SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

“Politika agrikola komuni — Skema ta’ pagament wieħed skont l-erja — Regolament (KE) Nru 1973/2004 — Artikolu 138(1) — Esklużjoni mill-benefiċċju tal-għajnuna fil-każ ta’ ineżattezza tal-erja ddikjarata — Natura amministrattiva jew kriminali ta’ din is-sanzjoni — Regola li tipprojbixxi l-kumulu ta’ sanzjonijiet kriminali — Prinċipju ta’ ne bis in idem”

Fil-Kawża C-489/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (Il-Polonja), permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Ottubru 2010, fil-proċeduri kriminali kontra

Łukasz Marcin Bonda,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, A. Borg Barthet (Relatur), L. Bay Larsen, M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Bonda, minn J. Markowicz, adwokat,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, D. Krawczyk u B. Majczyna, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004, tad-29 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskemi ta’ appoġġ li hemm provvediment għalihom fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ art imwarrba [art imserrħa] għall-produzzjoni ta’ materja prima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, 330M, p. 58)

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa kontra L. Bonda minħabba frodi mwettqa minnu fid-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar l-erja agrikola ammissibbli għall-benefiċċju ta’ pagament wieħed skont l-erja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Skont l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984 (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll Nru 7”):

“Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.”

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru°2988/95

4

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), fir-raba’, il-ħames, id-disa’, l-għaxar u t-tnax-il premessa tiegħu jistabbilixxi:

“Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità;

Billi mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament;

[…]

Billi l-miżuri u l-penali tal-Komunità stabbiliti skond l-għanijiet tal-politika agrikola komuni jifformaw parti integrali mis-sistemi ta’ l-għajnuna; billi dawn isegwu l-għanijiet tagħhom li ma jaffettwawx il-valutazzjoni tal-kondotta ta’l-operaturi ekonomiċi involuti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri mill-aspett tal-liġi kriminali; billi l-effikaċja tagħhom għandha tiġi żgurata mill-effett immedjat tar-regoli tal-Komunità u billi jiġu applikati bis-sħiħ il-miżuri Komunitàrji kollha, fejn minkejja li jiġu adottati l-miżuri preventivi ma saritx ħaġa possibbli li jintlaħaq dak l-għan;

Billi mhux biss taħt il-prinċipju ġenerali ta’ l-ekwità u l-prinċipju tal-proporzjonalità iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiġu adottati filwaqtli jiġi rrispettat l-acquis communautaire u d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’regoli speċifiċi tal-Komunità li kienu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta’ penali finanzjarji tal-Komunità u penali kriminali nazzjonali imposti fuq l-istess persuni għall-istess raġunijiet ;

[…]

Billi dan ir-Regolament għandu jgħodd mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Istati Membri”.

5

L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali [miżuri u sanzjonijiet amministrattivi] li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

6

Skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament:

“1.   Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali [s-sanzjonijiet amministrattivi] għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.

2.   Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.

3.   Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.

4.   Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.”

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

3.   L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

8

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali [is-sanzjonijiet] amministrattivi:

a)

il-ħlas ta’ multa amministrattiva;

b)

il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; din is-somma addizzjonali għandha tiġi stabbilita skond persentaġġ li għandu jiġi stabbilit fir-regoli speċifiċi, u m’għandux jeċċedi l-livell strettament neċessarju biex jikkostitwixxi deterrent;

ċ)

it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

d)

l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta’ l-irregolarità;

e)

l-irtirar temporanju ta’ l-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent meħtieġ għall-parteċipazzjoni fi skema ta’ għajnuna tal-Komunità;

f)

it-telf ta’ garanzija jew depożitu provdut għall-iskop tal-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati mir-regoli jew ir-riforniment ta’l-ammont tal-garanzija lliberata bla jedd;

ġ)

penali oħra ta’ tip purament ekonomiku, ekwivalenti fin-natura u l-qasam ta’ applikazzjoni, kif hemm provdut fir-regoli settorjali adottati mill-Kunsill fid-dawl tal-ħtiġiet speċifiċi ta’ l-oqsma involuti u b’konformità mal-poteri ta’ l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli settorjali eżistenti fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, irregolaritajiet oħra jistgħu jagħtu lok biss għal dawk il-penali li m’humiex ekwivalenti għal penali kriminali li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1, sakemm dawk il-penali jkunu essenzjali biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tar-regoli.”

9

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-miżuri amministrattivi u l-penali [għall-miżuri u sanzjonijiet amministrattivi] tal-Komunità adottati abbazi tar-regoli settorjali li jkunu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-imposizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji bħal multi amministrattivi tista’ tiġi sospiża b’deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti jekk ikunu nbdew proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata in konnessjoni mal-istess fatti. Is-sospensjoni tal-proċeduri amministrattivi għandha tissospendi l-perjodu tal-limitazzjoni li hemm provdut f’Artikolu 3.

2.   Jekk il-proċeduri kriminali ma jitkomplewx, il-proċeduri amministrattivi li jkunu ġew sospiżi għandhom jerġgħu jinbdew.

3.   Meta l-proċeduri kriminali jintemmu, il-proċeduri amministrattivi li jkunu ġew sospiżi għandhom jerġgħu jinbdew, ħlief meta l-prinċipji legali ġenerali jimpedixxu dan.

4.   Fejn il-proċedura amministrattiva terġa’ tinbeda, l-awtorità amministrattiva għandha tiżgura li piena li talanqas tkun ekwivalenti għal dak stipulat mir-regoli tal-Komunità tiġi mposta, li tista’ tieħu tieħu in konsiderazzjoni kull penali imposta mill-awtorità ġudizzjarja fuq l-istess persuna fir-rigward tal-istess fatti.

5.   Paragrafi 1 sa 4 m’għandhomx japplikaw għal penali finanzjarji li jifformaw parti integali mis-sistemi ta’ appoġġ finanzjarju u jistgħu jiġu applikati indipendentement minn kull penali kriminali, jekk u sakemm ma jkunux ekwivalenti għal dawk il-penali.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

10

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), kif emendat bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 118/2005, tas-26 ta’ Jannar 2005 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 330M, p. 149), fil-premessa 21 jistabbilixxi:

“L-iskemi ta’ appoġġ taħt il-politika agrikola komuni jipprovdu għal appoġġ permezz ta’ dħul dirett b’mod partikolari bil-għan li jiġi żgurat livell ta’ għajxien imparzjali għall-Komunità agrikola. Dan l-għan hu relatat mill-qrib mal-manteniment taż-żoni rurali. Biex tkun evitata l-misallokazzjoni tal-fondi tal-Komunità, l-ebda pagamenti m’għandhom isiru lill-bdiewa li artifiċjalment ħolqu l-kondizzjonijiet mitluba biex jinkisbu tali pagamenti”.

11

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1782/2003:

“1.   Mingħajr preġudizzju għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, fejn jinstab illi l-bidwi mhux qiegħed joqgħod għall-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità relevanti għall-għoti ta’ l-għajnuna kif ipprovdut f’dan ir-Regolament jew fl-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999, il-pagament jew il-pagament parzjali mogħti jew li ser jingħata u li għalih intlaqgħu l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għandu jkun suġġett għat-tnaqqis u esklużjonijiet stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-persentaġġ ta’ riduzzjoni għandu jkun iggradat skond is-severità, il-miżura, il-permanenza u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza misjuba u jista’ jwassal għall-esklużjoni totali minn waħda jew iktar mill-iskemi ta’ għajnuna għal sena kalendarja jew iktar.”

Ir-Regolament Nru 1973/2004

12

Il-premessa 69 tar-Regolament Nru 1973/2004 tistabbilixxi:

“L-Artikolu 143b tar-Regolament […] Nru 1782/2003 jippermetti r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (l-Istati Membri l-ġodda) li jibdlu l-pagamenti diretti ma’ pagament wieħed (“l-iskema ta’ pagament wieħed skond l-erja”). Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja għamlu dik l-għażla. Għaldaqstant għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament wieħed skond l-erja.”

13

L-Artikolu 138 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Minbarra f’każijiet ta’ xi forza maġġuri jew ċirkostanzi eċċezzjonali kif iddefiniti mill-Artikolu 72 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, fejn, b’riżultat ta’ kontroll amministrattiv jew fuq il-post, jinstab li d-differenza stabbilita bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata, skond it-tifsira tal-punt (22) ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, tkun aktar minn 3 % imma mhux aktar minn 30 % ta’ l-erja ddeterminata, l-ammont li jrid jingħata taħt l-iskema ta’ pagament wieħed skond l-erja għandu jitnaqqas, għas-sena kkonċernata, bid-differenza li tinstab għal darbtejn.

Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 30 % ta’ l-erja ddeterminata, ma tingħata ebda għajnuna għas-sena kkonċernata.

Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 50 %, il-bidwi għandu jiġi eskluż għal darb’oħra milli jirċievi l-għajnuna sa ammont li jkun jikkorrispondi għad-differenza ta’ bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata. Dak l-ammont għandu jinqata’ kontra pagamenti għall-għajnuna li jkun intitolat għalihom il-bidwi fil-kuntest ta’ l-applikazzjonijiet li jiddepożita fil-perkors tat-tliet snin kalendarji wara s-sena kalendarja ta’ din il-konstatazzjoni.

2.   Fejn id-differenzi bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata jirriżultaw minn irregolaritajiet kommessi b’mod intenzjonat, l-għajnuna li għaliha l-bidwi kien ikun intitolat m’għandhiex tingħata għas-sena kalendarja kkonċernata.

Barra minn hekk, fejn dik id-differenza tkun aktar minn 20 % ta’ l-erja ddeterminata, il-bidwi għandu jiġi eskluż għal darb’oħra milli jirċievi l-għajnuna sa ammont li jkun jikkorrispondi għad-differenza ta’ bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata. Dak l-ammont għandu jinqata’ kontra pagamenti għall-għajnuna li jkun intitolat għalihom il-bidwi fil-kuntest ta’ l-applikazzjonijiet li jiddepożita tul it-tliet snin kalendarji wara s-sena kalendarja ta’ din il-konstatazzjoni.

3.   Għall-iskop li tiġi stabbilita l-erja ddeterminata skond it-tifsira tal-punt (22) ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, għandhom japplikaw l-Artikolu 143b(5) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 143b(6) tar-Regolament [...] Nru 1782/2003 u l-Artikolu 137 ta’ dan ir-Regolament.”

Il-leġiżlazzjoni Pollakka

14

L-Artikolu 297(1) tal-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 1997 li tinkludi l-Kodiċi Kriminali (ustawa z dnia 6 czerwca 1997 r. — Kodeks karny Dz. U tal-1997, Nru°88, pożizzjoni 553), jistabbilixxi:

“Huwa suġġett għal piena ta’ ħabs minn tliet xhur sa ħames snin kull individwu li, sabiex jikseb, għalih jew għal kull persuna oħra, mingħand bank jew mingħand entità organizzattiva li teżerċita attività ekonomika simili skont il-liġi, jew mingħand korp jew mingħand istituzzjoni li tuża riżorsi pubbliċi, kreditu, self, miżura kawtelatorja, garanzija, ittra ta’ kreditu, dotazzjoni, sussidju, konferma minn bank tal-impenn li jirriżulta minn miżura kawtelatorja, minn garanzija jew minn self finanzjarju simili li għandu għan ekonomiku partikolari, strument elettroniku ta’ ħlas, jew kuntratt pubbliku, ikun ippreżenta dokument falz, imbagħbas, li jinkludi dikjarazzjonijiet foloz, jew frawdolenti, jew dikjarazzjoni bil-miktub li tkun frawdolenti, li jirrigwarda fatti ta’ importanza fundamentali għall-kisba ta’ għajnuna finanzjarja, tal-istrument ta’ ħlas jew għall-kuntratt imsemmija iktar ’il fuq.”

15

Skont il-punti 7 u 11 tal-Artikolu 17(1) tal-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 1997 li tinkludi l-Kodiċi Kriminali (ustawa z dnia 6 czerwca 1997 r. — Kodeks postępowania karnego, Dz. U. tal-1997, Nru°89, pożizzjoni 555, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Kriminali”):

“Il-proċedura la tista’ tinbeda, u lanqas tingħalaq, jekk din tkun diġà bdiet, meta

[…]

proċedura kriminali li tirrigwarda l-istess fatti u l-istess persuna tkun ġiet definittivament fi tmiemha jew għadha pendenti,

[…]

fatti oħra jeskludu t-tkomplija tagħha.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Fis-16 ta’ Mejju 2005, L. Bonda ressaq quddiem il-Biuro Powiatowe Agencji Restrukturyzacji i Modernizacji Rolnictwa (uffiċċju reġjonali tal-aġenzija għar-ristrutturazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-agrikoltura, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) talba sabiex jikseb pagament wieħed skont l-erja għas-sena 2005.

17

Fil-kuntest ta’ din it-talba, huwa ppreżenta dikjarazzjoni ineżatta dwar id-daqs tal-art agrikola kkultivata u l-kultivazzjonijiet mwettqa fuq dawn l-artijiet għaliex kabbar l-erja ddedikata għall-agrikoltura; din id-dikjarazzjoni ssemmi 212.78-il ettaru minflok 113.49-il ettaru.

18

Fil-25 ta’ Ġunju 2006, id-direttur tal-Uffiċċju adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004, deċiżjoni li permezz tagħha, minn naħa, kien irrifjuta l-għoti lil L. Bonda ta’ pagament wieħed skont l-erja għas-sena 2005 u, min-naħa l-oħra, kien impona fuq dan tal-aħħar sanzjoni li tikkonsisti fit-telf tad-drittijiet għal pagament wieħed skont l-erja, li hija daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja reali u l-erja ddikjarata, għat-tliet snin li jsegwu dik li matulha d-dikjarazzjoni ineżatta kienet ġiet ippreżentata.

19

Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Lulju 2009, is-Sąd Rejonowy w Goleniowie (Qorti tad-distrett ta’ Goleniów) ikkundannat lil L. Bonda għal frodi fis-sussidji skont l-Artikolu 297(1) tal-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Kodiċi Kriminali, għaliex, sabiex jikseb l-għoti tas-sussidji, huwa kien għamel dikjarazzjoni falza dwar fatti ta’ importanza fundamentali fil-kuntest tal-ksib ta’ pagament wieħed skont l-erja. Fuq din il-bażi, L. Bonda kien ġie kkundannat għal tmien xhur priġunerija sospiżi għal sentejn u għal multa ta’ PLN 20 kuljum għal 80 jum.

20

L. Bonda ppreżenta appell mill-imsemmija sentenza quddiem is-Sąd Okręgowy w Szczecinie (Qorti reġonali ta’ Szczecin), li annullatha u kkonkludiet li l-proċedura kriminali kienet inammissibbli għaliex sanzjoni amministrattiva kienet diġà ġiet deċiża fir-rigward ta’ L. Bonda għall-istess fatti. Konsegwentement, din il-qorti, skont il-punt 11 tal-Artikolu 17(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u temmet l-azzjoni kriminali b’deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2010.

21

Il-Prokurator Generalny (Prokuratur ġenerali) ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (Qorti Suprema) billi invoka ksur flagranti tar-regola tal-proċedura msemmija fl-imsemmi punt 11 tal-Artikolu 17(1).

22

Skont is-Sąd Najwyższy, għalkemm ma hemmx dubju li l-fatti li wasslu biex tittieħed il-miżura msemmija fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 fir-rigward ta’ L. Bonda huma identiċi għal dawk li huma s-suġġett tal-kundanna kriminali, din il-qorti tqis madankollu li, sa fejn din hija bbażata fuq il-punt 17 tal-Artikolu 17(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, id-deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni deċiża fil-proċedura kriminali mressqa kontra L. Bonda hija żbaljata.

23

Fil-fatt, is-Sąd Najwyższy tqis li huwa biss il-punt 7 tal-Artikolu 17(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali li jista’ jikkostitwixxi bażi legali korretta biex l-imsemmija proċedura tinġieb fi tmiemha. Konsegwentement, sabiex il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi riżolta, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-proċedura kriminali mressqa mill-Uffiċċju tistax titqies bħala li hija ta’ natura kriminali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li għalkemm interpretazzjoni litterali tal-imsemmija dispożizzjoni timponi li din il-kwistjoni tingħata tweġiba negattiva, din għandha madankollu tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy tqis li huwa meħtieġ li tiġi evalwata n-natura legali tas-sanzjoni imposta fuq il-bidwi li hija bbażata fuq l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004.

25

Peress li l-eżitu tal-kawża quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 138, is-Sąd Najwyższy iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“X’inhi n-natura legali tas-sanzjoni li jipprevedi l-Artikolu 138 [tar-Regolament Nru 1973/2004] u li tikkonsisti f’li ċċaħħad lill-bidwi mill-pagamenti diretti relatati mas-snin kalendarji sussegwenti għal dik li matulha huwa ppreżenta dikjarazzjoni falza dwar id-daqs tal-erja li fir-rigward tagħha ntalbu l-pagamenti diretti?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonsistu fl-esklużjoni ta’ bidwi mill-benefiċċju tal-għajnuna għas-sena li fiha huwa kien ippreżenta dikjarazzjoni falza tal-erja ammissibbli għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna u fit-tnaqqis tal-għajnuna li huwa jista’ jitlob għat-tliet snin sussegwenti li jkun f’ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata, jikkostitwixxu sanzjonijiet ta’ natura kriminali.

27

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li s-Sąd Najwyższy titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 sa fejn il-prinċipju ne bis in idem, kif jinsab fil-punt 7 tal-Artikolu 17(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, jista’ jiġi applikat fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali biss jekk il-miżuri previsti f’dan l-Artikolu 138(1) ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet ta’ natura kriminali.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sanzjonijiet stabbiliti mir-regolamenti tal-politika agrikola komuni bħalma hija dik dwar l-esklużjoni temporanja ta’ operatur ekonomiku mill-benefiċċju ta’ skema ta’ għajnuna ma humiex ta’ natura kriminali (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 13; tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-240/90, Ġabra p. I-5383, punt 25, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 43).

29

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tali esklużjonijiet huma intiżi sabiex jiġġieldu d-diversi irregolaritajiet li jsiru fil-kuntest tal-għajnuna għall-agrikoltura u li, minħabba li huma ta’ piż kbir fuq il-baġit tal-Unjoni, huma ta’ natura li jikkompromettu l-azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet f’dan il-qasam sabiex jistabbilizzaw is-swieq, isostnu l-livell ta’ għajxien tal-bdiewa u jiżguraw prezzijiet raġonevoli tal-provvisti lill-konsumaturi (ara s-sentenza Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

30

Insostenn tal-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva wkoll li r-regoli li nkisru huma indirizzati biss lill-operaturi ekonomiċi li bil-libertà kollha għażlu li jirrikorru għal skema ta’ għajnuna fil-qasam agrikolu (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Maizena et, punt 13; Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 26, kif ukoll Käserei Champignon Hofmeister, punt 41). Hija żżid tgħid li, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna tal-Unjoni, li fiha l-għoti tal-għajnuna huwa neċessarjament suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jippreżenta l-garanziji kollha ta’ integrità u ta’ affidabbiltà, is-sanzjoni meħuda fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tikkostitwixxi strument amministrattiv speċifiku li jifforma parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna u li huwa intiż sabiex jiżgura l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-fondi pubbliċi tal-Unjoni (sentenza Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

31

Ma hemm ebda element li jiġġustifika risposta differenti f’dak li jirrigwarda l-miżuri previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004.

32

Fil-fatt, huwa paċifiku li huma biss l-operaturi li talbu li jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna stabbilita mir-Regolament Nru 1973/2004 li fir-rigward tagħhom jistgħu jiġu applikati l-miżuri previsti fit-tieni u fit-tielet paragrafi tal-Artikolu 138(1) tal-imsemmi regolament, meta jkun jidher li l-informazzjoni pprovduta mit-tali operaturi insostenn tat-talbiet tagħhom tkun żbaljata. Barra minn hekk, l-imsemmija miżuri jikkostitwixxu, huma wkoll, strument amministrattiv speċifiku li jifforma parti integrali minn skema speċifika ta’ għajnuna u intiż biex jiżgura l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-fondi pubbliċi tal-Unjoni.

33

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li jirriżulta l-ewwel nett mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95, li jistabbilixxi qafas legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika Komunitarja, li kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandu jew li jista’ jkollu bħala effett li joħloq dannu lill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew lill-baġits amministratti minnha huwa kklassifikat bħala “irregolarità” u jwassal biex jiġu applikati “miżuri amministrattivi u penali [miżuri u sanzjonijiet amministrattivi]”.

34

Sussegwentement, mill-Artikolu 5(1)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li t-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti bir-regoli Komunitarji, anki jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dan il-vantaġġ, kif ukoll l-esklużjoni jew l-irtirar ta’ għajnuna għal perijodu sussegwenti għal din l-irregolarità, jikkostitwixxu sanzjonijiet amministrattivi. Dawn iż-żewġ eżempji jissemmew fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004.

35

Fl-aħħar nett, filwaqt li l-Artikolu 6(1) sa (4) tar-Regolament Nru 2988/95 jinkludi regoli dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ proċedura kriminali nazzjonali f’proċedura amministrattiva bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni, mid-disa’ premessa u mill-Artikolu 6(5) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li s-sanzjonijiet amministrattivi meħuda fil-kuntest tat-twettiq tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni jifformaw parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna, li dawn għandhom għan fihom infushom u li dawn jistgħu japplikaw irrispettivament mis-sanzjonijiet kriminali eventwali, jekk u sa fejn dawn ma jkunux ekwivalenti għat-tali sanzjonijiet.

36

In-natura amministrattiva tal-miżuri previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-eżami tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kunċett ta’ “proċedimenti kriminali”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7, dispożizzjoni li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju.

37

Skont din il-ġurisprudenza, tliet kriterji huma f’dan ir-rigward rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak tal-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar in-natura u l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, b’mod partikolari, Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi tat-8 ta’ Ġunju 1976, Serje A Nru°22, § 80 sa 82, kif ukoll Zolotoukhine vs Ir-Russja tal-10 ta’ Frar 2009, rikors Nru 14939/03, § 52 u 53).

38

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri previsti fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 ma humiex meqjusa bħala ta’ natura kriminali mid-dritt tal-Unjoni, li f’dan il-każ għandu jitqies bħala ekwivalenti għad-“dritt nazzjonali” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

39

Fir-rigward tat-tieni kriterju, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni imposta fuq l-operatur issegwix, b’mod partikolari, għan repressiv.

40

F’dan il-każ, mill-analiżi magħmula fil-punti 28 sa 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-miżuri previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 huma intiżi li japplikaw biss għall-operaturi ekonomiċi li jirrikorru għal skema ta’ għajnuna stabbilita minn dan ir-regolament u li l-għan aħħari ta’ dawn il-miżuri ma huwiex repressiv, iżda essenzjalment jikkonsisti fil-ħarsien tal-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni permezz tal-esklużjoni temporanja ta’ benefiċjarju li jkun għamel dikjarazzjonijiet ineżatti fit-talba tiegħu għall-għajnuna.

41

Kif osservat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa argument ieħor kontra n-natura repressiva tal-imsemmija miżuri l-fatt li t-tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna li jista’ jingħata lill-bidwi għas-snin li jsegwu dak li fih tkun ġiet ikkonstatata irregolarità huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ talba abbażi ta’ dawn is-snin. Għalhekk, fil-każ li l-bidwi ma jippreżentax talba għas-snin sussegwenti, is-sanzjoni li huwa jinkorri abbażi tal-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 issir ineffettiva. Dan huwa wkoll l-każ jekk dan il-bidwi ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-għajnuna. Fl-aħħar nett, is-sanzjoni ssir ukoll parzjalment ineffettiva meta l-ammont tal-għajnuna li bidwi jista’ jistenna abbażi tas-snin sussegwenti jkun iżgħar minn dak li għandu jieħu mill-imsemmi għajnuna skont il-miżura ta’ tnaqqis tal-għajnuna li ngħatat bla jedd.

42

Minn dan isegwi li t-tieni kriterju msemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza ma huwiex biżżejjed biex jagħti lill-miżuri previsti fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 natura kriminali.

43

Fir-rigward tat-tielet kriterju, għandu jiġi rrilevat li, minbarra dak li ġie enfasizzat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, is-sanzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 138(1) għandhom biss bħala effett li jċaħħdu lill-bidwi kkonċernat mill-possibbiltà li jikseb għajnuna.

44

Għaldaqstant, l-imsemmija sanzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala sanzjonijiet ta’ natura kriminali fuq il-bażi tat-tielet kriterju msemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

45

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-karatteristiċi tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 ma jippermettux li dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala sanzjonijiet ta’ natura kriminali.

46

Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 138(1) tar-Regolament Nru 1973/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonsistu fl-esklużjoni ta’ bidwi mill-benefiċċju tal-għoti ta’ għajnuna għas-sena li fiha huwa għamel dikjarazzjoni falza dwar l-erja ammissibbli għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna u fit-tnaqqis tal-għajnuna li huwa jista’ jitlob għat-tliet snin sussegwenti li jkun f’ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata, ma jikkostitwixxux sanzjonijiet ta’ natura kriminali.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 138(1) tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1973/2004, tad-29 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 għal dak li għandu x’jaqsam mal-iskemi ta’ appoġġ li hemm provvediment għalihom fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ art imwarrba [art imserrħa] għall-produzzjoni ta’ materja prima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri previsti fit-tieni u fit-tielet subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonsistu fl-esklużjoni ta’ bidwi mill-benefiċċju tal-għoti ta’ għajnuna għas-sena li fiha huwa għamel dikjarazzjoni falza dwar l-erja ammissibbli għall-benefiċċju ta’ din l-għajnuna u fit-tnaqqis tal-għajnuna li huwa jista’ jitlob għat-tliet snin sussegwenti li jkun f’ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja ddeterminata, ma jikkostitwixxux sanzjonijiet ta’ natura kriminali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.