SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ April 2012 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Suq tal-magni għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 82 KE u 54 tal-Ftehim ŻEE — Ftehim ta’ esklużività, impenji kwantitattivi u tnaqqis għal fedeltà”

Fil-Kawża C-549/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2010,

Tomra Systems ASA, stabbilita f’Asker (in-Norveġja),

Tomra Europe AS, stabbilita f’Asker,

Tomra Systems GmbH, stabbilita f’Hilden (il-Ġermanja),

Tomra Systems BV, stabbilita f’Apeldoorn (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Tomra Leergutsysteme GmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

Tomra Systems AB, stabbilita f’Sollentuna (l-Isvezja),

Tomra Butikksystemer AS, stabbilita f’Asker,

irrappreżentati minn O. W. Brouwer, avukat, J. Midthjell, avukat u A. J. Ryan, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier u N. Khan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Novembru 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti (iktar ’il quddiem “Tomra et”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali), tad-9 ta’ Settembru 2010, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (T-155/06, Ġabra p. II-4361, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 734 finali, tad-29 ta’ Marzu 2006, rigward proċeduri skont l-Artikolu 82 [KE] (li sar l-Artikolu 102 TFUE), u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E 1/38.113 — Prokent-Tomra, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeskriviet fil-qosor il-kuntest fattwali li wassal għall-kawża quddiemha, kif ġej:

“1.

Tomra Systems ASA hija l-kumpannija parent tal-grupp Tomra. Tomra Europe AS tikkoordina l-attività tas-sussidjarji ta’ distribuzzjoni Ewropej fi ħdan il-grupp. Is-sussidjarji kkonċernati minn din il-kawża huma Tomra Systems GmbH fil-Ġermanja, Tomra Systems BV fil-Pajjiżi l-Baxxi, Tomra Leergutsysteme GmbH fl-Awstrija, Tomra Systems AB fl-Isvezja u Tomra Butikksystemer AS fin-Norveġja (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien ma’ Tomra Systems ASA u Tomra Europe AS, ir-‘rikorrenti’). Il-grupp Tomra jipproduċi magni ta’ rkupru awtomatiċi għall-kontenituri tax-xorb vojta (iktar ’il quddiem ir-‘RVM’), li huma magni intiżi għall-ġbir ta’ kontenituri tax-xorb użati li jidentifikaw il-kontenitur permezz ta’ ċerti parametri, bħall-forma u/jew il-kowd tal-linji, u li jikkalkulaw l-ammont tal-kunsinna li għandha tiġi rimbursata lill-klijent.[...]

2.

Fis-26 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet ilment minn Prokent AG, kumpannija Ġermaniża li topera wkoll fis-settur tal-ġbir tal-kontenituri tax-xorb vojta, kif ukoll fil-provvista ta’ prodotti u servizzi konnessi. Prokent talbet il-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk ir rikorrenti kinux wettqu abbuż minn pożizzjoni dominanti billi impedixxewhom milli jidħlu fis-suq.

3.

Fis-26 u fis-27 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni spezzjonat il-bini ta’ Tomra Systems GmbH, fil-Ġermanja u ta’ Tomra Systems BV, fil-Pajjiżi l Baxxi. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) spezzjonat, fuq talba tal-Kummissjoni, il-bini ta’ Tomra Systema ASA u tas-sussidjarji tagħha, fil-Norveġja. [...]

4.

Fit-23 ta’ Diċembru 2002, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ddikjaraw li waqfu l-ftehim ta’ esklużività u li ma kinux għadhom japplikaw tnaqqis għal fedeltà.

5.

Fit-30 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw programm ta’ konformità mal-kompetizzjoni għall-grupp Tomra, applikabbli mill-1 ta’ April 2004.

6.

Fl-1 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Tomra Systems ASA, lil Tomra Europe AS u lis-sussidjarji tal-grupp Tomra fis-sitt Stati li jagħmlu parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li r-rikorrenti rrispondewha fit-22 ta’ Novembru 2004. [...]

[...]

7.

Fid-29 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni [inkwistjoni]. Hija fiha tikkonstata li r-rikorrenti kisru l Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tas-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”] matul il-perijodu 1998/2002, billi implementaw strateġija ta’ esklużjoni fis-suq Ġermaniż, Olandiż, Awstrijak, Norveġiż u Svediż tar-RVM, permezz ta’ ftehim ta’ esklużività, ftehim li kien fih impenji individwalizzati dwar il-kwantità jew skemi individwalizzati ta’ tnaqqis retroattiv, u b’hekk għalqu s-swieq għall-kompetizzjoni.

I — Is-suq inkwistjoni

8.

Fir-rigward tas-suq tal-prodotti inkwistjoni, id-deċiżjoni [inkwistjoni] tindika li għall-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bdiet mill-premessa li jeżisti suq speċifiku għall-magni high end jew sistemi oħra, inklużi, b’mod partikolari r-RMV kollha li jistgħu jiġu installati minn ħajt u konnessi ma’ apparat fuq wara, u suq globali li jkopri kemm magni high end kif ukoll magni low end. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-definizzjoni ta’ suq l iktar wiesa’ possibbli bħala bażi li fuqha hija għandha taħdem peress li din tat ċifri iktar favorevoli għar-rikorrenti.

9.

Fir-rigward tas-suq ġeografiku inkwistjoni, id-deċiżjoni [inkwistjoni] tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ma kinux l-istess fiż-ŻEE matul il-perijodu kkunsidrat u li s-swieq ġeografiċi inkwistjoni huma ta’ daqs nazzjonali.

II — Pożizzjoni Dominanti

10.

Fid-deċiżjoni [inkwistjoni], il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat, inter alia , li l ishma mis-suq tar-rikorrenti fl-Ewropa kienu b’mod konsistenti ’l fuq minn 70 % qabel l-1997, li wara l-1997, dawn kienu jaqbżu 95 %, u li, fis-swieq kollha inkwistjoni, is-sehem mis-suq miżmum mir-rikorrenti kien diversi drabi ikbar minn dik tal-kompetituri tagħha, ikkonkludiet li l-grupp Tomra kien impriża f’pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

III — Aġir abbużiv

11.

Id-deċiżjoni [inkwistjoni] tindika li r-rikorrenti kkonkludew strateġija li kellha għan jew effett anti-kompetittiv, kemm fil-prattika tagħhom fi ħdan id diskussjonijiet interni tal-grupp. Il-Kummissjoni fiha tafferma li r rikorrenti pprovaw iżommu l-pożizzjoni dominati tagħhom u l-ishma tagħhom fis-suq b’mezzi li kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li jimpedixxu d-dħul ta’ operaturi oħra fis-suq, f’li jżommu l-kompetituri tagħhom dgħajfa billi jillimitaw l-possibbiltajiet tagħhom ta’ tkabbir u f’li jdgħajfuhom jew jeliminawhom, jew billi jakkwistawhom jew permezz ta’ mezzi oħra. Din l-istrateġija ġiet implementata, kif ġie speċifikat, permezz tal-iffirmar ta’ 49 ftehim, bejn l-1998 u l-2002, bejn ir-rikorrenti u ċertu numru ta’ supermarket chains, li kienu ftehim ta’ esklużività, ftehim li jimponu mira kwantitattiva individwalizzata u ftehim li jistabbilixxu skemi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat.

12.

Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni [inkwistjoni] li, għalkemm il-ftehim, il-klawżoli u l-kundizzjonijiet inkwistjoni fihom elementi differenti, bħal klawżoli ta’ esklużività espliċiti jew de facto , rabtiet jew promessi, mill-parti tal-klijenti li jixtru kwantitajiet li jikkorrispondu għal proporzjon sinjifikattiv tal-bżonnijiet tagħhom jew skemi ta’ tnaqqis retroattiv marbuta mal-bżonnijiet tal-imsemmija klijenti, jew ukoll tgħaqqid ta’ dawn l-elementi, dawn għandhom kollha, skont il-Kummissjoni, jittieħdu fil-kuntest tal-politika ġenerali tar-rikorrenti intiża sabiex tostakola d-dħul fis-suq, aċċess tas-suq u possibbiltajiet ta’ tkabbir għal kompetituri eżistenti jew potenzjali u, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex teliminahom mis-suq b’mod li tinħoloq sitwazzjoni ta’ kważi monopolju.

13.

Qabel kollox, skont id-deċiżjoni [inkwistjoni], il-klawżoli ta’ esklużività, sa fejn dawn jobbligaw il-klijenti sabiex jordnaw il-provvisti minn fornitur dominanti sabiex ikopru t-totalità jew parti sinjifikattiva tal-bżonnijiet tagħhom, jistgħu, per se, ikollhom effett ta’ soppressjoni. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti jokkupaw pożizzjoni dominanti fis-suq u peress li dawn il-klawżoli ta’ esklużività ġew applikati għal parti mid-domanda totali li hija qieset li tista’ titqies sostanzjali, il-Kummissjoni ddeduċiet li dawn il ftehim ta’ esklużività, konklużi mir-rikorrenti, kienu ta’ natura li jkollhom, u li effettivament kellhom, effett ta’ soppressjoni li joħloq distorsjoni tas-suq. Issa, huwa kkonstatat fid-deċiżjoni [inkwistjoni] li ma jeżistux, f’dan il-każ, ċirkustanzi li jistgħu eċċezzjonalment jiġġustifikaw l esklużività jew klawżoli simili, u li r-rikorrenti wkoll naqsu milli jiġġustifikaw l-prattiki tagħhom għat-tnaqqis tal-ispejjeż.

14.

Id-deċiżjoni [inkwistjoni] żżid, imbagħad, li l-iskontar mogħti għall-kwantitajiet individwalizzati li jikkorrispondi għat-totalità jew kważi t totalità tad-domanda għandu l-istess effett tal-klawżoli ta’ esklużività, fis-sens li huwa jwassal lill-klijent sabiex jordna l-provvisti għat-totalità jew għal kważi t-totalità tal-bżonnijiet tiegħu mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti. Dan jgħodd ukoll għat-tnaqqis għal fedeltà, imsejjaħ ukoll tnaqqis li huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-klijenti jordnaw provvisti għat-totalità jew għall-biċċa l-kbira tal-bżonnijiet tagħhom minn fornitur f’pożizzjoni dominanti. Il-fatt li l-impenn dwar il-volum ta’ xiri kien espress f’termini assoluti jew f’perċentwali ma huwiex determinanti, għall-Kummissjoni, fir-rigward tan-natura ta’ esklużjoni tal-ftehim jew il-kundizzjonijiet inkwistjoni. Għal dak li jikkonċerna l-ftehim konklużi mir-rikorrenti, id deċiżjoni [inkwistjoni] tippreċiża li l-miri kwantitattivi stipulati jikkostitwixxu impenji individwalizzati li jvarjaw minn klijent għall-ieħor, indipendentement mid-daqs tiegħu u mill-volum ta’ xiri tiegħu, u li jikkorrispondu għat-totalità jew għall-biċċa l-kbira tal-bżonnijiet tal-klijent, u anki jaqbżuhom. Id-deċiżjoni [inkwistjoni] żżid li l-politika tar-rikorrenti li tikkonsisti f’li torbot lill-klijenti tagħhom, b’mod partikolari l-klijenti essenzjali tagħhom, bi ftehim li huma intiżi sabiex jeskludu l-kompetituri tas-suq u li twaqqaf kull opportunità ta’ espansjoni tagħhom, tirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti relatati mal-istrateġija tar-rikorrenti, man-negozjati tagħhom u mal-offerti li huma kienu għamlu lill-klijenti tagħhom. Fid-dawl tan-natura tas-suq RVM u tal-karatteristiċi tal-prodott innifsu, b’mod partikolari t-trasparenza u n-natura relattivament prevedibbli tad-domanda ta’ RVM ta’ kull klijent u għal kull sena, il-Kummissjoni kkonstatat li r rikorrenti kellhom l-għarfien neċessarju tas-suq sabiex jistmaw b’mod realistiku d-domanda approssimattiva ta’ kull klijent.

15.

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna t-tnaqqis, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni [inkwistjoni], li l-iskemi ta’ tnaqqis kienu mfassla individwalment għal kull klijent u li l-limiti kienu marbuta mat-totalità jew ma’ parti sinjifikattiva tal-bżonnijiet ta’ kull wieħed. Dawn kienu stabbiliti abbażi tal-bżonnijiet stmati tal-klijent u/jew volumi ta’ xiri magħmula fil-passat. Issa, l-inċentiv sabiex jiġu ordnati provvisti esklużivament jew kważi esklużivament mingħand ir-rikorrenti kien, skont id-deċiżjoni [inkwistjoni], partikolarment qawwi meta l-limiti, bħal dawk applikati mir-rikorrenti, kienu mgħaqqda ma’ sistema fejn il-ksib tal-limitu ta’ bonus jew limitu aktar vantaġġjuż huwa ta’ benefiċċju għax-xiri kollu magħmul mill-klijent fil-perijodu kkunsidrat u mhux esklużivament għall-volum ta’ xiri li jeċċedi l livell inkwistjoni. Għal klijent li beda jordna mingħand ir-rikorrenti, li huwa xenarju possibbli ħafna minħabba l-pożizzjoni b’saħħitha tagħhom fis-suq, skema retroattiva toħloq b’hekk inċentiv qawwi li jintlaħaq il-livell mixtieq sabiex inaqqas il-prezz tax-xiri tiegħu kollu mingħand ir-rikorrenti. Dan l-inċentiv żdied, kif ġie indikat, iktar ma l-klijent qorob lejn il-livell inkwistjoni. Issa, il-Kummissjoni kkonstatat li t-taħlita ta’ sistema ta’ tnaqqis retroattiv ma’ livell jew diversi livelli li jikkorrispondu mat-totalità jew proporzjon għoli ta’ bżonnijiet kienet tirrappreżenta inċentiv sinjifikattiv għax-xiri tat-tagħmir kollu jew kważi kollu meħtieġ mingħand ir-rikorrenti u għolla b’mod artifiċjali l-ispiża biex ikun hemm tibdil tal-fornitur, anki għal numru żgħir ta’ unitajiet. Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li, skont il ġurisprudenza, l-iskemi ta’ tnaqqis inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala mezzi sabiex tissaħħaħ il-fedeltà u, għalhekk, bħala tnaqqis għal fedeltà.

16.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni [inkwistjoni] tindika li, għalkemm [...], sabiex jiġi stabbilit abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir kapaċi jkollu tali effett, il-Kummissjoni kkompletat l-analiżi tagħha billi eżaminat l-effetti probabbli tal-prattiki tar-rikorrenti fis-suq tar-RVM. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni [inkwistjoni] tindika li, matul il-perijodu kollu eżaminat, jiġifieri mill-1998 sal-2002, is-sehem tar-rikorrenti fil-ħames swieq nazzjonali kkunsidrati kollha baqa’ relattivament stabbli. Fl istess ħin, il pożizzjoni tal-kompetituri tagħhom baqgħet dgħajfa u instabbli sew. Wieħed minnhom, dak li ressaq l-ilment, li kien irnexxielu, telaq is-suq fl-2003 wara li wasal li jieħu 18 % tas-suq Ġermaniż fl-2001. Impriżi kompetituri oħra li wrew il-potenzjal u l-kapaċità tagħhom li jiksbu ishma mis-suq iktar sinjifikattivi ġew eliminati billi ġew akkwistati mir-rikorrenti, bħal Halton u Eleiko. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-istrateġija ta’ esklużjoni pprattikata mir-rikorrenti matul il-perijodu 1998/2002 kellha effett li jintwera fil-bidla tal-ishma mis-suq marbut u l-bejgħ tal-atturi tas-suq. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni [inkwistjoni], ċerti klijenti bdew jixtru aktar mill-prodotti kompetituri wara li skadew il-ftehim esklużivi tagħhom mar rikorrenti. Minbarra n-nuqqas ta’ effiċjenza fl-ispejjeż li jistgħu jiġġustifikaw l-prattiki tar-rikorrenti, lanqas ma kien hemm xi benefiċċju għall-konsumaturi f’dan il-każ. Mid-deċiżjoni [inkwistjoni] jidher li l-prezz tar-RVM tar-rikorrenti ma waqax wara li żdied il-volum tal-bejgħ u li għall-kuntrarju, il-prezz baqa’ l istess u anki żdied waqt il-perijodu eżaminat.

IV — Multa

17.

Id-deċiżjoni [inkwistjoni] tippreċiża li fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-abbuż imwettaq mir-rikorrenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma implementaw apposta l-prattiki inkwistjoni fil-kuntest tal-istrateġija ta’ esklużjoni tagħhom, iżda wkoll il-portata ġeografrika ta’ dan l-abbuż, jiġifieri l-fatt li dan kien ikopri t-territorju ta’ ħames Stati li jagħmlu parti miż-ŻEE, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, l-Isvezja u n-Norveġja. Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, skont il Kummissjoni, il-fatt li l-ksur mhux dejjem kopra l-perijodu kollu f’kull wieħed mis-swieq nazzjonali kkunsidrati, u li f’kull wieħed mis-swieq nazzjonali, l-intensità tiegħu setgħet varjat maż-żmien.

18.

B’mod partikolari, id-deċiżjoni [inkwistjoni] tippreċiża, fil-premessa 394 li l ksur jikkonċerna t-territorji u l-perijodi segwenti:

Il-Ġermanja: 1998-2002

Il-Pajjiżi l-Baxxi: 1998-2002

L-Awstrija: 1999-2001

L-Isvezja: 1999-2002

In-Norveġja: 1998-2001

19.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan jikkostitwixxi ksur serju u stabbilixxiet l ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 16 miljun, billi bbażat ruħha fuq il perijodu ta’ ħames snin li jibda mill-1998 sal-2002. L-ammont inizjali tal-multa ġiet miżjuda b’10 % għal kull sena kompleta ta’ ksur. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni [inkwistjoni] indikat li ma kienx hemm ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

20.

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni [inkwistjoni] tipprovdi li ġej:

Artikolu 1

[Ir-rikorrenti] kisru l-Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE fil-perijodu bejn l-1998 u l-2002 billi implementaw strateġija ta’ esklużjoni fis-swieq nazzjonali tar-[RVM] [fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Awstrija, fl-Isvezja u fin-Norveġja], li tinvolvi ftehim ta’ esklużività, impenji ta’ kwantitajiet individwalizzati u skemi ta’ tnaqqis retroattiv individwalizzat, b’mod li eskludew il-kompetizzjoni fis-swieq.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi hawn fuq, multa ta’ EUR 24 miljun hi imposta fuq [ir-rikorrenti] in solidum.

[...]’”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3

Fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħhom li ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni inkwistjoni, l-appellanti kienu invokaw sitt motivi.

4

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija motivi kollha.

It-talbiet tal-partijiet

5

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi fuq il-kawża u tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni jew, fi kwalunkwe każ, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta jew, sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix fuq il-kawża, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-kawża skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

6

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

7

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żball ta’ liġi waqt l-istħarriġ li wettqet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ intenzjoni antikompetittiva; it-tieni nett, fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-parti tad-domanda totali li kellhom ikopru l-ftehim sabiex jikkostitwixxu prattika abbużiva; it-tielet nett, fuq difett proċedurali u żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tat-tnaqqis retroattiv; ir-raba’ nett, fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-analiżi tal-punt dwar jekk il-ftehim li fih l-appellanti huma nnominati bħala “fornitur ippreferut, prinċipali jew primarju” jistgħux jiġi kklassifikati bħala “esklużivi”, il-ħames nett, fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-multa, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi waqt l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ intenzjoni antikompetittiva li ssir esklużjoni tal-kompetizzjoni mis-suq (punti 33 sa 41 tas-sentenza appellata)

L-argumenti tal-partijiet

8

Tomra et iqisu li, meta evalwat jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni provi li juru li r-rieda tal-appellanti li jikkompetu fuq il-merti. Tali nuqqas imur kontra l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li teżerċita stħarriġ ġudizzjarju fid-dettall dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

9

Tomra et isostnu li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ibbażat ruħha fuq korrispondenza interna tal-appellanti sabiex tistabbilixxi intenzjoni antikompetittiva tagħhom, billi ċaħdet provi li jistgħu juru li l-appellanti kellhom l-intenzjoni li jikkompetu fuq il-merti.

10

Tomra et josservaw li mill-punti 97 sa 105 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li l-intenzjoni antikompetittiva tikkostitwixxi element importanti tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ strateġija antikompetittiva u li din il-kunsiderazzjoni għandha rwol determinanti fil-konstatazzjoni tal-ksur.

11

Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv ma għandux bażi. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “abbuż” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE huwa ta’ natura oġġettiva, u konsegwentement ma hijiex meħtieġa intenzjoni antikompetittiva.

12

Fil-fehma tal-Kummissjoni, tali intenzjoni madankollu ma hijiex irrilevanti sabiex jiġi evalwat b’mod ġenerali l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, prova ta’ tali intenzjoni tista’, possibbilment, tkun rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, b’mod partikolari fir-rigward tal-punt dwar jekk il-ksur seħħx intenzjonalment jew b’mod negliġenti.

13

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-appellanti li tipprovdi li l-evalwazzjoni tan-natura suġġettiva kellha effett sinjifikattiv għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

14

Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li l-appell ma jidentifikax provi possibbli dwar l-intenzjoni tal-grupp Tomra li tikkompeti fuq il-merti li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, u lanqas ma jispjega kif dawn il-provi setgħu jikkonfutaw l-analiżi tal-prattiki ta’ esklużjoni li ġew implementati.

15

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-appellanti ma wrewx li l-prattiki tagħhom kienu ġġustifikati fuq livell kummerċjali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, b’mod korrett, ikkonstatat li kien hemm strateġija antikompetittiva tal-grupp Tomra.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

16

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment jixtiequ jistabbilixxu li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonfermat allegata konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva tal-grupp Tomra, b’mod partikolari billi naqset li tieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti interni li juru r-rieda tagħha li tikkompeti fuq il-merti.

17

Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C-52/09, Ġabra p. I-527, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Minkejja dan, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti u għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbuż possibbli minn tali pożizzjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw dan l-aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punt 67).

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li meta l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, peress li dan l-eżami huwa indispensabbli għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ abbuż minn tali pożizzjoni, hija għandha tevalwa l-istrateġija kummerċjali tal-imsemmija impriża. F’dan il-kuntest, jidher li huwa normali li l-Kummissjoni tevoka fatturi ta’ natura suġġettiva, jiġifieri l-motivi li fuqhom hija bbażata l-istrateġija kummerċjali inkwistjoni.

20

Għalhekk, l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ intenzjoni antikompetittiva tikkostitwixxi biss waħda min-numru ta’ ċirkustanzi fattwali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti.

21

Madankollu, il-Kummissjoni b’ebda mod ma hija marbuta tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali intenzjoni min-naħa tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

22

F’dan ir-rigward, huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali enfasizzat fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li kien tabilħaqq normali li d-deċiżjoni inkwistjoni tikkonċentra primarjament fuq aġir antikompetittiv tal-appellanti peress li kienet preċiżament il-Kummissjoni li kellha tagħmel dan. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ intenzjoni li tikkompeti fuq il-merti, anki jekk tiġi stabbilita, ma tistax tipprova tali abbuż.

23

Fid-dawl ta’ dan, fil-punt 38 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ abbuż huwa oġġettiv.

24

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li, fil-punt 97 et seq tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet li l-prattiki tal-appellanti, eżaminati fil-kuntest tagħhom u meħuda flimkien ma’ serje ta’ elementi oħra, inklużi d-dokumenti interni tal-appellanti, setgħu jeskludu l-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll, b’mod korrett, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni b’ebda mod ma bbażat ruħha b’mod esklużiv fuq l-intenzjoni jew l-istrateġija tal-appellanti sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, mill-punt 248, li jagħmel parti mill-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni inklużi fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-punti 286 ’il quddiem, jirriżulta li din enfasizzat in-natura oġġettiva tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE li hija kkonstatat.

25

Fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ċertu numru ta’ dokumenti ta’ korrispondenza skambjati fi ħdan il-grupp Tomra fir-raġunament tagħha dwar l-istrateġija kummerċjali tal-appellanti, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-ġurisdizzjoni, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li tkun siltet il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C-535/06 P, Ġabra p. I-7051, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif ukoll ir-regoli proċedurali applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Moser Baer India vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Barra minn hekk, żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara s-sentenza Moser Baer India vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Madankollu, tali żnaturament tal-provi ma ġiex allegat mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

29

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni, fir-rigward tal-parti tad-domanda totali li l-ftehim kellu jkopri sabiex jikkostitwixxi prattika abbużiva (punti 238 sa 246 tas-sentenza appellata)

L-argumenti tal-partijiet

30

Tomra et isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u ma mmotivatx b’mod suffiċjenti ċ-ċaħda ta’ dan il-motiv sa fejn ikkunsidrat li l-ftehim inkwistjoni kienu jikkonċernaw parti suffiċjenti tad-domanda totali sabiex jitqiesu li kienu jillimitaw il-kompetizzjoni.

31

Tomra et iqisu li r-raġunament li għamlet il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward kien ibbażat fuq kliem bħal “sostanzjali”, “bl-ebda mod żgħir” jew proporzjon “għoli ħafna”. Konsegwentement, minħabba l-użu ta’ kliem ambigwu, il-Qorti Ġenerali ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti insostenn tas-sentenza tagħha.

32

Tomra et isostnu li l-Qorti Ġenerali ma tipprovdix kriterju xieraq sabiex tiddetermina jekk il-prattiki inkwistjoni japplikawx għal parti tas-suq suffiċjenti sabiex effettivament jeskluduha mill-kompetizzjoni. L-uniku kriterju li jikkonċerna l-kapaċità li tiġi eskluża kull kompetizzjoni, li tirreferi għalih is-sentenza appellata, jirriżulta mill-osservazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-kompetituri tal-appellanti jistgħu jikkompetu fis-suq kollu. Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li kull ftehim ta’ esklużività huwa awtomatikament ta’ natura li jagħlaq is-suq inkwistjoni għall-kompetizzjoni jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

33

Tomra et isostnu wkoll li l-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterju tal-“iskala minima vijabbli” jew kwalunkwe metodu ieħor li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni kienx jipprekludi l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

34

Il-Kummissjoni tirrileva li ma hemmx dubju li l-prattiki tal-appellanti kienu jkopru parti sostanzjali tas-suq inkwistjoni. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jirrikonoxxu huma stess li, bħala medja u meta jitqiesu l-ħames snin u l-ħames swieq flimkien, il-prattiki inkwistjoni kienu jorbtu madwar 39 % tad-domanda.

35

Il-Kummissjoni tosserva li r-riperkussjonijiet tal-ftehim inkwistjoni kienu riflessi ta’ sikwit fl-effetti ta’ inċentiv sostanzjali eżerċitati fuq il-klijenti tal-grupp Tomra fir-rigward tal-għażla ta’ provvista tagħhom.

36

Il-Kummissjoni ssostni, fl-aħħar nett, li l-użu ta’ kliem, bħal “sinjifikattiv”, kien kompletament iġġustifikat mill-fatti rilevanti. Fil-fatt, il-motivazzjoni li għandha tingħata mill-Qorti Ġenerali għandha tkun relatata mal-att inkwistjoni, u dan kien il-każ fil-kawża ineżami.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

It-tieni aggravju essenzjalment jikkonċerna l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-parti rilevanti tas-suq inkwistjoni li għandha tkun koperta mill-ftehim inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit jekk dawn jistgħux jeskludu l-kompetizzjoni fis-suq.

38

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-livell ta’ dominazzjoni ta’ suq iddeterminat mill-impriża kkonċernata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minnha, mill-punt 79 tas-sentenza TeliaSonera Sverige, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 102 TFUE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà ta’ aġir indipendenti sa estent sinjifikattiv fil-konfront tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, fl-aħħar nett, tal-konsumaturi tagħha.

39

Barra minn hekk, mill-punti 80 u 81 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprovdi għal ebda distinzjoni jew grad tal-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti. Meta impriża għandha saħħa ekonomika bħal dik meħtieġa mill-Artikolu 102 TFUE, sabiex jiġi stabbilit li għandha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, l-aġir tagħha għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-grad tas-saħħa tas-suq, fil-prinċipju, għandu konsegwenzi fuq il-portata tal-effetti tal-aġir tal-impriża inkwistjoni pjuttost milli fuq l-eżistenza tal-abbuż fih innifsu.

40

Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punt 239 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx livell preċiż li lil hinn minnu l-prattiki tal-grupp Tomra setgħu jeskludu l-kompetizzjoni mis-suq inkwistjoni.

41

Madankollu, il-Qorti Ġenerali approvat, b’mod korrett, ir-raġunament tal-Kummissjoni li, billi jagħlqu parti sostanzjali mis-suq, il-grupp Tomra kienu llimitaw id-dħul għal kompetitur jew kompetituri u, għalhekk, illimitaw l-intensità tal-kompetizzjoni fis-suq kollu.

42

Fil-fatt, u kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 241 tas-sentenza appellata, l-għeluq ta’ parti sostanzjali tas-suq minn impriża dominanti ma jistax jiġi ġġustifikat billi jintwera li parti tas-suq li setgħet tinkiseb għadha suffiċjenti sabiex takkomoda numru limitat ta’ kompetituri. Minn naħa, il-klijenti li jinsabu fil-parti eskluża tas-suq għandu jkollhom l-opportunità li japprofittaw minn kull grad ta’ kompetizzjoni li hija possibbli fis-suq u l-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il-mertu għas-suq kollu u mhux għal parti minnu biss. Min-naħa l-oħra, ma huwiex ir-rwol tal-impriża dominanti li tistabbilixxi kemm għandhom jikkompetu kompetituri profittabbli għal perċentwali tad-domanda li għadha tista’ tinkiseb.

43

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 242 tas-sentenza appellata, ippreċiżat li analiżi biss taċ-ċirkustanzi tal-każ, bħal dik magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni, tista’ tippermetti li jiġi stabbilit jekk il-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jistgħux jeskludu l-kompetizzjoni. Madankollu, ikun artifiċjali li jiġi stabbilit a priori liema huwa l-perċentwali tas-suq marbut li lil hinn minnu l-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jkollhom effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri.

44

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, wara din l-analiżi taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, fil-punt 243 tas-sentenza appellata, li proporzjon kunsiderevoli (20 %) tad-domanda totali matul il-perijodu kkunsidrat u fil-pajjiżi eżaminati kien eskluż mill-kompetizzjoni.

45

Din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ma tistax titqies li tinkludi żball ta’ liġi.

46

Fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-appellanti li l-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterju tal-“iskala minima vijabbli”, huwa biżżejjed li jingħad li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod korrett, li d-determinazzjoni ta’ livell preċiż ta’ għeluq li lil hinn minnu l-prattiki inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala abbużi ma kinitx neċessarja għall-finijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u li, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 243 tas-sentenza appellata, fi kwalunkwe każ, intwera, skont id-dritt, li l-kompetizzjoni ġiet eskluża mis-suq permezz tal-prattiki inkwistjoni.

47

Fl-aħħar nett u fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-appellanti bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti min-naħa tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-domanda totali li l-ftehim inkwistjoni kellu jkopri sabiex jitqies li huwa prattika abbużiva, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill-Qorti Ġenerali tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża, u l-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha provi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, minn dak kollu li ntqal, u b’mod partikolari, minn dak li ġie rrilevat fil-punt 46 tas-sentenza preżenti, dwar il-fatt li d-determinazzjoni ta’ livell preċiż ta’ għeluq tas-suq ma kienx indispensabbli, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma naqsitx mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fiċ-ċaħda tal-argumentazzjoni tal-appellanti msemmija iktar ’il fuq.

49

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq difett proċedurali u żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tat-tnaqqis retroattiv (punti 258 sa 272 tas-sentenza appellata)

L-argumenti tal-partijiet

50

Tomra et isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet difett proċedurali billi żnaturat l-argumenti invokati dwar it-tnaqqis għal fedeltà retroattiv. Barra minn hekk, huma jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li t-tnaqqis retroattiv kien jimplika prezzijiet orħos mill-ispejjeż.

51

Tomra et jindikaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-ispejjeż rilevanti sabiex tistabbilixxi l-livell li taħtu l-prezzijiet applikati mil-appellanti jkunu esklużjonarji. Paragun bejn il-prezzijiet u l-ispejjeż kien essenzjali sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ tnaqqis retroattiv li jillimita l-kompetizzjoni.

52

L-appellanti jinvokaw ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 [KE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti” (ĠU 2009 C 45, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), u jsostnu li dawn effettivament jipprovdu tali paragun, meta allegat abbuż jirriżulta mill-prezzijiet implementati minn impriża dominanti.

53

Tomra et jippreċiżaw li l-Qorti Ġenerali, min-naħa tagħha, lanqas ma ppruvat tinvestiga jekk il-prezzijiet implementati mill-appellanti kinux jew le inqas mill-ispejjeż. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argument li sabiex jiġi stabbilit li t-tnaqqis seta’ kellu effett esklużjonarju, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li l-prezzijiet tant kienu baxxi li kienu inqas mill-ispejjeż.

54

Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju huwa inammissibbli peress li ma ġiex debitament żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali.

55

Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aggravju huwa ineffettiv u fi kwalunkwe każ, infondat.

56

Il-Kummissjoni tindika li, anki jekk jitqies li l-appellanti kienu ġġustifikati li jiddikjaraw li l-kwistjoni ta’ “prezzijiet negattivi” ma kinitx fundamentali għall-kawża tagħhom fl-ewwel istanza — li ma huwiex il-każ —, huma ma jikkontestawx, fl-appell tagħhom, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-kwistjoni dwar jekk il-kompetituri kellhomx joffru “prezzijiet negattivi” ma kinitx deċiżiva sabiex jiġi konkluż li l-iskemi ta’ tnaqqis retroattiv implementati mill-grupp Tomra kienu abbużivi.

57

Il-Kummissjoni tfakkar li t-tnaqqis inkwistjoni kien ġeneralment japplika għal kwantitajiet li jirrappreżentaw il-parti l-kbira ta’ kull klijent matul perijodu determinat.

58

Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti jinterpretaw id-deċiżjoni inkwistjoni b’mod żbaljat meta jqisu li d-demostrazzjoni tal-eżistenza ta’ “prezzijiet negattivi” kienet kundizzjoni preliminari għall-konstatazzjoni tan-natura abbużiva tal-iskemi ta’ fedeltà.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59

Għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, li t-tielet aggravju jikkonċerna speċifikament l-allegat nuqqas, fis-sentenza appellata, tal-eżami tal-argumenti ppreżentati mill-appellanti fl-ewwel istanza, dwar in-neċessità li jsir paragun tal-prezzijiet implementati minn dawn tal-aħħar u l-ispejjeż tagħhom.

60

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ffokat, fis-sentenza appellata, fuq l-eżami li sar mill-Kummissjoni tal-prezzijiet implementati mill-grupp Tomra, fil-kuntest tat-tnaqqis applikat, u b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk dan it-tnaqqis sfurzax lill-kompetituri tal-imsemmi grupp jiffatturaw prezzijiet “negattivi” lill-klijenti ta’ din tal-aħħar.

61

Għalhekk, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ivvizzjat is-sentenza appellata b’difett proċedurali, peress li ma eżaminatx l-argumenti tagħhom ibbażati fuq ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż tal-grupp Tomra u l-prezzijiet tiegħu, kif ukoll, it-tieni nett, wettqet żball ta’ liġi meta essenzjalment ma obbligatx lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rilevanza, fir-rigward tan-natura abbużiva tat-tnaqqis applikat mill-appellanti, tal-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet implementati kinux jew le inqas mill-ispejjeż marġinali medji fuq perijodu twil.

62

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tielet aggravju, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li dan ikopri l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar it-tielet parti tat-tieni u tar-raba’ motiv ippreżentati fl-ewwel istanza, u li ġew ikkategorizzati mill-Qorti Ġenerali bħala motiv wieħed (ara l-punt 198 tas-sentenza appellata). L-imsemmija parti tikkonċerna l-provi u s-sitwazzjonijiet allegatament ineżatti u żbaljati li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kapaċità li kien ikollu t-tnaqqis retroattiv li jeskludi l-kompetizzjoni.

63

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 247 u 248 tas-sentenza appellata, tirriproduċi l-argumentazzjoni ppreżentata mill-appellanti quddiemha u li hija tislet mill-punti 102 sa 131 tar-rikors fl-ewwel istanza.

64

Mid-deskrizzjoni fil-qosor tal-imsemmija argumentazzjoni jirriżulta li l-appellanti kienu b’mod partikolari sostnew li l-argument tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis retroattiv kien ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li dan it-tnaqqis kien jippermetti lill-grupp Tomra jimplementa “prezzijiet negattivi” jew “baxxi ħafna”. Mill-punt 105 tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza jirriżulta li Tomra et jallegaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-ispejjeż tagħhom. Fil-fatt, hemmhekk huma jsostnu li, fil-punt 165 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet invokat tnaqqis li wassal għal “prezzijiet tassew baxxi, possibbilment anki prezzijiet negattivi”, iżda li ma kinitx eżaminat l-ispejjeż tal-grupp Tomra, sabiex tistabbilixxi livell li taħtu l-prezzijiet ikunu esklużjonarji jew predatorji.

65

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni li hija s-suġġett tat-tielet aggravju, ġiet debitament żviluppata quddiem il-Qorti Ġenerali.

66

Minn dan isegwi li l-imsemmi aggravju għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

67

Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ eżami, fis-sentenza appellata, tal-argumentazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-prezzijiet implementati mill-grupp Tomra kinux inqas mill-ispejjeż marġinali medji fuq perijodu twil ma huwiex rilevanti għall-konklużjoni li wasslet għaliha l-Qorti Ġenerali rigward il-fondatezza tal-analiżi tal-Kummissjoni dwar in-natura abbużiva tat-tnaqqis applikat mill-appellanti.

68

Huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 289 tas-sentenza appellata, li għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir kapaċi jkollu tali effett.

69

Fir-rigward tat-tnaqqis mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti lill-klijenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan jista’ jmur kontra l-Artikolu 102 TFUE, anki jekk ma jikkorrispondi għal ebda mill-eżempji stabbiliti fil-paragrafu 2 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Airways, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Fil-każijiet fejn impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti tuża sistema ta’ tnaqqis, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija impriża tabbuża din il-pożizzjoni meta, mingħajr ma torbot lix-xerrejja b’obbligu formali, tapplika, bi ftehim konkluż ma’ dawn ix-xerrejja, jew unilateralement, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri skontijiet marbuta mal-kundizzjoni li l-klijent — indipendentement mill-ammont, kunsiderevoli jew minimu, tax-xiri tiegħu — tingħatalu provvista għall-bżonnijiet tiegħu kollha jew għal parti minnhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (ara sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche, 85/76, Ġabra. p. 461, punt 89 u tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

71

F’dan ir-rigward, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis, u għandu jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda servizz ekonomiku li jiġġustifikah, li lix-xerrej titneħħielu l-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward ta’ sorsi ta’ provvista tiegħu jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess għas-suq lill-kompetituri jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (ara s-sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

72

Fir-rigward tal-kawża preżenti, mill-punt 213 tas-sentenza appellata jirriżulta li sistema ta’ tnaqqis għandha titqies li tmur kontra l-Artikolu 102 TFUE jekk tipprekludi l-provvista ta’ klijenti ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti mingħand produtturi kompetittivi.

73

Kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-fatturazzjoni ta’ prezzijiet “negattivi”, jiġifieri ta’ prezz inqas mill-ispejjeż, lill-klijenti ma tikkostitwixxix kundizzjoni preliminari sabiex tiġi kkonstatata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis retroattiv minn impriża f’pożizzjoni dominanti.

74

Kif osservat b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punt 258 tas-sentenza appellata, it-tielet parti tat-tieni u tar-raba’ motiv ippreżentati fl-ewwel istanza kienu bbażati fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, il-fatt li l-iskemi ta’ tnaqqis retroattiv jġiegħlu lill-kompetituri jiffatturaw prezzijiet negattivi lill-klijenti tal-appellanti li jibbenefikaw minn tnaqqis ma jistax jiġi kkunsidrat bħala waħda mill-bażijiet fundamentali tad-deċiżjoni inkwistjoni sabiex turi li l-iskemi ta’ tnaqqis retroattiv tal-appellanti jista’ jkollhom effetti antikompetittivi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod korrett, fil-punt 259 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata fuq serje ta’ kunsiderazzjonijiet oħra relatati mat-tnaqqis retroattiv implementat mill-appellanti sabiex wasslet għall-konklużjoni li dawn it-tipi ta’ prattiki setgħu jeskludu lill-kompetituri bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

75

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, b’mod iktar partikolari, li, skont id-deċiżjoni inkwistjoni, l-ewwel nett, l-inċentiv li wieħed jixtri esklużivament jew kważi esklużivament mingħand l-appellanti huwa partikolarment b’saħħtu meta l-limiti, bħal dawk applikati mill-appellanti, huma marbuta ma’ sistema li biha l-ksib, skont il-każ, ta’ livell ta’ bonus jew limitu iktar vantaġġuż jinġabar fuq ix-xiri kollu mwettaq mill-klijent matul il-perijodu kkunsidrat u mhux biss fuq il-volum ta’ xiri li jeċċedi l-limitu inkwistjoni (punt 260 tas-sentenza appellata). It-tieni nett, il-kombinazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis adattata għal kull klijent u l-limiti stabbiliti abbażi tal-bżonnijiet stmati tal-klijent u/jew tal-volumi ta’ xiri magħmula fil-passat kienu għalhekk jirrappreżentaw it-totalità jew kważi totalità tal-apparat neċessarju, mingħand l-appellanti u dan kien iżid artifiċjalment l-ispiża sabiex wieħed jirrikorri għand fornitur ieħor, anki għal numru żgħir ta’ unitajiet (punti 261 u 262 tas-sentenza appellata). It-tielet nett, it-tnaqqis retroattiv japplika ta’ spiss għal ċerti klijenti ikbar tal-appellanti bl-għan li tiġi żgurata l-fedeltà tagħhom (punt 263 tas-sentenza appellata). Fl-aħħar nett, l-appellanti ma wrewx li l-aġir tagħhom kien oġġettivament iġġustifikat jew li dan jipproduċi benefiċċji ta’ effiċjenza sostanzjali li jiġġustifikaw l-effetti antikompetittivi prodotti fuq il-konsumaturi (punt 264 tas-sentenza appellata).

76

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 260 sa 264 tas-sentenza appellata, imfakkra iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li t-tielet parti tat-tieni u tar-raba’ motiv ippreżentati fl-ewwel istanza kienu bbażati fuq premessa żbaljata minħabba s-saħħa probatorja, fir-rigward tan-natura antikompetittiva tal-iskema tat-tnaqqis inkwistjoni, tal-karatteristiċi ta’ din l-iskema, indipendentement mil-livell preċiż tal-prezzijiet implementati.

77

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali segwiet ir-raġunament tagħha meta rrilevat, fil-punt 266 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni, minn naħa, imkien ma tafferma li l-iskemi ta’ tnaqqis wasslu sistematikament għal prezzijiet negattivi u, min-naħa l-oħra, lanqas ma sostniet li tali demostrazzjoni tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari sabiex jiġi kkonstatat li dawn l-iskemi ta’ tnaqqis huma abbużivi.

78

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 267 tas-sentenza appellata, li l-mekkaniżmu ta’ esklużjoni rrappreżentat mit-tnaqqis retroattiv ma jeħtieġx li l-impriża dominanti tissagrifika profitti, peress li l-ispiża tat-tnaqqis hija mqassma fuq numru kbir ta’ unitajiet. Permezz tal-għoti retroattiv ta’ tnaqqis, il-prezz medju miksub mill-impriża dominanti jista’ tassew ikun ferm superjuri għall-ispejjeż u jġib miegħu marġni ta’ profitt medju għoli. Madankollu, is-sistema ta’ tnaqqis retroattiv tiżgura li, għall-klijent, il-prezz effettiv għall-aħħar unitajiet ikun baxx ħafna minħabba l-“effett ta’ ġbid”. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettivi l-allegazzjonijiet ta’ żbalji fattwali li saru mill-appellanti fir-rigward tal-analiżi tal-livell ta’ prezzijiet implementati minnhom, li saru fid-deċiżjoni inkwistjoni.

79

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat b’mod korrett, fil-punti 269 sa 271 tas-sentenza appellata, li l-mekkaniżmu ta’ fedeltà kien jinsab f’din il-kapaċità tal-fornitur li jeskludi l-kompetituri tiegħu billi jiġbed lejh il-parti inkwistjoni tad-domanda. Meta jkun hemm tali strument kummerċjali, ma huwiex għalhekk neċessarju li ssir analiżi tal-effetti konkreti tat-tnaqqis fuq il-kompetizzjoni peress li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir inkwistjoni jista’ jkollu tali effett, kif tfakkar fil-punt 68 tas-sentenza preżenti.

80

Fid-dawl ta’ dan, l-allegat nuqqas, fis-sentenza appellata, ta’ eżami tal-argumenti mqajma mill-appellanti fl-ewwel istanza, dwar in-neċessità li jsir paragun bejn il-prezzijiet implementati minnhom u l-ispejjeż tagħhom, li huwa l-bażi kemm tal-ilment ibbażat fuq difett proċedurali kif ukoll dak ibbażat fuq żball ta’ liġi, ma jistax jivvizzja s-sentenza appellata bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti billi bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet oħra kkonstatati fil-punti 260 sa 264 tas-sentenza appellata, u l-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod korrett, li din l-analiżi kienet xierqa u suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali abbuż. Għalhekk, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu marbuta jeżaminaw il-kwistjoni dwar jekk il-prezzijiet implementati mill-grupp Tomra kinux jew le inqas mill-ispejjeż marġinali medji fuq perijodu twil, b’mod li dan il-motiv ma jistax jintlaqa’ fil-kuntest tal-appell preżenti.

81

L-argumenti tal-appellanti, li l-Linji gwida tal-Kummissjoni (ara l-punt 52 tas-sentenza preżenti) jipprevedu analiżi komparattiva tal-merti u tal-ispejjeż, ma jistgħux jikkonfutaw din l-analiżi. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Linji gwida, ippubblikati fl-2009, ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni ġuridika ta’ deċiżjoni, bħad-deċiżjoni inkwistjoni, li ġiet adottata fl-2006.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti fl-analiżi tal-punt dwar jekk il-ftehim li fihom l-appellanti ssemmew bħala “fornituri ppreferuti, prinċipali jew primarji” setgħux jiġu kklassifikati bħala esklużivi (punti 55 sa 67 tas-sentenza appellata)

L-argumenti tal-partijiet

83

Tomra et iqisu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali la eżaminat u lanqas immotivat b’mod suffiċjenti jekk il-ftehim kollu li fihom l-appellanti kienu kklassifikati bħala “fornituri ppreferuti, prinċipali jew primarji” mill-partijiet, ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala ftehim ta’ esklużività, kinux intiżi effettivament għall-esklużività ta’ xiri mingħand l-appellanti.

84

Tomra et josservaw, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-punt dwar jekk kinux jeżistu, fil-ftehim li ma jinkludux obbligu formali ta’ esklużività, fatturi oħra ta’ inċentiv, għall-klijenti tal-appellanti, li jsir xiri esklużivament mingħandhom.

85

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli sa fejn jikkontesta l-evalwazzjoni ta’ elementi fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, dan l-aggravju huwa limitat li jikkontesta konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-kuntratti li kienu jsemmu lill-appellanti bħala “fornituri ppreferuti, prinċipali jew primarji” kienu jimplikaw impenn ta’ esklużività. Il-kwistjoni dwar jekk l-akkordji kinux mifhuma mill-partijiet ikkonċernati bħala tali impenn hija kwistjoni fattwali, li għandha tiġi deċiża abbażi tal-provi disponibbli, u mhux abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregola l-imsemmija kuntratti.

86

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll il-punt dwar jekk il-ftehim inkwistjoni kinux jinkludu mekkaniżmi oħra ta’ inċentiv li jsir xiri esklużivament mingħand il-grupp Tomra. Barra minn hekk, hawn inkwistjoni motiv ġdid inammissibbli fl-istadju ta’ appell.

87

Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-unika parti fl-appell fejn l-appellanti jirreferu għall-ftehim li jsemmu lil Tomra et bħala “fornituri ppreferuti, prinċipali jew primarji” hija f’nota ta’ qiegħ il-paġna li sempliċement telenka numru limitat ta’ ftehim mingħajr ebda spjegazzjoni. Dan ma jistax jitqies li jikkostitwixxi aggravju debitament fondat fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Regoli tal-Proċedura.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti jikkontestaw, minn naħa, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li l-ftehim inkwistjoni kien jikklassifika lill-appellanti bħala “fornituri ppreferuti, prinċipali jew primarji” intiż effettivament għall-esklużività ta’ xiri u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas tal-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kienx jinkludi obbligu formali ta’ esklużività li jinkludi tipi oħra ta’ mekkaniżmi, bħal impenji kwantitattivi jew tnaqqis, intiżi li jinċentivaw lill-klijenti tal-grupp Tomra jixtru mingħand din tal-aħħar.

89

Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-aggravju huwa marbut mal-evalwazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-appellanti u l-klijenti tagħhom. Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni evalwat l-imsemmija karatteristiċi, billi ħadet inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi fattwali li kkaratterizzaw dawn ir-relazzjonijiet.

90

Fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li hija abbażi tal-provi li kienu disponibbli għaliha li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni, kienet ikklassifikat bħala “esklużivi” jew “preferenzjali” il-kuntratti differenti mfassla mill-appellanti u dawn kienu mifhuma bħala tali, indipendentement mill-kwistjoni tan-natura eżekuttiva tagħhom fid-dritt nazzjonali.

91

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, bħala eżempju, fil-punti 58 sa 66 tas-sentenza appellata, kif ukoll fil-punti 88 sa 197 ta’ din is-sentenza, għamlet numru kbir ta’ evalwazzjonijiet dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-grupp Tomra u l-klijenti tiegħu. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall l-argumenti ppreżentati mill-appellanti dwar il-modalitajiet tal-imsemmija relazzjonijiet, filwaqt li kkunsidrathom irrilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ dawn ir-relazzjonijiet mill-Kummissjoni.

92

Dawn l-evalwazzjonijiet kollha kienu jikkonċernaw, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riperkussjonijiet tal-prattiki tal-grupp Tomra u l-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari, fir-rigward tal-mekkaniżmi intiżi li jinċentivaw il-klijenti differenti jixtru b’mod esklużiv mingħand l-appellanti.

93

Minn dan isegwi li l-argument tal-appellanti ppreżentat fuq dan is-suġġett huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali.

94

Din tal-aħħar biss hija kompetenti sabiex, minn naħa, tikkonstata l-fatti, ħlief f’każijiet fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha jirriżultaw mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief f’każijiet ta’ żnaturament tal-elementi ppreżentati lilha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punt 78, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punti 48 u 49).

95

Għandu jingħad ukoll li ebda żnaturament tal-fatti li jikkonċerna l-imsemmija evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma ġie allegat mill-appellanti.

96

Minn dak li ntqal jirriżulta wkoll li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall jekk il-ftehim inkwistjoni kienx jinkludi inċentivi li jsir xiri esklużivament mingħand il-grupp Tomra, b’mod li s-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

97

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni fatturi ta’ inċentiv oħra għall-klijenti tal-appellanti, għandu jiġi osservat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti Ġenerali ma ntalbitx teżamina dan l-argument fil-kuntest tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiemha.

98

Minn dan isegwi li l-argument għandu għalhekk jitqies li huwa motiv ġdid.

99

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti tal-Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p I-1981, punt 59).

100

Konsegwentement, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-multa, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (punti 310 sa 321 tas-sentenza appellata)

L-argumenti tal-partijiet

101

Tomra et isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet fuq l-appellanti multa kunsiderevolment ogħla minn dik imposta fuq impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

102

Il-Kummissjoni tqis li l-argument ippreżentat mill-appellanti ma huwiex fondat fid-dritt. Il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi fiha nfisha ta’ kuntest legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

103

Il-Kummissjoni ssostni li l-ksur allegat fil-konfront tal-appellanti kien ta’ natura manifesta u twettaq b’mod deliberat. Għaldaqstant, ebda ċirkustanza partikolari li tgawdi minn preżunzjoni ta’ tnaqqis tal-multa ma kienet fis-seħħ. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa, stabbilit f’dan il-każ għal EUR 16 miljun, jinsab fil-kategorija prevista għal ksur gravi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

104

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 Ġabra p. I-8935, punt 205, kif ukoll tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 233).

105

Għalhekk, il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell, jekk żieda tas-sanzjonijiet tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li hija rregolata biss mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE] (ĠU 2003 L 1, p. 1) (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 227).

106

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-implementazzjoni tal-imsemmija politika teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ tadatta l-livell tal-multi skont il-bżonnijiet tal-politika f’dan il-qasam (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109).

107

Għandu jingħad ukoll li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru ta’ fatturi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multa, mingħajr ma hemm lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33).

108

Huwa għalhekk b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 314 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argumentazzjoni tal-appellanti bbażata fuq il-paragun bejn il-multa imposta fuq il-grupp Tomra u s-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni f’deċiżjonijiet oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni.

109

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar l-ammont tal-multa imposta, ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

110

Għalhekk, il-ħames aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma jistax jintlaqa’.

111

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

112

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Tomra Systems ASA, Tomra Europe AS, Tomra Systems GmbH, Tomra Systems BV, Tomra Leergutsysteme GmbH, Tomra Systems AB u Tomra Butikksystemer AS huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.