13.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/40


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) tal-11 ta’ Jannar 2010 — The Number Ltd, Conduit Enterprises Ltd vs Office of Communications and British Telecommunications PLC

(Kawża C-16/10)

2010/C 63/63

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: The Number Ltd, Conduit Enterprises Ltd

Konvenut: Office of Communications and British Telecommunications PLC

Domandi preliminari

(1)

Għandha s-setgħa mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2002/22/KE (1) (“Direttiva Servizz Universali”), moqri flimkien mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (2) (“Direttiva Kwadru [Qafas]”), mal-Artikoli 3(2) u 6(2) tad-Direttiva 2002/20/KE (3) (“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”) u mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/22 u dispożizzjonijiet rilevanti oħra tad-dritt Komunitarju, li jaħtru impriża waħda jew iktar sabiex jiggarantixxu l-provvista ta’ servizz universali, jew elementi differenti ta’ servizz universali, kif identifikati fl-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 9(2) tad-Direttiva 2002/22, tiġi interpetata fis-sens li:

(a)

tippermetti lill-Istat Membru, fejn jiddeċiedi li jaħtar impriża skont din id-dispożizzjoni, li jimponi biss obbligi speċifiċi fuq din l-impriża li jeħtieġu li l-impriża stess tipprovdi lill-utenti finali s-servizz universali jew element minnu li għalih hija ġiet maħtura, jew fis-sens li

(b)

tippermetti lill-Istat Membru, meta jiddeċiedi li jaħtar impriża taħt din id-dispożizzjoni, li jissuġġetta lill-impriża maħtura għall-obbligi speċifiċi li l-Istat Membru jikkunsidra bħala l-iktar effiċjenti, xierqa u proporzjonati sabiex jiggarantixxu l-provvista tas-servizz universali jew element minnu lill-utenti finali, kemm jekk dawn l-obbligi jeħtieġu li l-impriża stess tipprovdi s-servizz universali jew element minnu lill-utenti finali kif ukoll jekk le?

(2)

Id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, meta dawn jinqraw ukoll fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/22, jippermettu lill-Istati Membri li, f’ċirkustanzi fejn impriża tinħatar taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Servizz Universali għall-finijiet tal-obbligu previst fl-Artikolu 5(1)(b) tal-istess direttiva (direttorju komprensiv tat-telefon tas-servizzi ta’ konsultazzjoni) mingħajr ma tkun meħtieġa li tipprovdi dan is-servizz direttament lill-utenti finali, jimponu obbligi speċifiċi fuq l-impriża maħtura sabiex din:

(a)

iżżomm u taġġorna bażi ta’ data komprensiva tal-informazzjoni dwar l-abbonati;

(b)

tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna li tkun tixtieq tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni ta’ direttorju aċċessibbli għall-pubbliku jew direttorji, il-kontenut ta’ bażi ta’ data komprensiva tal-informazzjoni dwar l-abbonati, kif aġġornata regolarment, f’forma li tinqara’ b’mod mekkaniku (kemm jekk tali persuna jkollha l-ħsieb li tipprovdi direttorju komprensiv tas-servizzi ta’ konsultazzjoni lill-utenti finali kif ukoll jekk le); u

(c)

tipprovdi lil din il-persuna l-kontenut tal-bażi ta’ data taħt kundizzjonijiet li jkunu ġusti, oġġettivi, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż involuti u li ma jkunux diskriminatorji?


(1)  Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 367)

(2)  Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

(3)  Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).