SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikolu 236(2) — Rimbors ta’ dazji mhux legalment dovuti — Terminu — Regolament (KE) Nru 2398/97 — Dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li jorġinaw mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan — Regolament Nru 1515/2001 — Rimbors tad-dazji antidumping imħallsa skont regolament sussegwentement iddikjarat invalidu — Kunċett ta’ ‘forza maġġuri’ — Data tat-tnissil tal-obbligu ta’ rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni”

Fil-Kawża C-533/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal d’instance de Roubaix (Franza) permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2010, fil-proċedura

Compagnie internationale pour la vente à distance (CIVAD) SA

vs

Receveur des douanes de Roubaix,

Directeur régional des douanes et droits indirects de Lille,

Administration des douanes,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenvoský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Compagnie internationale pour la vente à distance (CIVAD) SA, minn F. Citron u B. Servais, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, B. Cabouat u J.-S. Pilczer kif ukoll minn C. Candat, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u H. van Vliet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Dik id-domanda tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Compagnie internationale pour la vente à distance (CIVAD) SA (iktar ’il quddiem is-“CIVAD”) u r-receveur des douanes de Roubaix, id-directeur régional des douanes et droits indirects de Lille u l-administration des douanes dwar talba għar-rimbors ta’ dazji antidumping li hija ħallset indebitament fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta’ l-Artikolu 220(2).

Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu [jinħafru] sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

Ebda ħlas lura jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

2.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu [jinħafru] malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b’riżultat ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu [jaħfru] l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess.”

4

Skont l-Artikolu 243(1) tal-Kodiċi Doganali, “[k]ull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.”.

5

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/97, tat-28 ta’ Novembru 1997 (ĠU L 332, p. 1, u — rettifika — ĠU 1998, L 107, p. 16), stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan.

6

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001, tat-23 ta’ Lulju 2001, fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim [Korp ta’ Riżoluzzjoni tat-Tilwim] tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 50) jiddikjara fl-Artikolu 1(1) tiegħu dawk il-miżuri kif ġej:

“1.   Kull meta id-DSB [Korp ta’ Riżoluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)] tadotta Rapport dwar miżura tal-Komunità li ttieħded skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 [tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45)], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 [tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 78)] jew dan ir-Regolament (‘miżura kontestata’), il-Kunsill jista’, billi jaġixxi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv stabbilit skond l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 384/96 jew l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 (‘Kumitat Konsultattiv’), jieħu wieħed jew aktar mill-miżuri li ġejjin, skond liema tqis xieraq:

a)

tħassar jew temmenda il-miżura kontestata; jew

b)

tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra meqjusa xierqa fiż-ċirkostanzi.”

7

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Kwalunkwe miżura adottata skond dan ir-Regolament, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, jibda jkolla effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdix l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li inġabar qabel dik id-data għandha.”

8

Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapporti adottati mid-DSB fit-30 ta’ Ottubru 2000 u fl-1 ta’ Marzu 2001 dwar dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja (iktar ’il quddiem ir-“rapporti tad-DSB”), il-Kunsill, permezz tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 160/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jemenda r-Regolament Nru 2398/97 (ĠU L 26, p. 1), iddikjara bħala mitmuma l-proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan.

9

Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tagħha tas-27 ta’ Settembru 2007 Ikea Wholesale (C-351/04, Ġabra p. I-7723), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2398/97 huwa invalidu safejn il-Kunsill applika, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping li jirrigwarda l-prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni, il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattiv għal kull waħda mill-klassijiet ta’ prodotti kkonċernati. F’dawk il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll, fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-istess sentenza, li importatur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li quddiem qorti nazzjonali jkun ressaq rikors kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom huwa ġie ordnat iħallas dazji antidumping abbażi tal-imsemmi regolament, li ġie ddikjarat invalidu fl-istess sentenza, għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jagħmel użu minn din l-invalidità fil-kuntest tal-kawża prinċipali sabiex jikseb ir-rimbors ta’ dawn id-dazji skont l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Is-CIVAD, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha huwa stabbilit fi Franza u li l-għan prinċipali tagħha huwa l-bejgħ tal-merkanzija bil-korrispondenza, ikkummerċjalizzat għal dan il-għan friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan.

11

Permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Lulju u tat-28 ta’ Ottubru 2002, is-CIVAD talbet mingħand l-administration des douanes, ir-rimbors tad-dazji antidumping li hija kienet ħallset abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjonijiet ippreżentati, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 2398/97, għall-perijodi ta’ bejn il-15 ta’ Diċembru 1997 u l-25 ta’ Jannar 1999, ta’ bejn l-1 ta’ Frar u t-23 ta’ Lulju 1999, kif ukoll ta’ bejn id-29 ta’ Lulju 1999 u l-25 ta’ Jannar 2002 rispettivament.

12

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2008, l-administration des douanes laqgħet it-talba tas-CIVAD fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjonijiet ippreżentati matul il-perijodu ta’ bejn id-29 ta’ Lulju 1999 u l-25 ta’ Jannar 2002. Għall-kuntrarju, hija ċaħdet dik it-talba fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjonijiet ippreżentati matul iż-żewġ perijodi l-oħra msemmija iktar ’il fuq, minħabba li din saret wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali.

13

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2008, is-CIVAD talbet lill-administration des douanes sabiex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha filwaqt li sostniet li kien impossibbli għaliha li tippreżenta talbiet ta’ rimbors qabel il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-Regolament Nru 160/2002 relatat mat-tmiem tal-proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Pakistan. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2008, l-administration des douanes ċaħdet dik it-talba.

14

Permezz ta’ att tat-2 ta’ Lulju 2009, is-CIVAD bdiet proċeduri, skont l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, quddiem it-Tribunal d’instance de Roubaix kontra r-receveur des douanes de Roubaix, id-directeur régional des douanes et droits indirects de Lille u l-administration des douanes.

15

F’dawk il-kundizzjonijiet, it-tribunal d’instance de Roubaix, peress li kkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża li ġiet ippreżentata quddiemu tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-illegalità ta’ regolament Komunitarju li la abbażi tal-fatti u lanqas abbażi tal-liġi ma jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors individwali għal annullament ippreżentat minn operatur, tikkostitwixxi fil-konfront tiegħu każ ta’ forza maġġuri li jawtorizza li jinqabeż it-terminu previst [fit-tieni subparagrafu tal-]Artikolu 236[(2)] tal-[Kodiċi Doganali]?

2)

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet [tat-tielet subparagrafu] tal-Artikolu 236[(2)] tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jimponu fuq l-awtoritajiet doganali l-obbligu li jagħtu rimbors ex officio tad-dazji antidumping meta l-illegalità tar-regolament tiġi kkonstatata wara li l-legalità tiegħu ġiet ikkontestata minn Stat Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO):

(1)

mid-data tal-ewwel komunikazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat li tikkontesta l-legalità tar-regolament antidumping;

(2)

mid-data tar-rapport tal-grupp speċjali li jikkonstata l-illegalità tar-regolament antidumping;

(3)

mid-data tar-rapport tal-korp tal-appell tad-WTO li wassal lill-Komunità Ewropea sabiex tirrikonoxxi l-illegalità tar-regolament antidumping?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-illegalità ta’ regolament tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri li jippermetti l-proroga tat-terminu ta’ tliet snin li matulu importatur jista’ jitlob ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni imħallsa skont dak ir-regolament.

17

Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, sabiex jinkiseb rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni, l-operatur għandu jippreżenta talba quddiem l-uffiċċju doganali kkonċernat qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin li għandu jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tal-imsemmija dazji lid-debitur.

18

F’dan il-każ, fir-rigward tad-dazji mħallsa bejn l-1 ta’ Frar u t-23 ta’ Lulju 1999 kif ukoll bejn il-15 ta’ Diċembru 1997 u l-25 ta’ Jannar 1999, huwa stabbilit li s-CIVAD ippreżentat it-talbiet ta’ rimbors korrispondenti qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu ta’ tliet snin.

19

Hemm lok li jitfakkar li fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tagħha Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2398/97 huwa invalidu safejn il-Kunsill applika, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping li jirrigwarda l-prodott suġġett għall-investigazzjoni, il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattivi għal kull wieħed mit-tipi ta’ prodotti kkonċernati.

20

Fil-punt 67 tas-sentenza Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw mill-konstatazzjoni tal-imsemmija invalidità u kkonkludiet li, f’tali każ, id-dazji antidumping, mħallsa skont ir-Regolament Nru 2398/97 ma humiex legalment dovuti fis-sens tal-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali u, fil-prinċipju, għandhom jiġu rimborsati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, b’mod konformi ma’ dik id-dispożizzjoni, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom tali rimbors, fosthom dik prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu (ara, ukoll, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-419/08 P, Ġabra p. I-2259, punt 25).

21

Minn dak li ntqal jirriżulta li, wara li tingħata dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ regolament antidumping, operatur ekonomiku, bħala prinċipju, ma jistax iktar jippretendi r-rimbors tad-dazji antidumping li huwa jkun ħallas abbażi ta’ dak ir-regolament u li fir-rigward tagħhom ikun skada t-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali. Fil-fatt l-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, wara limitu ta’ tliet snin, jagħlaq il-possibbiltà ta’ rimbors tad-dazji mhux legalment dovuti.

22

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ modalità proċedurali nazzjonali li tistabbilixxi terminu raġonevoli li matulu operatur ekonomiku huwa obbligat, sabiex ma jitlifx id-dritt, li jitlob ir-rimbors ta’ taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali terminu ta’ dekadenza ma huwiex ta’ natura li tirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li terminu ta’ dekadenza ta’ tliet snin jidher li huwa raġonevoli (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 19; tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 32, u tal-15 ta’ April 2010, Barth, C-542/08, Ġabra p. I-3189, punt 28).

23

Dik il-ġurisprudenza tapplika wkoll meta, eċċezzjonalment, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddeċiedi, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, li jarmonizza l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw it-talbiet ta’ rimbors ta’ taxxi miġbura indebitament. Fil-fatt, terminu ta’ dekadenza raġonevoli, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan ġiex impost mid-dritt nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni, huwa fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna suġġetta għalih kif ukoll lill-awtorità nazzjonali u madankollu ma jipprekludix l-eżerċizzju, mill-persuna suġġetta għalih, tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Aprile, punt 19; Danske Slagterier, punt 32, u Barth, punt 28).

24

Fuq il-kwistjoni dwar jekk l-illegalità tar-Regolament Nru 2398/97 tistax tiġi kkunsidrata bħala forza maġġuri, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni mħallsa, jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti każijiet previsti speċifikament. Għalhekk, tali rimbors jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jippreveduh għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2003, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-156/00, Ġabra p. I-2527, punt 91, u tas-17 ta’ Frar 2011, Berel et, C-78/10, Ġabra p. I-717, punt 62).

25

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ forza maġġuri, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi interpretat b’mod strett.

26

F’dak ir-rigward, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li, peress li l-kunċett ta’ forza maġġuri ma huwiex identiku fl-oqsma differenti ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, it-tifsira tiegħu għandha tiġi stabbilita skont il-kuntest legali li opera fih (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C-314/06, Ġabra p. I-12273, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni doganali, il-kunċett ta’ forza maġġuri, fil-prinċipju, għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi estranji għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ġiet eżerċitata kull diliġenza possibbli (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-334/08, Ġabra p. I-6865, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.

28

Minn dan jirriżulta li, hekk kif il-Qorti tal-Ġusitzzja diġà speċifikat, il-kunċett ta’ forza maġġuri jinkludi element oġġettiv, relattiv għaċ-ċirkustanzi anormali u estranji għall-operatur, u element suġġettiv, relattiv għall-obbligu, fil-konfront tal-parti kkonċernata, li tipproteġi ruħha kontra l-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi (sentenza Société Pipeline Méditerranée u Rhône, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-ebda wieħed minn dawk iż-żewġ elementi ma ġie sodisfatt.

30

Minn naħa, fir-rigward tal-element oġġettiv, l-illegalità ta’ regolament antidumping, bħar-Regolament Nru 2398/97, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza anormali. Għal dan l-għan, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Unjoni hija unjoni tad-dritt li fiha l-istituzzjonijiet, l-organi u l-entitajiet tagħha huma suġġetti għal stħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattati UE u FUE. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija fin-natura tal-affarijiet tad-dritt tal-Unjoni li ċerti regoli li jikkostitwixxuh jistgħu jiġu ddikjarati invalidi.

31

Fir-rigward tal-element suġġettiv, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet tippreżenta talba ta’ rimbors mill-ewwel ħlas tad-dazji antidumping skont l-Artikolu 2398/97, bil-għan partikolarment li tikkontesta l-validità ta’ dak ir-regolament.

32

Għal dan l-għan għandu jitfakkar li l-imsemmija Trattati stabbilew sistema sħiħa ta’ rimedji u proċeduri maħsuba sabiex tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, tal-organi u tal-entitajiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C-550/09, Ġabra p. I-6213, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-kuntest, meta operatur ekonomiku li jqis li saritlu ħsara bl-applikazzjoni ta’ regolament antidumping li huwa jikkunsidra bħala illegali jkun ippreżenta, skont l-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, talba għal rimbors tad-dazji li huwa jkun ħallas u din tkun ġiet miċħuda, huwa jista’ jiftaħ kawża quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti u jeċċepixxi quddiem din tal-aħħar l-illegalità tar-regolament ikkonċernat. Għalhekk dik il-qorti tista’, tabilħaqq għandha, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 276 TFUE, tirreferi l-kwistjoni dwar il-validità tar-regolament inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

34

Peress li s-CIVAD kellha l-possibbiltà li tikkontesta l-validità tar-Regolament Nru 2398/97 qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, billi tippreżenta talba għal rimbors skont l-ewwel subparagrafu tal-imsemmi paragrafu, l-invalidità tal-imsemmi regolament iddikjarata sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala każ ta’ forza maġġuri li waqqfet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli tippreżenta talba għal rimbors fl-imsemmi terminu.

35

F’dawk il-kundizzjonijiet, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-illegalità ta’ regolament ma tikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, li tippermetti proroga tat-terminu ta’ tliet snin li matulu importatur jista’ jitlob ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni mħallsa skont dak ir-regolament.

Fuq it-tieni domanda

36

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali li jipproċedu ex officio bir-rimbors tad-dazji antidumping miġbura skont ir-regolament li sussegwentement ġie ddikjarat mid-DSB bħala mhux konformi mal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”) li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

37

Qabel xejn hemm lok li jitfakkar li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom jipproċedu ex officio bir-rimbors jew bil-maħfra tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni meta huma stess jikkonstataw, matul it-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tal-imsemmija dazji lid-debitur, li l-ammont tagħhom ma kienx dovut legalment fis-sens tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu.

38

Il-konstatazzjoni mid-DSB li regolament antidumping ma huwiex konformi mal-Ftehim antidumping ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza ta’ natura li tippermetti r-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 236(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali.

39

Fil-fatt, l-atti tal-istituzzjonijiet, organi u entitajiet tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ validità u dan jimplika li dawn jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-475/01, Ġabra p. I-8923, punt 18, u tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C-199/06, Ġabra p. I-469, punt 60).

40

Issa, peress li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni bħal regolament antidumping, fejn il-ġurisdizzjoni għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-fatt li d-DSB ikkonstata li regolament antidumping ma huwiex konformi mal-Ftehim antidumping ma huwiex ta’ natura li taffettwa l-preżunzjoni tal-validità ta’ tali regolament.

41

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, ta’ emenda jew ta’ tħassir mill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni, ir-Regolament Nru 2398/97 jibqa’, anki wara l-imsemmija konstatazzjoni mwettqa mid-DSB, obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli f’kull Stat Membru.

42

F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, b’mod konformi tal-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament Nru 1515/2001, meta d-DSB jadotta rapport li jikkonċerna miżura meħuda mill-Unjoni fil-qasam tal-antidumping jew dak ta’ kontra s-sussidji, il-Kunsill jista’, skont il-każ, jew iħassar jew jemenda tali miżura, jew inkella jadotta kull miżura partikolari oħra li titqies adegwata u li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, il-miżuri eventwali adottati mill-Kunsill, jkollhom effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom u ma jistgħux jiġu invokati sabiex jinkiseb ir-rimbors tad-dazji miġbura qabel dik id-data.

43

Isegwi li sas-27 ta’ Settembru 2007, data tal-għoti tas-sentenza Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 2398/97 peress li ma kienx ġie ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja u peress li lanqas ma ġie mħassar jew emendat mir-Regolament Nru 160/2002, u dan indipendentement mill-konstatazzjonijiet tad-DSB fuq il-konformità tar-Regolament Nru 2398/97 mal-Ftehim antidumping, dak ir-regolament kien igwadi mill-preżunzjoni ta’ validità, b’tali mod li l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma setgħux jikkunsidraw, qabel dik id-data, li d-dazji imposti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma kinux legalment dovuti fis-sens tal-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali. F’dawk iċ-ċirkustanzi, huma lanqas ma setgħu, qabel l-imsemmija data, jipproċedu, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali, b’rimbors ex officio tad-dazji antidumping imħallsa skont ir-Regolament Nru 2398/97.

44

F’dawk il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lill-awtoritajiet doganali nazzjonali li jipproċedu ex officio bir-rimbors tad-dazji antidumping, miġbura b’applikazzjoni ta’ regolament tal-Unjoni, abbażi tal-konstatazzjoni mid-DSB dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmi regolament mal-Ftehim antidumping.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-illegalità ta’ regolament ma tikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, li tippermetti proroga tat-terminu ta’ tliet snin li matulu importatur jista’ jitlob ir-rimbors tad-dazji fuq l-importazzjoni mħallsa skont dak ir-regolament.

 

2)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 236(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lill-awtoritajiet doganali nazzjonali li jipproċedu ex officio bir-rimbors tad-dazji antidumping, miġbura b’applikazzjoni ta’ regolament tal-Unjoni, abbażi tal-konstatazzjoni mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni tat-Tilwim dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmi regolament mal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.