SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Frar 2013 ( *1 )

“Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 51 — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Trażżin ta’ aġir li jikkawża ħsara fir-rigward ta’ riżors proprju tal-Unjoni — Artikolu 50 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Sistema nazzjonali li timplika żewġ proċeduri separati, amministrattivi u kriminali, sabiex jiġi ssanzjonat l-istess aġir imputabbli — Kompatibbiltà”

Fil-Kawża C-617/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Haparanda tingsrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Åklagaren

vs

Hans Åkerberg Fransson,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, M. Ilešič, G. Arestis, J. Malenovský, Presidenti tal-Awla, A. Borg Barthet, J.-C. Bonichot, C. Toader, J.-J. Kasel u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. Åkerberg Fransson, minn J. Sterner, avukat, u U. Bernitz, professur,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. McDowell, SC,

għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn N. Rouam, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni.

2

Dik it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Åklagaren (ministeru pubbliku) u H. Åkerberg Fransson, dwar proċeduri mibdija mill-ministeru pubbliku relatati ma’ frodi fiskali aggravata.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

3

L-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata fi Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB”), intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, jiddikjara kif ġej:

“1.   Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ l-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun hemm xi vizzju fundamentali fil-proċediment ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.   Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il qiddiem il-‘KEDB’)].”

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4

L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, huwa redatt kif ġej:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

5

L-Artikolu 51 tal-Karta tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar fit-termini segwenti:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.   Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

Is-Sitt Direttiva 77/388/KEE

6

L-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva” fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 28h jipprovdi:

“[...]

(a)

Kull persuna taxxabbli għandha tippreżenta denunzja sa’ terminu perentorju li jkun stabbilit mill-Istati Membri. [...]

[...]

8.   Stati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa għall-ġbir tajjeb ta’ taxxa u biex ma ssirx evażjoni [...].

[...]”

Id-dritt Svediż

7

L-Artikolu 2 tal-liġi (1971:69) relatata mar-reat fiskali [skattebrottslagen 1971:69, iktar ’il quddiem “skattebrottslagen”] huwa redatt kif ġej:

“Kull min jikkomunika volontarjament, taħt forma mhux verbali, informazzjoni mhux eżatta jew min jonqos milli jippreżenta lil xi awtorità, dikjarazzjoni, dokument li jiġġustifika jew kull informazzjoni oħra rikjesta, u li għalhekk iqajjem riskju ta’ evażjoni tat-taxxa, ta’ stabbiliment ta’ kreditu ta’ taxxa jew ta’ rimbors indebitu favur tiegħu jew favur terza persuna, huwa ħati ta’ frodi fiskali punibbli b’piena massima ta’ sentejn priġunerija.”

8

Skont l-Artikolu 4 tal-iskattebrottslagen:

“Jekk ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2 ikun ikkunsidrat gravi, ikun hemm każ ta’ frodi fiskali aggravata punibbli bi priġunerija ta’ bejn sitt xhur u sitt snin.

Il-gravità tal-ksur tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-entità tal-ammonti involuti, tal-użu ta’ dokumenti foloz, tal-użu ta’ skritturi foloz, tal-fatt dwar jekk l-azzjonijiet jaqgħux fil-kuntest ta’ reat sistematiku jew fuq skala kbira, jew jekk għandhomx ukoll natura partikolarment gravi.”

9

Il-liġi 1990:324 relatata mat-taxxa fuq id-dħul [taxeringslagen (1990:324), iktar ’il quddiem it-“taxeringslagen”] tipprovdi, fl-Artikolu 1 tal-Kapitolu 5 tagħha:

“Jekk matul il-proċedura, il-persuna taxxabbli tikkomunika, taħt forma mhux verbali, informazzjoni mhux eżatta għad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa, tiġi imposta sanzjoni fiskali (żieda fit-taxxa). L-istess jiġri jekk il-persuna taxxabbli tikkomunika tali informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża fiskali u jekk l-imsemmija informazzjoni tiġi miċħuda wara eżami dwar il-mertu.

L-informazzjoni hija kkunsidrata mhux eżatta jekk ikun evidenti li hija falza jew jekk il-persuna taxxabbli tonqos milli tikkomunika informazzjoni obbligatorja, neċessarja għad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa. Madankollu l-informazzjoni ma tkunx ikkunsidrata bħala mhux eżatta jekk flimkien mad-dokumenti l-oħra kkomunikati, ikun hemm bażi suffiċjenti sabiex tingħata deċiżjoni ġusta. L-informazzjoni lanqas ma tkun ikkunsidrata bħala mhux eżatta, jekk hija tkun tant żbaljata b’mod evidenti li ma tistax isservi bħala bażi għal deċiżjoni.”

10

L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 5 tat-taxeringslagen jipprovdi:

“F’każ ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni mhux eżatta, is-sanzjoni fiskali tammonta għal erbgħin fil-mija tal-ammont tat-taxxa msemmi fl-Artikolu 1(1) punti 1) sa 5) tal-Kapitolu 1, li kieku ma kinitx tiġi imposta fuq il-persuna taxxabbli jew il-konjuġi tagħha li kieku l-informazzjoni mhux eżatta kienet milqugħa. Fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, is-sanzjoni fiskali tammonta għal għoxrin fil-mija tal-ammont tat-taxxa li l-persuna taxxabbli għandha tħallas.

Is-sanzjoni fiskali hija ta’ għaxra fil-mija jew fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ta’ ħamsa fil-mija, jekk l-informazzjoni mhux eżatta tiġi rrettifikata jew setgħet tiġi rrettifikata fid-dawl ta’ dokumenti li għalihom l-iSkatteverket [l-awtorità fiskali] normalment għandha aċċess u li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Novembru tas-sena fiskali inkwistjoni.”

11

Skont l-Artikolu 14 tal-Kapitolu 5 tat-taxeringslagen:

“Il-persuna taxxabbli tkun eżentata mis-sanzjoni fiskali jew minn parti minnha jekk l-iżball jew l-omissjoni ikun jew tkun skużabbli jew jekk ma jkunx raġonevoli li din il-persuna tiġi kkundannata għall-ammont tal-imsemmija sanzjoni. Jekk tingħata eżenzjoni parzjali, l-ammont tas-sanzjoni fiskali jitnaqqas bin-nofs jew bi kwart.

[...]

Waqt l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar in-natura mhux raġonevoli tal-impożizzjoni tal-ammont totali tas-sanzjoni fiskali, għandu jittieħed kont partikolarment tal-elementi li ġejjin:

[...]

3)

l-iżball jew l-omissjoni xorta kellu jew kellha l-konsegwenza li l-persuna taxxabbli ġiet ikkundannata għal reat skont l-iskattebrottslagen jew għall-konfiska ta’ prodott provenjenti minn reat kriminali fis-sens tal-Artikolu 1c tal-Kapitolu 36 tal-Kodiċi Kriminali [(brottsbalken)].”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fid-9 ta’ Ġunju 2009, H. Åkerberg Fransson ġie msejjaħ sabiex jidher quddiem il-Haparanda tingsrätt (tribunal lokali ta’ Haparanda), partikolarment sabiex iwieġeb għall-akkuża ta’ frodi fiskali aggravata. Huwa ġie akkużat li, fid-dikjarazzjonijiet fiskali tiegħu tas-snin fiskali 2004 u 2005, huwa pprovda informazzjoni mhux eżatta li wasslet lit-Teżor pubbliku għal telf ta’ dħul marbut mal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), li jammonta għal SEK 319 143 għas-sena fiskali 2004, li minnhom SEK 60 000 bħala VAT, u SEK 307 633 għas-sena fiskali 2005, li minnhom SEK 87 550 bħala VAT. H. Åkerberg Fransson kien suġġett ukoll għall-akkuża ta’ nuqqas ta’ ddikjarar ta’ kontribuzzjonijiet bħala persuna li timpjega għall-perijodi ta’ riferiment tax-xahar ta’ Ottubru 2004 u tax-xahar Ottubru 2005, li wassal lill-korpi soċjali għal telf ta’ dħul li jammonta għal SEK 35 690 u SEK 35 862, rispettivament. Skont l-att ta’ akkuża, ir-reati kienu kkunsidrati bħala aggravati, minn naħa, minħabba l-entità tal-ammonti involuti u, min-naħa l-oħra, minħabba li dawn kienu jaqgħu fil-kuntest ta’ attività kriminali fuq skala kbira.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2007, l-iskatteverket imponiet fil-konfront ta’ H. Åkerberg Fransson, għas-sena fiskali 2004, sanzjoni fiskali ta’ SEK 35 542 abbażi tad-dħul mill-attività ekonomika tiegħu, ta’ SEK 4 872 abbażi tal-VAT u ta’ SEK 7 138 abbażi tal-kontribuzzjonijiet bħala persuna li timpjega. Permezz tal-istess deċiżjoni hija imponiet fuqu wkoll, għas-sena fiskali 2005, sanzjoni fiskali ta’ SEK 54 240 abbażi tad-dħul mill-attività ekonomika tiegħu, ta’ SEK 3 255 abbażi tal-VAT u ta’ SEK 7 172 abbażi tal-kontribuzzjonijiet bħala persuna li timpjega. Dawk is-sanzjonijiet ġew miżjuda bl-interessi. L-imsemmija sanzjonijiet ma ġewx appellati quddiem il-qorti amministrattiva peress li t-terminu stabbilit għal dan l-għan skada fil-31 ta’ Diċembru 2010 fir-rigward tas-sena fiskali 2004 u fil-31 ta’ Diċembru 2011 fir-rigward tas-sena fiskali 2005. Id-deċiżjoni li timponi s-sanzjonijiet fiskali hija mmotivata mill-istess fatti ta’ dikjarazzjonijiet foloz bħal dawk sostnuti mill-ministeru pubbliku fil-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali.

14

Quddiem il-qorti odjerna, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-azzjoni mibdija kontra H. Åkerberg Fransson għandhiex tiġi miċħuda peress li, fil-kuntest ta’ proċedura oħra, huwa kien diġà ġie ssanzjonat għall-istess fatti, aġir li jmur kontra l-impediment ta’ piena doppja stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u fl-Artikolu 50 tal-Karta.

15

F’dawk il-kundizzjonijiet il-Haparanda tingsrätt ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Taħt id-dritt Svediż huwa meħtieġ li jkun hemm bażi ċara fil-[KEDB] jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex qorti nazzjonali tkun tista’ ma tapplikax dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu kuntrarji għall-prinċipju ta’ ne bis in idem taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u li għalhekk jistgħu jkunu kuntrarji wkoll għall-Artikolu 50 tal-[Karta]. Tali kundizzjoni taħt id-dritt nazzjonali sabiex ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, inklużi l-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni?

2)

L-ammissibbiltà ta’ akkuża għal reati fiskali taqa’ taħt il-prinċipju ta’ ne bis in idem taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u taħt l-Artikolu 50 tal-Karta meta sanzjoni finanzjarja partikolari (żieda fit-taxxa) tkun diġà ġiet imposta fuq l-akkużat fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-istess fatt, jiġifieri l-għoti ta’ informazzjoni falza?

3)

Ir-risposta għad-domanda 2 hija affettwata mill-fatt li hija meħtieġa koordinazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet b’tali mod li l-qrati ordinarji jistgħu jnaqqsu l-piena fil-proċeduri kriminali jekk l-akkużat kien diġà suġġett għal żieda fit-taxxa minħabba l-istess fatt, jiġifieri l-għoti ta’ informazzjoni falza?

4)

Taħt ċerti ċirkustanzi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem […], jista’ jkun permess li jiġu ordnati sanzjonijiet addizzjonali fi proċeduri ġodda fir-rigward tal-istess aġir li kien diġà eżaminat u li kien ta’ lok għal deċiżjoni li jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-persuna kkonċernata. Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv, il-kundizzjonijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-impożizzjoni ta’ diversi sanzjonijiet fi proċeduri separati jkunu sodisfatti meta fil-proċeduri ulterjuri jitwettaq eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkun ġdid u indipendenti mill-eżami li jkun sar fil-proċeduri preċedenti?

5)

Is-sistema Svediża fejn l-impożizzjoni ta’ żieda fit-taxxa u l-eżami tar-responsabbiltà għal reati fiskali jitwettqu fi proċeduri separati hija mmotivata min-numru ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali […]. Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv, sistema bħal dik Svediża hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem meta jista’ jkun possibbli li tiġi stabbilita sistema li ma taqax taħt il-prinċipju ta’ ne bis in idem mingħajr ma jkun meħtieġ li jew ma tiġix imposta żieda fit-taxxa jew ma tingħatax deċiżjoni dwar responsabbiltà għal reati fiskali billi, jekk ir-responsabbiltà għal reati fiskali tkun rilevanti, id-deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ żieda fit-taxxa tiġi ttrasferita mingħand l-iSkatteverket u, jekk ikun il-każ, mingħand il-qrati amministrattivi, lill-qrati ordinarji inkonnessjoni mal-eżami tagħhom tal-akkuża għal reati fisikali?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

16

Il-Gvern Svediż, Ċek u Daniż, l-Irlanda u l-Gvern Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta dwar jekk is-sanzjonijiet fiskali imposti fuq H. Åkerberg Fransson kif ukoll il-proċeduri kriminali mibdija kontra dan tal-aħħar li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali jirriżultawx minn implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, dan ma jirriżultax, la mit-test nazzjonali li abbażi tiegħu ġew stabbiliti s-sanzjonijiet fiskali u lanqas minn dak li jservi bħala bażi għall-proċeduri kriminali. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, is-sanzjonijiet u l-proċeduri msemmija iktar ’il fuq ma jaqgħux fl-ambitu tal-prinċipju ta’ ne bis in idem żgurat mill-Artikolu 50 tal-Karta.

17

F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa definit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

18

Dak l-artikolu tal-Karta b’hekk jikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-punt sa liema l-azzjoni tal-Istati Membri għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali żgurati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

19

Fil-fatt, jirriżulta essenzjalment, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ġaladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett lejhom (ara partikolarment, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 42; tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C-299/95, Ġabra p. I-2629, punt 15; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi, C-309/96, Ġabra p. I-7493, punt 13; tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 25; tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, Ġabra p. I-10369, punt 34; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 72, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2012, Vinkov, C-27/11, punt 58).

20

Dik id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni hija kkorroborata mill-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Artikolu 51 tal-Karta, li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 32). Skont l-imsemmija spjegazzjonijiet, “l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali definit f’kuntest ta’ l-Unjoni jorbot biss lill-Istati Membri meta dawn jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni”.

21

Peress li d-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta għandhom, konsegwentement, jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. L-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta.

22

Għall-kuntrarju, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwarha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Currà et, C-466/11, punt 26).

23

Dawk il-kunsiderazzjonijiet jikkorrispondu ma’ dawk li jservu ta’ bażi għall-Artikolu 6(1) TUE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta bl-ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif inhuma ddefiniti fit-Trattati. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 51(2) tal-Karta, din tal-aħħar ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u lanqas ma tistabbilixxi xi kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati (ara s-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

24

F’dan il-każ, hemm lok qabel xejn li jiġi rrilevat li s-sanzjonijiet fiskali u l-azzjonijiet kriminali li H. Åkerberg Fransson kien jew għadu suġġett għalihom huma marbuta parzjalment ma’ nuqqasijiet fir-rigward tal-obbligi dikjarattivi tiegħu fil-qasam tal-VAT.

25

Issa, fil-qasam tal-VAT, jirriżulta minn naħa, mill-Artikoli 2, 250(1), u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) li b’mod partikolari jirriproduċu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 22(4) u (8) tal-istess direttiva, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 28h ta’ din tal-aħħar, u min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(3) TFUE li kull Stat Membru għandu l-obbligu li jadotta l-liġijiet u l-miżuri amministrattivi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u sabiex tiġi miġġielda l-frodi (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-132/06, Ġabra p. I-5457, punti 37 u 46).

26

Barra minn hekk, l-Artikolu 325 TFUE, jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi u b’mod partikolari, tobbligahom jadottaw l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C-367/09, Ġabra p. I-10761, punti 40 sa 42). Issa, peress li r-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej, id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ taxxa uniformi fuq bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni, hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT skont id-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi korrispondenti mill-VAT, peress li kull lakuna fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel potenzjalment tikkawża tnaqqis fit-tieni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-539/09, Ġabra p. I-11235, punt 72).

27

Minn dan jirriżulta li s-sanzjonijiet fiskali u l-azzjonijiet kriminali għall-frodi fiskali bħal dawk li l-akkużat inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jew għadu suġġett għalihom minħabba l-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta fil-qasam tal-VAT jikkostitwixxu implementazzjoni tal-Artikoli 2, 250(1) u 273 tad-Direttiva 2006/112 (preċedentement l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva) u tal-Artikolu 325 TFUE u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

28

Il-fatt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jservu bħala l-bażi għall-imsemmija sanzjonijiet fiskali u azzjonijiet kriminali ma ġewx adottati sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2006/112 ma jistax ikun ta’ natura li jikkontesta dik il-konklużjoni, peress li l-applikazzjoni tagħhom, iktar minn xejn, tissanzjona ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva li hija intiża sabiex timplementa l-obbligu impost mit-Trattat fuq l-Istati Membri li jissanzjonaw b’mod effettiv l-aġir li jikkawża ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

29

Fid-dawl tas-suespost, meta qorti ta’ Stat Membru tintalab tistħarreġ il-konformità mad-drittijiet fundamentali ta’ dispożizzjoni jew ta’ miżura nazzjonali li, f’sitwazzjoni li fiha l-azzjoni tal-Istati Membri ma hijiex iddeterminata interament mid-dritt tal-Unjoni, timplementa dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jibqgħu fid-dritt li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġaladarba din l-applikazzjoni ma tippreġudikax il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, fir-rigward ta’ dan l-aħħar imsemmi aspett, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, punt 60).

30

Għal dan l-għan, meta l-qrati nazzjonali jkunu qegħdin jinterpretaw dispożizzjonijiet tal-Karta, huma għandhom il-possibbiltà u, fejn xieraq, huma obbligati, li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula u sabiex tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni neċessarji għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda

32

Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li tingħata risposta għalihom b’mod konġunt, il-Haparanda tingsrätt tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet kriminali għal frodi fiskali kontra akkużat, meta dan tal-aħħar ikun diġà ġie ssuġġettat għal sanzjoni fiskali għall-istess fatti ta’ dikjarazzjoni falza.

33

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta għal azzjonijiet kriminali għal frodi fiskali bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, hija tippreżumi li l-miżuri li diġà ġew adottati fil-konfront tal-akkużat permezz ta’ deċiżjoni li saret definittiva kienu ta’ natura kriminali.

34

F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, qabel xejn, li l-Artikolu 50 tal-Karta ma jipprekludix lil Stat Membru milli jimponi, għall-istess fatti ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi dikjarattivi fil-qasam tal-VAT, assjem ta’ sanzjonjiet fiskali u kriminali. Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat il-ġbir tad-dħul kollu provenjenti mill-VAT u, b’hekk, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom il-libertà li jagħżlu s-sanzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 68/88, Ġabra p. 2965, punt 24; u tas-7 ta’ Diċembru 2000, de Andrade, C-213/99, Ġabra p. I-11083, punt 19, u tas-16 ta’ Ottubru 2003, Hannl-Hofstetter, C-91/02, Ġabra p. I-12077, punt 17). B’hekk dawn tal-aħħar jistgħu jkunu fil-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew ta’ konglomerazzjoni tat-tnejn. Huwa biss meta s-sanzjoni fiskali tkun ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u meta din tkun saret definittiva li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet kriminali kontra l-istess persuna għall-istess fatti.

35

Sussegwentment, hemm lok li jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali tas-sanzjonijiet fiskali, jeżistu tliet kriterji li huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar in-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C-489/10, punt 37).

36

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawk il-kriterji, jekk hemmx lok li jitwettaq eżami ta’ kumulu tas-sanzjonijiet fiskali u kriminali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-istandards nazzjonali fis-sens tal-punt 29 ta’ din is-sentenza, u dan jista’ jwassalha, jekk ikun xieraq, sabiex tikkunsidra li dan il-kumulu jmur kontra l-imsemmija standards, bil-kundizzjoni li s-sanzjonijiet jibqgħu kemm effettivi, proporzjonati kif ukoll dissważivi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; tal-10 ta’ Lulju 1990, Hansen, C-326/88, Ġabra p. I-2911, punt 17; tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155, punt 62; tal-15 ta’ Jannar 2004, Penycoed, C-230/01, Ġabra p. I-937, punt 36; kif ukoll tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punt 65).

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda li l-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta ma jipprekludix lil Stat Membru milli jimponi suċċessivament, għall-istess fatti ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi dikjarattivi fil-qasam tal-VAT, sanzjoni fiskali u sanzjoni kriminali sakemm l-ewwel sanzjoni ma tkunx ta’ natura kriminali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fuq il-ħames domanda

38

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-Haparanda tingsrätt tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà, mal-prinċipju ta’ ne bis in idem żgurat mill-Artikolu 50 tal-Karta, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza, fil-każ ta’ frodi fiskali, il-kumulu ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali mogħtija mill-istess qorti.

39

F’dak ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilta mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li titressaq il-kawża quddiemha u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C-78/08 sa C-80/08, Ġabra p. I-7611, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-preżunzjoni tar-rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiwarrab biss b’mod eċċezzjonali, jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, partikolarment, is-sentenza Paint Graphos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li sar riferiment għaliha mill-qorti a quo ma hijiex dik applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali u ma teżistix, s’issa, fl-ordinament ġuridiku Svediż.

42

Għaldaqstant jeħtieġ li l-ħames domanda tiġi ddikjarata inammissibbli, peress li l-funzjoni fdata lil Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-Artikolu 276 TFUE, hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara b’mod partikolari, is-sentenza Paint Graphos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ewwel domanda

43

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Haparanda tingsrätt tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ prassi ġudizzjarja nazzjonali li tissuġġetta l-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li ma tapplikax kull dispożizzjoni li tilledi xi dritt fundamentali żgurat mill-KEDB u mill-Karta għall-kundizzjoni li l-imsemmija leżjoni tkun tirriżulta b’mod ċar mit-testi kkonċernati jew mill-ġurisprudenza marbuta magħhom.

44

Fir-rigward, qabel xejn, tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, mill-qorti nazzjonali, minn kunflitt bejn id-dritt nazzjonali u l-KEDB, hemm lok li jitfakkar li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-KEDB jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jimponi li d-drittijiet inklużi f’din tal-aħħar, li jikkorrispondu għad-drittijiet żgurati mill-KEDB, għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata mogħtija lilhom mill-istess konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sa fejn l-Unjoni ma adixxietx għaliha, strument formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax ir-relazzjoni bejn il-KEDB u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri u lanqas ma jiddetermina l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-qorti nazzjonali f’każ ta’ kunflitt bejn id-drittijiet żgurati minn din il-konvenzjoni u regola ta’ dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C-571/10, punt 62).

45

Sussegwentement, fir-rigward tal-konsegwenzi li l-qorti nazzjonali għandha tislet minn kunflitt bejn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha u drittijiet żgurati mill-Karta, teżisti ġurisprudenza stabbilita li l-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u billi ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punti 21 u 24; tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C-314/08, Ġabra p. I-11049, punt 81, u tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki et Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 43).

46

Fil-fatt, kull dispożizzjoni ta’ sistema legali nazzjonali jew kull prattika leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li għandha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li tirrifjuta lill-qorti kompetenti mill-applikazzjoni ta’ dan id-dritt is-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jifformaw ostakolu għall-effettività sħiħa ta’ dawn ir-regoli tal-Unjoni hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 267 TFUE, qorti nazzjonali li tkun adita b’kawża li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni li s-sens jew il-portata tiegħu ma jkunx jidhrilha b’mod ċar tista’ jew, fejn xieraq, għandha, tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi ta’ interpretazzjoni li jikkonċernaw id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni (ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415).

48

Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi prassi ġudizzjarja li tissuġġetta l-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li ma tapplikax kull dispożizzjoni li tilledi xi dritt fundamentali żgurat mill-Karta għall-kundizzjoni li l-imsemmija leżjoni tkun tirriżulta b’mod ċar mit-test ta’ dik il-Karta jew mill-ġurisprudenza marbuta magħha, peress li din tirrifjuta lill-qorti nazzjonali s-setgħa li tevalwa b’mod sħiħ, u fejn ikun xieraq bil-kooperazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni ma’ dik l-istess Karta.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li:

id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax ir-relazzjoni bejn il-KEDB u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri u lanqas ma jiddetermina l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-qorti nazzjonali f’każ ta’ kunflitt bejn id-drittijiet żgurati minn din il-konvenzjoni u regola ta’ dritt nazzjonali;

id-dritt tal-Unjoni jipprekludi prassi ġudizzjarja li tissuġġetta l-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li ma tapplikax kull dispożizzjoni li tilledi xi dritt fundamentali żgurat mill-Karta għall-kundizzjoni li l-imsemmija leżjoni tkun tirriżulta b’mod ċar mit-test ta’ dik il-Karta jew mill-ġurisprudenza marbuta magħha, peress li din tirrifjuta lill-qorti nazzjonali s-setgħa li tevalwa b’mod sħiħ, u fejn ikun xieraq, bil-kooperazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni ma’ dik l-istess Karta.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix lil Stat Membru milli jimponi suċċessivament, għall-istess fatti ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi dikjarattivi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, sanzjoni fiskali u sanzjoni kriminali sakemm l-ewwel sanzjoni ma tkunx ta’ natura kriminali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali,

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax ir-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri u lanqas ma jiddetermina l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-qorti nazzjonali f’każ ta’ kunflitt bejn id-drittijiet żgurati minn din il-konvenzjoni u regola ta’ dritt nazzjonali,

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi prassi ġudizzjarja li tissuġġetta l-obbligu, tal-qorti nazzjonali, li ma tapplikax kull dispożizzjoni li tilledi xi dritt fundamentali żgurat mill-Karta għall-kundizzjoni li l-imsemmija leżjoni tkun tirriżulta b’mod ċar mit-test ta’ dik il-Karta jew mill-ġurisprudenza marbuta magħha, peress li din tirrifjuta lill-qorti nazzjonali s-setgħa li tevalwa b’mod sħiħ, u fejn ikun xieraq, bil-kooperazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni ma’ dik l-istess Karta.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.