18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/28


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Awissu 2010 minn Bell & Ross BV kontra d-Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2010 fil-Kawża T-51/10, Bell & Ross vs UASI

(Kawża C-426/10 P)

()

2010/C 346/46

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Bell & Ross BV (rappreżentant: S. Guerlain, avukat)

Appellati: Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Klockgrossisten i Norden AB

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-digriet appellat;

tikkonstata li r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti kontra l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) (T-51/10) huwa ammissibbli u, konsegwentement, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tal-imsemmi rikors għal annullament;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tal-appell u dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Bell & Ross tinvoka l-ksur tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali billi din tal-aħħar qieset li r-rikors kien manifestament inammissibbli mingħajr ma semgħet preliminarjament lill-Avukat Ġenerali.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tallega l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, billi ddeċidiet li l-kopji ffirmati tar-rikors li waslu fir-Reġistru fl-1 ta’ Frar 2010 ma kinux kopji oriġinali u li kienet biss il-kopja li waslet fil-5 ta’ Frar 2010, għaldaqstant wara l-iskadenza tat-terminu, li setgħet tiġi kkunsidrata bħala kopja oriġinali, mingħajr madankollu ma ppreċiżat kif l-oriġinali jistgħu jiġu magħrufa minn kopji. Fil-fatt, l-Artikolu ċċitat iktar ’il fuq ma jippreċiżax il-modalitajiet tal-firma tal-avukat li għandu jkun hemm fuq l-oriġinal ta’ att tal-proċedura.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Bell & Ross tallega li l-Qorti Ġenerali ma ppermettietilhiex li tirregolarizza, b’mod konformi mal-Artikolu 57(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet u mal-Artikolu 7.1 tal-Istruzzjonijiet lir-reġistratur tal-Qorti Ġenerali, id-difett formali li ġie attiribwit lilha. Skont it-testi ċċitati iktar ’il fuq, huwa l-obbligu tar-reġistratur li jagħti terminu lir-rikorrent sabiex jirrimedja difett innotat.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Bell & Ross tinvoka żball skużabbli sa fejn il-kunfużjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ kopja oriġinali tirriżulta minn ċirkustanzi eċċezzjonali u indipendenti mill-appellanti. Fil-fatt, in-numru kbir ta’ kopji li jirrikjedi l-intervent ta’ professjonist indipendenti, il-kwalità eċċellenti tal-kitba fuq il-karta li ma tippermettix li tingħaraf l-oriġinal kif ukoll l-iffirmar fuq kull kopja ddepożitata fir-reġistru fit-termini jikkostitwixxu ċirkustanzi li jippermettu li jiġi deċiż li f’dan il-każ kien hemm żball skużabbli.

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, anormali u indipendenti mir-rieda tal-operatur, li tixhed l-eżistenza ta’ każ ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

Finalment, permezz tas-sitt u l-aħħar aggravju tagħha, Bell & Ross tallega l-ksur mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipji ta’ propozjonalità u ta’ aspettattivi leġittimi sa fejn, minn naħa waħda, seba’ kopji ffirmati u kopja mibgħuta permezz ta’ faks waslu fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, it-testi imsemmija iktar ’il fuq jipprevedu l-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni tar-rikors.