Kawżi magħquda C-468/10 u C-469/10

Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (ASNEF)

u

Federación de Comercio Electrónico y Marketing Directo (FECEMD)

vs

Administración del Estado

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)

“Ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikolu 7(f) — Effett dirett”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Armonizzazzjoni kompleta — Lista limitattiva ta’ każijiet ta’ pproċessar leċitu ta’ data personali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 7)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Kundizzjonjiet sabiex l-ipproċessar ta’ data personali jkun leċitu

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 5 u 7(f))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri — Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 5)

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Kundizzjonjiet sabiex l-ipproċessar ta’ data personali jkun leċitu

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 7(f))

5.        Drittijiet fundamentali — Rispett għall-ħajja privata — Protezzjoni tad-data personali — Limitazzjonijiet ittollerati skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1))

6.        Atti tal-istituzzjonijiet — Direttivi — Effett dirett — Kundizzjonijiet

(it-tielet paragrafu tal-Artikoli 249 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 7(f))

1.        L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali msemmija mid-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ma hijiex limitata għal armonizzazzjoni minima iżda twassal għal armonizzazzjoni li, bħala prinċipju, hija kompleta. F’dan id-dawl, din id-Direttiva hija intiża li tiżgura l-moviment liberu tad-data personali, u dan filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-persuni kkonċernati minn din id-data. Għaldaqstant, minn dan il-għan li l-Artikolu 7 tal-imsemmija Direttiva jipprovdi lista restrettiva u limitata tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jiġi kkunsidrat leċitu. Isegwi li l-Istati Membri la ma jistgħu jżidu prinċipji ġodda dwar il-leġitimazzjoni tad-data personali fl-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva u lanqas ma jistgħu jipprovdu rekwiżiti addizzjonali li jwasslu sabiex jemendaw il-portata ta’ wieħed mis-sitt prinċipji previsti f’dan l-Artikolu.

Dik l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fakultà li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46, li jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li fihom l-ipproċessar tad-data personali jkun leċita. Fil-fatt, l-Istati Membri ma jistgħux, abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom skont l-Artikolu 5 tad-direttiva, jintroduċu prinċipji oħra dwar il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva, u lanqas ma jistgħu jemendaw, permezz ta’ rekwiżiti addizzjonali, il-portata tas-sitt prinċipji previsti fl-imsemmi Artikolu 7.

(ara l-punti 29,30, 32,33, 35,36)

2.        L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, u sabiex jiġi aworizzat l-ippoċessar tad-data personali tagħha li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu segwit mir-responsabbli għal dan l-ipproċessar jew mill-persuna jew persuni terzi li lilhom tiġi kkomunikata din id-data, teħtieġ, minbarra r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ din tal-aħħar, li l-imsemmija data tidher fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku, u b’hekk teskludi b’mod kategoriku u ġenerali kull ipproċessar ta’ data li ma tidhirx f’tali sorsi.

Fil-fatt, minn naħa, mill-għan ta’ dik id-direttiva li tiżgura l-moviment liberu tad-data persunali, u dan filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-persuni kkonċernati minn din id-data, li l-Artikolu 7 tagħha jipprovdi lista restrittiva u limitata tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jiġi kkunsidrat leċitu. Konsegwentement, l-Istati Membri la jistgħu jżidu prinċipji ġodda dwar il-leġitimazzjoni tad-data personali u lanqas ma jistgħu jipprovdu rekwiżiti addizzjonali li jwasslu sabiex jemendaw il-portata ta’ wieħed mill-prinċipji previsti f’dan l-Artikolu 7. Barra minn hekk, l-Istati Membri lanqas ma jistgħu jintroduċu, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija Direttiva, prinċipji oħra dwar il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 u lanqas ma jistgħu jemendaw, permezz ta’ rekwiżiti addizzjonali, il-portata tal-prinċipji previsti fl-Artikolu 7.

Min-naħa l-oħra, sabiex jitwettaq l-ibbilanċjar neċessarju tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni, previst fl-Artikolu 7(f), tal-istess Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu prinċipji prinċipali. Huma jistgħu wkoll jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-serjetà tal-preġudizzju fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata bl-imsemmi pproċessar tista’ tvarja abbażi tal-fatt dwar jekk id-data inkwistjoni tidhirx diġà, jew le, fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku. F’dan l-aħħar każ, il-preġudizzju jkun iktar serju.

Madankollu, ma jkunx każ ta’ sempliċi preċiżazzjoni iżda ta’ rekwiżit addizzjonali, ipprojbit mill-Artikolu 7(f) ta’ din id-Direttiva, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali teskludi, għal ċerti kategoriji ta’ data personali l-possibbiltà li tiġi pproċessata billi tippreskrivi b’mod definittiv, għal dawn il-kategoriji, ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma tippermetti riżultat differenti minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku.

(ara l-punti 29,30, 32, 36, 44-49 u d-dispożittiv 1)

3.        Id-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, fiha regoli kkaratterizzati minn ċerta flessibbiltà u li f’diversi każijiet tħalli lill-Istati Membri responsabbli sabiex jiddeċiedu dwar id-dettalji jew sabiex jagħżlu minn fost diversi possibbiltajiet. B’hekk, għandha ssir distinzjoni bejn il-miżuri nazzjonali li jipprevedu xi rekwiżiti addizzjonali li jemendaw il-portata ta’ prinċipju previst fl-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva, minn naħa, u l-miżuri nazzjonali li jipprevedu preċiżazzjoni sempliċi ta’ wieħed minn dawn il-prinċipji min-naħa l-oħra. L-ewwel tip ta’ miżura nazzjonali hija pprojbita. Huwa biss fil-kuntest tat-tieni tip ta’ miżura nazzjonali li, abbażi tal-Artikolu 5 tal-imsemmija Direttiva, l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni.

(ara l-punt 35)

4.        L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, jipprovdi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun leċitu, jiġifieri, minn naħa, li l-ipproċessar tad-data personali għandu jkun neċessarju sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex mill-persuna responsabbli għall-ipproċessar jew mill-persuna jew persuni terzi li lilhom tiġi kkomunikata d-data u, min-naħa l-oħra, li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata ma jiħdux preċedenza. It-tieni minn dawn il-kundizzjonijiet teħtieġ ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni li jiddependu, bħala prinċipju, fuq ċirkustanzi konkreti tal-individwu kkonċernat u fil-kuntest li fih, il-persuna jew l-individwu li jwettaq l-ibbilanċjar għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 38, 40)

5.        Ir-rispett tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jirrigwarda kull data li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Madankollu, mill-Artikoli 8(2) u 52(1) tal-Karta jirriżulta li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jiġu imposti xi limitazzjonijiet fuq l-imsemmi dritt.

(ara l-punt 42)

6.        Fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni inkorretta tagħha. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. Jekk din id-direttiva timplika, għall-Istati Membri, marġni ta’ diskrezzjoni ftit jew wisq importanti għall-implementazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, l-imsemmi Artikolu 7(f), isemmi obbligu inkundizzjonat.

(ara l-punti 51,52, 55 u d-dispoittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Novembru 2011 (*)

“Ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 7(f) – Effett dirett”

Fil-Kawżi magħquda C‑468/10 u C‑469/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-15 ta’ Lulju 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2010, fil-proċeduri

Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (ASNEF) (C‑468/10),

Federación de Comercio Electrónico y Marketing Directo (FECEMD) (C‑469/10)

vs

Administración del Estado,

fil-preżenza ta’:

Unión General de Trabajadores (UGT) (C‑468/10 u C‑469/10),

Telefónica de España SAU (C‑468/10),

France Telecom España SA (C‑468/10 u C‑469/10),

Telefónica Móviles de España SAU (C‑469/10),

Vodafone España SA (C‑469/10),

Asociación de Usuarios de la Comunicación (C‑469/10),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (ASNEF), minn C. Alonso Martínez u A. Creus Carreras, avukati,

–        għall-Federación de Comercio Electrónico y Marketing Directo (FECEMD), minn R. García del Poyo Vizcaya u Á. Serrano Pérez, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Martínez del Peral u B. Martenczuk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru, 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn l-Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (ASNEF) u l-Federación de Comercio Electrónico y Marketing Directo (FECEMD) u l-Administración del Estado.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 95/46

3        Is-seba’, it-tmien u l-għaxar premessa tad-Direttiva 95/46 huma miktuba kif ġej:

“(7)      Billi d-differenza fil-gradi ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, fl-ipproċessar ta’ data personali li hemm fl-Istati Membri tista’ tfixkel it-trasmissjoni ta’ dik id-data mit-territorju ta’ Stat Membru għal dak ta’ Stat Membru ieħor; billi din id-differenza tista’ għalhekk tkun ta’ ostakolu biex jinġiebu ‘l quddiem għad ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Komunità, tista’ tgħawweġ il-kompetizzjoni u tfixkel lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skond il-liġijiet tal-Komunità; billi din id-differenza fil-gradi ta’ protezzjoni hija minħabba li jkun hemm għażla wiesgħa ta’ liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi;

(8)      Billi, sabiex jitneħħa t-tfixkil għat-tixrid ta’ data personali, il-grad ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna fl-ipproċessar ta’ dik id-data għandu jkun l-istess fl-Istati Membri kollha; billi dan il-għan huwa ta’ importanza kbira għas-suq intern, iżda li ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membru waħidhom, l-aktar minħabba n-nuqqas sewwa ta’ qbil li hemm bħalissa bejn il-liġijiet rilevanti ta’ l-Istati Membri u l-ħtieġa li jkunu kkoordinati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri biex jassiguraw li t-tixrid ta’ data personali minn naħa għal oħra tal-fruntieri jkun regolat b’mod konsistenti skond il-finijiet tas-suq intern […]; billi hemm ħtieġa ta’ azzjoni mill-Komunità biex dawk il-liġijiet ikunu approssimati;

[...]

(10)      Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [iffirmata f’Ruma fl-14 ta’ Novembru 1950, iktar il quddiem il-“KEDB”] u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità”.

4        L-Artikolu 1, intitolat “Għan tad-Direttiva”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.      Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

5        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi kif ġej:

“Stati Membri għandhom, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, jistabbilixxu b’iktar preċiżjoni il-kondizzjonijiet li bihom l-ipproċessar ta’ data personali jkun skond il-liġi.”

6        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

[...]

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

7        L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

a) sigurtà nazzjonali;

b) difiża;

ċ) sigurtà pubblika;

d) prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

e) interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi;

f) monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

g) il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

 Id-dritt nazzjonali

 Il-Liġi Organika 15/1999

8        Il-Liġi Organika 15/1999 dwar il-protezzjoni ta’ data personali (BOE Nru 298, tal-14 ta’ Diċembru 1999, p. 43088), tittrasponi lid-Direttiva 95/46 fil-liġi Spanjola.

9        L-Artikolu 3(j) tal-Liġi Organika 15/1999 jelenka s-“sorsi aċċessibbli mill-pubbliku”, f’lista restrittiva u limitata, mikuba kif ġej:

“[...] il-fajls li l-konsultazzjoni tagħhom hija miftuħa lil kulħadd mingħajr restrizzjoni jew rekwiżit ieħor ħlief xi ħlas jekk ikun neċessarju. Fil-grad tas-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku jidhru esklussivament kopja tar-reġistri elettorali, tad-direttorji telefoniċi, taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni speċifika tagħhom, u l-listi tal-membri tal-gruppi professjonali li fihom biss id-data li tirrigwarda l-isem, it-titolu, il-professjoni, l-attività, il-livell ta’ studju, l-indirizz u informazzjoni dwar l-affiljazzjoni tagħhom fil-grupp. L-istess, għandhom in-natura ta’ sorsi aċċessibbli mill-pubbliku l-gazzetti ta’ kuljum u l-ġurnali uffiċjali kif ukoll il-media.”

10      L-Artikolu 6(1) tal-Liġi Organika 15/1999 jissuġġetta l-ipproċessar tad-data għall-kunsens ċert tal-persuna kkonċernata, ħlief meta l-liġi tipprovdi b’mod ieħor. B’hekk, l-Artikolu 6(2), in fine, ta’ din il-liġi jipprovdi li l-kunsens ma huwiex meħtieġ, b’mod partikolari:

“[...] meta d-data tidher f’sorsi aċċessibbli mill-pubbliku u meta l-ipproċessar tagħha huwa neċessarju għat-twettiq tal-interess leġittimi mfittex mill-persuna responsabbli għall-fajl, jew mill-persuna terza li liha ġiet ikkomunikata d-data, taħt il-kundizzjoni li ma jiġux ippreġudikati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata”.

11      L-Artikolu 11(1) tal-Liġi Organika 15/1999 ifakkar il-ħtieġa tal-kunsens tal-persuna kkonċernata sabiex id-data personali tkun tista’ tiġi kkomunikata lil persuni terzi, iżda l-Artikolu 11(2) jipprovdi madankollu, li dan il-kunsens ma huwiex neċessarju, b’mod partikolari, meta d-data kkonċernata tidher f’sorsi li huma aċċessibbli mill-pubbliku.

 Id-Digriet Irjali 1720/2007

12      Il-Gvern Spanjol implementa l-Liġi Organika 15/1999 permezz tad-Digriet Irjali 1720/2007 (BOE Nru 17, tad-19 ta’ Jannar 2008, p. 4103).

13      L-Artikolu 10(1) tad-Digriet Irjali 1720/2007 jawtorizza l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data personali jekk il-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha minn qabel.

14      Madankollu, l-Artikolu 10(2) tad-Digriet Irjali 1720/2007 jipprovdi:

“[...] l-ipproċessar jew it-trasferiment ta’ data personali huma possibbli mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata meta:

a)      regola li għandha n-natura ta’ liġi, jew regola tad-dritt Komunitarja tawtorrizzah u, b’mod partikolari, f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

l-ipproċessar jew it-trasferiment għandhom bħala għan it-twettiq ta’ interess leġittimi tal-persuna responsabbli għall-ipproċessar jew tal-persuna li responsabbli għat-trasferiment ikkonċernati b’dawn ir-regoli, taħt il-kundizzjoni li ma jiħdux preċedenza l-interess jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni kkonċernati previsti fl-Artikolu 1 tal-Liġi Organika 15/1999 tat-13 ta’ Diċembru;

l-ipproċessar jew it-trasferiment tad-data huma neċessarji għat-twettiq ta’ missjoni fejn waħda minn dawn ir-regoli tirrigwarda l-persuna responsabbli għal dan l-ipproċessar;

b)      l-informazzjoni li hija s-suġġett ta’ pproċessar jew ta’ trasferiment li tidher fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku u l-persuna responsabbli għall-fajl jew il-persuna terza li lilha tiġi kkomunikata d-data għandhom interess leġittimu, li jiġġustifika l-ipproċessar jew il-komunikazzjoni tagħha, taħt il-kundizzjoni li dan ma jippreġudikax id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata.

Madankollu, l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistgħux jikkomunikaw, abbażi ta’ dan il-paragrafu, id-data minn sorsi aċċessibbli mill-pubbliku, lill-persuni responsabbli għall-fajls privati, ħlief meta jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ regola li għandha n-natura ta’ liġi.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

15      L-ASNEF, minn naħa, u l-FECEMD, min-naħa l-oħra, ippreżentaw appell amministrattiv kontra diversi artikolu tad-Digriet Irjali 1720/2007.

16      Fost id-dispożizzjonijiet ikkontestati li jidher l-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(2)(a) tal-imsemmi Digriet, li l-ASNEF u l-FECEMD jikkunsidraw li jikser l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46.

17      B’mod partikolari, l-ASNEF u l-FECEMD jikkunsidraw li l-liġi Spanjola żżid mal-kundizzjoni ta’ interess leġittimu fl-ipproċessar ta’ data mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, kundizzjoni li ma teżistix fid-Direttiva 95/46, jiġifieri li d-data tidher fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku.

18      It-Tribunal Supremo jqis li l-fondatezza tal-appelli ppreżentati rispettivament mill-ASNEF u l-FECEMD tiddependi ħafna fuq l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46. B’hekk, huwa jippreċiża li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Istati Membri ma jistgħux iżidu kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk previsti f’din id-dispożizzjoni u li ma jistax jiġi rrikonoxxut l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 10(2)(b) tad-Digriet Irjali 1720/2007 għandu jiġi eskluż.

19      It-Tribunal Supremo jispjega li, fin-nuqqas tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, sabiex jiġi awtorizzat l-ipproċessar tad-data personali ta’ din tal-aħħar meħtieġ sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex mill-persuna responsabbli għal dan l-ipproċessar jew mill-persuna jew persuni terzi li lilhom tiġi kkomunikata din id-data, il-liġi Spanjola teħtieġ li, minbarra r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, li l-imsemmija data tidher fil-fajls elenkati fl-Artikolu 3(j) tal-Liġi Organika 15/1999. F’dan ir-rigward, huwa jqis li din il-liġi u d-Digriet Irjali 1720/2007 jirrestrinġu l-portata tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46.

20      Skont it-Tribunal Supremo, din ir-restrizzjoni tikkostitwixxi ostakolu lill-moviment liberu tad-data personali li ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 95/46, ħlief meta l-interessi jew id-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-proprjetarju tad-data jeħtieġu li dan isir. Minn dan huwa jiddeduċi li l-unika possibbiltà li fiha tiġi evitata kontradizzjoni bejn din id-direttiva u l-liġi Spanjola tkun li jiġi kkunsidrat li l-moviment liberu tad-data persunal li tidher fil-fajls minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 3(j) tal-Liġi Organika 15/1999 jippreġudika l-interessi jew id-drittijiet u libertajiet funadamentali tal-proprjetarju tad-data.

21      Madankollu, it-Tribunal Supremo jistaqsi jekk tali interpretazzjoni hija konformi mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi qies li s-soluzzjoni taż-żewġ kawżi li tressqu quddiemu tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi f’kull waħda minn dawn il-kawżi:

“1)      L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas tal-kunsens tal-persuna kkonċernata u sabiex jiġi awtorizzat it-trattament tad-data tagħha ta’ natura personali neċessarju sabiex jiġi sodisfatt interess leġittimu tal-persuna responsabbli jew ta’ terzi li lilhom ġiet ikkomunikata d-data, teħtieġ, barra r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali ta’ din tal-aħħar, li d-data tkun tinsab f’sorsi aċċessibbli għall-pubbliku?

2)      L-Artikolu 7(f) […] jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-effett dirett?”

23      Permezz ta’ Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2010, il-Kawżi C‑468/10 u C‑469/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, u sabiex jiġi awtorizzat l-ipproċessar tad-data personal tagħha sabiex jintlaħaq interess leġittimu mfittex mill-persuna responsabbli għall-ipproċessar jew mill-persuna jew persuni terzi li lilhom ġiet ikkomunikata din id-data, teħtieġ, minbarra r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ din tal-aħħar, li l-imsemmija data tidher fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku.

25      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46 jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, għall-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C‑524/06, Ġabra p. I‑9705, punt 47).

26      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 intitolat “Regoli ġenerali dwar il-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali”, bla ħsara għad-derogi aċċettati taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, kull ipproċessar ta’ data għandu, minn naħa, jikkonforma mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji sabiex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu, li huma elenkati fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989, punt 65 kif ukoll Huber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

27      Mill‑premessa 7 tad‑Direttiva 95/46 jirriżulta li l-istabbiliment u l‑funzjonament tas‑suq internet jistgħu jkunu affettwati b’mod serju mid‑differenzi bejn is‑sistemi nazzjonali applikabbli għall‑ipproċessar ta’ data personali (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru2003, Lindqvist, C‑101/01, Ġabra p. I‑12971, punt 79).

28      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-Direttiva 95/46 għandha l-għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tmien premessa tagħha, li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni fl-ipproċessar ta’ data personali jkun l-istess fl-Istati Membri kollha. L-għaxar premessa tagħha żżid li l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali applikabbli f’dan ir-rigward ma għandhiex twassal biex iddgħajjef il-protezzjoni li huma jiżguraw, iżda għandha, bil-kontra, ikollha bħala għan li tiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Lindqvist, punt 95 u Huber, punt 50).

29      B’hekk, diġà ġie deċiż li l‑armonizzazzjoni ta’ dawn il‑liġijiet nazzjonali, ma hijiex limitata għal armonizzazzjoni minima iżda twassal għal armonizzazzjoni li, bħala prinċipju, hija kompleta. Huwa f’dan id‑dawl li d‑Direttiva 95/46 hija intiża li tiżgura l‑moviment liberu tad‑data personali, u dan filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u tal‑interessi tal‑persuni kkonċernati minn din id‑data (ara s-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96).

30      Għaldaqstant, mill-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha, jirriżulta li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi lista restrittiva u limitata tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jiġi kkunsidrat leċitu.

31      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-kliem “jkun ipproċessat biss jekk” flimkien ma’ “jew” fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, li juru n-natura restrittiva u limitata tal-lista li tidher f’dan l-Artikolu.

32      Isegwi li l-Istati Membri la ma jistgħu jżidu prinċipji ġodda dwar il-leġitimazzjoni tad-data personali fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 u lanqas ma jistgħu jipprovdu rekwiżiti addizzjonali li jwasslu sabiex jemendaw il-portata ta’ wieħed mis-sitt prinċipji previsti f’dan l-Artikolu.

33      L-interpretazzjoni preċedenti ma tiddaħħalx inkwistjoni mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt dan l-Artikolu jawtorrizza biss lill-Istati Membri sabiex jippreċiżaw, fil-limiti tal-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, tal-Artikolu 7 tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom l-ipproċessar tad-data personali ikun leċitu.

34      Il-marġni ta’ diskrezzjoni li, abbażi tal-imsemmi Artikolu 5 jiddisponu minnha l-Istati Membri, għaldaqstant tista’ tintuża biss b’konformità mal-għan imfittex mid-Direttiva 95/46 li jikkonsisti fiż-żamma tal-ekwilibriju bejn il-moviment liberu tad-data persunali u l-protezzjoni tal-ħajja privata (ara s-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

35      Id‑Direttiva 95/46 fiha regoli kkaratterizzati minn ċerta flessibbiltà u li f’diversi każijiet tħalli lill‑Istati Membri responsabbli sabiex jiddeċiedu dwar id‑dettalji jew sabiex jagħżlu minn fost diversi possibbiltajiet (ara s-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83). B’hekk, għandha ssir distinzjoni bejn il-miżuri nazzjonali li jipprevedu xi rekwiżiti addizzjonali li jemendaw il-portata ta’ prinċipju previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, minn naħa, u l-miżuri nazzjonali li jipprevedu preċiżazzjoni sempliċi ta’ wieħed minn dawn il-prinċipji min-naħa l-oħra. L-ewwel tip ta’ miżura nazzjonali hija pprojbita. Huwa biss fil-kuntest tat-tieni tip ta’ miżura nazzjonali li, abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni.

36      Isegwi li abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri lanqas ma jistgħu jintroduċu prinċipji oħra dwar il-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva, u lanqas ma jistgħu jemendaw, permezz ta’ rekwiżiti addizzjonali, il-portata tas-sitt prinċipji previsti fl-imsemmi Artikolu 7.

37      Fil-kawża preżenti, l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li l-ipproċessar tad-data personali huwa leċitu meta “l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

38      L-imsemmi Artikolu 7(f) jipprovdi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun leċitu, jiġifieri, minn naħa, li l-ipproċessar tad-data personali għandu jkun neċessarju sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex mill-persuna responsabbli għall-ipproċessar jew mill-persuna jew persuni terzi li lilhom tiġi kkomunikata d-data u, min-naħa l-oħra, li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata ma jiħdux preċedenza.

39      Isegwi li, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprojbixxi kull leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, timponi, minbarra ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt preċedenti, xi rekwiżiti addizzjonali.

40      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tieni minn dawn il-kundizzjonijiet teħtieġ ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni li jiddependu, bħala prinċipju, fuq ċirkustanzi konkreti tal-individwu kkonċernat u fil-kuntest li fih, il-persuna jew l-individwu li jwettaq l-ibbilanċjar għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi l-Artikolu 8(1) tal-Karta jipprovdi illi “[k]ull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”. Dan id-dritt fundamentali huwa marbut mill‑qrib mar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063, punt 47).

42      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jirrigwarda kull data li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (ara s-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Madankollu, mill-Artikoli 8(2) u 52(1) tal-Karta jirriżulta li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jiġu imposti xi limitazzjonijiet fuq l-imsemmi dritt.

43      Barra minn hekk, huma l-Istati Membri, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 95/46, li għandhom jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar li tippermettilhom li jiżguraw l-ekwilibriju ġust bejn id-drittijiet differenti u l-libertajiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punt 60).

44      Fir-rigward tal-ibbilanċjar neċessarju abbażi tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-serjetà tal-preġudizzju fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata bl-imsemmi pproċessar tista’ tvarja abbażi tal-fatt dwar jekk id-data inkwistjoni tidhirx diġà, jew le, fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku.

45      Fil-fatt, b’differenza mill-ipproċessar tad-data li tidher fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku, l-ipproċessar tad-data li tidher fis-sorsi li ma humiex aċċessibbli mill-pubbliku, jimplika neċessarjament li xi informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata huma issa magħrufa mill-persuna responabbli għall-proċessar u, jekk ikun il-każ, mill-persuna jew persuni terzi li lilhom tiġi kkomunikata din id-data. Il-preġudizzju iktar serju tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bil-valur ġust tiegħu, billi jsir bilanċ mal-interess leġittimu mfittex mill-persuna responsabbli għat-trattament jew mill-persuna jew persuni terzi li lilhom tiġi kkomunikata d-data.

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li xejn ma jipprekludi li, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri jistabbilixxu l-prinċipji prinċipali għall-imsemmi bilanċjar.

47      Madankollu, ma jkunx każ ta’ preċiżazzjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5 jekk leġiżlazzjoni nazzjonali teskludi, għal ċerti kategoriji ta’ data personali l-possibbiltà li tiġi pproċessata billi tippreskrivi b’mod definittiv, għal dawn il-kategoriji, ir-riżultat tal-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti, mingħajr ma tippermetti riżultat differenti minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ speċifiku.

48      Għaldaqstant, bla ħsara għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46, li jirrigwarda kategoriji speċifiċi ta’ data, dispożizzjoni li ma hijiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva jipprekludi li Stat Membru jeskludi b’mod kategoriku u ġenerali l-possibbiltà għal ċerti kategoriji ta’ data personali li jiġu pproċessati, mingħajr ma jippermetti bilanċjar bejn id-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni f’każ partikolari.

49      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, u sabiex jiġi aworizzat l-ippoċessar tad-data personali tagħha li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex mir-responsabbli għal dan l-ipproċessar jew mill-persuna jew persuni terzi li lilhom tiġi kkomunikata din id-data, teħtieġ, minbarra r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ din tal-aħħar, li l-imsemmija data tidher fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku, u b’hekk teskludi b’mod kategoriku u ġenerali kull ipproċessar ta’ data li ma tidhirx f’tali sorsi aċċessibbli mill-pubbliku.

 Fuq it-tieni domanda

50      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, għandux effett dirett.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni inkorretta tagħha (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi, C‑203/10, Ġabra p. I‑1083, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 huwa suffiċjentement preċiż sabiex jiġi invokat minn individwu u applikat mill-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, jekk id-Direttiva 95/46 timplika mingħajr dubju, għall-Istati Membri, marġni ta’ diskrezzjoni ftit jew wisq importanti għall-implementazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha, l-imsemmi Artikolu 7(f) min-naħa tiegħu, isemmi obbligu inkundizzjonat (ara, b’analoġija, is-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100).

53      L-użu tal-espressjoni “ħlief meta” fit-test stess tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni n-natura inkundizzjonata ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza.

54      Fil-fatt, din l-espressjoni hija intiża sabiex tistabbilixxi wieħed miż-żewġ elementi kumulattivi previsti fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, li għandu jiġi rrispettat sabiex ikun hemm il-possibbiltà li tiġi pproċessata d-data personali mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata. Din id-definizzjoni ma tneħħix min-natura preċiża u inkundizzjonata tal-imsemmi Artikolu 7(f).

55      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandu effett dirett.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fin-nuqqas tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, u sabiex jiġi aworizzat l-ippoċessar tad-data personali tagħha li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex mir-responsabbli għal dan l-ipproċessar jew mill-persuna jew persuni terzi li lilhom tiġi kkomunikata din id-data, teħtieġ, minbarra r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ din tal-aħħar, li l-imsemmija data tidher fis-sorsi aċċessibbli mill-pubbliku, u b’hekk teskludi b’mod kategoriku u ġenerali kull ipproċessar ta’ data li ma tidhirx f’tali sorsi aċċessibbli mill-pubbliku.

2)      L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandu effett dirett.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.