SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi — Regolament (KE) Nru 139/2004 — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, tal-interessi kummerċjali, tal-pariri legali u tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet”

Fil-Kawża C-477/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders, P. Costa de Oliveira u V. Bottka, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Agrofert Holding a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn R. Pokorný u D. Šalek, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Polski Koncern Naftowy Orlen SA, stabbilita fi Płock (il-Polonja), irrappreżentata minn S. Sołtysiński, K. Michałowska u A. Krasowska Skowrońska, avukati,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn S. Juul Jørgensen, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Finlandja,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn K. Petkovska u S. Johannesson, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Peremezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2010, Agrofert Holding vs Il-Kummissjoni (T-111/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D (2007) 1360, tat-13 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti tal-Każ COMP/M.3543 dwar il-konċentrazzjoni bejn il-kumpannija Pollakka Polski Koncern Naftowy Orlen (iktar ’il quddiem “PKN Orlen”) u l-kumpannija Ċeka Unipetrol, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ibbażat b’mod partikolari fuq l-Artikolu 255(2) KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 15 TFUE), ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

3

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, inititolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi kif ġej:

“[...]

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.   Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

4.   Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

[...]

6.   Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati..

7.   L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

4

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1394/2004, intitolat “Segretezza professjonali” jipprovdi kif ġej:

“1.   Informazzjoni miksuba b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskopijiet tat-talba [għal informazzjoni], investigazzjoni jew seduta relevanti.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(3), l-Artikoli 18 u 20, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati membri, l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra u persuni oħra li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll uffiċjali u impjegati ta’ awtoritajiet oħra ta’ l-Istati Membri ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni ta’ kwalità koperta mill-obbligu ta’ segretezza professjonali li jkunu kisbu permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]”.

5

L-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-drittijiet tad-difiża għandhom ikunu rispettati totalment waqt il-proċeduri. Ta’ l-anqas il-partijiet involuti b’mod dirett għandu jkollhom aċċess għall-fajl. Dan, iżda, bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ l-impriżi li s-sigrieti tan-negozju tagħhom ikunu protetti.”

6

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tal-21 [tas-7] ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), ġie adottat abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 23(1) ta’ dan tal-aħħar. L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 802/2004, intitolat “Aċċess għal file u l-użu ta’ dokumenti”, jipprovdi:

“1.   Jekk hekk mitlubha, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess lejn il-file tal-partijiet li lilhom tkun indirizzat stqarrija ta’ l-oġġezzjonijiet, għall-iskop li tiffaċilita li dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża. L-aċċess għandu jkun mogħti wara n-notifika tal-istqarrija ta’ l-oġġezzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha, meta tkun mitluba, li wkoll tagħti lill-partijiet involuti l-oħrajn li jkunu ġew infurmati bl-oġġezzjonijiet, aċċess għall-file sal-limitu li dan ikunu meħtieġ għall-iskopijiet sabiex huma jkunu jistgħu iħejju il-kummenti tagħhom.

3.   Id-dritt ta’ l-aċċess lejn file m’għandux jestendi għall-informazzjoni konfidenzali, jew għal dokumenti nterni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Id-dritt ta’ l-aċċess lejn file għandhu egwalment ma jkunx estiż għall-korresspondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompteneti tal-Istati Membri jew bejn dawn ta’ l-aħħar.

4.   Id-dokumenti akkwistati permezz ta’ l-aċċess lejn il-file bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu jistgħu ikunu użati biss għall-iskopijiet tal-proċedimenti relevanti bis-saħħa tar-[Regolament Nru 139/2004].”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti

7

Is-sentenza appellata tinkludi l-konstatazzjonijiet li ġejjin:

“1

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2005, il-Kummissjoni […] awtorizzat, skont l-Artikolu 6(1)(b), [tar-Regolament Nru 139/2004], il-proġett ta’ teħid ta’ kontroll, permezz ta’ xiri ta’ azzjonijiet, tal-kumpannija Ċeka Unipetrol mill-kumpannija Pollakka [PKN Orlen], li kien ġie nnotifikat lilha fil-11 ta’ Marzu 2005.

2

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, Agrofert Holding a.s. [iktar ’il quddiem “Agrofert”], talbet lill-Kummissjoni, abbażi tar-[Regolament Nru 1049/2001] l-aċċess għad-dokumenti kollha mhux ippubblikati li jikkonċernaw il-proċedura ta’ notifika u ta’ qabel in-notifika tal-operazzjoni ta’ akkwist ta’ Unipetrol minn PKN Orlen.

3 [...]

4

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006 […] id-[Direttorat Ġenerali (DĠ) ‘Kompetizzjoni’ tal-Kummissjoni] rrifjuta li jilqa’ din it-talba għal aċċess għal dokumenti. Wara li enfasizza n-natura ġenerali tat-talba, huwa qies li d-dokumenti inkwistjoni kienu koperti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa żied li l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw mill-partijiet notifikanti u minn terzi huwa kuntrarju għall-obbligu ta’ sigriet professjonali, previst fl-Artikolu [339 TFUE] u fl-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament [Nru 139/2004]. Huwa ppreċiża wkoll li l-aċċess parzjali għad-dokumenti kien impossibbli u li ma kien tressaq ebda argument li jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar.

5

Permess ta’ ittra tat-18 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ressqet lill-Kummissjoni talba konfermattiva […] Hija kkontestat ir-rifjut tal-Kummissjoni, billi sostniet, b’mod partikolari, li kien imissu ngħatalha aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba. Barra minn hekk, hija invokat l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni, li jikkonsisti fid-dannu li hija u l-azzjonisti minoritarji ta’ Unipetrol sofrew.

[...]

9

Permezz tad-[deċiżjoni kkontestata,] is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti fir-rigward tal-erba’ kategoriji ta’ dokumenti identifikati.

10

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti skambjati bejnha u l-partijiet notifikanti jinkludu informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata mal-istrateġiji kummerċjali tal-partijiet notifikanti, mal-ammont tal-bejgħ tagħhom, mal-ishma tas-suq tagħhom jew mar-rapporti tagħhom mal-klijentela tagħhom. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali hija applikabbli. […] Hija tirreferi wkoll għall-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 139/2004] dwar l-obbligu ta’ sigriet professjonali […] Il-Kummissjoni żżid li, peress li l-għan tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet huwa li jiġi vverifikat jekk konċentrazzjoni nnotifikata tagħtix jew le lill-partijiet setgħa fis-suq li tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni, id-dokumenti kollha pprovduti mill-partijiet notifikanti fil-kuntest ta’ tali proċedura jikkonċernaw neċessarjament informazzjoni kummerċjali sensittiva.

11

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, relatata, b’mod partikolari, mal-protezzjoni ta’ investigazzjonijiet, hija applikabbli. Skont il-Kummissjoni, il-partijiet involuti fi proċedura li tikkonċerna konċentrazzjoni għandhom ikollhom aspettattivi leġittimi li l-informazzjoni sensittiva li tinsab fid-dokumenti pprovduti ma hijiex ser tiġi żvelata. Il-Kummissjoni tqis li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jnaqqas is-sentiment ta’ fiduċja reċiproka li teżisti bejnha u l-impriżi […]

12

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti skambjati bejnha u terzi jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fir-rigward tad-dokumenti skambjati bejnha u l-partijiet notifikanti.

13 […]

14

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tidentifika d-dokumenti interni segwenti:

[...] (dokument Nru 1);

nota ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi li tinkludi abbozz ta’ deċiżjoni dwar in-notifika (dokument Nru 2);

tweġiba tas-servizz legali dwar in-nota ta’ konsultazzjoni msemmija iktar ’il fuq (dokument Nru 3);

skambju ta’ posta elettronika dwar dan l-abbozz bejn is-servizz kompetenti u s-servizz legali (dokument Nru 4);

it-tweġibiet tas-servizzi l-oħra kkonċernati dwar in-nota ta’ konsultazzjoni msemmija iktar ’il fuq (dokument Nru 5);

[...] (dokument Nru 6);

[...] (dokument Nru 7).

15

[Id-dokumenti Nri 1, 6 u 7 ma kinux is-suġġett tal-proċedura.]

16

Fir-rigward tad-dokumenti Nri 2 sa 5, il-Kummissjoni tqis li l-iżvelar tagħhom jippreġudika serjament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tagħha, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tenfasizza n-natura kollettiva ta’ dan il-proċess deċiżjonali u n-neċessità li tinżamm il-fiduċja fi ħdan is-servizzi tagħha. Skont il-Kummissjoni, dawn id-dokumenti jirriflettu l-opinjonijiet u d-diskussjonijiet fi ħdan is-servizzi, mogħtija liberament. L-iżvelar tagħhom f’dan il-każ jippreġudika serjament l-indipendenza tal-għoti ta’ opinjonijiet […] Barra minn hekk, dan inaqqas ir-rieda ta’ kooperazzjoni minn naħa tal-[…] impriżi kkonċernati min-notifika u min-naħa ta’ terzi.

17

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti Nri 3 u 4 kienu wkoll koperti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 […]

18

Il-Kummissjoni fl-aħħar iżżid li ebda interess pubbliku ikbar ma seta’ jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba f’dan il-każ u li lanqas ma seta’ jingħata aċċess parzjali. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, sa fejn l-għan tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kien li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tas-suq li jikkonċerna l-konċentrazzjoni proposta […], huwa għaldaqstant impossibbli li jiġu identifikati l-partijiet tad-dokumenti skambjati bejnha u l-partijiet ikkonċernati ’li ma jinkludux informazzjoni […] kummerċjali jew li ma humiex relatati mal-investigazzjoni u li jistgħu fihom infushom jinftiehmu’ […] Fl-aħħar, hija ssemmi l-fatt li l-verżjoni ppubblikata fid-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni tinkludi, b’definizzjoni, l-informazzjoni li setgħet tiġi żvelata u tikkostitwixxi aċċess parzjali għall-partijiet tad-dokumenti mitluba li ma humiex koperti mill-eċċezzjonijiet applikabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Is-sentenza appellata

8

Permezz ta’ talba mressqa fit-13 ta’ April 2007, Agrofert talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tordna lill-Kummissjoni tikkomunikalha d-dokumenti mitluba.

9

Fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba bħala inammissibbli, peress li, meta hija tannulla att ta’ istituzzjoni, din tal-aħħar hija obbligata, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mas-sentenza

10

It-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kienet prinċipalment ibbażata fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1049/2001. Insostenn ta’ dan il-motiv, Agrofert sostniet li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-reglament għad-dokumenti inkwistjoni kienet żbaljata. Il-Qorti Ġenerali eżaminat kull kategorija ta’ dawn id-dokumenti fid-dawl ta’ kull waħda mill-eċċezzjonijiet li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata.

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi

Fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

11

Fil-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ikkonstatat li d-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi setgħu jinkludu informazzjoni kummerċjalment sensittiva li setgħet, jekk ikun il-każ, tkun koperta bl-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

12

Fil-punti 57 sa 60 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali t-tieni nett irrilevat li, peress li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, l-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ talba għal aċċess għal dokumenti kellu jkun ta’ natura konkreta, u li, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tagħha. Mill-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fih huma speċifikati bħala li huma applikabbli “għal dokument”. Għaldaqstant, biss eżami konkret u individwali ta’ kull dokument jista’ jippermetti lill-istituzzjoni tevalwa l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali lil dawk li qed jitolbu l-aċċess.

13

Issa, skont il-punti 61 sa 64 tas-sentenza appellata, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jirriżulta li tali eżami effettivament sar. Din id-deċiżjoni tistabbilixxi b’mod ġenerali u astratt li, fid-dawl tan-natura ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, id-dokumenti kollha pprovduti mill-partijiet notifikanti neċessarjament jikkonċernaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Issa, tali affermazzjonijiet huma vagi u ġenerali wisq u ma jistgħux jitqiesu li juru, kif meħtieġ mil-liġi, li f’dan il-każ sar eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument inkwistjoni. Fil-punt 65 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li kien għal kollox possibbli li f’dan il-każ jiġi stabbilit inventarju tad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet u li jiġi deskritt il-kontenut ta’ kull dokument, mingħajr madankollu ma tiġi żvelata l-informazzjoni li kellha tibqa’ kunfidenzjali.

14

Skont il-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-obbligu ta’ sigriet professjonali u l-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju li jirriżultaw mill-Artikolu 339 TFUE u mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 139/2004. Hija qieset li biss ċerta informazzjoni kienet taqa’ taħt is-sigrieti tan-negozju u li l-obbligu ta’ sigriet professjonali ma kellux portata tali li jista’ jiġġustifika rifjut ġenerali u astratt ta’ aċċess għal dokumenti. Peress li mhux l-informazzjoni kollha miġbura fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi hija neċessarjament koperta mis-sigriet professjonali, l-obbligu ta’ sigriet professjonali u l-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ma humiex ta’ natura li jeżentaw lill-Kummissjoni mill-eżami konkret ta’ kull dokument inkwistjoni, meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont il-punt 77 tas-sentenza appellata, il-fatt li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni, id-dokumenti huma mibgħuta mill-partijiet b’mod kunfidenzjali, skont ir-Regolament Nru 139/2004, lanqas ma jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu li twettaq, fil-kuntest ta’ talba għal aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001, eżami konkret ta’ kull dokument.

15

Fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jikkonċerna l-obbligu ta’ rispett tal-ħajja privata, fil-każ li dan jista’ jiġi invokat f’dan il-każ, ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni mill-eżami konkret u effettiv ta’ kull dokumenti inkwistjoni. Skont il-punti 78 sa 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali lanqas ma aċċettat, fid-dawl tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jistabbilixxi l-aċċess pubbliku għad-dokumenti kollha miżmuma jew riċevuti minn istituzzjoni, li tqis li d-dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni kienu bla dubju koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

16

Fil-punti 81 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument ibbażat fuq l-aspettattivi leġittimi ta’ PKN Orlen fir-rigward tal-fatt li d-dokumenti pprovduti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni ma jkunux żvelati, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 139/2004. Hija kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix dritt assolut għall-kunfidenzjalità tad-dokumenti kollha pprovduti mill-impriżi u qieset li l-motivi invokati insostenn tar-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti kellhom jiġu eżaminati biss fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija qieset ukoll li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 139/2004 kien jikkonċerna biss il-mod li bih il-Kummissjoni tista’ tuża l-informazzjoni pprovduta u ma kienx jirregola l-aċċess għal dokumenti ggarantit mir-Regolament Nru 10492001.

Fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

17

Fil-punti 96 sa 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat li d-dokumenti ddepożitati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni kienu jikkonċernaw attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fakkret li din id-dispożizjoni kellha tiġi interpretata bħala li hija applikabbli biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jipperikola l-ikkompletar tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Issa, f’dan il-każ, skont il-Qorti Ġenerali, l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni li taw lok għad-deċiżjoni, tal-20 ta’ April 2005, ta’ nuqqas ta’ oppożizzjoni għall-konċentrazzjoni kienu diġà ngħalqu fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti ma setax jipperikola l-ikkompletar tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jnaqqas is-sentiment ta’ fiduċja reċiproka bejn din l-istituzzjoni u l-impriżi u jippreġudika l-effikaċità tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali oġġezzjonat, fil-punti 100 sa 103 tas-sentenza appellata, li tali kunsiderazzjonijiet kienu vagi, ġenerali u ipotetiċi wisq u ma kinux jippermettu li jitqies li l-argument tal-Kummissjoni kien effettivament validu għal kull wieħed mid-dokumenti inkwistjoni.

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi, ibbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

18

Fil-punti 107 sa 113 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jeħtieġx li l-aċċess parzjali għad-dokumenti jkun possibbli fil-każijiet kollha, din id-dispożizzjoni timplika, madankollu, eżami konkret u individwali tal-kontentut ta’ kull wieħed minnhom. Għaldaqstant, evalwazzjoni tad-dokumenti mwettqa b’rigward għall-kategoriji pjuttost milli b’rigward għall-elementi ta’ informazzjoni konkreti li dawn jinkludu tirriżulta insuffiċjenti. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet notifikanti u minn terzi hija kollha relatata ma’ xulxin, b’mod li ma kienx possibbli li jiġu identifikat s-siltiet li għalihom seta’ jingħata l-aċċess, għandu jiġi miċħud, sa fejn il-Kummissjoni tidher għaldaqstant li tippreżumi, b’mod globali u mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument, li l-iżvelar, anki parzjali, tad-dokumenti kollha mitluba jippreġudika l-interessi protetti.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, ikkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti skambjati, minn naħa, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u, min-naħa l-oħra, bejn il-Kummissjoni u terzi, peress li l-Kummissjoni ma kinitx uriet kif meħtieġ mil-liġi li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti konkretament u effettivament jippreġudika l-interessi protetti.

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għall-pariri legali, ibbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

20

F’dan il-każ kienu kkonċernati t-tweġiba tas-servizz legali dwar in-nota ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi (dokument intern Nru 3) u l-iskambju ta’ posta elettronika dwar il-proġett ta’ konċentrazzjoni bejn is-servizz kompetenti u s-servizz legali (dokument intern Nru 4). Fil-punt 123 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet intiża sabiex tipproteġi l-interess tal-istituzzjonijiet li jirċievu pariri legali sinċieri, oġġettivi u kompleti, iżda li mill-punti 42 u 43 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I-4723) jirriżulta li r-riskju li dan l-interess ikun ippreġudikat għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku.

21

Fil-punti 125 sa 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, għalkemm, bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali u kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, hija madankollu kellha, skont kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 50 tas-sentenza tagħha L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, tivverifika f’kull każ jekk tali kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali humiex effettivament applikabbli għal dokument partikolari li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kunsierazzjoni ta’ natura ġenerali, mingħajr ma vverifikat konkretament, għal kull wieħed mill-pariri mitluba, jekk din il-kunsiderazzjoni kinitix effettivmaent applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wrietx kif l-iżvelar tal-pariri legali inkwistjoni jikkostitwixxi, fil-każ inkwistjoni, riskju veru, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku, għall-protezzjoni ta’ dawn il-pariri. Barra minn hekk, fil-punti 129 sa 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li t-trasparenza kienet ukoll neċessarja meta l-Kummissjoni taġixxi, bħal f’dan il-każ, bħala awtorità amministrattiva u mhux bħala leġiżlatur u li l-obbligu ta’ eżami konkret każ b’każ kien japplika wkoll fil-każ ta’ dokumenti qosra ħafna.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rifjut ta’ aċċess għall-pariri legali mitluba kellu jiġi annullat minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni konkretament u effettivament jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali.

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ibbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

23

F’dan il-każ kienu kkonċernati d-dokumenti interni Nri 2 sa 5. Fil-punti 138 u 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dawn kienu dokumenti preparatorji għad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li kienu jinkludu parriri u li dawn għalhekk kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, eċċezzjoni li setgħet tiġi invokata anki wara li ttieħdet id-deċiżjoni tal-istituzzjoni kkonċernata. Fil-punti 141 sa 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni kienet madankollu tippreżumi li jiġi stabbilit li l-aċċess għad-dokumenti mitluba seta’ konkretament, effettivament u serjament jippreġudika l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Issa, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba serjament jippreġudika l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, fid-dawl tan-natura kollettiva ta’ dan il-proċess, ġiet invokata b’mod ġenerali u astratt, mingħajr ma kienet issostanzjata b’argumenti ddettaljati fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni.

24

Fil-punt 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ibbażat l-evalwazzjonijiet tagħha fuq in-natura tad-dokumenti mitluba minflok fuq l-elementi ta’ informazzjoni li kienu realment jinsabu fihom filwaqt li tali evalwazzjonijiet kellhom ikunu bbażati fuq eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument mitlub. Hija ċaħdet ukoll l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fiduċja u fuq il-libertà ta’ espressjoni tas-servizzi tagħha, peress li dawn l-allegazzjonijiet dehru bħala wisq ipotetiċi. Minn dan li jippreċedi l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li l-fatt li ngħataw opinjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, bħala regola ġenerali, ma jiġġustifikax l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni kkunsidrata għall-atti interni kollha li jinkludu tali opinjonijiet.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li l-Kumissjoni ma kinitx stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet tapplika għad-dokumenti interni mitluba.

26

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

27

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell, u

tikkundanna lil Agrofert għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

28

Agrofert titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell kollu kemm hu, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29

Ir-Renju tal-Isvezja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell u, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-Renju tal-Isvezja.

30

PKN Orlen titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament fuq il-kwistjonjiet li huma s-suġġett tal-appell, u

tikkundanna lil Agrofert għall-ispejjeż sostnuti minn PKN Orlen fil-kuntest taż-żewġ istanzi.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-Kummissjoni

31

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali ma ppruvatx tistabbilixxi, fis-sentenza tagħha, bilanċ ġenwin u armonjuż bejn is-sistemi legali stabbiliti fir-Regolamenti Nri 139/2004, rilevanti f’dan il-każ, u għaldaqstant rendiet inapplikabbli r-regoli ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

L-ewwel aggravju: interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004 ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001

32

Il-Kummissjoni ttenni l-argument tagħha sosnut quddiem il-Qorti Ġenerali li abbażi tiegħu l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 139/2004, li jinkludu l-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali, huma rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tinżamm l-unità tas-sistema legali tal-Unjoni permezz ta’ interpretazzjoni koerenti u mhux kuntradittorja tad-diversi testi leġiżlattivi.

33

Hija ssostni li, għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi regola ta’ applikazzjoni ġenerali, il-limiti għad-dritt ta’ aċċess huma madankollu pprovduti f’termini wiesgħa u għandhom għaldaqstant jiġu interpretati b’mod li jiġu protetti l-interessi leġittimi, pubbliċi jew privati, fl-oqsma ta’ attività kollha tal-istituzzjonijiet, u dan iktar u iktar meta dawn l-interessi huma espressament protetti bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa kkonfermat bis-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C-28/08 P, Ġabra p. I-6055, punti 58, 59, 64 u 65) u Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C-139/07 P, Ġabra p. I-5885, punti 61 u 63), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 mogħtija mill-Qorti Ġenerali minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ikkunsidrat atti legali oħra wkoll applikabbli fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi. Bl-istess mod, permezz tas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni(C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. 1-8533, punt 84), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-dritt applikabbli għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni armonjuża.

34

Issa, il-konklużjoni li wasslet għaliha l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata toħloq kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. Ir-Regolament Nru 139/2004 jimponi, fil-fatt, fuq l-impriżi li jipparteċipaw fi proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni obbligi vinkolanti u estiżi f’termini ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni u ta’ żvelar ta’ sigrieti tan-negozju, madankollu dawn l-obbligi huma kkontrabilanċjati mid-dispożizzjonijet ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxu garanziji ta’ protezzjoni msaħħa. Dawn il-garanziji huma intiżi, minn naħa sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fl-interess pubbliku u, min-naħa l-oħra, sabiex jipproteġu l-interess leġittimu tal-impriżi kkonċernati sabiex l-informazzjoni li huma jipprovdu lill-Kummissjoni tkun użata biss għall-finijiet tal-investigazzjoni.

35

B’riferiment għall-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni tenfasizza li l-obbligu ta’ osservanza tas-sigrieti tan-negozju tal-impriżi, li japplika fil-qasam kollu tal-kompetizzjoni, huwa intiż ukoll sabiex jiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża tagħhom, li jifformaw parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-KEDB, skont kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 299 tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375). Barra min hekk, l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni mill-impriżi li jipparteċipaw f’proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni għandha titqies bħala li taqa taħt l-isfera ta’ attività privata tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-KEDB. Peress li dawn l-impriżi jistgħu jkunu obbligati jittrażmettu l-informazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu għandhom ikunu osservati.

36

Fil-kuntest stabbilit mir-Regolament Nru 139/2004, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huma miftuħ biss għall-partijiet direttament involuti fil-proċedura u, jekk neċessarju, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jiġġustifikaw interess suffiċjenti. Kull persuna oħra li titlob aċċess li ma tiġġustifikax tali interess tiġi rrifjutata l-aċċess għad-dokumenti. Issa, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, tali persuna li titlob aċċess tgawdi, bħala regola ġenerali, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, minn dritt ta’ aċċess inkondizzjonali għal kull wieħed mid-dokumenti kkonċernati u tista’, barra minn hekk, tuża liberament dawn id-dokumenti għal kwalunkwe għan, fatt li manifestament imur kontra r-Regolament Nru 139/2004. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-obbligu, skont ir-Regolament Nru 139/2004, li wieħed jillimita l-użu tal-informazzjoni miġbura għall-għan segwit mit-talba għal informazzjoni jikkonċerna biss il-mod li bih il-Kummissoni tista’ tuża l-informazzoni pprovduta u ma jirregolax l-aċċess għal dokumenti ggarantit mir-Regolament Nru 1049/2001.

37

Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, għandhom, b’analoġija, jiġu applikati l-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 54, 55, 61 u 62 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fil-qasam ta’ proċeduri ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat, u għandha għaldaqstant tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha l-iżvelar tad-dokumenti skambjati għall-bżonnijiet biss tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni, li ma humiex aċċessibbli għal persuni li ma jiġġustifikawx interess suffiċjenti, bħala regola ġenerali jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 139/2004 u billi tat lir-Regolament Nru 1049/2001 supremazija fuq regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni, fatt li huwa ekwivalenti għat-tneħħija tal-effett utli tar-regoli essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll, f’dan ir-rigward, għall-punt 56 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, iċċitata iktar ’il fuq.

It-tieni aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001

– L-ewwel parti: fuq l-obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali ta’ kull dokument

38

Il-Kummissjoni tenfasizza li, skont il-Qorti Ġenerali, l-istituzzjoni kkonċernata għandha twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull dokument imsemmi f’talba għal aċċess, anki fil-każ fejn huwa ċar li tali talba tikkonċerna dokumenti koperti minn eċċezzjoni. Dan l-obbligu japplika għall-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament nru 1049/2001, irrispettivament mill-qasam li minnu jifformaw parti d-dokumenti mitluba u minkejja n-natura speċifika ta’ dan il-qasam. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli għall-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-ispeċifiċitajiet tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, irrikonoxxiet fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokumenti tal-fajl, bħala regola ġenerali, jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, b’mod li, skont din il-preżunzjoni, kien hemm lok li jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kollha mitluba f’din il-kawża. Il-Kummissjoni tqis li l-istess konklużjoni għandha tintlaħaq f’dan il-każ.

– It-tieni parti, fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

39

Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi iktar invokata ladarba tkun ġiet adottata d-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni u ladabra din il-proċedura amministrattiva tingħalaq, il-Kummissjoni twieġeb li, f’proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni, l-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni huma strettament marbuta ma’ xulxin u l-informazzjoni mogħtija ma titlifx in-natura kunfidenzjali tagħha meta l-proċedura amministrattiva hija magħluqa. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-interessi kummerċjali jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni anki wara 30 sena. Approċċ ieħor ikollu konsegwenzi negattivi ħafna fuq ir-rieda tal-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni. Billi ssostni li, skont il-kliem tad-dispożizzjoni kkunsidrata, l-eċċezzjoni inkwistjoni hija intiża sabiex tipproteġi “l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni”, u mhux biss l-attivitajiet ta’ investigazzjoni fihom infushom, il-Kummissjoni ssostni li l-preżunzjoni ġenerali stabbilita fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, għandha tapplika anki wara li deċiżjoni dwar konċentrazzjoni tkun saret definittiva.

– It-tielet parti: fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

40

Din l-eċċezzjoni tikkonċerna d-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi. Il-Kummissjoni ttenni l-pożizzjoni tagħha li r-regoli dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi jeħtieġu li tiġi trażmessa lilha bosta informazzjoni kunfidenzjali ħafna, li hija bla dubju ta’ xejn koperta bl-obbligu ta’ osservanza tas-sigriet professjonali, stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE u fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 139/2004. Din il-kunsiderazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi diġà miċħud l-approċċ tal-Qorti Ġenerali li abbażi tiegħu huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, permezz ta’ eżami individwali ta’ kull dokument ikkonċernat, jekk l-iżvelar tiegħu huwiex ta’ natura li konkretament u effettivament jippreġudika l-interessi protetti.

– Ir-raba’ parti: fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

41

Din l-eċċezzjoni hija invokata fir-rigward tad-dokumenti interni Nri 2 sa 5. Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 802/2004 jeskludi espressament id-dokumenti interni mid-dritt ta’ aċċess għall-fajl meta dan huwa mogħti sabiex jippermetti lill-partijiet fil-proċedura jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom. Ir-restrizzjoni tal-aċċess għal dawn id-dokumenti hija ġġustifikata minn natura tal-proċedura u min-natura kolleġjali tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, li teħtieġ li l-membri tal-kulleġġ tal-kummissarji jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jadottaw deċiżjoni fl-interess pubbliku. Jekk is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ żvelar, huwa probabbli li huma jħossuhom inqas liberi li jenfasizzaw il-lakuni eventwali f’abbozz ta’ deċiżjoni jew li jesprimu opinjonijiet diverġenti, fatt li jippreġudika l-proċess deċiżjonali. Għal din ir-raġuni, tali dokumenti ma għandhomx ikunu aċċessibbli lanqas wara li d-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni tkun saret definittiva. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 magħmula mill-Qorti Ġenerali tagħti iktar drittijiet lill-pubbliku milli lill-partijiet direttament ikkonċernati mill-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni.

– Il-ħames parti: fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

42

Din l-eċċezzjoni hija invokata speċifikament fir-rigward tad-dokumenti interni Nri 3 u 4. Il-Kummissjoni tirrileva li dawn iż-żewġ opinjonijiet kienu s-suġġett ta’ eżami konkret u individwali, li sussegwentement għalih hija wasslet għall-konklużjoni li dawn kienu, f’kull każ, kompletament koperti minn din l-eċċezzjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ eventwali interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn l-istess dokumenti u wasslet għall-konklużjoni li, f’dan il-każ, l-interess kien bla dubju ta’ xejn interess privat, inkwantu Agrofert invokat id-“dannu li hija u l-azzjonisti minoritarji ta’ Unipetrol sofrew”.

L-argumenti tal-partijiet l-oħra

43

Agrofert, rikorrenti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, issostni li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, hija rrilevanti f’dan il-każ peress li din tikkonċerna l-proċedura relatata mal-għajnuna mill-Istat, li tirregola b’mod differenti l-aċċess għall-fajl. Agrofert taqbel mal-approċċ tal-Qorti Ġenerali li l-fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/200 ma jistax jiġġustifika, waħdu, l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat it-talba għall-iżvelar fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab f’kull dokument mitlub, u mhux b’mod ġenerali.

44

PKN Orlen, li kienet interveniet insostenn tal-Kummissjoni fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, tirrileva li hija kkooperat magħha, b’kunfidenza totali li d-dokumenti li jinkludu sigrieti tan-negozju mogħtija lil din l-istituzzjoni, kif ukoll il-komunikazzjonijiet l-oħra kollha skambjati fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni, kienu ser jintużaw biss għall-finijiet tal-investigazzjoni mwettqa u ma kinux ser jiġu żvelati lil terzi. Hija kienet kompletament iġġustifikata li jkollha din il-fiduċja, b’mod partikolari, bis-saħħa tar-Regolament Nru 139/2004. Id-dritt tal-Unjoni ma jistax joffri garanziji ta’ protezzjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni u, abbażi ta’ oħra, jirrendi din il-protezzjoni ineffettiva. In-natura tal-informazzjoni pprovduta ma tinbidilx ladarba l-proċedura ta’ konċentrazzjoni tingħalaq. Il-fatt li l-pubbliku jiġi mogħti permess ta’ aċċess għall-fajl wara l-għeluq tal-proċedura jkun ifisser li l-kunsiderazzjonijiet li ġġustifikaw il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni huma totalment injorati.

45

Ir-Renju tal-Isvezja, li kien intervjena fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali insostnenn ta’ Agrofert, jsostni li, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal dokumenti jikkostitwixxi r-regola ġenerali. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Id-dettalji tal-proċedura li l-istituzzjonijiet għandhom isegwu fil-każ ta’ talba għal aċċess kienu ġew ippreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha hija tiddeskrivi t-tliet stadji li għandhom normalment jiġu segwiti sabiex jiġi stabbilit jekk talba għal aċċess tistax tiġi aċċettata. Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali korrettament ikkonstatat li l-Kummissjoni f’dan il-każ ma kinitx osservat l-istadji kollha tal-eżami.

46

Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-fatt li f’leġiżlazzjonijiet speċifiċi jeżistu regoli differenti dwar l-aċċess għal dokumenti ma jfissirx li dawn il-leġiżlazzjonijiet, li l-għan tagħhom huwa kompletament differenti minn dak tal-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, għandhom awtomatikament jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, għaliex tali interpretazzjoni tirrendi r-Regolament Nru 1049/2001 bla sinjifikat. Għaldaqstant, il-portata tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, hija limitata għall-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett, ma jeżistix dritt assolut għall-kunfidenzjalità tad-dokumenti kollha pprovduti u rifjut ta’ aċċess għal dokumenti jista’ jiġi bbażat biss fuq l-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, id-dokumenti li din l-istituzzjoni kienet skambjat mal-partijiet notifikanti u ma’ terzi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, li kienu koperti mill-ewwel u mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, kif ukoll bl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 139/2004, u min-naħa l-oħra, id-dokumenti interni, ippreparati mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kontroll ta’ din il-konċentrazzjoni, li jaqgħu taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-pariri legali u tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, rispettivament.

48

Din id-distinzjoni bejn id-dokumenti skambjati mill-Kummissjoni mal-partijiet notifikanti kif ukoll ma’ terzi, minn naħa, u d-dokumenti interni, min-naħa l-oħra, twettqet minn din l-istituzzjoni fir-risposta tagħha ppreżentata fl-ewwel istanza kif ukoll mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Barra minn hekk, l-istess kategorizzazzjoni tad-dokumenti kkonċernati tikkostitwixxi l-linja ta’ raġunament tal-Kummissjoni fl-appell tagħha. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll ser jkunu bbażati fuq din l-istess distinzjoni.

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi

49

Permezz tal-ewwel aggravju kif ukoll permezz tal-ewwel sat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni, essenzjalment, tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 139/2004 dwar l-aċċess għad-dokumenti ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 10492001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u dik tal-għanijiet ta’ investigazzjoni, rispettivament.

50

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rabta bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u ċerti leġiżlazzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, stabbilita b’mod partikolari mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau kif ukoll L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, dan l-ilment huwa fondat.

51

Fil-fatt, dan il-każ jikkonċerna r-rabtiet bejn ir-Regolament Nru 1049/2001u leġiżlazzjoni oħra, jiġifieri r-Regolament Nru 139/2004, li jirregola qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni. Dawn iż-żewġ regolamenti għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż sabiex jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet tagħhom. Għalhekk, huwa intiż sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti b’mod sħiħ, kif ukoll sabiex jippromwovi prassi amministrattiva tajba. It-tieni wieħed huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi b’dimensjoni Komunitarja.

52

Dawn ir-regolamenti ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espressament is-supremazija ta’ wieħed mir-regolamenti fuq l-ieħor. Għaldaqstant, għandha tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minnhom li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u għaldaqstant tippermetti applikazzjoni koerenti tiegħu.

53

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet li huwa l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt huwa madankollu suġġett, fid-dawl tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għal ċerti limitazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

54

F’dan il-każ, it-talba mressqa minn Agrofert tikkonċerna d-dokumenti kollha mhux ippubblikati relatati mal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tipprovdi lil Agrofert id-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura, skambjati bejnha u l-partijiet notifikanti jew terzi, billi invokat l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażati, rispettivament, fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u fuq dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

55

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li istituzzjoni tal-Unjoni, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ talba għal aċċess għal dokumenti miżmuma minnha, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

56

Huwa paċifiku li d-dokumenti inkwistjoni effettivament jirrigwardaw attività ta’ investigazzjoni skont it-tielet inċiż tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni, li jikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk konċentrazzjoni tagħtix jew le lill-partijiet setgħa fis-suq li tista’ taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tiġbor fil-kuntest ta’ tali proċedura informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata mal-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi involuti, mal-ammont tal-bejgħ tagħhom, mal-ishma tas-suq tagħhom jew mar-rapporti kummerċjali tagħhom, b’mod li l-aċċess għad-dokumenti ta’ tali proċedura ta’ kontroll jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ dawn l-impriżi. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u ma’ dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni huma, f’dan il-każ, strettament marbuta ma’ xulxin.

57

Ċertament, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività jew interess imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru°1049/2001, peress li l-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu. Madankollu, huwa possibbli għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet għal żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fir-rigward tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali preżunzjonijiet ġenerali jistgħu jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li speċifikament jirregola l-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għal informazzjoni u għal dokumenti miksuba fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni u ta’ kontroll ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 57).

59

Tali preżunzjonijiet ġenerali huma applikabbli, fil-qasam tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi, minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola din il-proċedura tipprevedi wkoll regoli strettti dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura.

60

Fil-fatt, l-Artikoli 17 u 18(3) tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 802/2004 jirregolaw b’mod restrittiv l-użu tal-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, billi jillimitaw l-aċċess għall-fajl għall-“partijiet involuti b’mod dirett” u għall-“partijiet involuti l-oħrajn”, bħal ħsara għall-interess leġittimu tal-impriżi involuti sabiex is-sigrieti tan-negozju tagħhom ma jiġux żvelati, u billi jeżiġu li l-informazzjoni miġbura tintuża biss għall-għan segwit mit-talba għal informazzjoni, għall-kontroll jew għas-seduta u li l-informazzjoni, li min-natura tagħha, hija koperta mis-sigriet professjonali ma tkunx żvelata.

61

Ċertament, id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li dawn iwasslu għal sitwazzjoni simili minn punt prattiku. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, aċċess ġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti skambjati, fil-kuntest ta’ tali proċedura, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi jkun, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, ta’ natura li jipperikola l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura, fir-Regolament KE dwar il-konċentrazzjonijiet, bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali possibbilment sensittiva sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni ppjanata mas-suq komuni, minn naħa, u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa relatata, bis-saħħa tas-sigriet professjonali u tas-sigrieti tan-negozju, mal-informazzjoni hekk ipprovduta lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra.

63

Kieku l-persuni għajr dawk awtorizzati jaċċedu għall-fajl mil-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew dawk li jistgħu jitqiesu bħala kkonċernati iżda li ma użawx id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-informazzjoni jew li ġew irrifjutati tali dritt setgħu jiksbu l-aċċess għad-dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-iskema stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni tkun ippreġudikata.

64

Għaldaqstant, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali kien imissha rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jippreġudika, fil-prinċipju, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti fil-konċentrazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati mal-proċedura ta’ kontroll tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

65

Il-kunsiderazzjoni esposta mill-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appelalta, li abbażi tagħha l-obbligu, skont ir-Regolament Nru 139/2004, li jiġi limitat l-użu tal-informazzjoni miksuba mill-impriżi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni jikkonċerna biss il-mod li bih il-Kummissjoni tista’ tuża din l-informazzjoni u ma jirregolax l-aċċess għal dokumenti ggrantit bir-Regolament Nru 1049/2001, hija wkoll żbaljata fid-dritt.

66

Fid-dawl tan-natura tal-interessi protetti fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni misluta fil-punt 64 ta’ din is-sentenza tapplika irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk it-talba għal aċċess tikkonċernax proċedura ta’ kontroll diġà magħluqa jew proċedura pendenti. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni sensittiva dwar l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi involuti tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom irrispettivament mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ kontroll pendenti. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ tali pubblikazzjoni wara l-għeluq tal-proċedura ta’ kontroll tista’ tipperikola d-disponibbiltà tal-impriżi sabiex jikkollaboraw meta tali proċedura hija pendenti.

67

Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet relatati mal-interessi kummerċjali jew mad-dokumenti sensittivi jistgħu japplikaw għal perijodu ta’ 30 sena, u anki wara dan il-perijodu jekk ikun neċessarju.

68

Il-preżunzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq ma teskludix il-possibbiltà li jiġi muri li dokument speċifiku, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni s-sistema li tirregola l-aċċess għal dokumenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi u billi ddeċidiet b’mod żbaljat, essenzjalment, fil-punti 63, 64, 66, 80, 101, 103, 104 u 110 sa 114 tas-sentenza appellata, li ma kienx jidher b’mod manifest, f’dan il-każ, li hemm lok li jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi msemmija fit-talba għal aċċess mressqa minn Agrofert abbażi tar-Reoglament Nru 1049/2001, mingħajr ma wettqet minn qabel eżami konkret u individwali ta’ dawn id-dokumenti, wettqet żball ta’ interpretazzjoni tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

70

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju kif ukoll l-ewwel sat-tielet parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu milqugħa u, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn din annulat id-deċiżjoni kkontestata dwar ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi.

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti interni tal-Kummisjoni

71

Dan ir-rifjut ta’ aċċess jikkonċerna d-dokumenti identifikati bin-Nri 2 sa 5 fuq il-lista ppreżentata mill-Kummissjoni u riprodotta fil-punt 14 tas-sentenza appellata (ara l-punt 7 ta’ din is-sentenza).

72

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, kif tirriżulta kemm mid-deċiżjoni kkontesta u mir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll mir-raba’ u mill-ħames parti tat-tieni aggravju, hija bbażata fuq l-argument li r-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti huwa ġġustifikat abbażi tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti Nri 3 u 4, abbażi tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-pariri legali, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

73

F’din il-kawża, huwa paċifiku li d-dokumenti interni li fir-rigward tagħhom qed jintalab l-aċċess jaqgħu kollha taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u li tnejn minn dawn id-dokumenti, jiġifieri d-dokumenti Nri 3 u 4, jaqgħu wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-pariri legali. Huwa wkoll paċifiku li, fil-mument tat-tressiq tat-talba għal aċess għad-dokumenti, il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni li dawn id-dokumenti kienu jikkonċernaw kienet magħluqa u li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata magħha kienet saret definittiva.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’każ fejn, fil-mument tat-talba għal aċċess għal dokumenti interni ppreparati fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet ġiet annullata permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali li saret res judicata fl-assenza ta’ appell intiż kontra din tal-aħħar u fil-każ fejn il-Kummissjoni ma kinitx, wara din is-sentenza ta’ annullament, kompliet l-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni ġdida dwar din il-konċentrazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni (C-506/08 P, Ġabra p. I-6237, iktar ’il quddiem is-“sentenza MyTravel”), essenzjalment iddeċidiet li, sabiex ikun jista’ jiġi rrifjutat l-aċċess għal tali dokument intern, l-istituzzjoni kkonċernata għandha twettaq eżami konkret u individwali tad-dokument inkwistjoni u tagħti r-raġunijiet speċifiċi li għalihom hija tqis li l-iżvelar tiegħu effettivament u konkretament jippreġudika l-interess protett bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) jew bit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

75

Tali soluzzjoni tapplika wkoll f’sitwazzjoni, bħal dik ta’ din il-kawża, fejn it-talba għal aċċess għal dokumenti interni tressqet meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li għalqet il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni li magħha dawn id-dokumenti huma relatati kienet saret definittiva fl-assenza ta’ azzjoni ġudizzjarja mressqa kontra din id-deċiżjoni.

76

Fil-fatt, f’każ bħal dan hija l-Kummissjoni li għandha tindika fid-deċiżjoni ta’ rifjut ir-raġunijiet speċifiċi, sostnuti minn provi ddettaljati, b’rigward għall-kontenut konkret tad-diversi dokumenti mitluba, li jippermettu li jiġi konkluż li l-iżvelar ta’ kull wieħed minnhom serjament jippreġudika l-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MyTravel, punti 81, 82, 89, 90, 98, 102 u 103).

77

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-inovkazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikabbli wara li tkun ittieħdet deċiżjoni, hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MyTravel, punti 78 sa 80). Fil-fatt, din tkopri biss ċerti tipi ta’ dokumenti u l-kundizzjoni li tista’ tiġġustifika r-rifjut hija li l-iżvelar jista’ “serjament” jippreġudika l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni.

78

Fir-rigward tal-invokazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-pariri legali, għandha wkoll tingħata importanza partikolari għall-fatt li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet saret definittiva u li ebda azzjoni li tirrigwarda l-legalità tagħha ma kienet iktar prevista quddiem il-qrati tal-Unjoni. F’tali ċirkustanzi, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tispjega b’liema mod l-aċċess għal dokument partikolari seta’; konkretament u effettivament, u mhux abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali u astratti, jippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza MyTravel, punti 110, 115 u 117).

79

Fid-dawl ta’ dan li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 120 sa 132 u 137 sa 147 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kien imissha wriet li l-aċċess, inkluż dak parzjali, għal kull wieħed mid-dokumenti interni mitluba seta’ konkretament, effettivament u serjament jippreġudika l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u li, b’mod iktar partikolari, l-iżvelar tad-dokumenti li jinkludu pariri legali jkun jikkostitwixxi riskju, raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku, għall-protezzjoni ta’ dawn il-pariri.

80

Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

81

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, f’każ li tiġi annullata s-sentenza appellata, tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża fir-rigward tat-tilwima dwar ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti koperti mill-parti tas-sentenza appellata li għandha tiġi annullata permezz ta’ din is-sentenza.

82

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament fuq il-motivi tar-rikors ta’ Agrofert intiżi kontra r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti l-aċċess għad-dokumenti li hija skambjat mal-partijiet notifikanti u ma’ terzi, billi tinvoka l-eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

83

Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijet, Agrofert kienet l-ewwel nett sostniet, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellhom jiġu interpretati fis-sens li l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess, li d-dokumenti kollha u l-informazzjoni kollha inkluża fihom ma kinux koperti b’dawn l-eċċezzjonijiet u li, għaldaqstant, seta’ jiġi rrifjutat biss l-aċċess għal ċerti siltiet ta’ dokument. Barra minn hekk, il-Kummissjoni b’mod żbaljat invokat l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 139/2004.

84

Issa, kif jirriżuta, b’mod partikolari, mill-punti 57 sa 67 ta’ din is-sentenza, l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, interpretati fid-dawl tal-leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi, jippermettu lill-Kummissjoni tapplika preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha l-iżvelar tad-dokumenti skambjati mal-partijiet notifikanti u ma’ terzi fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ kontroll, bħala regola ġenerali, jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti u dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati ma’ din il-proċedura, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata twettaq eżami konkret u individwali ta’ dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, dan l-argument ta’ Agrofert għandu jiġi miċħud.

85

It-tieni nett, Agrofert sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li interess pubbliku ikbar jeħtieġ li d-dokumenti mitluba jkunu żvelati, interess irrappreżentat f’dan il-każ mid-dannu li din il-parti subiet fil-kapaċità tagħha ta’ azzjonarja minoritarja ta’ Unipetrol, akkwistata minn PKN Orlen fil-kuntest tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

86

F’dan ir-rigward, għalkemm, ċertament, hekk kif jirriżulta mill-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-preżunzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq ma teskludix id-dritt, għall-persuna kkonċernata, li turi l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-interess li Agrofert qed tirreferi għalih ma jikkostitwixxix interess pubbliku ikbar, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, dan l-argument huwa infondat.

87

L-argumenti l-oħra invokati minn Agrofert fl-ewwel istanza huma wkoll infondati.

88

Il-ksur allegat tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat TUE ma huwiex separat mill-motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit b’mod ġenerali f’dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, huwa kkonkretizzat b’dan ir-regolament.

89

Il-motiv ibbażat fuq amministrazzjoni ħażina fl-ipproċessar tat-talba għal aċċess, li permezz tiegħu Agrofert tilmenta li l-Kummissjoni eċċediet it-termini previsti sabiex twieġeb għat-talba konfermattiva tagħha, huwa ineffettiv. Peress li l-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba qabel ma Agrofert ma kienet siltet konsegwenzi min-nuqqas ta’ tweġiba fit-termini skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dan id-dewmien ma jistax jivvizzja t-tweġiba tal-Kummissjoni b’illegalità li tiġġustifika l-annullament tagħha.

90

Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat minn Agrofert quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni ta’ PKN Orlen u ta’ Unipetoril għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

91

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura meta l-appell ma huwiex fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

92

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. L-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tiegħu li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti oħra għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

93

Peress illi l-Kummissjoni tilfet parzjalment u r-rikors ta’ Agrofert ġie parzjalment miċħud, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell

94

PKN Orlen u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2010, Agrofert Holding vs Il-Kummissjoni (T-111/07), huwa annullat sa fejn dan jannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea D (2007) 1360, tat-13 ta’ Frar 2007, li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti tal-Każ COMP/M.3543 dwar il-konċentrazzjoni bejn Polski Koncern Naftowy Orlen SA u Unipetrol, skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi.

 

2)

Il-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza huwa annullat.

 

3)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

4)

Ir-rikors ippreżentat minn Agrofert Holding a.s. quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea D (2007) 1360, tat-13 ta’ Frar 2007, li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti tal-Każ COMP/M.3543 dwar il-konċentrazzjoni bejn Polski Koncern Naftowy Orlen SA u Unipetrol, skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti u bejn il-Kummissjoni u terzi, huwa miċħud.

 

5)

Il-Kummissjoni Ewropea u Agrofert Holding a.s. għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 

6)

Polski Koncern Naftowy Orlen SA u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.