SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

“Direttiva 2003/109/KE — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 3(2)(e) — Residenza bbażata fuq permess formalment limitat”

Fil-Kawża C-502/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

Staatssecretaris van Justitie

vs

Mangat Singh,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Singh, minn I. M. Hagg, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Justitie (Segretarju tal-Istat tal-Ġustizzja, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”) u M. Singh wara ċ-ċaħda tat-talba ta’ dan tal-aħħar sabiex jikseb permess ta’ residenza għat-tul — KE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 2, 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat [KE].

[...]

(6)

Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta’ flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju.

[...]

(12)

Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)

it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; […]

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2;

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

a)

jirrisjedu sabiex isegwu studji jew taħriġ vokazzjonali;

b)

ikunu awtorizzati li jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ rpotezzjoni temporanja jew li ikunu appkliaw għall-awtorizzazzjoni biex jirrisjedu fuq dak il-bażi u li ikunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;

ċ)

ikunu awtorizzati li jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ forma sussidjarja ta’ protezzjoni skond obbligi internazzjonali, leġislazzjoni nazzjonali jew il-prattika ta’ l-Istati Membri jew li ikunu appkliaw għall-awtorizzazzjoni biex jirrisjedu fuq dak il-bażi u li ikunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;

d)

ikunu refuġjati jew ikunu applikaw għar-rikonoxximent bħala refuġjati u li l-applikazzjoni tagħhom tkun għada ma tatx lok għal deċiżjoni finali;

e)

jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju bħal ħaddiema au pair jew staġjonali, jew bħala ħaddiema ppustjati [kkollokati] minn provditur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri [transkonfinali], jew bħala provdituri ta’ servizzi bejn il-fruntieri jew fil-każi fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat;

f)

igawdu status legali regolat mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi ta’ l-1961, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar relazzjonijiet Konsulari ta’ l-1963, il-Konvenzjoni ta’ l-1969 dwar Missjonijiet Speċjali jew il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Rappresentazzjoni ta’ Stati fir-Relazzjoni tagħhom ma’ Organizzazzjonijioet Internazzjonali ta’ Karattru Universali ta’ l-1975.”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Tul ta’ żmien ta’ residenza”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.

2.   Il-perjodi ta’ residenza għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2)(e) u (f) ma għandux jingħata kont tagħhom gaħll-finijiet tal-kalkolazzjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

Fir-rigward tal-każijiet koperti bl-Artikolu 3(2)(a), fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat ikun kiseb titolu ta’ residenza li għandu jippermettilu/ha li jingaħat status ta’ residenti għat-tul, nofs biss tal-perjodi ta’ residenza għall-finijiet ta’ studju jew taħriġ vokazzjonali jista’ jingħata kont tiegħu fil-kalkolazzjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

3.   Il-perjodi ta’ assenza mit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat ma għandhomx jinterrompu l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jingħata kont għall-kalkolazzjoni tagħhom meta ikunu iqsar minn sitt xhur konsekuttivi u ma jeċċedux fit-total 10 xhur fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

Fil-każi ta’ raġunijiet speċifiċi jew eċċezzjonali ta’ natura temporanja u skond il-liġi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw li perjodu itwal ta’ assenza minn dak li huwa msemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jinterrompi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1. F’dawk il-każi, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu kont tal-perjodu relevanti ta’ assenza fil-kalkolazzjoni tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jisgħu jagħtu kont fil-kalkolazzjoni tal-perjodu totali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ assenzi li jirrelataw ma’ sekondar għall-finijiet ta’ impieg, inkluża l-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri.”

7

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitlolat “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja:

a)

riżorsi stabbli u regolari li ikunu suffiċjenti biex imantni lilu/ha nnifsu/ha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr rikors għas-sistema ta’ l-assietnza soċjali ta’ l-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri għandhom jevalwaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jagħtu kont tal-livell tal-paga minima u l-pensjoniijiet qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għat-tul;

b)

l-assigurazzjoni tal-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji tiegħu/tagħha fl-Istat membru konċernat;

2.   L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.”

8

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu status ta’ residenti għat-tul fuq il-bażi ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika.

9

Taħt it-titolu “Kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi fil-paragrafu 3:

“Jekk il-kondizzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 4 u 5 jitħarsu, u l-persuna ma tkunx tippresenta theddida skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 6, l-Istat Membru konċernat għandu jagħti liċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat status ta’ residenti għat-tul.”

Id-dritt nazzjonali

10

Id-Direttiva 2003/109 ġiet trasposta fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-liġi għal reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin (Wet tot algehene herziening van de Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), kif emendata bil-Liġi tat-23 ta’ Novembru 2006 (Stb. 2006, Nru 584, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”).

11

L-Artikolu 14 tal-Vw 2000 jipprovdi:

“1.   Il-Ministru tagħna huwa kompetenti sabiex:

a.

japprova, jiċħad jew ukoll sabiex ma jiħux inkunsiderazzjoni t-talba għal permess ta’ residenza għal żmien determinat;

[…]

2.   L-għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat huwa akkumpanjat minn restrizzjonijiet relatati mal-għan segwit. Il-permess jista’ jkun akkompanjat minn kundizzjonijiet. Regoli relatati mar-restrizzjonijiet u mal-kundizzjonijiet jistgħu jiġu adottati minn jew skont miżura amministrattiva ġenerali.

3.   Il-permess ta’ residenza għal żmien determinat jinħareġ għal żmien massimu ta’ ħames snin suċċessivi. Permezz ta’ miżura amministrattiva ġenerali, kundizzjonijiet relatati maż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza u mal-estensjoni tal-perjodu ta’ validità tal-permess ta’ residenza huma adottati.”

12

L-Artikolu 21(1) tal-Vw 2000 jipprovdi:

“Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/109 [...], it-talba għall-ħruġ jew għall-emenda tal-permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fis-sens tal-Artikolu 20 tista’ tiġi miċħuda biss meta l-barrani:

a.

ma kienx residenti legalment għal ħames snin b’mod mhux interrott, fis-sens tal-[imsemmi] Artikolu 8, immedjatament qabel ma ssir it-talba;

b.

matul il-perjodu msemmi taħt a) kellu jew permess ta’ residenza temporanju, jew permess ta’ residenza formalment limitat, jew permess ta’ residenza bħala impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi fil-kuntest ta’ servizzi transkonfinali jew bħala fornitur ta’ servizzi transkonfinali;

c.

matul il-perjodu msemmi taħt a) kien residenti għal sitt xhur konsekuttivi jew iktar jew total ta’ għaxar xhur jew iktar barra mill-Pajjiżi l-Baxxi;

d.

ma għandux b’mod indipendenti u għat-tul biżżejjed mezzi ta’ għixien flimkien jew mingħajr il-membru tal-familja li miegħu huwa residenti;

e.

instab ħati b’sentenza, li saret finali, minħabba reati li għalihom jirriskja piena ta’ ħabs ta’ tliet snin jew iktar, jew ukoll jekk ġiet imposta fuqu miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 37 a tal-Kodiċi Kriminali (Wetboek van Strafrecht);

f.

jirrappreżenta periklu għas-sigurtà nazzjonali;

g.

ma għandux assigurazzjoni għall-mard suffiċjenti għalih innifsu u għall-membri tal-familja li huwa responsabbli minnhom;

h.

ipprovda informazzjoni falza jew naqas li jikkomunika informazzjoni li kienet wasslet għaċ-ċaħda tat-talba għal ħruġ, għal emenda jew għal estensjoni tal-permess;

i.

huwa residenti b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 8(c) jew (d), jew qed jistenna deċiżjoni finali ta’ ħruġ jew ta’ estensjoni tat-tul tal-validità ta’ permess ta’ residenza fis-sens tal-Artikoli 28 jew 33; jew

j.

għandu jew kellu status partikolarment ipprivileġġjat matul il-ħames snin immedjatament qabel it-talba;

k.

ma għaddiex mill-eżami ta’ integrazzjoni previst fl-Artikolu 13 tal-Liġi dwar l-Integrazzjoni.”

13

Id-Digriet dwar il-Barannin (Vreemdelingenbesluit, Stb. 2000, no 497), li huwa previst mill-Vw 2000, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2001 (iktar ’il quddiem il-“Vb 2000)”.

14

L-Artikolu 3.5 tal-Vb 2000 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-dritt ta’ residenza bbażat fuq il-permess ta’ residenza għal żmien determinat imsemmi fl-Artikolu 14 tal-[Vw 2000] huwa temporanju jew mhux temporanju.

2.   Id-dritt ta’ residenza huwa temporanju jekk il-permess ta’ residenza jingħata b’restrizzjoni, u jkollu rabta ma’:

a.

il-formazzjoni tal-familja jew ir-riunifikazzjoni familjari ma’ persuna li għandha dritt ta’ residenza temporanju jew detentur tal-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 28 tal-[Vw 2000], jew jekk huwa residenti għand tali persuna jew għand tali detentur għall-adozzjoni jew ukoll wild li jinsab f’istitut;

b.

l-istennija tal-investigazzjoni tal-adegwatezza tal-kandidati għall-adozzjoni, imsemmija fl-Artikolu 11 tal-liġi dwar l-eliġibbiltà ta’ wlied barranin għall-adozzjoni;

c.

iż-żjara tal-familja;

d.

l-eżerċizzju ta’ xogħol bħala mexxej spiritwali jew għalliem tar-reliġjon, sakemm id-detentur ma jirċevix id-dritt ta’ residenza abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Assoċjazzjoni 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE/Turkija;

e.

ir-riċerka u l-eżerċizzju ta’ impjieg jew le, sakemm id-detentur ma jirċevix id-dritt ta’ residenza mid-Deċiżjoni ta’ Assoċjazzjoni 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE/Turkija;

f.

it-tfittxija għal impjieg abbord bastiment Olandiż jew impjant tal-minjieri fuq il-kontinent, sakemm id-detentur ma jirċevix id-dritt ta’ residenza mid-Deċiżjoni ta’Assoċjazzjoni 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE/Turkija;

g.

it-tentattiv għat-tkomplija jew ir-reintegrazzjoni fl-impjieg abbord bastiment Olandiż jew impjant tal-minjieri fuq il-kontinent, sakemm id-detentur ma jirċevix id-dritt ta’ residenza mid-Deċiżjoni ta’Assoċjazzjoni 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE/Turkija;

h.

ir-residenza bħala stagiare;

i.

ir-residenza bħala suldat mhux privileġġjat jew bħala persuna ċivili mhux privileġġjata;

j.

il-konsegwenza ta’ studji;

k.

il-preparazzjoni ta’ studji;

l.

ir-residenza bħala tfajla au pair;

m.

ir-residenza fil-kuntest ta’ skambju;

n.

il-montitoraġġ ta’ trattament mediku;

o.

il-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin;

p.

l-istennija ta’ talba bbażata fuq l-Artikolu 17 tal-Liġi dwar iċ-ċittadinanza Olandiża;

q.

ir-residenza bħala barrani minuri mhux akkumpanjat;

r.

ir-residenza bħala barrani li ma jistax iħalli l-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma’ jista’ jkun responsabbi għal dan; jew

s.

attività fil-kuntest ta’ offerta ta’ servizzi transkonfinali, kif huwa previst fl-Artikolu 1(e) tad-digriet ta’ implementazzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol tal-barranin;

t.

il-fatt li qatta’ l-vaganzi tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

3.   Jekk il-permess ta’ residenza jinħareġ taħt xi restrizzjoni oħra li ma hijiex dik imsemmija fit-tieni [paragrafu], id-dritt ta’ residenza ma huwiex temporanju, sakemm ma ġiex deċiż mod ieħor meta nħareġ il-permess ta’ residenza.”

15

L-Artikolu 3.33(1) tal-Vb 2000 jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3.31, il-permess ta’ residenza għal żmien determinat, imsemmi fl-Artikolu 14 tal-Vw 2000, akkumpanjat b’restrizzjoni relatata mal-eżerċizzju ta’ attività ta’ impjieg bħala mexxej spiritwali jew għalliem tar-reliġjon, jingħata biss jekk il-barrani jiddikjara bil-miktub li li huwa ġie infurmat li:

a.

ir-residenza hija permessa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ mexxej spiritwali jew ta’ għalliem tar-reliġjon għall-grupp li għandu jissemma’ speċifikatament;

b.

ir-residenza hija permessa biss għat-tul ta’ dawn l-attivitajiet;

c.

fl-aħħar ta’ dawn l-attivitajiet, huwa jrid jitlaq mill-Pajjiżi l-Baxxi, u

d.

ma huwiex permess lilu, matul ir-residenza tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jeżerċita attivtijaiet ta’ natura oħra.”

16

Fiċ-ċirkulari dwar il-barranin (Vreemdelingencirculaire, iktar ’il quddiem il-“Vc 2000”), il-ministru jiddeskrivi l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-kompetenzi li ġew attribwiti lilu bil-Vw 2000 u BIl-Vb 2000.

17

Il-paragrafu B1/2.4 tal-Vc 2000 jipprovdi:

“[...]

Id-dritt ta’ residenza li huwa min-natura tiegħu temporanja, huwa kklassifikat bħala dritt ta’ residenza temporanju. Il-kwistjoni jekk id-dritt ta’ residenza huwiex ta’ natura temporanja jew le hija rilevanti biss sakemm il-barrani jkollu permess ta’ residenza għal żmien determinat fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Vw [2000]. Dan il-permess ta’ residenza jista’ jimplika d-dritt ta’ residenza temporanju jew mhux temporanju. It-tul tad-dritt ta’ residenza ma għandu l-ebda konnessjoni mal-fatt li l-permess ta’ residenza għal żmien determinat inħareġ għal perijodu massimu ta’ ħames snin. It-tul tad-dritt ta’ residenza lanqas ma jirriżulta mill-fatt li l-permess ta’ residenza dejjem inħareġ b’restrizzjoni.

Il-permess ta’ residenza għal żmien determinat jagħti lid-detentur tiegħu jew dritt għal residenza temporanju, jew dritt ta’ residenza temporanju. Huwa biss l-Artikolu 3.5 tal-[Vb 2000] li jista’ jiddetermina jekk id-dritt ta’ residenza tal-barrani huwiex temporanju jew mhux temporanju. Jekk il-permess ta’ residenza jkun inħareġ akkumpanjat minn restrizzjoni oħra msemmija fit-tieni [paragrafu], allura r-residenza tal-barrani hija ta’ natura temporanja. Jekk il-permess ta’ residenza nħareġ akkumpanjat minn restrizzjoni oħra, allura r-residenza tal-barrani fil-prinċipju min-natura tagħha ma hijiex temporanja.

[…]”

18

Il-paragrafu B1/7.1.2 tal-Vc 2000 huwa fformulat kif ġej:

“Matul l-eżami tat-talba għal ħruġ ta’ permess ta’ residenza regolari għal żmien indeterminat, huwa importanti ħafna li d-dritt ta’ residenza tal-barrani jkun ta’ natura mhux temporanja. [...] Skont l-Artikolu 21[(1)[(b) tal-[Vw 2000], it-talba għall-ħruġ jew l-emenda ta’ permess ta’ residenza għal żmien indeterminat skont l-Artikolu 20 tal-[Vw 2000] tista’ tiġi rrifjutata jekk kien hemm kwistjoni ta’ dritt ta’ residenza formalment limitat jew dritt ta’ residenza bħala impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi fil-kuntest ta’ servizzi transkonfinali jew bħala fornitur ta’ servizzi transkonfinali.”

19

II-liġi tas-7 ta’ Lulju 2010 (Stb. 2010, no 209) u d-digriet tal-24 ta’ Lulju 2010 (Stb. 2010, Nru 307), li ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali jikkunsidraw li r-residenza ta’ mexxejja spiritwali jew ta’ għalliema tar-reliġjon hija min-natura tagħha mhux temporanja, u għaldaqstant tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ordinarju għal żmien indeterminat imsejjaħ “residenti KE għat-tul”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

M. Singh, ċittadin Indjan, wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-4 ta’ Settembru 2001. Fit-22 ta’ Ottubru ta’ wara, ingħatalu permess ta’ residenza regolari għal żmien determinat, li l-validità tiegħu kienet limitata għall-eżerċizzju ta’ attività bħala mexxej spiritwali jew għalliem tar-reliġjon, għall-perijodu sat-6 ta’ Settembru 2002. Il-validità ta’ dan il-permess ġie estiż sad-19 ta’ Jannar 2005, wara sad-19 ta’ Jannar 2008. Sadanittant, ir-restrizzjoni li għaliha kien suġġett il-permess ġiet emendata fis-sens li l-validità ta’ dan il-permess issa kien limitat għall-eżerċizzju ta’ attività bħala mexxej spiritwali.

21

Fit-30 ta’ Mejju 2007, M. Singh ressaq talba sabiex jakkwista permess ta’ residenza għat-tul — KE. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2007, l-iStaatssecretaris ċaħad din it-talba skont l-Artikoli 21(1)(b) tal-Vw 2000 u 3.5(2)(d) tal-Vb 2000, filwaqt li estenda ż-żmien tal-permess għal żmien determinat sad-19 ta’ Jannar 2009.

22

M. Singh ressaq ilment kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem l-iStaatssecretaris, li wkoll ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar fis-26 ta’ Frar 2008. Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ April 2009, ir-Rechtbank ‘s-Gravenhage laqgħet ir-rikors ta’ M. Singh kontra din id-deċiżjoni u ordnat lill-iStaatssecretaris sabiex jadotta deċiżjoni ġdida dwar dan l-ilment billi jiġu kkunsidrati l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza tagħha.

23

Skont l-imsemmija qorti, id-Direttiva 2003/109 ma kellhiex l-għan li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha sitwazzjoni fejn, min-natura tagħha, il-permess ta’ residenza mogħti lill-barrani ma għandux jiġi kkunsidrat bħala temporanju, peress li l-Artikolu 3(2)(e) ta’ din id-direttiva japplika biss għal sitwazzjonijiet fejn ir-residenza hija min-natura tagħha temporanja. F’dan ir-rigward, l-effettività ta’ din id-direttiva tkun imxekkla jekk Stat Membru kien awtorizzat li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sitwazzjoni ta’ barrani li għandu permess ta’ residenza li jista’ jiġi estiż b’mod illimitat.

24

L-iStaatssecretaris appella kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

25

Skont din il-qorti, jista’ jiġi ammess li t-termini “formalment limitat” fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jakkumpanjaw permess ta’ residenza formali għal żmien determinat b’restrizzjonijiet formali, sakemm dawn tal-aħħar jiżguraw effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva.

26

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, it-tifsira tal-kunċett ta’ “permess ta’ residenza formalment limitat” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex stabbilita u l-għoti ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri jista’ jippreġudika l-effettività tad-Direttiva 2003/109 jew l-għan tiegħu li huwa li tinkiseb armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-akkwist tal-istatus ta’ residenti għat-tul — KE.

27

Fir-rigward tal-permessi ta’ residenza għal żmien determinat akkumpanjati b’restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività bħala mexxej spiritwali jew għalliem tar-reliġjon, il-qorti tar-rinviji tirrileva li huwa paċifiku li ż-żmien tagħhom jista’ jiġi estiż b’mod indeterminat sakemm id-detentur tagħhom ikompli jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti mil-leġiżlazzjoni Olandiża u li, barra minn hekk, minn dokumenti uffiċjali tad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tal-Integrazzjoni jirriżulta li, fil-prattika, bosta barranin li huma residenti bħala mexxejja spiritwali fit-territorju Olandiż ma jitilqux minn dan it-territorju. Huwa minħabba tali konstatazzjoni li r-residenza ta’ mexxejja spiritwali u ta’ għalliema tar-reliġjon fil-Pajjiżi l-Baxxi ġiet ikkunsidrata bħal li hija min-natura tagħha mhux temporanja fil-leġiżlazzjoni l-ġdida msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza.

28

Huwa f’dan il-kuntest li l-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri qudddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ permess ta’ residenza li ġie formalment limitat, fil-kuntest […] tal-Artikolu 3(2)(e) [bidu u (e)] tad-Direttiva 2003/109 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi permess ta’ residenza għal żmien determinat li, skont id-dritt Olandiż, ma joffri ebda possibbiltà li jinkiseb permess ta’ residenza għal zmien indeterminat, u dan anki jekk il-perijodu ta’ validità ta’ dan il-permess ta’ residenza jista’ [fil-prinċipju] jiġi estiż [b’mod illimitat] u anki jekk minn dan jirriżulta li grupp partikolari ta’ persuni, bħall-mexxejja spiritwali u l-għalliema tar-reliġjon, huwa eskluż mill-applikazzjoni tad-direttiva?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2)(e) għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat” jinkludix permess ta’ residenza għal żmien determinat, mogħti għall-benefiċċju ta’ grupp partikolari ta’ persuni, li l-validità tiegħu ġiet estiża b’mod illimitat, mingħajr madankollu ma joffri l-ebda possibbiltà ta’ ksib ta’ permess ta’ residenza għal zmien indeterminat.

Fuq il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109

30

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/109, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkopri ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

31

Madankollu, skont it-termini tal-paragrafu 2(e) tal-istess artikolu, l-imsemmija direttiva ma tapplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja, pereżempju bħala persuni au pair jew ħaddiema staġjonali jew bħala ħaddiema kkollokati minn fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali, jew bħala fornituri ta’ servizzi transkonfinali, jew meta l-permess tar-residenza tagħhom ikun ġie formalment limitat.

32

B’hekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu qabel kollox jiġi ddeterminat jekk it-termini “fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat” jirreferux għal każ inkwistjoni differenti minn dak ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi “li jirrisjedu unikament fuq bażi [għal raġunijiet ta’ natura] temporanju” jew, għall-kuntrarju, bħall-persuni au pair, il-ħaddiema staġjonali jew ikkollokati u l-fornituri ta’ servizzi transkonfinali, dan huwa biss eżempju ieħor li jillustra dan l-aħħar każ inkwistjoni, li għaldaqstant ikun il-każ biss imsemmi fl-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-termini litterali ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huma, f’numru kbir ta’ verżjonijiet lingwistiċi, mingħajr ebda sinjifikat univoku u għaldaqstant ma jistgħux jiddeterminaw għaldaqstant b’mod ċar u mad-daqqa t’għajn il-portata eżatta tagħha.

34

Rigward l-interpretazzjoni loġika tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-persuni au pair, il-ħaddiema staġjonali jew ikkollokati u l-fornituri ta’ servizzi transkonfinali jirrisjedu fl-Istat Membru kkonċernat esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja, dan ma huwiex neċessarjament il-każ għal ċittadini li l-permess ta’ residenza huwa formlament limitat.

35

Fil-fatt, l-eventwali limitazzjonijiet formali li jakkumpanjaw permess ta’ residenza ma humiex limitati għan-natura temporanja ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, anki jekk il-limitazzjoni formali tal-“permess” tinkludi biss in-natura temporanja tiegħu, dan ma jfissirx li b’daqshekk ir-raġuni stess ta’ “permess” għandha, bħal dik ta’ persuna au pair, ta’ ħaddiem staġjonali jew ikkollokat jew fornitur ta’ servizzi transkonfinali, natura purament temporanja.

36

Barra minn hekk, il-permessi ta’ residenza ħafna drabi jingħataw għal perjodu limitat, b’tali mod li, jekk il-limitazzjoni formali tal-permess għandha tiġi interpretata esklużivament bħala limitazzjoni li tirriżulta min-natura temporanja tar-raġunijiet tar-residenza, it-termini “fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat” jikkostitwixxu mhux eżempju li jillustra t-termini “li jirrisjedu unikament fuq bażi temporanju”, iżda pjuttost ripetizzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

37

Bl-istess mod, jekk it-tieni interpretazzjoni msemmija fil-punt 32 tal-imsemmija sentenza kellha tiġi ammessa, l-użu tal-konġunzjoni “jew” quddiem tal-kliem “fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat” ikun diffiċli jista’ jiġi kkonċiljat mal-fatt li l-permess ta’ residenza mogħti lill-persuni au pair, lill-ħaddiema staġjonali jew ikkollokati kif ukoll lill-fornituri ta’ servizzi transkonfinali hija ta’ spiss formalment ristretta għall-imsmemija attivitajiet.

38

B’hekk, l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal żewġ każijiet inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa waħda, dak ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu esklużivament għal motivi ta’ natura temporanja u, min-naħa l-oħra, dak ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-permess ta’ residenza tagħhom ġie formalment limitat.

Fuq it-tifsira tat-termini “fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat”

39

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, skont it-termini tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2003/109, l-għan tagħha huwa li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ resident għat-tul mogħti minn Stat Membru liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tiegħu, kif ukoll id-drittijiet relatati ma’ dan, l-imsemmi għan ma jinkludix la d-determinazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza legali” u lanqas il-kundizzjonijiet jew id-drittijiet relatati mal-imsemmija residenza, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

40

B’hekk, dawn tal-aħħar jistgħu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom dwar l-immigrazzjoni, jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali, u f’dan il-kuntest, jillimitaw formalment il-permessi ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

41

Madankollu, ma huwiex biżżejjed li permess ta’ residenza jkun strettament limitat taħt id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109.

42

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C-425/10, Ġabra p. I-14035, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Issa, jekk il-formulazzjoni tal-Artikolui 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 ma tagħti ebda preċiżjoni dwar il-mod kif għandhom jinftehmu t-termini “fejn il-permess tar-residenza tagħhom ikun ġir [ġie] formalment limitat”, din id-direttiva ma tagħmel ebda riferiment iktar għad-drittijiet nazzjonali sa fejn jirrigwarda s-sinjifikat ta’ dawn it-termini. Minn dan jirriżulta li dawn għandhom jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, bħala li jindikaw kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jkun interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

44

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tas-sinjifikat u tal-portata tal-kliem, li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni, għandha tiġi stabbilita, b’mod partikolari, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C-336/03, Ġabra p. I-1947, punt 21; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, Ġabra p. I-11061, punt 17; tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C-151/09, punt 39, u tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle, C-341/10, Ġabra p. I-9821, punt 31).

45

Kif jirriżulta mill-premessi 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109, l-għan prinċipali tagħha huwa l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għat-tul fl-Istati Membri (ara sentenza tas-26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-508/10, punt 66). Bl-istess mod, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar hija intiża, permezz tal-għoti tal-istatus ta’ resident lill-imsemmija ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li tqarreb l-istatus ġuridiku ta’ dawn tal-aħħar għal-istatus ta’ ċittadini tal-Istati Membri.

46

Kif jirrilevaw l-Artikolu 4(1) u l-premessa 6 tad-Direttiva 2003/109, huwa ż-żmien tar-residenza legali u kontinwu għal ħames snin li jistabbilixxi l-għeruq tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż u għaldaqstant li din il-persuna hija residenti għat-tul f’dan tal-aħħar.

47

Fid-dawl tal-għanijiet msemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, għalkemm tkun legali u għal żmien eventwalment kontinwu, ma tirriflettix a priori l-intenzjoni tagħhom li jirrisjedu għat-tul fit-territorju tal-Istati Membri.

48

B’hekk, l-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ir-residenza “fuq bażi [għal raġunijiet ta’ natura] temporanju”. Dawn ir-raġunijiet jimplikaw, fil-fatt, residenza mhux għat-tul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru kkonċernat. Din id-direttiva tagħti f’dan ir-rigward xi eżempji ta’ residenza marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività min-natura tagħha temporanja, bħax-xogħol au pair, ix-xogħol staġjonali jew il-provvista ta’ servizzi transkonfinali.

49

Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni teskludi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tad-Direttiva 2003/109 iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fi Stat Membru abbażi ta’ permess ta’ residenza strettament limitat.

50

Kuntrarjament għall-każijiet inkwistjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li r-residenza tagħhom hija dovuta esklużivament għal raġunijiet ta’ natura temporanja, fejn huwa paċifiku li din in-natura temporanja ma tippermettix ir-residenza l-istabbiliment għat-tul taċ-ċittadin ikkonċernat, il-fatt li permess ta’ residenza għandha restrizzjoni formali ma jistax jippermetti, fih innifsu, li jkun magħruf jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jistax ikun residenti għat-tul fl-Istat Membru, minkejja l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni.

51

B’hekk, permess ta’ residenza formalment limitat fis-sens tad-dritt nazzjonali, iżda li l-limitazzjoni formali tiegħu ma tostakolax ir-residenza għat-tul taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ma jistax jiġi kklassifikat bħala permess ta’ residenza formlament limitat fis-sens tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109, taħt piena li jipperikola t-twettiq tal-għanijiet intiżi minn din id-direttiva u, għaldaqstant, iċaħħadha mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza il-Kummissjoni vs Il-Pajjiż l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-limitazzjoni formali ta’ permess ta’ residenza skont id-dritt nazzjonali tippermettix jew le r-residenza għat-tul tad-detentur ta’ dan il-permess fl-Istat Membru kkonċernat.

53

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-fatt li l-limitazzjoni formali tirrigwarda biss grupp speċifiku ta’ persuni ma huwiex, fil-prinċipju, rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva 2003/109.

54

Għall-kuntrarju, il-fatt li l-validità ta’ permess ta’ residenza tiġi estiża għal perijodi suċċessivi, inkluż lil hinn minn żmien ta’ ħames snin, u, b’mod partikolari, b’mod illimitat, jista’ jikkostitwixxi indikatur importanti tali li jista’ jiġi konkluż li l-limitazzjoni formali li hija marbuta ma’ dan il-permess ma tostakolax ir-residenza għat-tul taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jekk dan huwiex verament il-każ.

55

Jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-limitazzjoni formali marbuta mal-permess ta’ residenza ma tostakolax ir-residenza għat-tul taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, il-permess ta’ residenza inkwistjoni ma jaqax taħt l-Artikolu 3(2)(e) tad Direttiva 2003/109 u r-residenza li ssir abbażi ta’ tali permess għandha tiġi kkunsidrata bħala residenza legali għall-finijiet tal-akkwist mid-detentur tagħha tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għat-tul.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata riposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 3(2)(e) tad Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza […] [li ġie] formalment limitat” ma jinkludix permess ta’ residenza għal żmien determinat, mogħti għal grupp speċifiku ta’ persuni, li l-validità tiegħu jista’ jiġi estiż b’mod illimitat, mingħajr madankollu ma joffri l-ebda possibbiltà li jinkiseb permess ta’ residenza għal żmien indeterminat, sakemm tali limitazzjoni formali ma tostakolax ir-residenza għat-tul taċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru kkonċernat, li hija l-qorti tar-rinviju nazzjonali li għandha tivverifika dan.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “permess ta’ residenza […] [li ġie] formalment limitat” ma jinkludix permess ta’ residenza għal żmien determinat, mogħti għal grupp speċifiku ta’ persuni, li l-validità tiegħu jista’ jiġi estiż b’mod illimitat, mingħajr madankollu ma joffri l-ebda possibbiltà li jinkiseb permess ta’ residenza għal żmien indeterminat, sakemm tali limitazzjoni formali ma tostakolax ir-residenza għat-tul taċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru kkonċernat, li hija l-qorti tar-rinviju nazzjonali li għandha tivverifika dan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.