19.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/8


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja

(Kawża C-607/10)

2011/C 89/15

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Alcover San Pedro u K. Simonsson, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja

Talbiet

tikkonstata li r-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2009, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (1), billi naqas milli jadotta l-miżuri neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jiżguraw, permezz ta’ permessi maħruġa inkonformità mal-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva jew, b’mod adegwat, permezz tal-eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tal-aġġornament tagħhom, li l-installazzjonijiet eżistenti kollha jiġu operati inkonformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 3, 7, 9, 10, 13, 14(a) u (b), u 15(2) tad-Direttiva, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ottubru 2007;

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (iktar ’il quddiem id-“Direttiva PKIT”) jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw, permezz ta’ permessi maħruġa inkonformità mal-Artikoli 6 u 8, jew, b’mod adegwat, permezz tal-eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tal-aġġornament tagħhom, li l-installazzjonijiet eżistenti jiġu operati inkonformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 3, 7, 9, 10, 13, 14(a) u (b), u 15(2) sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ottubru 2007. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-obbligu għandu jinftiehem fis-sens li jikkonċerna l-installazzjonijiet eżistenti kollha fl-Istat Membru inkwistjoni.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ ksur għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu indikat fl-opinjoni motivata. Mir-risposta tal-Isvezja għall-opinjoni motivata jirriżulta li, fid-data ta’ din ir-risposta, 33 installazzjoni eżistenti ma kinux jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva PKIT.

Barra minn hekk, mill-anness tar-risposta addizzjonali tal-Isvezja għall-opinjoni motivata jirriżulta li, f’Ottubru 2010, jiġifieri kważi tliet snin wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva PKIT, kien għad hemm 23 installazzjoni eżistenti li ma kinux jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva.


(1)  ĠU L 24, p. 8.