SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Marzu 2012 ( *1 )

“Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Kunċett ta’ pjanijiet u programmi li huma ‘meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi’ — Applikabbiltà ta’ din id-direttiva għal proċedura ta’ tħassir totali jew parzjali ta’ pjan għall-użu tal-art”

Fil-Kawża C-567/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2010, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Inter-Environnement Bruxelles ASBL,

Pétitions-Patrimoine ASBL,

Atelier de Recherche et d’Action Urbaines ASBL

vs

Région de Bruxelles-Capitale,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Inter-Environnement Brussell ASBL, Pétitions-Patrimoine ASBL u Atelier de Recherche u d’Action Urbaines ASBL, minn J. Sambon, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, assistit minn J. Sautois, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u A. Marghelis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Inter-Environnement Bruxelles ASBL, Pétitions-Patrimoine ASBL u Atelier de Recherche et d’Action Urbaines ASBL, assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt Belġjan, u r-Région de Bruxelles-Capitale, u għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-digriet tal-14 ta’ Mejju 2009 li jemenda d-digriet tat-13 ta’ Mejju 2004, li jirratifika l-code bruxellois de l’aménagement du territoire (il-Kodiċi ta’ Brussell dwar l-ippjanar tal-użu tal-art) (Moniteur belge tas-27 ta’ Mejju 2009, p. 38913, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-2009”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2001/42

3

L-għan tad-Direttiva 2001/42 jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha li jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima [evalwazzjoni] ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent”.

4

Il-pjanijiet u l-programmi huma ddefiniti kif ġej fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

“pjanijiet u programmi” tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom

li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;”.

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi:

“1.   L-istima [evalwazzjoni] ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

a)

li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

b)

li, in vista ta’ l-effett [li x’aktarx ikollhom] fuq iż-żoni […], ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

3.   Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

[...]”

6

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/42:

“Meta stima [evalwazzjoni] ambjentali tkun meħtieġa skond l-Artikolu 3(1), għandu jkun ippreparat rapport dwar l-ambjent li fih l-effetti sinifikanti li x’aktarx ikun hemm fuq l-ambjent b’konsegwenza ta’ l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm, u alternattivi raġonevoli billi jkunu kkunsidrati l-għanijiet u l-iskop ġeografiku tal-pjan jew il-programm, ikunu identifikati, deskritti u evalwati. L-informazzjoni li għandha tingħata għal dan il-għan hi msemmija fl-Anness I.”

7

L-Anness I ta’ din id-direttiva, li jsemmi l-“[i]nformazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)”, għall-finijiet tal-elaborazzjoni tar-rapport fuq l-effetti ambjentali, jipprovdi:

“L-informazzjoni li għandha tingħata taħt l-Artikolu 5(1), suġġetta għall-Artikolu 5(2) u (3), hi din li ġejja:

[...]

b)

l-aspetti rilevanti ta’ l-istat preżenti ta’ l-ambjent u l-evoluzzjoni li x’aktarx tirriżulta mingħajr l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm;

[...]”

Id-dritt nazzjonali

8

L-Artikolu 13 tal-code bruxellois de l’aménagement du territoire, kif emendat bid-digriet tal-2009 (iktar ’il quddiem il-“CoBAT”), li jsemmi d-diversi kategoriji ta’ pjanijiet ippjanati mir-Région de Bruxelles-Capitale, jipprovdi:

“L-iżvilupp tar-Reġjun […] huwa mfassal u l-użu tal-art tigħu huwa ffissat mill-pjanijiet segwenti:

1.

il-pjan reġjonali għall-iżvilupp;

2.

il-pjan reġjonali għall-użu tal-art;

3.

il-pjanijiet muniċipali għall-iżvilupp;

4.

il-pjan partikolari dwar l-użu tal-art [iktar ’il quddiem il-‘PPAS’].”

9

F’dak li jirrigwarda l-adozzjoni tal-PPAS, l-Artikolu 40 tal-CoBAT jipprovdi:

“Kull muniċipalità tar-Reġjun għandha tadotta, jew fuq inizjattiva tagħha, jew fi ħdan it-terminu impost mill-Gvern, [PPAS]”.

10

Fir-rigward tat-tħassit ta’ dawn il-pjanijiet, l-Artikolu 58 tal-CoBAT jipprovdi:

“Il-kunsill muniċipali jista’, jew minn jeddu, jew skont talba mressqa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51, jiddeċiedi li jħassar [PPAS] fir-rigward tat-territorju kollu tiegħu jew ta’ parti minnu.

Il-Gvern jista’, taħt il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 54 u permezz ta’ digriet motivat, jiddeċiedi li jħassar totalment jew parzjalment [PPAS].

F’dan il-każ, huwa jistieden lill-kunsill muniċipali jagħmel dan skont din it-taqsima u jiffissa t-termini li fihom il-kunsill muniċipali għandu jippreżentalu għall-approvazzjoni d-deċiżjoni ta’ tħassir tal-[PPAS], jibda l-investigazzjoni pubblika, u jittrażmettilu l-fajl komplut għall-approvazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tħassir skont l-Artikolu 61.

Fil-każ fejn il-kunsill muniċipali ċaħad l-istedina tal-Gvern jew ma osservax it-termini li ġew imposti fuqu, il-Gvern jista’ jissostitwixxi lill-kunsill sabiex iħassar il-[PPAS], skont il-proċedura prevista f’din it-taqsima.”

11

Barra minn dan, l-Artikolu 59 tal-CoBAT jipprovdi:

“Il-kunsill muniċipali għandu jadotta abbozz ta’ deċiżjoni ta’ tħassir ta’ [PPAS], flimkien ma pjan tat-territorju kkonċernat fil-każ ta’ tħassir parzjali u ma rapport li jiġġustifika li l-[PPAS] jiġi mħassar minflok ma jiġi emendat, u jissottomettih għal investigazzjoni pubblika. Fil-każ ikkontemplat fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 58, l-imsemmi rapport jiġi stabbilit mill-Gvern.

Din għandha tiġi mħabbra kemm permezz ta’ affissjoni fil-Moniteur belge kif ukoll permezz ta’ avviż fil-Moniteur belge u f’minn tal-inqas tliet gazzetti bil-Franċiż u tliet gazzetti bl-Olandiż li jiċċirkolaw fir-Reġjun skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Gvern.

L-investigazzjoni pubblika ddum tletin jum. L-ilmenti u l-osservazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati lis-sindku u lill-membri eletti tal-kunsill f’dan it-terminu u għandhom jiġu annessi mal-minuti tal-għeluq tal-investigazzjoni. Dawn il-minuti jiġu redatti mis-sindku u mill-membri eletti tal-kunsill fi żmien ħmistax-il ġurnata wara l-iskadenza tat-terminu tal-investigazzjoni pubblika.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fir-rikors tagħhom għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-digriet tal-2009, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu quddiem il-Cour constitutionnelle motiv uniku bbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-Artikoli 58 u 59 tal-CoBAT mad-Direttiva 2001/42, sa fejn dawn ma jipprovdux għall-istabbiliment ta’ rapport fuq l-effetti ambjentali għat-tħassir totali jew parzjali ta’ PPAS.

13

Fir-rigward tal-proċedura ta’ tħassir, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew quddiem il-qrati nazzjonali li, għalkemm l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 jirrigwarda formalment biss l-adozzjoni u l-emendar tal-pjanijiet tal-użu tal-art, sabiex iżżomm l-effett utli tagħha din id-direttiva għandha tiġi interpretata bħala li tapplika wkoll għat-tħassir ta’ dawn il-pjanijiet. F’dan il-każ, it-tħassir ta’ PPAS ibiddel il-kuntest li fih jinħarġu l-permessi għall-iżvilupp urban u jista’ jbiddel il-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa għall-proġetti futuri.

14

Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali osservaw li l-“pjanijiet u programmi”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva, huma b’mod ġenerali dawk previsti mil-liġijiet jew mir-regolamenti nazzjonali u mhux biss dawk li għandhom jiġu adottati b’mod obbligatorju abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma jqisu li ma jkunx konformi mal-għan u mal-effett utli tad-Direttiva 2001/42 li att ta’ tħassir, li ġie effettivament adottat minkejja li l-adozzjoni tiegħu ma kinitx obbligatorja, jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

15

Min-naħa l-oħra, skont ir-Région de Bruxelles-Capitale, wara li jiġi mħassar, pjan tal-użu tal-art ma jibqax jiddefinixxi, bħala tali, il-kuntest leġiżlattiv li fih tista’ tiġi awtorizzata, fir-rigward tat-territorju kkonċernat, l-implementazzjoni tal-proġetti. B’mod partikolari, wara tħassir, il-PPAS ma jistax iktar jiġi kklassifikat bħala pjan elaborat għas-settur tal-ippjanar tal-użu tal-art urbana u rurali fis-sens tad-Direttiva 2001/42. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(a) tagħha, din id-direttiva ma tapplikax għall-atti ta’ tħassir, li bħala prinċipju jiġu adottati b’mod volontarju.

16

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura ta’ elaborazzjoni tal-PPAS, li jipprovdu għal investigazzjoni pubblika, għal konsultazzjoni ta’ diversi amministrazzjonijiet u istanzi kif ukoll għal elaborazzjoni ta’ rapport fuq l-effetti ambjentali, ma humiex applikabbli għall-proċedura ta’ tħassir ta’ dawn l-istess pjanijiet.

17

Filwaqt li tikkonstata li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 ma jikkonċernax it-tħassir tal-pjanijiet, l-imsemmija qorti madankollu tenfasizza li mill-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq mhux biss fir-rigward tal-atti nazzjonali li jiddeterminaw ir-regoli għall-ippjanar tal-użu tal-art iżda anki fir-rigward ta’ dawk li jiddefinixxu l-kuntest li fih tista’, fil-ġejjieni, tiġi awtorizzata l-implementazzjoni tal-proġetti. Għalhekk, att tal-Gvern tar-Région de Bruxelles-Capitale li jifforma parti minn grupp ta’ pjanijiet ta’ ppjanar għandu jiġi suġġett għal din il-proċedura anki meta l-uniku għan tiegħu huwa t-tħassir tal-pjanijiet.

18

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2001/42 jirriżulta li t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi li din id-direttiva għandha tkun applikabbli biss għall-pjanijiet u għall-programmi imposti b’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi. F’dan il-każ, l-Artikolu 40 tal-CoBAT donnu jeżiġi l-adozzjoni ta’ PPAS min-naħa ta’ kull muniċipalità tar-Région de Bruxelles-Capitale. Madankollu, f’dan ir-rigward hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li, f’ċerti każijiet, l-awtorità muniċipali tista’ tirrifjuta li telabora PPAS.

19

Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/42, il-Cour constitutionnelle iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-definizzjoni ta’ ‘pjanijiet u programmi’ tal-Artikolu 2(a) tad Direttiva 2001/42 […] għandha tiġi interpretata bħala li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva proċedura ta’ tħassir totali jew parzjali ta’ pjan bħalma hija dik ta’ [PPAS] stabbilit mill-Artikoli 58 sa 63 tal-[CoBAT]?

2)

Il-kelma ‘meħtieġa’ li tidher fl-Artikolu 2(a) tal-istess direttiva għandha tinftiehem li teskludi mid-definizzjoni tal-‘pjanijiet u programmi’, pjanijiet li huma ċertament previsti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, iżda li l-adozzjoni tagħhom ma hijiex obbligatorja, bħalma huma l-[PPAS] previsti mill-Artikolu 40 tal-[CoBAT]?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

20

Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-għan essenzjali tad-Direttiva 2001/42, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, jikkonsisti fis-sottomissjoni tal-pjanijiet u programmi li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi, waqt l-elaborazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom, għal evalwazzjoni ambjentali (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, C-105/09 u C-110/09, Ġabra p. I-5611, punt 32).

21

Meta tali evalwazzjoni ambjentali hija meħtieġa mid-Direttiva 2001/42, din id-direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar l-elaborazzjoni tar-rapport fuq l-effetti ambjentali, l-implementazzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati tal-ewalwazzjoni ambjentali kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni fuq id-deċiżjoni adottata wara l-evalwazzjoni (sentenza Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

22

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42, li jelenka d-definizzjonijiet li għalihom tagħmel riferiment din tal-aħħar, jipprovdi li din hija applikabbli kemm għall-pjanijiet u għall-programmi li huma meħtieġa minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi u li huma elaborati u/jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali sabiex jiġu adottati mill-Parlament jew mill-Gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, kif ukoll għal xi emendi li jsiru għal dawn il-pjanijiet jew programmi.

23

Il-Qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tinterpreta l-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva kemm f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ att li jħassar (l-ewwel domanda) kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ pjanijiet u programmi “li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi” (it-tieni domanda).

Fuq it-tieni domanda

24

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel peress li tikkonċerna l-kunċett innifsu ta’ pjanijiet u ta’ programmi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, li jipprovdi li l-pjanijiet u l-programmi kkonċernati minn din id-dispożizzjoni huma dawk li huma “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”, għandiex tiġi interpretata fis-sens li din tista’ tkun applikabbli għal pjanijiet u għal programmi, bħal ma huma l-pjanijiet tal-użu tal-art inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda li l-adozzjoni tagħhom mill-awtorità kompetenti ma hijiex obbligatorja.

25

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sempliċi interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, li tkun teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 il-pjanijiet u l-programmi li huma sempliċementi previsti minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, tkun tinvolvi r-riskju doppju li l-pjanijiet tal-użu tal-art li normalment jipproduċu effetti importanti fuq it-territorju kkonċernat ma jiġux suġġetti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni u li ma tiġix żgurata applikazzjoni uniformi tal-imsemmija direttiva fid-diversi ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu fil-formulazzjoni tar-regoli nazzjonali f’dan il-qasam.

26

Il-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju Unit jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li kemm mill-kliem tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 kif ukoll mix-xogħol preparatorju għal din tal-aħħar jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jissuġġetta għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, stabbilita minn din id-direttiva, l-atti amministrattivi u leġiżlattivi li ma humiex imposti minn dispożizzjonijiet legali.

27

Il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li l-kriterju tal-“ħtieġa” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(a) huwa sodisfatt fil-każ fejn awtorità hija suġġetta għal obbligu legali li telabora jew tadotta pjan jew programm. Issa, dan huwa a priori l-każ fir-rigward tal-pjanijiet li għandhom jiġu adottati mir-Région de Bruxelles-Capitale.

28

Għandu jiġi kkunsidrat li ma tistax tiġi aċċettata interpretazzjoni li twassal sabiex il-pjanijiet u l-programmi kollha, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-ippjanar tal-użu tal-art, li l-adozzjoni tagħhom hija, fid-diversi drittijiet nazzjonali, irregolata minn dispożizzjonijiet legali, jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 biss minħabba li tali adozzjoni ma hijiex, f’kull każ, ta’ natura mandatorja.

29

Fil-fatt, il-konsegwenza ta’ tali interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, invokata mill-imsemmija Gvernijiet, tkun restrizzjoni kunsiderevoli tal-portata tal-kontroll tal-effetti ambjentali ta’ pjanijiet u programmi li jirrigwardaw l-ippjanar tal-użu tal-art tal-Istati Membri, stabbilit minn din id-direttiva.

30

Konsegwentement, peress li tillimita b’mod kunsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 tali interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tal-istess direttiva tkun tippreġudika, parzjalment, l-effett utli tal-imsemmija direttiva f’dak li jirrigwarda l-għan tagħha, li huwa dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et, C-295/10, Ġabra p. I-8819, punt 42). Għalhekk din l-interpretazzjoni tmur kontra l-għan tal-istess direttiva li huwa li tiġi stabbilita proċedura ta’ kontroll f’dak li jikkonċerna l-atti li x’aktarx ikollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, li jiddefinixxu l-kriterji u l-modalitajiet tal-ippjanar tal-użu tal-art u li normalment jikkonċernaw diversi proġetti li l-implementazzjoni tagħhom hija suġġetta għar-rispett tar-regoli u tal-proċeduri previsti minn dawn l-atti.

31

Minn dan isegwi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala “meħtieġa” fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42 u, għaldaqstant, suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent fil-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali li jiddeterminaw kemm l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom kif ukoll il-proċedura għall-elaborazzjoni tagħhom.

32

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ pjanijiet u programmi “li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”, li jinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jikkonċerna wkoll il-pjanijiet partikolari dwar l-ippjanar tal-użu tal-art, bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-Cour constitutionnelle tistaqsi jekk it-tħassir totali jew parzjali ta’ pjan jew ta’ programm kopert mid-Direttiva 2001/42 għandux jiġi suġġett għall-evalwazzjoni ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

34

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jenfasizzaw li t-tħassir ta’ pjan dwar l-użu tal-art jipproduċi effetti materjali u legali, b’tali mod li dan għandu jiġi kkunsidrat bħala emenda tal-imsemmi pjan li taqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42.

35

Il-Gvernijiet tal-Belġju u tar-Repubblika Ċeka min-naħa l-oħra jikkunsidraw li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għat-tħassir ta’ pjan ċar, minn naħa, din tirrigwarda biss atti li jemendaw u, min-naħa l-oħra, it-tħassir ma jimplika l-ebda definizzjoni tal-kuntest legali li taħtu jaqgħu l-proġetti tal-użu tal-art li huma ddestinati li jittwettqu. Il-Gvern tar-Renju Unit jikkondividi dawn l-osservazzjonijiet biss f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ tħassir totali.

36

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li d-Direttiva 2001/42 ma tagħmilx riferiment espliċitu għall-atti ta’ tħassir, iżda biss għall-atti li jemendaw pjanijiet u programmi.

37

Madankollu, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2001/42, li huwa dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiffissaw il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti kkontemplati minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’.

38

F’dan ir-rigward, ma huwiex eskluż li t-tħassir parzjali jew totali ta’ pjan jew ta’ programm jista’ jkollu effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent, għaliex dan jista’ jkun jinvolvi emenda tal-pjanifikazzjoni prevista fit-territorji kkonċernati.

39

Għalhekk, att ta’ tħassir jista’ jipproduċi effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent minħabba li, hekk kif osservat il-Kummissjoni minn naħa u l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tagħha min-naħa l-oħra, tali att neċessarjament jinvolvi emenda tal-kuntest legali ta’ riferiment u jbiddel, konsegwentement, l-effetti ambjentali li kienu ġew, skont il-każ, stmati skont il-proċedura prevista bid-Direttiva 2001/42.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta jfasslu rapport fuq l-effetti ambjentali fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar “l-aspetti rilevanti ta’ l-istat preżenti ta’ l-ambjent u l-evoluzzjoni li x’aktarx tirriżulta mingħajr l-implimentazzjoni tal-pjan jew il-programm”, fis-sens tal-Anness I(b) tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, sa fejn it-tħassir ta’ pjan jew ta’ programm jista’ jbiddel is-sitwazzjoni ambjentali eżaminata matul l-adozzjoni tal-att li ser jitħassar, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl ta’ kontroll tal-eventwali effetti ulterjuri tiegħu fuq l-ambjent.

41

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-effetti li l-atti ta’ tħassir tal-imsemmi pjan jew tal-imsemmi programm jista’ jkollhom, ikun imur kontra l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, u jkun ta’ preġudizzju, parzjali, għall-effett utli tad-Direttiva 2001/42, li dawn l-atti jiġu kkunsidrati bħala li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

42

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, bħala prinċipju, dan ma jkunx il-każ jekk l-att imħassar ikun jifforma parti minn ġerarkija ta’ atti dwar l-użu tal-art, peress li dawn l-atti jipprevedu regoli għall-użu tal-art suffiċjentement preċiżi, kienu huma nnifishom is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent u jista’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li l-interess li d-Direttiva 2001/42 hija intiża li tipproteġi ttieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ tħassir totali jew parzjali ta’ pjan għall-użu tal-art, bħal dik prevista fl-Artikoli 58 sa 63 tal-CoBAT, bħala prinċipju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din hija suġġetta għar-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent previsti mill-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ pjanijiet u programmi “li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”, li jinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jikkonċerna wkoll il-pjanijiet partikolari dwar l-ippjanar tal-użu tal-art, bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

2)

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li proċedura ta’ tħassir totali jew parzjali ta’ pjan għall-użu tal-art, bħal dik prevista fl-Artikoli 58 sa 63 tal-code bruxellois de l’aménagement du territoire, kif emendat bid-digriet tal-14 ta’ Mejju 2009, bħala prinċipju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din hija suġġetta għar-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent previsti mill-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.