Keywords
Summary

Keywords

1. Proċedura — Termini ta’ appell — Dekadenza — Forza maġġuri

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 45)

2. Proċedura — Termini ta’ appell — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett — Portata

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 101(1)(a) u(b))

3. Proċedura — Termini ta’ appell — Dekadenza — Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt ta’ kulħadd għal proċess ġust

(Artikolu 230 KE)

Summary

1. Tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni fir-rigward tat-termini tal-proċedura biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

(ara l-punt 41)

2. Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini ta’ appell, il-kunċett ta’ żball skużabbli, li jippermetti li ssir deroga minnu, huwa intiż biss għal ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata adottat aġir tali li, waħdu jew b’mod determinanti, iwassal għal konfużjoni ammissibbli fil-moħħ tal-individwu in bona fide u li jkun eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza. Dan ma huwiex il-każ f’kawża dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa abbażi tal-Artikolu 81 KE u fejn ikun twettaq żball ta’ kalkolu tat-termini ta’ appell ġaladarba l-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali hija ċara u ma tippreżentax diffikultà ta’ interpretazzjoni partikolari. B’hekk, il-fatt li l-qbiż tat-terminu għall-preżentata tal-appell huwa unikament dovut għal żball imwettaq mir-rappreżentant tal-appellanti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żball skużabbli li jippermetti deroga mir-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ appell.

(ara l-punti 42, 45, 57)

3. Il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri li jiġi żgurat li kulħadd ikollu proċess ġust, u rrikonoxxut fis-sistema legali tal-Unjoni ma jipprekludix li jiġi previst terminu għall-preżentata ta’ rikors.

Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex affettwat bl-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini tal-proċedura li tirrispondi għall-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li t-terminu inwkistjoni ta’ xahrejn jikkostitwixxi limitu għad-dritt ta’ aċċess għal qorti, dan il-limitu ma jikkostitwixxix manifestament preġudizzju għas-sustanza nnifisha ta’ dan id-dritt, peress li r-regoli dwar kif jiġi kkalkolat dan it-terminu huma ċari u ma jippreżentawx problemi ta’ interpretazzjoni partikolari.

Id-deroga mill-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li huma involuti drittijiet fundamentali. Fil-fatt, ir-regoli dwar it-termini ta’ appell huma regoli ta’ ordni pubbliku u għandhom jiġu applikati mill-qorti b’mod li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-persuni quddiem il-liġi.

(ara l-punti 48-50, 56)