SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni legali ta’ databases — Drittijiet tal-awtur — Kalendarji tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol”

Fil-Kawża C-604/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Football Dataco Ltd,

Football Association Premier League Ltd,

Football League Ltd,

Scottish Premier League Ltd,

Scottish Football League,

PA Sport UK Ltd

vs

Yahoo! UK Ltd,

Stan James (Abingdon) Ltd,

Stan James plc,

Enetpulse ApS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, E. Juhász, G. Arestis u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Football Dataco Ltd, Football Association Premier League Ltd, Football League Ltd, Scottish Premier League Ltd, Scottish Football League u PA Sport UK Ltd, minn J. Mellor, QC, S. Levine u L. Lane u R. Hoy, barristers,

għal Yahoo! UK Ltd, Stan James (Abingdon) Ltd, Stan James plc u Enetpulse ApS, minn D. Alexander u R. Meade, QC, P. Roberts u P. Nagpal, barristers,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn S. Malynicz, barrister,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar u G. Kimberley, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn A. P. Barros kif ukoll minn L. Inez Fernandes u P. Mateus Calado, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u T. van Rijn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Football Dataco Ltd, Football Association Premier League Ltd, Football League Ltd, Scottish Premier League Ltd, Scottish Football League u PA Sport UK Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Football Dataco et”) u Yahoo! UK Ltd, Stan James (Abingdon) Ltd, Stan James plc u Enetpulse ApS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Yahoo et”), dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali allegati minn tal-ewwel fuq il-kalendarji tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol Ingliż u Skoċċiż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Taħt taqsima li tirrigwarda d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, l-Artikolu 10(2) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994, u li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), jistabbilixxi:

“Il-kompilazzjoni ta’ data jew materjal ieħor, jekk jista’ jinqara minn magna jew xi forma oħra, li permezz ta’ l-għażla jew arranġament tal-kontenut tagħhom jistgħu jkunu kreazzjonijiet intelletwali għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu dawk stess. Protezzjoni bħal din, li ma tistax tkopri d-data jew il-materjal stess, għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe drittijiet ta’ l-awtur li jkunu dwar data jew materjal stess”.

4

L-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur, adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996 li jirrigwarda l-“[k]ompilazzjonijiet ta’ data (databases)”, jistabbilixxi:

“Kumpilazzjonijiet ta’ data jew materjal ieħor, f’kull għamla, li minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, ikunu jikkostitwixxu kreazzjonijiet intelletwali, huma protetti bħala tali. Din il-protezzjoni ma tkoprix id-data jew il-materjal innifsu u hija mingħajr preġudizzju għal kull dritt ta’ l-awtur li jibqa’ jeżisti fil-kontenut innfisu tal-kumpilazzjoni.”

Id-dritt tal-Unjoni

5

Il-premessi 1 sa 4, 9, 10, 12, 15, 16, 18, 26, 27, 39 u 60 tad-Direttiva 96/9 jistabbixxu:

“(1)

Billi databases mhumiex fil-preżent protetti biżżejjed fl-Istati Membri kollha permezz ta’ liġijiet eżistenti; billi dik il-protezzjoni, fejn din teżisti, għandha karatteristiċi differenti;

(2)

Billi dawn id-differenzi fil-protezzjoni legali ta’ databases mogħtija permezz tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom effetti negattivi diretti fuq l-operat tas-suq intern ta’ databases, u partikolarment fuq il-libertà ta’ persuni naturali u ġuridiċi biex jipprovdu oġġetti u servizzi permezz ta’ on-line database skond arranġamenti legali armonizzati fil-Komunità kollha; billi dawk id-differenzi jistgħu jibdew jinħassu aktar waqt li Stati Membri jintroduċu liġijiet ġodda f’dan il-qasam, li llum għandu dimensjoni internazzjonali li qiegħda dejjem tikber;

(3)

Billi jeħtieġ li d-differenzi eżistenti li jgħawwġu l-operat tas-suq intern jitneħħew, u li ma jkunx hemm oħrajn ġodda, waqt li m’hemmx għalfejn jitneħħew jew li ma jkunx hemm differenzi li ma jħallux effett ħażin fuq l-operat tas-suq intern jew fuq l-iżvilupp tas-suq ta’ l-informazzjoni fil-Komunità;

(4)

Billi l-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur għal databases teżisti f’diversi forom fl-Istati Membri skond il-liġijiet jew il-każistika, u billi, jekk bejn Stati Membri jibqa’ jkun hemm differenzi fil-liġijiet għal finijiet u kondizzjonijiet ta’ protezzjoni, dawk id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mhux armonizzati jista’ jkollhom l-effett li ma jħallux il-moviment liberu ta’ merkanzija jew servizzi fil-Komunità;

[…]

(9)

Billi databases huma għodda siewja fl-iżvilupp tas-suq ta’ l-informazzjoni fil-Komunità; billi din l-għodda għandha użu wkoll f’ħafna oqsma oħra;

(10)

Billi t-tkabbir esponenzjali fil-Komunità u mad-dinja kollha, fl-ammont ta’informazzjoni magħmula u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha tal-kummerċ u ta’ l-industrija jitlob li jkun hemm investiment fl-Istati Membri kollha fis-sistemi avanzati li jipproċessaw l-informazzjoni;

[…]

(12)

Billi investiment bħal dan għal-ħażna ta’ informazzjoni moderna u sistemi ta’ proċessar ma jseħħ fil-Komunità kemm-il darba ma jkunx hemm sistema ta’ protezzjoni legali stabbli u uniformi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dawk li jagħmlu databases;

[…]

(15)

Billi l-kriterji użati biex ikun stabbilit jekk database għandhiex tkun protetta bid-dritt ta’ l-awtur għandhom ikunu definiti dwar il-fatt li l-għażla jew l-arranġament tal-kontenuti tad-database huma kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess; billi din il-protezzjoni għandha tinkludi l-istruttura tad-database;

(16)

Billi l-ebda kriterju minbarra dak ta’ oriġinalità, jiġifieri kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur, m’għandu japplika biex tkun stabbilita l-eliġibilità tad-database għall-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur, u partikolarment l-ebda kriterji estetiċi jew kwalitattivi m’għandhom japplikaw;

[…]

(18)

Billi din id-Direttiva hija bla ħsara għall-libertà ta’ awturi li jiddeċiedu jekk, jew b’liema mod, iħallux li xogħlijiet tagħhom ikunu nklużi f’database, partikolarment jekk l-awtorizzazzjoni mogħtija tkunx esklussiva jew le; […]

[…]

(26)

Billi x-xogħlijiet protetti bid-dritt ta’ l-awtur u suġġetti oħra protetti bi drittijiet relatati, li huma inkorporati f’database, jibqgħu madankollu protetti bid-drittijiet esklussivi rispettivi u ma jistgħux ikunu inkorporati fi, jew meħuda mid-database mingħajr il-permess tat-titulari tad-dritt jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu;

(27)

Billi d-dritt ta’ l-awtur f’xogħlijiet bħal dawn u drittijiet relatati f’suġġetti hekk inkorporati f’database ma jkunu bl-ebda mod affettwati mill-eżistenza ta’ dritt separat fl-għażla jew fl-arranġament ta’ dawn ix-xogħlijiet u suġġetti f’database;

[…]

(39)

Billi, flimkien ma’ l-għan li jkun protett id-dritt ta’ l-awtur fl-għażla oriġinali jew l-arranġament tal-kontenut ta’ database, din id-Direttiva għandha tara li titħares il-pożizzjoni ta’ dawk li jagħmlu databases kontra misapproprjazzjoni tar-riżultati ta’ l-investiment finanzjarju u professjonali magħmul għall-kisba u kollezzjoni tal-kontenut, billi tipproteġi database kollha jew parti sewwa minnha kontra ċerti atti ta’ min jużaha jew ta’ kompetitur;

[…]

(60)

Billi xi Stati Membri preżentement jipproteġu d-dritt ta’ l-awtur ta’ databases b’arranġamenti li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibilità għall-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur stabbiliti b’din id-Direttiva; billi, anke jekk id-databases in kwistjoni jkunu eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt stabbilit f’din id-Direttiva li ma jħallix li ssir estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew użu mill-ġdid tal-kontenut tagħhom, il-perjodu ta’ protezzjoni skond dak id-dritt ikun konsiderevolment iqsar minn dak li huma jgawdu taħt l-arranġamenti nazzjonali preżentement fis-seħħ; billi l-armonizzazzjoni tal-kriterji biex ikun stabbilit jekk database għandhiex tkun protetta bid-dritt ta’ l-awtur tista’ ma jkollhiex l-effett li tnaqqas il-perjodu ta’ protezzjoni li preżentement qed titgawda mit-titulari tad-dritt in kwistjoni; billi għandu jkun hemm deroga għal dan il-fini; billi l-effetti ta’ din id-deroga għandhom ikunu limitati għat-territorji tal-Istati Membri nteressati.”

6

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9:

“Għall-finiijiet ta’ din id-Direttiva, ‘database’ tfisser kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra.”

7

Taħt il-Kapitolu II, intitolat “Dritt ta’ l-awtur”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/9, li jiddefinixxi l-“mira ta’ protezzjoni”, jistabbilixxi:

“1.   B’konformità ma’ din id-Direttiva, databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti bid-dritt ta’ l-awtur. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex tkun stabbilita l-eliġibilità tagħhom għal dik il-protezzjoni.

2.   Il-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur ta’ databases kif provduta f’din id-Direttiva m’għandhiex testendi għall-kontenut tagħhom u għandha tkun bla ħsara għad-drittijiet kollha li jkollhom x’jaqsmu mal-kontenut innifsu.”

8

Taħt il-Kapitolu III, intitolat “Dritt sui generis”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, dwar l-“għan ta’ protezzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

[…]

4.   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. […]”

9

Taħt il-Kapitolu IV, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 96/9 jistabbilixxi:

“1.   Il-protezzjoni skond din id-Direttiva dwar dritt ta’ l-awtur għandha tkun tapplika wkoll għal databases magħmula qabel id-data msemmija fl-Artikolu 16(1), li jissodisfaw f’dik id-data il-kondizzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva dwar protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur ta’ databases.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn database protetta bl-arranġamenti tad-dritt ta’ l-awtur fi Stat Membru fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibilità għall-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur stabbilita fl-Artikolu 3(1), din id-Direttiva ma jkollhiex l-effett li tnaqqas f’dak l-Istat Membru il-perjodu li jkun fadal ta’ protezzjoni mogħti permezz ta’ dawk l-arranġamenti.

[...]”

10

Id-data ta’ pubblikazzjoni tad-Direttiva 96/9 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej hija s-27 ta’ Marzu 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).

11

L-imsemmija direttiva ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tal-adozzjoni tar-Regolament tal-1997 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għad-databases (Copyright and Rights in Databases Regulations 1997, S.I. 1997, Nru 3032), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998. Il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament għall-kawża preżenti huwa identiku għal dak tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva.

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

L-iffissar tal-kalendarji tal-logħbiet tal-kampjonanti tal-futbol Ingliż u Skoċċiż

12

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-iffissar tal-kalendarji annwali tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol jissodisfaw, fl-Ingilterra u fl-Iskozja, regoli u proċedura globalment paragunabbli.

13

Dan jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti regoli, imsejħa “regoli fundamentali”, li l-prinċipali fosthom huma s-segwenti:

l-ebda klabb ma jista’ jilgħab tliet logħbiet konsekuttivi f’daru jew barra minn daru;

l-ebda klabb ma jista’ jilgħab erba’ logħbiet konsekuttivi f’daru jew barra minn daru f’sensiela ta’ ħames logħbiet konsekuttivi;

sa fejn huwa possibbli, kull klabb għandu jkun lagħab numru ekwivalenti ta’ partiti f’daru u ta’ partiti barra minn daru f’kull mument tal-istaġun; u

il-klabbs kollha għandhom, sa fejn huwa possibbli, jilagħbu l-istess numru ta’ partiti f’darhom u ta’ partiti barra minn darhom f’dak li jirrigwarda l-logħbiet ipprogrammati għall-ġimgħa.

14

Il-proċedura ta’ tfassil ta’ kalendarju bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinqasam fi stadji differenti. L-ewwel stadju, li jibda matul l-istaġun preċedenti, jirrigwarda l-iffissar, mill-impjegati tal-federazzjonijiet professjonali kkonċernati, tal-programm tal-logħbiet tal-kampjonati tal-ewwel diviżjoni u l-ħolqien tal-kalendarju tal-logħbiet tad-diviżjonijiet l-oħra. Dan jikkonsisti fl-iffissar, skont sensiela ta’ parametri bażiċi (dati tal-bidu u tat-tmien l-istaġun, numru ta’ logħbiet li għandhom jintlagħbu, dati merfugħa għall-kompetizzjonijiet oħra, nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali), ta’ lista ta’ dati possibbli tal-logħbiet.

15

It-tieni stadju jikkonsisti fl-għoti lill-klabbs ikkonċernati ta’ kwestjonarji qabel l-iffissar tal-kalendarju u fl-analiżi tar-risposti għal dawn il-kwestjonarji, b’mod partikolari tat-talbiet għal “dati speċifiċi” (talba minn klabb biex jilgħab il-logħba pprogrammata tiegħu kontra klabb ieħor f’data speċifika, f’daru, jew, bil-kontra, barra minn daru), tat-talbiet għal “data mhux speċifika” [talba lil klabb biex jilgħab it-tali logħba fit-tali jum tal-ġimgħa mit-tali siegħa (pereżempju, is-Sibt mis-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar ’il quddiem)], u tat-talbiet ta’ “akkoppjament” (talba lil żewġ klabbs jew iktar biex ma jilagħbux fl-istess jum f’darhom). Kull staġun, madwar 200 talba hija redatta.

16

It-tielet stadju, li fil-kuntest tal-kampjonati tal-futbol Ingliż, huwa mogħti lis-Sinjur Thompson, tal-kumpannija Atos Origin IT Services UK Ltd, jikkonsisti f’żewġ kompiti, dak ta’ “sekwenza” u ta’ “akkoppjament”.

17

Il-kompitu ta’ sekwenza huwa intiż li jikseb sekwenza perfetta ta’ logħbiet f’darhom u logħbiet barra minn darhom għal kull klabb, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli fundamentali, is-sensiela ta’ restrizzjonijiet organizzattivi u, sa fejn huwa possibbli, it-talbiet redatti mill-klabbs. Sussegwentement, is-Sinjur Thompson ifassal skeda ta’ akkoppjament skont it-talbiet espressi mit-timijiet. Huwa progressivament idaħħal l-ismijiet tat-timijiet f’din l-iskeda u jipprova jsolvi l-ikbar numru ta’ każijiet problematiċi sakemm jasal għal abbozz ta’ kalendarju sodisfaċenti. Għal dan il-għan, huwa juża software, li jittrasferixxi fih l-elementi tat-tabella ta’ sekwenza u tal-iskeda ta’ akkoppjament sabiex jipproduċi verżjoni tal-kalendarju li tista’ tinqara.

18

L-aħħar stadju, li huwa bbażat fuq kollaborazzjoni bejn is-Sinjur Thompson u l-impjegati tal-federazzjonijiet professjonali kkonċernati, jikkonsisti fil-verifika tal-kontenut tal-kalendarju tal-logħbiet. Din il-verifika hija magħmula manwalment, bl-għajnuna ta’ software sabiex jiġu riżolti l-problemi li jkun għad fadal. Żewġ laqgħat, wieħed tal-grupp ta’ ħidma fuq il-kalendarju u l-ieħor mar-rappreżentanti tal-pulizija, għandhom sussegwentement l-għan li jiffinalizzaw il-kontenut tal-kalendarju. Fir-rigward, tal-istaġun 2008/2009, 56 modifika ġew introdotti matul dan l-aħħar stadju.

19

Skont il-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tal-ewwel istanza riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-proċedura ta’ tfassil tal-kalendarji tal-futbol inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex purament mekkanika jew determinista, iżda teħtieġ, bil-kontra, xogħol u ħila sinjifikattiva ħafna, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha preżenti filwaqt li jiġu osservati sew ir-regoli applikabbli. Ix-xogħol meħtieġ għal dan il-għan ma jistax jiġi ddefinit abbażi ta’ kriterji fissi u huwa differenti minn, pereżempju, it-tfassil ta’ direttorju telefoniku, fis-sens li huwa jeħtieġ, f’kull stadju, għerf u ħila, b’mod partikolari meta l-programm informattiv ma jsib l-ebda soluzzjoni għar-restrizzjonijiet preżenti. Skont id-dikjarazzjonijiet tas-Sinjur Thompson, l-użu parzjali tal-kompjuter bl-ebda mod ma jeskludi l-ħtieġa kemm ta’ għerf kif ukoll ta’ ċertu marġni ta’ diskrezzjoni.

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Football Dataco et isostnu li huma għandhom, fuq il-kalendarji tal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol Ingliż u Skoċċiż, dritt “sui generis” taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, kif ukoll drittijiet tal-awtur taħt il-leġiżlazzjoni Brittanika dwar il-proprjetà intelletwali.

21

Peress li jikkontestaw l-eżistenza legali ta’ dawn id-drittijiet, Yahoo et isostnu li huma legalment jistgħu jużaw dawn il-kalendarji fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, mingħajr il-ħtieġa li jħallsu kontropartita finanzjarja.

22

Il-qorti tal-ewwel istanza qieset li l-imsemmija kalendarji huma eliġibbli għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/9, għaliex il-preparament tagħhom jeħtieġ parti sostanzjali ta’ xogħol kreattiv. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet il-benefiċċju taż-żewġ drittijiet l-oħra invokati.

23

Il-qorti tar-rinviju kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza f’dak li jirrigwarda l-ineliġibbiltà tal-kalendarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-protezzjoni mogħtija bid-dritt “sui generis” taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar l-eliġibbiltà tagħhom għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Hija tesprimi wkoll id-dubji tagħha dwar il-possibbiltà għal dawn il-kalendarji li jiġu protetti mid-drittijiet tal-awtur, taħt il-leġiżlazzjoni Brittanika preċedenti għal din id-direttiva, b’kundizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 3.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.

X’tifsira għandha tingħata, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9[...], għal ‘databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu’, u b’mod partikolari:

a)

l-isforzi intellettwali u l-ħila implementata fil-ħolqien ta’ data għandhom jiġu esklużi?

b)

’l-għażla jew l-arranġament’ jimplikaw żieda sinjifikattiva għad-data li kienet teżisti qabel (bħal fil-każ tal-iffissar tad-data ta’ logħba tal-futbol), u

c)

il-‘kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu’ tirrikjedi iktar minn xogħol sinjifikattiv u ħila sinjifikattiva min-naħa tal-awtur, u, jekk dan huwa l-każ, x’tirrikjedi?

2.

Id-Direttiva tostakola d-drittijiet tal-awtur nazzjonali fuq id-databases, li ma humiex dawk previsti mid-Direttiva [96/9]?”

Fuq l-ewwel domanda preliminari

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9. B’mod partikolari, hija titlob:

l-ewwel nett, jekk l-isforzi intellettwali u l-ħila għall-ħolqien ta’ data għandhomx jiġu esklużi fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni,

it-tieni nett, jekk l-“għażla jew l-arranġament” tal-kontenut, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, timplikax żieda sinjifikattiva għad-data preeżistenti, u

it-tielet nett, jekk il-kunċett ta’ “kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġx xogħol u ħila sinjifikattiva min-naħa tal-awtur u, jekk ikun il-każ, x’inhu dan ir-rekwiżit addizzjonali.

26

Preliminarjament, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kalendarju tal-logħbiet tal-futbol jikkostitwixxi “database” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9. Hija essenzjalment qieset li t-teħid flimkien tad-data, tal-ħin u tal-identità taż-żewġ timijiet, kemm tat-tim li jkun ħa jilgħab f’daru u kemm tat-tim li jkun ħa jilgħab barra minn daru, li jikkonċernaw logħba futbol jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “materjal indipendenti” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2), u li l-arranġament, fil-forma ta’ kalendarju, tad-dati, tal-ħinijiet u tal-ismijiet ta’ timijiet fir-rigward tal-logħbiet differenti tal-ġranet ta’ kampjonat tal-futbol jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ arranġament sistematiku jew metodiku u ta’ aċċessibbiltà individwali tad-data li tinsab fid-database (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C-444/02, Ġabra p. I-10549, punti 33 sa 36).

27

Min-naħa l-oħra, kemm minn paragun tal-kliem rispettiv tal-Artikoli 3(1) u 7(1) tad-Direttiva 96/9 kif ukoll mid-dispożizzjonijiet jew premessi tagħha, b’mod partikolari mill-Artikolu 7(4) tagħha u mill-premessa 39 tagħha, jirriżulta li d-drittijiet tal-awtur u d-dritt “sui generis” jikkostitwixxu żewġ drittijiet indipendenti li l-għan u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom huma differenti.

28

Għaldaqstant, il-fatt li “database”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-protezzjoni mogħtija bid-dritt “sui generis”, taħt l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward tal-kalendarji tal-logħbiet tal-futbol (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C-46/02, Ġabra p. I-10365, punti 43 sa 47; Fixtures Marketing C-338/02, Ġabra p. I-10497, punti 32 sa 36, u Fixtures Marketing C-444/02, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 sa 52), ma jfissirx awtomatikament li din l-istess database ma hijiex eliġibbli għall-protezzjoni mogħija bid-drittijiet tal-awtur, taħt l-Artikolu 3 tal-istess direttiva.

29

Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3, “database”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, hija protetta bid-drittijiet tal-awtur jekk, b’għażla jew b’arranġament tal-kontenut, hija tikkostitwixxi kreazzjoni intelletwali tal-awtur innifsu.

30

Fl-ewwel lok, minn qari flimkien tal-Artikolu 3(2) u tal-premessa 15 tad-Direttiva 96/9 jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur prevista b’din id-direttiva tikkonċerna l-“istruttura” tad-database, u mhux il-“kontenut” u, għalhekk, lanqas l-elementi kostituttivi tagħha.

31

Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ u mill-Artikolu 5 tat-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, il-kumpilazzjoni ta’ data li, b’għażla jew b’arranġament tal-kontenut, tikkostitwixxi kreazzjoni intelletwali hija protetta bħala tali bid-drittijiet tal-awtur. Min-naħa l-oħra, din il-protezzjoni ma tinkludix id-data stess u hija bla ħsara għad-drittijiet kollha tal-awtur li jibqgħu jeżistu għal din id-data.

32

F’dan il-kuntest, il-kunċetti ta’ “għażla” u ta’ “arranġament”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9 jirrigwardaw, rispettivament, l-għażla u l-format tad-data, li permezz tagħhom l-awtur tad-database jagħtiha l-istruttura tagħha. Min-naħa l-oħra, dawn il-kunċetti ma jkoprux il-ħolqien tad-data li tinsab f’din id-database.

33

Għaldaqstant, kif sostnew Yahoo et, il-Gvern Taljan, Portugiż u Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, l-elementi msemmija mill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel domanda (a), u marbuta mal-isforzi intelletwali kif ukoll mal-ħila għall-ħolqien tad-data, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eliġibbiltà tad-database, li tinkludi l-imsemmija elementi, għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur prevista bid-Direttiva 96/9.

34

Din l-analiżi hija kkonfermata mill-għan tal-imsemmija direttiva. Kif jirriżulta mill-premessa 9, 10 u 12 ta’ din tal-aħħar, dan l-għan huwa li jistimula l-ħolqien ta’ sistemi ta’ ħażna u ta’ pproċessar tad-data sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tal-informazzjoni f’kuntest ikkaratterizzat minn tkabbir esponenzjali fl-ammont ta’ data maħluqa u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha ta’ attività (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing C-46/02, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, The British Horseracing Board et, C-203/02, Ġabra p. I-10415, punt 30, Fixtures Marketing C-338/02, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, kif ukoll Fixtures Marketing C-444/02, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39), u mhux li jipproteġi l-ħolqien ta’ elementi li jistgħu jinġabru f’database.

35

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-metodi, b’mod partikolari intellettwali, deskritti mill-qorti tar-rinviju, u kif riprodotti fil-punti 14 sa 18 ta’ din is-sentenza, huma intiżi, fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ kampjonati tal-futbol ikkonċernati, li jiddeterminaw id-data, il-ħin u l-identità tat-timijiet li jikkorrispondu għal kull logħba ta’ dawn il-kampjonati, skont ir-regoli kollha, il-parametri u r-restrizzjonijiet organizzattivi, kif ukoll skont it-talbiet speċifiċi tal-klabbs ikkonċernati (ara s-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C-46/02, punt 41; Fixtures Marketing C-338/02, punt 31, u Fixtures Marketing C-444/02, punt 47).

36

Kif enfasizzaw Yahoo et u l-Gvern Portugiż, dawn il-metodi jirrigwardaw, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-ħolqien tad-data nnifisha li tinsab fid-database inkwistjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C-46/02, punt 42; Fixtures Marketing C-338/02, punt 31, u Fixtures Marketing C-444/02, punt 47). Għaldaqstant, u fid-dawl ta’ dak espost fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, dawn ma huma, fi kwalunkwe każ, ta’ ebda rilevanza għall-evalwazjoni tal-eliġibbiltà tal-kalendarji tal-logħbiet tal-futbol inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur prevista bid-Direttiva 96/9.

37

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 96/9, il-kunċett ta’ kreazzjoni intelletwali tal-awtur innifsu tirreferi għall-kriterju tal-oriġinalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C-5/08, Ġabra p. I-6569, punti 35, 37 u 38; u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace, C-393/09, Ġabra p. I-13971, punt 45; tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C-403/08 u C-429/08, Ġabra p. I-9083, punt 97, kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C-145/10, Ġabra p. I-12533, punt 87).

38

Fir-rigward tal-ħolqien ta’ database, dan il-kriterju ta’ oriġinalità huwa sodisfatt meta, permezz tal-għażla jew tal-arranġament tad-data li hija tinkludi, l-awtur tagħha jesprimi l-kapaċità kreattiva tiegħu b’mod oriġinali billi jwettaq għażliet liberi u kreattivi (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Infopaq International, punt 45; Bezpečnostní softwarová asociace, punt 50, u Painer, punt 89) u b’hekk idaħħal l-“irtokk personali” tiegħu (sentenza Painer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

39

Min-naħa l-oħra, l-imsemmi kriterju ma huwiex sodisfatt meta l-ħolqien tad-database huwa impost minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, regolatorji jew minn restrizzjonijiet li ma jħallux post għal libertà kreattiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bezpečnostní softwarová asociace, punti 48 u 49, kif ukoll Football Association Premier League et, punt 98).

40

Kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 3(1) kif ukoll mill-premessa 16 tad-Direttiva 96/9, l-ebda kriterju ieħor għajr dak tal-oriġinalità ma huwa applikabbli għall-finijiet biex tiġi evalwata l-eliġibbiltà ta’ database għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur prevista b’din id-direttiva.

41

Minn dan isegwi li, minn naħa, sakemm l-għażla jew l-arranġament tad-data — jiġifieri, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dik marbuta mad-data, mal-ħin u mal-identità tat-timijiet relatati mal-logħbiet differenti tal-kampjonat ikkonċernat (ara punt 26 ta’ din is-sentenza) — tkun l-espressjoni oriġinali tal-ħsieb kreattiv tal-awtur tad-database, huwa indifferenti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà tagħha għall-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur prevista bid-Direttiva 96/9, jekk din l-għażla jew dan l-arranġament tinkludix, jew le, “żieda sinjifikattiva” għal din id-data, kif imsemmi fl-ewwel domanda (b) magħmula mill-qorti tar-rinviju.

42

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ħolqien ta’ database jkun jeħtieġ, irrispettivament mill-ħolqien tad-data li hija tinkludi, xogħol u ħila sinjifikattiva tal-awtur tagħha, kif imsemmi b’din l-istess domanda (ċ), ma jistax bħala tali, fil-każ li dan ix-xogħol u din il-ħila ma jkun jesprimi l-ebda oriġinalità fl-għażla jew fl-arranġament tal-imsemmija data, jiġġustifika l-protezzjoni tagħha permezz tad-drittijiet tal-awtur prevista bid-Direttiva 96/9.

43

F’din il-kawża, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi ta’ analiżi preċedenti, jekk il-kalendarji tal-logħbiet tal-futbol inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex databases li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur, stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9.

44

F’dan ir-rigward, jekk il-modalitajiet tal-iffissar tal-imsemmija kalendarji, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, ma jkunux sostnuti minn elementi li jwasslu għal oriġinalità fl-għażla jew fl-arranġament tad-data inkwadrata f’dawn il-kalendarji, dawn ma jkunux biżżejjed biex id-database inkwistjoni tkun tista’ tiġi protetta mid-drittijiet tal-awtur previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li “database”, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, hija protetta permezz tad-drittijiet tal-awtur previsti f’din tal-aħħar bil-kundizzjoni li l-għażla jew l-arranġament tad-data li hija tinkludi tikkostitwixxi espressjoni oriġinali tal-libertà kreattiva tal-awtur tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

46

Għaldaqstant:

l-isforzi intellettwali u l-ħila għall-ħolqien tal-imsemmija data ma humiex rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tal-imsemmija database għall-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt;

huwa indifferenti, għal dan l-għan, jekk l-għażla jew l-arranġament ta’ din id-data tinkludix jew le żieda sinjifikattiva għaliha; u

ix-xogħol u l-ħila sinjifikattiva meħtieġa għall-ħolqien ta’ din id-database ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw tali protezzjoni jekk dawn ma jesprimu l-ebda oriġinalità fl-għażla jew fl-arranġament tad-data li l-imsemmija database tinkludi.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 96/9 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil databases li jaqgħu taħt id-definizzjoni li tinsab l-Artikolu 1(2) tagħha, protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur b’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 3(1).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 96/9 hija intiża, skont il-premessi 1 sa 4 tagħha, li telimina d-differenzi li jeżistu bejn id-drittijiet nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni legali tad-databases, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-portata u l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni mogħtija bid-drittijiet tal-awtur, u li jippreġudikaw il-funzjonament tas-suq intern, il-moviment liberu tal-beni u tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea kif ukoll l-iżvilupp ta’ suq informattiv fi ħdan l-Unjoni.

49

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/9 jipproċedi, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 60 ta’ din id-direttiva, b’“armonizzazzjoni tal-kriterji biex ikun stabbilit jekk database għandhiex tkun protetta bid-dritt ta’ l-awtur”.

50

Ċertament, fir-rigward ta’ databases li kienu protetti, fis-27 ta’ Marzu 1996, minn sistema nazzjonali ta’ drittijiet tal-awtur ibbażata fuq kriterji oħra ta’ eliġibbiltà li huma differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 96/9 iżomm, fl-Istat Membru kkonċernat, iż-żmien ta’ protezzjoni mogħti lit-tali sistema. Madankollu, taħt l-unika kundizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja, l-imsemmi Artikolu 3(1) jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lid-databases li jaqgħu taħt id-definizzjoni li tinsab l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal kundizzjonijiet li jinjoraw il-kundizzjoni ta’ oriġinalità prevista fl-imsemmi Artikolu 3(1).

51

Fir-rigward tal-premessi 18, 26 u 27 tad-Direttiva 96/9, sottolineati minn Footbal Dataco et, dawn jenfasizzaw il-libertà li jgawdu minnha l-awturi ta’ xogħlijiet biex jiddeċiedu l-inklużjoni tagħhom f’database, kif ukoll l-assenza ta’ effett tal-inkorporazzjoni ta’ xogħol protett f’database eventwalment protetta fuq id-drittijiet li jipproteġu x-xogħol inkorporat. Min-naħa l-oħra, huma ma joffru l-ebda għajnuna għal interpretazzjoni kuntrarja għal dik esposta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li d-Direttvia 96/9 għandha tiġi interpretata fis-sens li, bla ħsara għad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 14(2) tagħha, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil databases li jaqgħu taħt id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2) tagħha protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur b’kundizzjonijiet differenti mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tagħha.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases għandu jiġi interpretat fis-sens li “database”, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, hija protetta permezz tad-drittijiet tal-awtur previsti f’din tal-aħħar bil-kundizzjoni li l-għażla jew l-arranġament tad-data li hija tinkludi tikkostitwixxi espressjoni oriġinali tal-libertà kreattiva tal-awtur tagħha, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Għaldaqstant:

l-isforzi intellettwali u l-ħila għall-ħolqien tal-imsemmija data ma humiex rilevanti biex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tal-imsemmija database għall-protezzjoni mogħtija minn dan id-dritt;

huwa indifferenti, għal dan l-għan, jekk l-għażla jew l-arranġament ta’ din id-data tinkludix jew le żieda sinjifikattiva għaliha; u

ix-xogħol u l-ħila sinjifikattiva meħtieġa għall-ħolqien ta’ din id-database ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw tali protezzjoni jekk dawn ma jesprimu l-ebda oriġinalità fl-għażla jew fl-arranġament tad-data li l-imsemmija database tinkludi.

 

2)

Id-Direttvia 96/9 għandha tiġi interpretata fis-sens li, bla ħsara għad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 14(2) tagħha, hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil databases li jaqgħu taħt id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2) tagħha protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur b’kundizzjonijiet differenti mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.