Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2011 – Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja

(Kawża C-601/10)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Servizzi addizzjonali ta’ reġistrazzjoni u ta’ ppjanar urban – Proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt”

1.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja - Rikonoxximent tan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu mill-Istat Membru kkonċernat - Assenza ta’ effett (Artikolu 258 TFUE) (ara l-punt 28)

2.                     Approssimazzjoni tal-liġijiet - Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi - Direttivi 92/50 u 2004/18 - Derogi mir-regoli komuni - Interpretazzjoni stretta - Eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali - Oneru tal-prova (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2004/18, il-punt (4)(a) tal-Artikolu 31; Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikolu 11(3)(e)) (ara l-punti 32, 33)

3.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja - Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni - Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (Artikolu 258 TFUE) (ara l-punt 40)

4.                     Stati Membri - Obbligi - Implementazzjoni ta’ direttivi - Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern - Inammissibbiltà (Artikolu 258 TFUE) (ara l-punt 41)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 8 u 11(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322) kif ukoll tal-Artikolu 20 u l-punt (4) tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) - Għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż minn qabel - Kuntratt rigward servizzi addizzjonali ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ proprjetà immobbli u ta’ urbaniżmu - Muniċipalitajiet ta’ Vasilikon, Kassandras, Egnatiias u Arethousas.

Dispożittiv

1)

Meta ma tatx, billi applikat proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, kuntratti pubbliċi, li għandhom bħala suġġett servizzi addizzjonali ta’ reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli u ta’ urbaniżmu, li ma jinsabux fil-kuntratt inizjali konkluż mill-komuni ta’ Vassilika, ta’ Kassandra, ta’ Egnatia u ta’ Arethousa, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 8 u 11(3) tad-Direttiva 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997, kif ukoll taħt l-Artikolu 20 u l-punt (4) tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/18/KE 2004/18 tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.