SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Mejju 2012 ( *1 )

“Sistema ta’ Dublin — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil — Ċittadini ta’ pajjiż terz fil-pussess ta’ viża valida maħruġa mill-‘Istat Membru responsabbli’ fis-sens ta’ dan l-istess regolament — Applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat responsabbli skont dan ir-regolament — Applikazzjoni għal permess ta’ residenza fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat responsabbli wara l-irtirar tal-applikazzjoni għall-ażil — Irtirar li seħħ qabel ma l-Istat Membru responsabbli jkun aċċetta l-inkarigu — Irtirar li jtemm il-proċeduri stabbiliti mir-Regolament Nru 343/2003”

Fil-Kawża C-620/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammarrätten i Stokholm — Migrationsöverdomstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Migrationsverket

vs

Nurije Kastrati,

Valdrina Kastrati,

Valdrin Kastrati,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Migrationsverket, minn H. Karling u M. Ribbenvik, bħala aġenti,

għal N. Kastrati u l-ulied minuri tagħha, minn H.-O. Krokstäde, juris kandidat, u S. Kastrati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki u L. Kotroni, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, M. Noort, u C. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Migrationsverket (Uffiċċju nazzjonali tal-migrazzjoni), responsabbli mill-kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni, u N. Kastrati u ż-żewġ uliedha minuri, Valdrina u Valdrin, ċittadini ta’ Kosovo, rigward l-annullament tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li ma tilqax l-applikazzjonijiet tagħhom għal permess ta’ residenza u ta’ ażil fl-Isvezja kif ukoll li tordna t-trasferiment tagħhom lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 343/2003

3

Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 343/2003 jinqraw kif ġej:

“(3)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw […] [li s-sistema ta’ ażil Ewropew komuni] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.

(4)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħmel possibbli li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u ma jkunx kompromess l-għan ta’ l-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil.”

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li dan “jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz”.

5

Skont l-Artikolu 2(ċ) sa (f) tar-Regolament Nru 343/2003:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(ċ)

‘applikazzjoni għall-ażil’ tfisser l-applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz li tista’ tiftiehem bħala talba għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija preżunta li tkun applikazzjoni għall-ażil, sakemm ċittadin ta’ pajjiż terz ma jitlobx espliċitament għal xorta ta’ protezzjoni oħra li tkun tista’ ssir applikazzjoni għaliha separatament;

d)

‘applikant’ jew’ min ifittex l-ażil’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun għamel applikazzjoni għall-ażil li dwarha deċiżjoni finali ikun għadha ma tteħditx;

e)

‘eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-ażil mill-awtoritajiet kompetenti skond l-liġi nazzjonali ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skond dan ir-Regolament;

f)

‘irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil’ tfisser azzjonijiet li bihom l-applikant għall-ażil itemm il-proċeduri mibdijin bis-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, skond il-liġi nazzjonali, jew b’mod espliċitu jew taċitu.”

6

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.”

7

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

[…]

5.   Persuna tfittex l-ażil li hija preżenti fi Stat Membru ieħor u hemm tiddepożita applikazzjoni għall-ażil wara li tirtira l-applikazzjoni tagħha matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandha tittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

Dan l-obbligu għandu jieqaf, jekk il-persuna tfittex l-ażil tkun sadattant telqet mit-territorji ta’ l-Istat Membru għal perjodu ta’ mill-inqas tliet xhur jew tkun kisbet dokument ta’ residenza mill-Istat Membru.”

8

Sabiex jiġi stabbilit l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 343/2003, il-Kapitolu III tiegħu, li jinkludi l-Artikoli 5 sa 14, jipprovdi lista ta’ kriterji oġġettivi u ġerarkiċi.

9

Skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli skont dawn il-kriterji ssir abbażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-persuna li tfittex l-ażil ippreżentat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru.

10

L-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod partikolari li, fejn il-persuna li tfittex l-ażil tkun fil-pussess ta’ viża valida, l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens ta’ dan ir-regolament, bħala prinċipju huwa dak li jkun ħareġ din il-viża.

11

Il-Kapitolu V tar-Regolament Nru 343/2003, intitolat “Teħid ta’ inkarigu u teħid lura”, jinkludi l-Artikolu 16 li huwa miktub kif ġej:

“1.   L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

a)

jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 17 sa 19, ta’ persuna tfittex l-ażil li tkun iddepożitat applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

b)

itemmu l-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-ażil;

ċ)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess;

d)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, applikant li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor;

e)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 20, ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess.

[…]

3.   L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.

4.   L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1(d) u (e) għandhom bl-istess mod jieqfu ladarba l-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni ikun adotta u attwalment implimenta, wara l-irtirar jew ċaħda ta’ l-applikazzjoni, id-disposizzjonijiet li huma meħtieġa qabel iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jmur lejn pajjiżu ta’ oriġini jew lejn pajjiż ieħor li lejh jista’ jivvjaġġa legalment.”

12

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 343/2003 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“Fejn Stat Membru li għandu ienet iddepożitata applikazzjoni għall-ażil jikkonsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu ta’ l-applikant.

Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien perjodu ta’ tliet xhur, ir-responsibilita biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil għandha tkun ta’ l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.”

13

L-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi;

“L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mid-data li fiha t-talba kienet irċevuta.”

14

L-Artikolu 19(1) u (3) tal-istess regolament huwa mitkub kif ġej:

“1.   Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.

[…]

3.   It-trasferiment ta’ l-applikant mill-Istat Membru li fih applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għall-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit skond il-liġi nazzjonali ta’ l-ewwel Stat Membru […] kemm jista’ malajr ikun prattiku, u sa l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba li jittieħed inkarigu jew mid-deċiżjoni fuq appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv.”

15

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi r-regoli li skont dawn iseħħ it-teħid lura tal-applikant għall-ażil skont l-Artikoli, rispettivament, 4(5) u 16(1)(ċ) sa (e) ta’ dan l-istess regolament.

Id-Direttiva 2005/85/KE

16

Mill-premessa 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168), jirriżulta li din id-direttiva hija bla ħsara għar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 343/2003.

17

Id-Direttiva 2005/85 tipprovdi, fl-Artikolu 19 tagħha, intitolat “Proċedura f’każ ta’ rtirar ta’ l-applikazzjoni”:

“1.   Safejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà ta’ l-irtirar espliċitu ta’ l-applikazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, meta applikant għall-ażil b’mod espliċitu jirtira l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni li jew twaqqaf l-eżami jew tiċħad l-applikazzjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li l-awtorità determinanti tista’ tiddeċiedi li twaqqaf l-eżami mingħajr ma tadotta deċiżjoni. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti għandha tinserixxi nota fil-file ta’ l-applikant.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

L-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ppreżentata qabel id-dħul ta’ N. Kastrati u wliedha fit-territorju tal-Unjoni

18

Matul is-sena 2004, N. Kastrati ltaqgħet ma’ S. Kastrati, ċittadin Svediż, li huwa residenti fl-Isvezja mis-sena 1992. Dan tal-aħħar ma huwiex missier l-ulied minuri ta’ N. Kastrati.

19

Fl-20 ta’ Settembru 2007, N. Kastrati u wlieha ppreżentaw, quddiem l-ambaxxata tar-Renju tal-Isvezja fi Skopje (Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja), applikazzjoni għal permezz ta’ residenza fl-Isvezja mmotivata mill-eżistenza ta’ rabta ma’ S. Kastrati.

20

Fit-13 ta’ Mejju 2008, peress li kkunsidra li ma kienx hemm konnessjoni bejn N. Kastrati u S. Kastrati li kienet tippermetti li jingħata lil din tal-aħħar kif ukoll lil uliedha permess ta’ residenza, il-Migrationsverket ċaħad l-applikazzjoni tagħhom. Sussegwentement għal rikors ippreżentat minn N. Kastrati u wliedha quddiem il-länsrätten i Skåne län — Migrationsdomstolen (tribunal amministrattiv dipartimentali ta’ Skåne li jagħti deċiżjonijiet fil-qasam tal-immigrazzjoni), dan ikkonferma ċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza b’deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2008.

21

N. Kastrati u wliedha għalhekk appellaw din is-sentenza quddiem il-Kammarrätten i Stockholm — Migrationsöverdomstolen (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Stokkolma li tagħti deċiżjonijiet fil-qasam tal-immigrazzjoni) qabel ma rrinunzjat għall-atti ta’ din l-istanza. Konsegwentement, din il-qorti ddeċidiet fid-19 ta’ Marzu 2009 li tħassar il-kawża mir-reġistru tagħha.

L-applikazzjoni għall-ażil u l-applikazzjoni l-ġdida għal permess ta’ residenza ppreżentati minn N. Kastrati u wliedha wara d-dħul tagħhom fit-territorju tal-Unjoni

22

Fit-3 ta’ Marzu 2009, N. Kastrati u wliedha daħlu fl-Isvezja, fejn kienu fil-pussess ta’ viża valida għal terminu qasir li kienet maħruġa mill-awtoritajiet Franċiżi.

23

Fit-30 ta’ April 2009, mingħajr ma ppreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil fi Franza, huma ppreżentaw tali applikazzjonijiet fl-Isvezja, fejn huma kienu jinsabu sa mid-dħul tagħhom fit-territorju tal-Unjoni.

24

Peress li N. Kastrati u wliedha madankollu kienu fil-pussess ta’ viża valida maħruġa mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Migrationsverket, fl-4 ta’ Ġunju 2009, talab lil dawn l-awtoritajiet, skont il-kriterju stabbilt fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 343/2003, li jieħdu inkarigu tagħhom skont l-Artikolu 16(1)(a) tal-istess regolament.

25

Fis-16 ta’ Ġunju 2009, N. Kastrati u wliedha ppreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza ġdida fl-Isvezja, immotivata mill-ġdid mill-eżistenza ta’ konnessjoni ma’ S. Kastrati.

26

Fit-22 ta’ Ġunju 2009, huma min-naħa l-oħra rtiraw l-applikazzjonijiet għall-ażil fl-Isvezja tagħhom li, skont huma, kienu ppreżentaw biss fuq il-parir tal-Migrationsverket. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, ippreżentata flimkien mal-fajl nazzjonali, ma turix li N. Kastrati u wlieda kienu qajmu motiv wieħed ta’ persekuzzjoni sabiex jiksbu l-istatus ta’ refuġjati.

27

Fit-23 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet Franċiżi, li ma kinux jafu b’dan l-irtirar, aċċettaw it-talba ta’ inkarigu ta’ N. Kastrati u ta’ wliedha.

28

B’deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2009, il-Migrationsverket ċaħad l-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-ażil. Dan l-ewwel nett qies, fir-rigward tal-applikazzjoni ġdida ta’ permess għal residenza, li d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2008 li tiċħad l-ewwel applikazzjoni għal permess ta’ residenza kienet saret definittiva. Huwa sussegwentement ċaħad l-applikazzjonijiet għall-ażil għar-raġuni li r-Repubblika Franċiża kienet l-Istat responsabbli fil-qasam. Fl-aħħar nett, huwa ddeċieda li jitrasferixxi lill-persuni kkonċernati lejn Franza abbażi tal-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament Nru 343/2003,

29

N. Kastrati u wliedha kkontestaw din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-länsrätten i Skåne län — Migrationsdomstolen.

30

B’sentenza tal-15 ta’ Settembru 2009, din il-qorti annullat id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-30 ta’ Lulju 2009 billi qieset li, fil-mument meta l-Migrationsverket ta d-deċiżjoni tiegħu, huwa ma kienx sodisfatt bil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, kif ukoll N. Kastrati u wlieda kienu rtiraw l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom. Konsegwentement, huwa rrefera din il-kawża quddiem dan l-Uffiċċju sabiex l-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza fl-Isvezja jiġu eżaminati mill-ġdid abbażi ta’ investigazzjoni dwar il-konnessjoni allegata.

31

Fis-sentenza tagħha, il-länsrätten i Skåne län — Migrationsdomstolen irrilevat li l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn N. Kastrati u wliedha kienu ġew irtirati wara li l-awtorità Svediża kompetenti, sabiex tagħlaq il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, kienet talbet lill-awtoritajiet Franċiżi, iżda qabel ma dawn kienu aċċettaw, fit-23 ta’ Lulju 2009, l-inkarigu tal-persuni kkonċernati u qabel ma l-Migrationsverket kien innotifikahom bid-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ Lulju 2009 li jittrasferihom lejn ir-Repubblika Franċiża.

32

Il-Migrationsverket appella quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostna, essenzjalment, li ma kienx jirriżulta mir-Regolament Nru 343/2003 li l-obbligu għall-Istat Membru responsabbli li jieħu inkarigu ta’ applikant għall-ażil li kien ippreżenta applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jieqaf f’każ ta’ rtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil.

33

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tispjega li, f’deċiżjoni li tat fit-30 ta’ Ġunju 2008 (MIG 2008:28), hija kienet ċertament iddeċidiet li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil ma jagħmilx ir-Regolament Nru 343/2003 mhux applikabbli. Madankollu, iċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għal din id-deċiżjoni huma differenti minn dawk tal-kawża pendenti quddiemha, sa fejn l-applikazzjoni għall-ażil li kienet f’dak iż-żmien inkwistjoni ma kinix ġiet irtirata ħlief wara n-notifika tal-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, tad-deċiżjoni li tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli.

34

Barra minn hekk, hija indikat ir-riżultati ta’ investigazzjoni amministrattiva magħmula mill-Migrationsverket ma’ diversi Stati marbuta mis-sistema ta’ Dublin dwar il-kwistjoni tal-portata tal-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003. Tliet pożizzjonijiet differenti setgħu ġew applikati. Skont l-ewwel pożizzjoni, peress li dan ir-regolament sar applikabbli, il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil ma tistax tintemm ħlief għal wieħed mill-motivi previsti fl-Artikolu 16(3) u (4) tiegħu. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni pożizzjoni, dan l-istess regolament ma huwiex iktar applikabbli jekk l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru wieħed tkun ġiet irtirata. Skont it-tielet pożizzjoni, fl-aħħar nett, huwa l-mument li fih iseħħ l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil, meta pparagunat mal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, li jiddetermina jekk dan ir-regolament ikomplix japplika jew le.

35

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kammarrätten i Stockholm — Migrationsöverdomstolen iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dak li jipprevedi l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 343/2003 u/jew tan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tmiem tar-responsabbilità sabiex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil minbarra dawk tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(5), u l-Artikolu 16(3) u (4), dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil ma jaffettwax il-possibbiltà tal-applikazzjoni tiegħu?

2)

L-istadju ta’ trattament tal-applikazzjoni għall-ażil li fih isir l-irtirar ta’ dik it-talba jaffettwa r-risposta għall-ewwel domanda?”

Fuq id-domandi preliminari

36

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tixtieq tiġi kkjarifikata dwar l-effetti li jista’ jkollu, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil.

37

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-punti 18 sa 21 kif ukoll 26 ta’ din is-sentenza, N. Kastrati u wliedha jsostnu li, fir-realtà, huma f’ebda mument ma kellhom l-intenzjoni li jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 343/2003.

38

Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-importanza li għandu jingħata lil dan il-motiv. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li huma esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, I. B., C-306/09, punt 47).

39

Fir-rigward ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, permezz tad-domandi tagħha li għandhom jiġu eżaminati konġuntament, jekk ir-Regolament Nru 343/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tiegħu, li jseħħ qabel ma l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni jkun aċċetta li jieħu inkarigu tal-applikant, għandux bħala effett li dan ir-regolament ma jibqax iktar applikabbli.

40

Hemm lok li jiġi ppreċiżat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 343/2003, meta Stat Membru li fit-territorju tiegħu persuna tkun ippreżentat applikazzjoni għall-ażil iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli mill-eżami tagħha, huwa jista’ jitlob lil dan tal-aħħar biex jieħu inkarigu tal-applikant.

41

Għandu minbarra dan jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament li l-għan tiegħu huwa li jistabbilixxi l-kriterji u mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-mertu ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz.

42

Minbarra dan, meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-applikant jirtira l-unika applikazzjoni għall-ażil tiegħu qabel ma l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba ikun aċċetta li jieħdu l-inkarigu tal-applikant, l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 343/2003, jiġifieri li jinstab l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għal evalwazzjoni tal-karatteristika ta’ refuġjat tal-applikat, ma jkunx jista’ jintlaħaq iktar.

43

Minbarra dan, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma rregolax espressament is-sitwazzjonijiet, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-applikanti għall-ażil irtiraw l-applikazzjonijiet tagħhom mingħajr ma fl-istess ħin introduċew waħda tal-inqas fi Stat Membru ieħor.

44

It-test tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 16(3) u (4) tar-Regolament Nru 343/2003, li l-qorti tirreferi għalihom ukoll fid-domandi tagħha, ma jistax iwassal għal riżultat ieħor.

45

Huwa ċertament veru li dawn id-dispożizzjonijiet jiddeterminaw, bħala prinċipju b’mod eżawrjenti, f’liema sitwazzjonijiet jintemmu l-obbligi għall-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil li “jieħu inkarigu” jew li “jieħu lura” applikant li ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat responsabbli. Madankollu, dawn jippresupponu l-eżistenza ta’ applikazzjoni għall-ażil li l-Istat Membru responsabbli għandu jeżamina, huwa fil-proċess li jeżamina jew li fuqha diġà ngħatat deċiżjoni.

46

L-istess japplika barra minn hekk fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

47

Għaldaqstant, l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil, li sseħħ f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġifieri li qabel ma l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jkun aċċetta l-inkarigu tal-applikant għall-ażil, għandu bħala effett li r-Regolament Nru 343/2003 ma hijiex iktar applikabbli.

48

F’tali ċirkustanzi, huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata li għandu jieħu d-deċiżjonijiet li jirriżultaw minn dan l-irtirar u b’mod partikolari, kif jipprovdi l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2005/85, li jtemm l-eżami tal-applikazzjoni kif ukoll li jinserixxi nota relatata magħha fil-fajl tal-applikant.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li d-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tiegħu, li jseħħ qabel ma l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni jkun aċċetta li jieħu inkarigu tal-applikant, għandu bħala effett li dan ir-regolament ma japplikax iktar. F’każ bħal dan, huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata li għandu jieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ dan l-irtirar u, b’mod partikolari, li jtemm l-eżami tal-applikazzjoni billi jinserixxi nota relatata magħha fil-fajl tal-applikant.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ta’ applikazzjoni għall-ażil fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tiegħu, li jseħħ qabel ma l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni jkun aċċetta li jieħu inkarigu tal-applikant, għandu bħala effett li dan ir-regolament ma japplikax iktar. F’każ bħal dan, huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata li għandu jieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ dan l-irtirar u, b’mod partikolari, li jtemm l-eżami tal-applikazzjoni billi jinserixxi nota relatata magħha fil-fajl tal-applikant.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.