑392/09, EU:T:2012:674, punt 86, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni, C‑90/13 P, EU:C:2014:326).

268

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li r-riferiment, fil-ġurisprudenza, għal “sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali” huwa intiż li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sena li matulha l-impriża kkonċernata kienet qiegħda fil-proċess li twaqqaf l-operazzjonijiet tagħha, għalkemm ma tkunx għadha waqqfet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha kollha u, b’mod iktar ġenerali, ta’ sena li matulha l-aġir tal-impriża kkonċernata fis-suq ma kienx jikkorrispondi għal dak ta’ impriża li teżerċita attività ekonomika f’kundizzjonijiet normali. Għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li d-dħul mill-bejgħ jew il-profitti ġġenerati matul sena partikolari jkunu ferm sinjifikattivament inqas jew iktar minn dawk iġġenerati matul snin preċedenti ma jfissirx li s-sena inkwistjoni ma tikkostitwixxix sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il-Kummissjoni, T‑410/09, EU:T:2012:676, punt 253).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

269

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat, minn naħa, meta ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Emesa, ta’ Galycas u ta’ ITC fil-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % u, min-naħa l-oħra, meta ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2009 ta’ Companhia Previdente.

270

Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

271

Minn naħa, fir-rigward tas-sena kummerċjali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %, il-Kummissjoni kellha tirreferi għad-dħul mill-bejgħ totali tas-sena 2009 fir-rigward ta’ Companhia Previdente, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, mingħajr ma kien hemm lok li jitqiesu l-eventwali żidiet jew tnaqqis f’dan id-dħul mill-bejgħ fir-rigward tad-data meta waqaf il-ksur, u dan sa fejn Companhia Previdente ma kinitx tinsab, fil-fatt, f’sitwazzjoni eċċezzjonali li tippermetti deroga għal din ir-regola fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (ara l-punt 266 iktar ’il fuq).

272

L-argument tar-rikorrenti dwar dan il-punt, l-istess bħal dak ibbażat fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva, għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

273

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha tikkalkola l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 263 iktar ’il fuq.

274

Għaldaqstant, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, id-dħul mill-bejgħ ta’ Emesa, ta’ Galycas u ta’ ITC, li kienu jagħmlu parti mill-grupp Companhia Previdente fl-2009, u għalhekk il-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma hijiex sproporzjonata minħabba f’hekk.

275

Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li Companhia Previdente nżammet responsabbli in solidum biss għall-aġir ta’ Socitrel, li kienet sussidjarja ta’ Companhia Previdente fil-mument li fih twettaq il-ksur, u mhux fir-rigward tal-multa imposta fuq Emesa, Galycas u ITC, li dak iż-żmien ma kinux jappartjenu lil Companhia Previdente.

276

Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda t-tieni u t-tielet partijiet tar-raba’ motiv imressaq minn Socitrel u l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet motiv imressaq minn Companhia Previdente.

5. Fuq il-ħames motiv imressaq minn Socitrel, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta ’ proporzjonalità u ta ’ aspettattivi leġittimi fl-applikazzjoni tal-punti 13 u 22 tal-Linji gwida tal-2006 kif ukoll fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni

Tfakkir tal-prinċipji

277

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti tal-multi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura li jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, C‑429/11 P, EU:C:2013:463, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

278

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multa, u dan mingħajr ma hija stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju (ara s-sentenzi Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq, EU:C:2013:463, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

279

Fost l-elementi ta’ natura li jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jinsabu l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kellha kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-akkordju, il-vantaġġ li dawn setgħu siltu minnu, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata, kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, C‑554/08 P, EU:C:2009:702, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata; Gosselin Group vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq, EU:C:2013:463, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq, EU:C:2013:464, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

280

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħha. Issa, għalkemm, jekk ikun il-każ, il-portata limitata tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata ma tistax għalhekk iddaħħal inkwistjoni r-responsabbiltà personali tagħha fir-rigward tal-ksur kollu, tali portata limitata hija xorta waħda ta’ natura li jkollha impatt fuq l-evalwazzjoni tal-portata u tal-gravità tal-ksur u, għalhekk, fuq id-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 90; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 86; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 200 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 145).

281

B’hekk, ġie deċiż li l-Kummissjoni hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni f’akkordju ta’ kull parti li tkun wettqet il-ksur, il-fatt li wħud minn dawn il-partijiet, jekk ikun il-każ, ma humiex miżmuma responsabbli, fis-sens tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 280 iktar ’il fuq (EU:C:1999:356, punt 87), għall-aspetti kollha ta’ dan l-akkordju (sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010, Chalkor vs Il-Kummissjoni, T‑21/05, Ġabra, EU:T:2010:205, punt 100).

282

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont diversi elementi u ebda wieħed minn dawn l-elementi ma għandu jingħata importanza sproporzjonata meta mqabbel mal-elementi l-oħra tal-evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonali għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra, EU:T:2006:270, punti 226 sa 228 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra, EU:T:2010:168, punt 264 u l-ġurisprudenza ċċitata).

283

Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra, EU:C:2007:261, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il-fondatezza tal-ħames motiv

284

L-ewwel nett, Socitrel issostni li, billi kienet suġġetta għal rata ta’ gravità ta’ 18 % — u għal ammont addizzjonali għall-finijiet tad-dissważjoni bbażat fuq l-istess perċentwali —, hija kienet ittrattata b’mod kważi identiku għal Emesa u għal Tycsa, li kienu suġġetti għal rata ta’ 19 %, meta l-ksur imwettaq minnha kien sinjifikattivament inqas kunsiderevoli mill-ksur imwettaq minn dawn iż-żewġ impriżi l-oħra.

285

It-tieni nett, Socitrel issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tar-rata tal-gravità, sensiela ta’ fatturi li kienu speċifiċi għaliha, fosthom il-fatt li hija kienet impriża żgħira ta’ natura familjari, li din kienet l-ewwel darba li hija pparteċipat f’akkordju, li l-parteċipazzjoni tagħha kienet biss inċidentali u li, minħabba l-konoxxenzi legali u ekonomiċi limitati tagħha, dovuti għad-daqs żgħir tagħha, kien iktar diffiċli għaliha li tistma l-konsegwenzi tal-aġir tagħha.

286

Fl-aħħar nett, hija tqis li d-deċiżjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ma tistax tifhem ir-raġunijiet li mmotivaw id-determinazzjoni tar-rata tal-gravità u tal-ammont addizzjonali.

287

Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

288

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 953), stabbilixxiet tliet kategoriji għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata tal-gravità, billi bbażat ruħha fuq in-natura tal-ksur imwettaq (premessi 939 sa 945), fuq is-sehem tas-suq ikkunsidrat flimkien (premessa 946) u fuq id-dimensjoni ġeografika tal-akkordju (premessi 947 sa 949):

kategorija ta’ 16 %, li tikkonċerna biss lil Fundia u li hija ġġustifikata mill-fatt li din l-impriża pparteċipat biss fil-“koordinazzjoni” dwar Addtek (premessa 939);

kategorija ta’ 18 %, rata li hija ġġustifikata fuq il-bażi ta’ żewġ kriterji: il-parteċipazzjoni fil-club España biss u l-għarfien tardiv tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju; Socitrel tinsab f’din il-kategorija (premessa 949);

kategorija ta’ 19 %, li fiha jinsabu l-impriżi l-oħra kollha li pparteċipaw fl-akkordju (premessa 953).

289

Għandu jiġi kkonstatat li Emesa u Tycsa pparteċipaw b’mod attiv fil-club Zurich (mill-1992 għall-ewwel waħda u mill-1993 għat-tieni waħda) u fil-club Europe, filwaqt li Socitrel ma pparteċipat fl-ebda wieħed minn dawn il-clubs, punt li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

290

Għalkemm huwa minnu li d-differenza bejn ir-rati tal-kategoriji rispettivi li fihom jaqgħu Emesa u Tycsa, minn naħa, u Socitrel, min-naħa l-oħra, hija żgħira, għandu jitfakkar li, skont il-punt 21 tal-Linji gwida tal-2006, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni jista’ jilħaq it-30 % u li, skont il-punt 23 ta’ dawn il-Linji gwida, il-ftehimiet orizzontali dwar iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u limitazzjoni ta’ produzzjoni, li ġeneralment ikunu sigrieti, huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni u, fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Għaldaqstant, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ tali ksur ser ikun ġeneralment lejn il-parti għolja tal-iskala.

291

Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li, fid-dawl tan-natura tal-ksur imfakkra fil-premessa 939 tad-deċiżjoni kkontestata (qsim tas-suq/iffissar ta’ kwoti, attribuzzjoni ta’ klijentela u ffissar orizzontali ta’ prezzijiet), ir-rata tal-gravità stabbilita mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kategorija li wettqet il-ksur tinsab fil-baxx tal-parti għolja tal-iskala (minn 15 sa 30 %), u dan iwassal sabiex id-differenza fil-konfront ta’ kategorija oħra li wettqet ksur ikkaratterizzat ukoll minn ftehimiet orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ qsim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni tkun waħda żgħira.

292

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn il-kategorija li jaqgħu fiha b’mod partikolari Emesa u Tycsa, minn naħa, u dik li jaqgħu fiha Socitrel, Fapricela u Proderac, min-naħa l-oħra, hija bbażata fuq elementi oġġettivi.

293

Għaldaqstant, Socitrel ma tistax, billi tibbaża ruħha biss fuq din id-differenza żgħira bejn iż-żewġ rati ta’ gravità stabbiliti mill-Kummissjoni, tinvoka ksur tal-ugwaljanza fit-trattament.

294

It-tieni nett, Socitrel issostni li l-parteċipazzjoni tagħha kienet limitata għall-peniżola Iberika.

295

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet debitament dan l-element inkunsiderazzjoni meta kkunsidrat, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ, il-valur tal-bejgħ imwettaq minn Socitrel fil-peniżola Iberika biss (premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata).

296

It-tielet nett, Socitrel issostni li r-rwol minuri tagħha ma tteħidx inkunsiderazzjoni. Hija ssostni wkoll li hija kellha biss rwol periferiku fi ħdan l-akkordju u mhux rwol attiv, b’differenza minn impriżi Iberiċi oħra bħalma huma Tycsa u Emesa.

297

Għandu jitfakkar li r-rwol minuri li seta’ kellha impriża fl-akkordju jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, li tiġi evalwata b’mod distint mill-gravità oġġettiva tal-ksur bħala tali.

298

Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Socitrel dwar dan il-punt għandhom jiġu miċħuda u, mill-bqija, għandu jsir riferiment għal-argumenti mressqa speċifikament minn Socitrel f’dan ir-rigward fil-kuntest tas-sitt motiv.

299

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ Socitrel fir-rigward tal-fatt li hija kumpannija żgħira li tagħmel parti minn grupp familjari, għandu jitfakkar li l-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) huwa bbażat fuq il-bejgħ ta’ APS ta’ Socitrel fl-2001.

300

Għaldaqstant, id-daqs ta’ Socitrel fis-suq, jekk jitqies li huwa wieħed modest, huwa rifless fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-valur tal-bejgħ li huwa speċifiku għaliha.

301

Fir-rigward tal-impatt tad-daqs modest tagħha u tal-fatt li tappartjeni lil grupp familjari fuq il-konoxxenzi ġuridiċi u ekonomiċi tagħha, li, skont Socitrel, ipprekludewha milli tistma l-portata eżatta tal-ksur li kienet qiegħda tipparteċipa fih, għandu jitfakkar li Socitrel tagħmel parti mill-impriża kkostitwita minn Companhia Previdente, li tiġbor fi ħdanha 27 sussidjarja attivi f’diversi setturi tal-ekonomija (ara l-punti 129 u 130 tar-rikors).

302

Dan għalhekk huwa grupp ekonomiku ddiversifikat ta’ ċertu daqs, li d-dħul mill-bejgħ mondjali kkonsolidat tiegħu kienet jammonta, fl-2009, għal EUR 125904527.

303

Issa, il-ġestjoni ta’ tali struttura — eżerċitata barra minn hekk, fir-rigward ta’ Socitrel u ta’ Companhia Previdente, minn diretturi komuni, kemm bejn l-1994 u l-1998 u kemm bejn l-1998 u l-2002 (ara d-dokument mibgħut minn Socitrel lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2006, li jinsab fil-paġni 19662 sa 19664 tal-fajl amministrattiv), li kienu pparteċipaw huma stess fil-laqgħat tal-club España — tirrendi mhux kredibbli l-affermazzjonijiet ta’ Socitrel, fis-sens li ebda waħda minn dawn il-persuni ma kienet taf li l-parteċipazzjoni f’tali akkordju kienet illegali u kienet tista’ twassal għall-kundanna tal-impriża għal multa sinjifikattiva.

304

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li bħala prinċipju l-impriżi għandhom iġarrbu huma stess ir-riskju ta’ evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni legali tagħhom, konformement man-norma ġenerali li ignorantia juris non excusat (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Schenker & Co. et, C‑681/11, Ġabra, EU:C:2013:126, punt 57).

305

Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ Socitrel jikkoinċidu mal-ilmenti mressqa minnha u mill-kumpannija parent tagħha dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkostitwita minn Companhia Previdente u mid-diversi sussidjarji tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 %, argumenti li għandhom jiġu miċħuda (ara l-punt 276 iktar ’il fuq).

306

Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet iddedikati għall-ewwel motiv (ara l-punti 107 et seq iktar ’il fuq), jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

307

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ Socitrel fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax tikkostitwixxi qafas legali għall-multi imposti fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 147 iktar ’il fuq, EU:C:2012:829, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata), affermazzjoni li tgħodd kemm fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi individwali u kemm fir-rigward tal-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-Linji gwida tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 200 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punti 227 u 230), jiġifieri kemm fir-rigward tal-livell ġenerali tal-multi u kemm fir-rigward tal-metodoloġija użata għall-kalkolu tagħhom.

308

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li Socitrel ma tressaq ebda argument insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet li hija tagħmel b’mod kompletament inċidentali fil-punt 193 tar-rikors tagħha.

309

Dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tal-allegazzjoni fis-sens li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, li tissemma fit-titolu tal-motiv mingħajr ma tingħata spjegazzjoni espliċita sussegwentement.

310

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

6. Fuq is-sitt motiv imressaq minn Socitrel, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta ’ proporzjonalità u ta ’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn ir-rwol minuri jew passiv tar-rikorrenti ma tteħidx inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti

Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

311

Skont il-premessi 985 u 986 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(985)

Socitrel u Companhia Previdente jsostnu [...] li Socitrel ipparteċipat biss fil-club España, li l-attivitajiet tiegħu kienu inqas kunsiderevoli minn dawk tal-clubs l-oħra, u li Socitrel ma kinitx waħda mill-membri li kienu stabbilixxew il-club España. Huma jsostnu wkoll li, fir-rigward tas-suq Portugiż, l-attivitjaiet tal-akkordju kienu bdew mingħajr Socitrel, minkejja li dan kien is-suq prinċipali tagħha. Barra minn hekk, Socitrel kienet ipproduċiet biss il-fili u mhux l-istrands, li huma meqjusa bħala l-prodott prinċipali tal-akkordju, u l-aġir tagħha kellu impatt biss fuq parti żgħira tas-suq Ewropew. SLM u ITC jinvokaw ukoll il-fatt li ma kinux ipparteċipaw fl-akkordju sa mill-bidu.

(986)

Il-Kummissjoni tosserva l-ewwel nett li Socitrel kienet parteċipant regolari fil-laqgħat tal-club España, u pparteċipat b’mod sistematiku u kkontribwixxiet f’iktar minn erbgħin laqgħa bejn is-7 ta’ April 1994 u d-data tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Hija pparteċipat b’mod sħiħ fil-ftehimiet dwar il-kwoti u l-attribuzzjonijiet ta’ klijenti, dwar l-iffissar tal-prezzijiet u dwar l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva mal-parteċipanti l-oħra tal-club España, kif deskritt fil-[punt] 9.2.2. Għalhekk, ir-rwol tagħha la jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘sostanzjalment limitat’ fis-sens tal-Linji gwida tal-2006, u lanqas bħala passiv jew emulattiv fis-sens tal-Linji gwida tal-1998. Il-fatt li Socitrel ma kinitx tipparteċipa b’mod regolari fil-laqgħat pan-Ewropej, filwaqt li kienet qiegħda tipparteċipa fil-club España, ma huwiex rilevanti, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li Socitrel kienet tbiegħ biss fi Spanja u fil-Portugall, it-territorju kopert mill-club España, u b’hekk ipparteċipat b’mod sħiħ fl-akkordju fil-livell li kien l-iktar interessanti għaliha. Fi kwalunkwe każ, ma teżisti ebda prova li Socitrel kienet astjeniet milli tapplika l-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur bl-adozzjoni ta’ aġir kompetittiv fis-suq. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-aġir ta’ Socitrel kien affettwa biss parti limitata tas-suq Ewropew (essenzjalment Spanja u l-Portugall) u kienet tbiegħ biss il-fili u l-fatt li Socitrel, SLM u ITC ma kinux issieħbu fl-akkordju sa mill-bidu tiegħu, iżda biss diversi snin iktar tard, ittieħdu diġà inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa (ara l-[punt] 19.1) u għalhekk ma jistgħux jerġgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jingħata tnaqqis tal-multa.”

Tfakkir tal-prinċipji

312

Skont it-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, bħalma huma:

[…]

meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u għaldaqstant turi li, matul il-perijodu li fih hija aderiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija effettivament astjeniet milli timplementahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża tkun ipparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma huwiex ser jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

313

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra, EU:C:1975:174, punt 623, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 280 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punt 150), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fil-konfront tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra, EU:T:2003:193, punt 165).

314

Sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża għandhiex tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, għandu jiġi vverifikat jekk l-impriża tkunx ressqet argumenti ta’ natura li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet għall-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kinitx effettivament astjeniet milli tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija kienet, b’mod ċar u kunsiderevoli, kisret l-obbligi intiżi sabiex jiġi implementat dan l-akkordju, b’tali mod li fixklet il-funzjonament stess ta’ dan l-akkordju (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra, EU:T:2006:75, punt 113).

315

Meta jkun ġie stabbilit li l-impriża li tkun wettqet ksur setgħet tieħu inkunsiderazzjoni arranġamenti kollużivi tal-akkordju sabiex tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq ikkonċernat, l-assenza ta’ parteċipazzjoni f’xi wieħed jew ieħor minn dawn l-arranġamenti, anki jekk jitqies li hija stabbilita, ma tistax tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex tissodisfa l-prova meħtieġa mill-ġurisprudenza fis-sens li, sabiex jibbenefikaw miċ-ċirkustanza attenwanti prevista fil-Linji gwida tal-2006, il-partijiet li jkunu wettqu l-ksur għandhom jistabbilixxu li huma adottaw aġir kompetittiv jew, minn tal-inqas, li huma kienu b’mod ċar u kunsiderevoli kisru l-obbligi intiżi li jiġi implementat l-akkordju, b’tali mod li kienu fixklu l-funzjonament tiegħu stess. Fil-fatt, il-prova tas-sempliċi nuqqas ta’ parteċipazzjoni f’uħud mill-arranġamenti kollużivi tal-akkordju ma tistax teskludi, fiha nfisha, li l-arranġamenti l-oħra setgħu ppreġudikaw il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, C‑449/11 P, EU:C:2013:802, punt 81).

316

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), kienu jipprevedu li “rwol esklussivament passiv jew emulattiv fil-ksur” kien jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

317

Madankollu, il-lista ta’ ċirkustanzi attenwanti previsti fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma għadhiex tirreferi, fost iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal tali ċirkustanza.

318

Madankollu, ġie deċiż li, sa fejn il-lista stabbilita fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma kinitx eżawrjenti, ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fit-twettiq tal-ksur ma setax, bħala prinċipju, jiġi eskluż bħala ċirkustanza li tista’ twassal għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il-Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra, EU:T:2011:621, punt 281).

Fuq il-fondatezza tas-sitt motiv

319

Socitrel issostni essenzjalment li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tagħtiha l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti fid-dawl tal-fatt li hija ma kkontestatx il-fatti li kienet akkużata bihom, fid-dawl tar-rwol ferm sekondarju li hija kellha fi ħdan il-club España, meta mqabbel ma’ dak ta’ Tycsa u ta’ Emesa, li barra minn hekk kien rifless fil-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx spezzjonijiet fl-uffiċċji tagħha, fid-dawl tar-rwol passiv tagħha u tal-assenza ta’ parteċipazzjoni min-naħa tagħha fit-tħejjija tal-ftehimiet antikompetittivi kif ukoll fid-dawl tal-assenza ta’ parteċipazzjoni min-naħa tagħha f’diversi laqgħat li matulhom kienu diskussi kwistjonijiet importanti. Hija żżid essenzjalment li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma kinitx ipparteċipat fl-aspetti kollha tal-akkordju meta evalwat il-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju, konformement mal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali u ta’ individwalità tal-pieni.

320

Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

321

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fil-Linji gwida tal-2006, għandu jiġi kkonstatat li, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, Socitrel ipparteċipat fl-iffissar tal-prezzijiet, fit-tqassim ta’ kwoti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva matul it-tul kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-club España u li hija ma ressqet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li kienet astjeniet milli tapplika l-ftehim billi adottat aġir kompetittiv fis-suq matul dan il-perijodu.

322

Għaldaqstant, Socitrel ma tistax tinvoka l-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti previsti fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006.

323

Fir-rigward tar-“rwol esklussivament passiv jew emulattiv”, għandu jiġi osservat li Socitrel ma pparteċipatx fil-laqgħat kollha tal-club España u kien biss b’mod tardiv, fl-2001, li saret taf bl-aspett pan-Ewropew tal-akkordju, element li l-Kummissjoni, b’mod korrett, ħadet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-iffissar tar-rata tal-gravità tal-ksur (ara l-punti 288 et seq iktar ’il fuq). Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kellhiex rwol esklużivament passiv jew emulattiv fi ħdan il-club España. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan il-club, hija pparteċipat b’mod attiv fl-iffissar tal-prezzijiet, fit-tqassim ta’ kwoti u fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, u dan matul it-tul kollu tal-parteċipazzjoni tagħha, u, għalkemm ma pparteċipatx fil-laqgħat kollha, hija pparteċipat f’numru kbir minnhom.

324

Għaldaqstant, il-Kummissjoni la kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u lanqas dak ta’ responsabbiltà personali, bħalma lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, u l-ammont tal-multa ma jidhirx sproporzjonat fir-rigward tal-parteċipazzjoni effettiva ta’ Socitrel fil-club España.

325

Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

7. Fuq is-seba ’ motiv imressaq minn Socitrel, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta ’ proporzjonalità u ta ’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-kooperazzjoni effettiva tar-rikorrenti ma tteħditx inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti mill-Kummissjoni

Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

326

Skont il-premessi 1006 sa 1009 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(1006)

[…] Socitrel [tirreferi] għall-fatt [li hija wieġbet] mill-ewwel u bi preċiżjoni għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

(1007)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni evalwat jekk tnaqqis tal-multa kienx iġġustifikat, konformement mal-ġurisprudenza, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kooperazzjoni ma’ waħda mill-impriżi kkonċernati kinitx ippermettiet lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur b’mod iktar faċli. Bħalma jkun ġeneralment il-każ fir-rigward tal-akkordji, l-evalwazzjoni fil-verità saret skont l-Avviż dwar il-klemenza (ara [l-punt] 19.4 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li Austria Draht, Trame, Socitrel, Fapricela, Proderac, il-kumpanniji Ovako, Itas u CB ma talbux uffiċjalment il-klemenza u ma kkomunikawx informazzjoni li tikkostitwixxi valur miżjud sinjifikattiv.

(1008)

Il-Kummissjoni tqis, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tal-partijiet kif ukoll il-portata u l-valur limitati tal-kooperazzjoni tagħhom, li ma hemmx ċirkustanzi preżenti oħra li jistgħu jagħtu lok għal tnaqqis tal-multa barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-klemenza, li, fil-każijiet ta’ akkordju sigriet, ma tistax fi kwalunkwe każ tkun ta’ natura oħra għajr eċċezzjonali. Tweġiba fil-ħin u preċiża għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix fiha nfisha ċirkustanza attenwanti minħabba li l-partijiet kienu obbligati jwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet f’ċertu terminu.

(1009)

In-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġġustifika tnaqqis tal-multa taħt il-[punt] 29 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006, b’mod partikolari meta l-fatti jkunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ diversi provi. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tosserva f’dan ir-rigward li hija ma hijiex marbuta mill-prassi preċedenti tagħha u li t-tnaqqis minħabba nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti li kien previst fl-Avviż dwar il-klemenza tal-1996 kien sussegwentement tneħħa. Is-sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni, ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, ma jiffaċilitax il-ħidma tal-Kummissjoni minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li, anki f’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni hija meħtieġa tipprova dawn il-fatti u li l-impriża hija libera li tippreżenta kwalunkwe sottomissjoni li hija tqis xierqa għad-difiża tagħha, fil-mument opportun u b’mod partikolari matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kuntrarju huwa validu biss meta l-impriża inkwistjoni tirrikonoxxi l-fatti. Sa fejn l-Avviż dwar il-klemenza fis-seħħ, jiġifieri dak tal-2002, ma jipprevedix tnaqqis minħabba s-sempliċi rikonoxximent tal-fatti (u lanqas a fortiori għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ dawn il-fatti), ma kienet inħolqot ebda aspettattiva leġittima dwar l-għoti ta’ tnaqqis fuq din il-bażi. Sa fejn ċerti partijiet jirrikonoxxu ċerti fatti, dan ma ffaċilitax il-ħidma tal-Kummissjoni, fis-sens li l-Kummissjoni kellha sensiela ta’ provi suffiċjenti sabiex tipprova l-fatti inkwistjoni. Għaldaqstant, ma jista’ jingħata ebda tnaqqis tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti.”

Tfakkir tal-prinċipji

327

Ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 jipprovdi:

“L-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, bħalma huma:

[…]

meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-klemenza u lil hinn mill-obbligi legali tagħha li tikkoopera.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Fuq il-fondatezza tas-seba ’ motiv

328

Socitrel issostni essenzjalment li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, irrifjutat li tagħtiha l-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha.

329

Madankollu, sabiex tkun tista’ tinvoka l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, Socitrel għandha tistabbilixxi li l-kooperazzjoni tagħha, peress li marret lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tikkoopera mingħajr madankollu ma tagħtiha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt l-Avviż dwar il-klemenza, kellha utilità oġġettiva għall-Kummissjoni, li min-naħa tagħha setgħet tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni finali tagħha, fuq provi li kienu pprovduti minnha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha u li fl-assenza tagħhom il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tissanzjona totalment jew parzjalment il-ksur inkwistjoni.

330

Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Minn naħa, Socitrel ma kkontestatx il-fatti u wieġbet fil-ħin għat-talbiet għal informazzjoni li kienu sarulha, sitwazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tikkoopera; min-naħa l-oħra, Socitrel ma rnexxilhiex turi li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni finali tagħha, fuq provi pprovduti minnha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha u li fl-assenza tagħhom il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tissanzjona kompletament jew parzjalment il-ksur inkwistjoni.

331

Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

8. Fuq l-ewwel motiv komplementari mressaq fil-kuntest tat-tieni aġġustament tal-motivi u tat-talbiet tagħhom minn Socitrel u minn Companhia Previdente, ibbażat, fir-rigward ta ’ Socitrel, fuq ksur tal-prinċipji ta ’ ugwaljanza fit-trattament, ta ’ proporzjonalità u ta ’ aspettattivi leġittimi kif ukoll fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni u, fir-rigward ta ’ Companhia Previdente, fuq ksur tal-prinċipji ta ’ ugwaljanza fit-trattament, ta ’ proporzjonalità u ta ’ aspettattivi leġittimi, sa fejn Socitrel u Companhia Previdente ma kinux ittrattati bl-istess mod bħal Arcelor u SLM, li kisbu tnaqqis tal-ammont tal-multa li minnu ma bbenefikawx ir-rikorrenti

Tfakkir tad-deċiżjoni kkontestata

332

Skont il-premessa 1072a introdotta fid-deċiżjoni kkontestata permezz tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda:

“(1072a)

Il-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) [tar-Regolament Nru 1/2003] huwa kkalkolat fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ totali tal-entitajiet kollha li jikkostitwixxu impriża. Madankollu, f’dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni ser tuża l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha sabiex tiffissa l-partijiet tal-multi li għalihom is-sussidjarji ta’ ArcelorMittal ma humiex responsabbli in solidum ma’ ArcelorMittal SA u tal-multa li għaliha SLM hija responsabbli waħedha, f’livell li ma jaqbiżx l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom individwali għas-sena li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni. Għalhekk, l-ammont massimu tal-multa li għalih ArcelorMittal Wire France SA u ArcelorMittal Fontaine SA huma responsabbli in solidum għall-perijodu preċedenti għall-1 ta’ Lulju 1999 ser jiġi ffissat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat totali ta’ ArcelorMittal Wire France SA għas-sena li tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2009. Minn dan l-ammont totali, l-ammont massimu tal-multa li għaliha Arcelor Mittal Verderio Srl hija responsabbli in solidum ma’ ArcelorMittal Wire France SA u ArcelorMittal Fontaine SA ser jiġi ffissat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena li tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2009. L-ammont massimu tal-multa li għaliha SLM hija responsabbli waħedha għandu jiġi ffissat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena li tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2009.”

333

Il-premessa 1072b tad-deċiżjoni kkontestata tiffissa d-dħul mill-bejgħ totali meħud inkunsiderazzjoni kif ukoll l-ammont li jikkorrispondi għal-limitu massimu ta’ 10 % għal kull waħda mill-kumpanniji kkonċernati minn din it-tieni deċiżjoni ta’ emenda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

334

Kif tenfasizza l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li Socitrel u Companhia Previdente ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ ArcelorMittal u tas-sussidjarji tagħha, minn naħa, u għal dik ta’ Ori Martin u ta’ SLM, min-naħa l-oħra.

335

Fil-fatt, dawn iż-żewġ kumpanniji parent ikkostitwixxew impriża waħda flimkien mas-sussidjarji tagħhom matul parti mill-perijodu tal-ksur u tqiesu li kienu responsabbli in solidum ma’ dawn is-sussidjarji għall-perijodu li fih kienu jifformaw, flimkien, impriża waħda, li huwa rifless f’kalkolu ddifferenzjat tal-limitu massimu ta’ 10 % (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2153, punti 55 et seq).

336

Dan ma huwiex il-każ ta’ Companhia Previdente fir-rigward ta’ Emesa, Galycas u ITC, li hija akkwistat wara l-ksur u li fir-rigward tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħhom ma nżammitx responsabbli in solidum.

337

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

338

Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandha natura sproporzjonata minħabba li tnaqqis analogu għal dak li kien ingħata lil ArcelorMittal u lil Ori Martin ma ngħatax lil Socitrel u lil Companhia Previdente.

339

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tat lir-rikorrenti ebda assigurazzjoni preċiża li setgħet ħolqitilhom aspettattivi fondati fir-rigward ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa għal raġunijiet analogi għal dawk li kienu wasslu għal tali tnaqqis favur ArcelorMittal u Ori Martin.

340

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-premessi 4, 5 u 9 sa 13 tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda jispjegaw b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni tagħha.

341

Għaldaqstant, l-ewwel motiv komplementari ppreżentat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

9. Fuq it-tieni motiv komplementari ppreżentat minn Socitrel u minn Companhia Previdente, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta ’ diliġenza, ta ’ lealtà, ta ’ bona fide u ta ’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni inizjali għal darba oħra fl-2011

342

Socitrel u Companhia Previdente jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ diliġenza, ta’ lealtà, ta’ bona fide u ta’ ċertezza legali, sa fejn emendat, għat-tieni darba fl-2011, id-deċiżjoni inizjali minħabba difetti fil-motivazzjoni li setgħu jikkompromettu d-drittijiet tad-difiża tagħhom, b’tali mod li b’hekk qiegħdet lir-rikorrenti fi stat ta’ inċertezza kostanti.

343

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan it-tieni motiv komplementari jikkoinċidi mal-argumenti mressqa minn Socitrel insostenn tat-tielet motiv tagħha, li għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 184 sa 189 iktar ’il fuq.

344

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud, għall-istess raġunijiet, it-tieni motiv komplementari mressaq minn Socitrel u minn Companhia Previdente fl-okkażjoni tat-tieni aġġustament tal-motivi tagħhom.

345

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrenti ma jista’ jintlaqa’. Għaldaqstant, ir-rikorsi għal annullament rispettivi ppreżentati minnhom għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom, mingħajr ma hemm lok, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, li tinbidel, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa, il-multa imposta fuqhom.

Fuq l-ispejjeż

346

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Kawżi T-413/10 u T-414/10 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

 

2)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

3)

Socitrel – Sociedade Industrial de Trefilaria, SA u Companhia Previdente – Sociedade de Controle de Participações Financeiras, SA għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.