Kawżi magħquda C-424/10 u C-425/10

Tomasz Ziolkowski et u Marlon Szeja

vs

Land Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

“Moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza permanenti — Artikolu 16 — Residenza legali — Residenza bbażata fuq id-dritt nazzjonali — Residenza mwettqa qabel l-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin ikkonċernat”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Dritt ta’ residenza permanenti taċ-ċittadini tal-Unjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 7(1) u 16(1))

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 37)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Dritt ta’ residenza permanenti taċ-ċittadini tal-Unjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 7(1) u 16(1))

1.        L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jkun wettaq residenza ta’ iktar minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss abbażi tad-dritt nazzjonali tiegħu ma jistax jitqies li kiseb id-dritt għar-residenza permanenti taħt din id-dispożizzjoni, meta, matul din ir-residenza, huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) ta’ din l-istess direttiva.

Fil-fatt, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l‑għanijiet li jridu jintlaħqu mid-Direttiva 2004/38, il-kunċett ta’ residenza legali inkluż bil-kliem “li għex [rrisjeda] legalment” fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, għandu jfisser residenza konformi mal-kundizzjonijiet previsti taħt din id-direttiva, b’mod partikolari dawn inklużi fl-Artikolu 7(1) tagħha. Konsegwentement, residenza skont id-dritt ta’ Stat Membru, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 ma tistax titqies li hija residenza “legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ din tal-aħħar.

(ara l-punti 34, 46, 47, 51 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jipprovdi biss li dan tal-aħħar ma jipprekludix id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistema bi trattament iktar favorevoli minn dak applikabbli taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li d-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli għandhom jiġu integrati fis-sistema implementata minn din id-direttiva.

Madankollu, huwa għal kull Stat Membru li jiddeċiedi mhux biss jekk din toħloqx tali sistema, iżda wkoll liema huma l-kundizzjonijiet u l-effetti ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi legali ta’ dritt ta’ residenza mogħti fuq il-bażi biss tad-dritt nazzjonali.

(ara l-punti 49 u 50)

3.        Il-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz fit-territorju ta’ Stat Membru, li twettqu qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat terz mal-Unjoni, għandhom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Att ta’ Adeżjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, sakemm ikunu saru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha.

F’dan ir-rigward, sakemm il-persuna kkonċernata hija f’pożizzjoni li tipprova li tali perijodi twettqu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi, mid-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni, ma għandux bħala konsegwenza jagħti effett retroattiv lill-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, iżda sempliċement jagħti effett attwali lil sitwazzjonijiet li ġew fis-seħħ qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 62, 63 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza permanenti – Artikolu 16 – Residenza legali – Residenza bbażata fuq id-dritt nazzjonali – Residenza mwettqa qabel l-adeżjoni fl-Unjoni tal-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin ikkonċernat”

Fil-Kawżi magħquda C‑424/10 u C‑425/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 ta’ Lulju 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Awwissu 2010, fil-proċeduri

Tomasz Ziolkowski (C‑424/10),

Barbara Szeja,

Maria-Magdalena Szeja,

Marlon Szeja (C‑425/10)

vs

Land Berlin,

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, J. Malenovský u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), M. Ilešič, E. Levits, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T. Ziolkowski kif ukoll għal B. Szeja u uliedha, minn L. Weber, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u B. Doherty, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn M. Michelogiannaki u T. Papadopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Ward u S. Ossowski, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u M. Wilderspin kif ukoll minn D. Maidani, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, T. Ziolkowski kif ukoll, min-naħa l-oħra, B. Szeja u ż-żewġ uliedha minuri, u l-Land Berlin, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li toħroġ dokument li jiċċertifika d-dritt tagħhom ta’ residenza permanenti taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 3, 4, 10, 17, 18 u 29 tad-Direttiva 2004/38:

“(3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

(4)      Bil-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hemm il-bżonn li jkun hemm att leġislattiv uniku li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema fil-Komunità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 69),] u li jħassar l-atti li ġejjin: id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għall-ħaddiema ta’ l-Istati Membri u għall-familji tagħhom [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27)], id-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ stabbiliment u ta’ provvediment ta’ servizzi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)], id-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3)], id-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività professjonali tagħhom [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 5)] u d-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110)].

[…]

(10)      Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(17)      It-tgawdija ta’ residenza permanenti miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta’ l-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.

(18)      Sabiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti, ġaladarba miksub, m’għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet.

[…]

(29)      Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa id-disposizzjonijiet nazzjonali li huma aktar fav7orevoli.”

4        Taħt il-Kapitolu I tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali” l-Artikolu 1 tiegħu, li huwa stess intitolat “Suġġett”, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

(b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

[…]”

5        Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 15 tagħha.

6        Taħt it-titolu “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, l-Artikolu 6 jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ)      –      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

(d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu [1] għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).

3.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)      il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

(b)      il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

(ċ)      il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

(d)      il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1(d) u 2 t’hawn fuq, ir-raġel jew il-mara, is-sieħeb/sieħba reġistrat/a previsti fl-Artikolu 2(2)(b) u t-tfal dipendenti biss għandhom id-dritt ta’ residenza bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet taħt 1(ċ) t’hawn fuq. L-Artikolu 3(2) għandu japplika għall-qraba diretti dipendenti tiegħu u għar-raġel, għall-mara jew għas-sieħeb/sieħba reġistrat/a.”

8        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, il-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti m’għandux jolqot id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru.

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1).

2.      Mingħajr preġudizzju tat-tieni sottoparagrafu, il-mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni ma jwassalx it-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li kienu qed jgħixu fl-Istat Membru ospitanti bħala membri tal-familja għal ta’ l-inqas sena qabel il-mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa’ suġġett għall-ħtieġa li jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom, kif ukoll li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma parti min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. “Riżorsi biżżejjed” huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta' residenza esklussivament b’titlu personali.”

9        Taħt it-titolu “Żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri ta’ familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ, jew ta’ tmiem ta’ unjoni reġistrata”, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, m’għandhomx jaffettwaw id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li huma ċittadini ta’ Stat Membru.

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, il-persuni kkonċernati għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ l-Artikolu 7(1).

2.      Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn:

[…]

Qabel jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati għandu jibqa s-suġġett tal-ħtieġa li huma jkunu jistgħu juru li huma ħaddiema jew li huma persuni li jaħdmu għal rashom jew li għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom u li għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew li huma membri min-nukleu familjari, diġà kkostitwit fl-Istat Membru ospitanti, ta’ persuna li tissoddisfa dawn il-ħtiġiet. “Riżorsi biżżejjed” huma dawk indikati fl-Artikolu 8(4).”

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.”

10      Taħt it-titolu “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 jiddisponi:

“1.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.      Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.

3.      Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

4.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk::

(a)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

(b)      iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

11      Taħt il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti” l-Artikolu 16 tiegħu, li huwa stess intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex [rrisjeda] legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

3.      Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

12      Taħt il-Kapitolu IV, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti minn ċerti membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li għalihom japplikaw l-Artikoli 12(2) u 13(2), li jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fihom, għandhom jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jgħixu legalment għal perjodu ta’ ħames snin konsekuttivi fl-Istat Membru ospitanti.”

13      Skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jolqtu xi liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.”

 Id-dritt nazzjonali

14      Taħt it-titolu “Dritt ta’ dħul u ta’ residenza”, l-Artikolu 2(1) u (2) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. I, p. 1950), kif emendata bil-liġi ta’ traspożizzjoni tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-dritt ta’ residenza u ta’ ażil (Gesetz zur Umsetzung aufenthalts- und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union), tad-19 ta’ Awwissu 2007 (BGBl. I, p. 1970, iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”), jiddisponi:

“(1)      Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

(2)      Jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju:

[…]

5.      iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, b’mod konformi għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4,

[…]”

15      L-Artikolu 4 tal-FreizügG/EU, intitolat “Persuni li jibbenefikaw mill-moviment liberu mingħajr attività professjonali”, jistabbilixxi:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, il-membri tal-familja tagħhom u l-imsieħba tagħhom, li jakkompanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni, jibbenefikaw mid-dritt previst fl-Artikolu 2(1), jekk ikollhom assigurazzjoni ta’ mard adegwata u riżorsi adegwati […]”

16      L-Artikolu 4a tal-FreizügG/EU intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-membri tal-familja tagħhom u l-imsieħba tagħhom, li rrisjedew legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju federali, jibbenefikaw mid-dritt ta’ dħul u ta’ residenza indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) (dritt ta’ residenza permanenti).”

17      Skont l-Artikolu 5(6) tal-FreizügG/EU:

“Dokument li jiċċertifika d-dritt ta’ residenza permanenti għandu jinħareġ minnufih liċ-ċittadini tal-Unjoni li jitolbuh.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18      T. Ziolkowski huwa ċittadin Pollakk li wasal fil-Ġermanja f’Settembru 1989. Huwa kiseb permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji għall-perijodu li jibda minn Lulju 1991 sa April 2006.

19      B. Szeja hija ċittadina Pollakka li waslet fil-Ġermanja fl-1988. Hija kisbet permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji għall-perijodu li jibda minn Mejju 1990 sa Ottubru 2005. Uliedha twieldu fil-Ġermanja fl-1994 u fl-1996. Huma kisbu permess ta’ residenza li jikkorrispondi għal dak ta’ ommhom. Missierhom huwa ċittadin Tork li jgħix separatament, iżda li flimkien ma’ B. Szeja għandu l-kustodja tagħhom.

20      Fl-2005, T. Ziolkowski kif ukoll B. Szeja u wliedha talbu estensjoni tal-permessi ta’ residenza tagħhom jew, jekk ikun il-każ, il-ħruġ ta’ ċertifikat li juri d-dritt ta’ residenza permanenti tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. It-talba ta’ B. Szeja u wliedha kienet miċħuda. T. Ziolkowski kiseb estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu sa April 2006, iżda wara dan, it-talba tiegħu għal estensjoni mill-ġdid ġiet ukoll irrifjutata. Il-persuni kollha kkonċernati ġew mgħarrfa li huma kienu ser ikunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija lejn l-Istat Membru ta’ orġini tagħhom, jekk ma jitilqux mit-territorju Ġermaniż f’ċertu terminu wara d-data li fiha dawn d-deċiżjonijiet ta’ rifjut mil-Land Berlin isiru finali.

21      Skont il-Land Berlin, l-estensjoni tal-permessi ta’ residenza għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienx possibbli għax ma kinux kapaċi jmantnu lilhom infushom. Ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza permanenti taħt id-dritt tal-Unjoni ma kienx ikun possibbli, minħabba li dawn ma jeżerċitawx attività professjonali u ma kinux kapaċi jipprovaw li jistgħu jmantnu lilhom infushom.

22      Il-Verwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva) laqgħet ir-rikorsi ppreżentati quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali billi qieset li d-dritt ta’ residenza permanenti taħt id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi rrikonoxxut favur iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li rrisjedu legalment matul ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, mingħajr ebda bżonn li tiġi vverifikata l-adegwatezza tar-riżorsi tagħhom. Il-Land Berlin appellat mis-sentenzi tal-Verwaltungsgericht, u l-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (Qorti Amministrattiva Reġjonali Superjuri tal-Länder ta’ Berlin u ta’ Brandenburg) irriformathom permezz tas-sentenzi tat-28 ta’April 2009.

23      Skont dawn is-sentenzi, jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti taħt id-dritt tal-Unjoni, il-perijodi mwettqa miċ-ċittadin ikkonċernat mid-data li fiha l-Istat ta’ oriġini ta’ dan tal-aħħar sar membru tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ din il-kisba, jista’ biss titqies li hija legali residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 2(2) tal-FreizügG/EU, dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38. Sa fejn, fid-data tal-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini tagħhom fl-Unjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux jaħdmu u lanqas ma kellhom ir-riżorsi sabiex imantnu lilhom infushom u li ma kinux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, huma ma jissodisfawx, skont din il-qorti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tal-FreizügG/EU u għalhekk ma kisbu l-ebda dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 4a ta’ din il-liġi.

24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appelli quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenzi tal-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg.

25      Il-qorti tar-rinviju taqbel mal-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-appell li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qagħdu fil-Ġermanja, mhux skont il-kundizzjonijiet previsti taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda biss fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali. Madankollu, hija tikkunsidra li jekk tali residenza ma tippermettix il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, hija għalhekk għandha tirriferi lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tieħu deċiżjoni.

26      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑424/10 u C‑425/10:

“1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2004/38] għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti lil ċittadin tal-Unjoni Ewropea, li għex [irrisjeda] legalment, inkonformità mad-dritt nazzjonali, għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru iżda li f’dan iż-żmien qatt ma ssodisfa l‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2004/38] dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru?

2)      Għall-finijiet tar-residenza legali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2004/38] għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-perijodi ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membri ospitanti mwettqa qabel id-data tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Istat ta’ oriġini ta’ dan iċ-ċittadin?”

27      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2010, il-Kawżi C‑424/10 u C‑425/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jkun irrisjeda għal iktar minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali għandu jitqies li kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti skont din id-dispożizzjoni, minkejja li matul din ir-residenza, huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva.

 Osservazzjonijiet issottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

29      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jobbligax liċ-ċittadin tal-Unjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva. Sabiex ikun eliġibbli għall-kisba ta’ dritt permanenti ta’ residenza taħt dan l-Artikolu 16(1), huwa biżżejjed li jkollu residenza legali, anki taħt id-dritt tal-Istat Membru ospitanti, u ċ-ċirkustanza li minn ikun għamel it-talba jkun għamel użu mill-għajnuna soċjali jew il-fatt li matul din ir-residenza, id-dipartiment kompetenti dwar il-barranin seta’ leġittimament jikkonstata t-telf tad-dritt għal moviment liberu, huma nieqsa minn kull rilevanza f’dan ir-rigward.

30      L-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw, bħall-qorti tar-rinviju, li l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 teżiġi li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ikun irrisjeda għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u li, għalhekk, residenza li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet ma tistax titqies li hija “residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1).

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

31      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni li kienu legalment residenti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju.

32      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l‑portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43, u tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle, C‑34/10, Ġabra p. I‑0000, punt 25).

33      Issa, għalkemm it-test tad-Direttiva 2004/38 ma jagħti l-ebda definizzjoni preċiża ta’ kif għandhom jinftiehmu l-kliem “li għex [rrisjeda] legalment” fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, din id-direttiva lanqas ma tagħmel xi riferiment għad-dritt nazzjonali f’dak li jirrigwarda t-tifsira li għandha tingħata. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, dawn jirreferu għal kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar.

34      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem, li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni, għandha tiġi stabbilita, b’mod partikolari, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l‑għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C‑336/03, Ġabra p. I‑1947, punt 21; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 17; tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C‑151/09, Ġabra p. I‑7591, punt 39, u Brüstle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

35      Għalhekk, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tad-Direttiva 2004/38, il-premessa 1 tagħha tfakkar li l-ċittadinanza tal-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali ta’ moviment libieru u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattati u għall-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, Ġabra p. 1‑9217, punt 29, u tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, Ġabra 1‑3375, punt 27).

36      Filwaqt li d-Direttiva 2004/38 għandha l-għan li tiffaċilita u ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament lil kull ċittadin tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li s-suġġett tagħha, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) u (b) tagħha, jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom jiġi eżerċitat dan id-dritt u d-dritt ta’ residenza permanenti, b’dan tal-aħħar ikun introdott għall-ewwel darba fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz ta’ din id-direttiva, ħlief għal dak li jirrigwarda l-ħaddiema li temmew l-attività tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u l-membri tal-familja tagħhom.

37      Mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li din għandha l-għan li tegħleb approċċ settorjali u fframmentat tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt billi tiżviluppa att leġiżlattiv wieħed li jikkodifika u jirrevedi l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti għal din id-direttiva.

38      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest globali tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi osservat li din tipprevedi sistema gradwali dwar id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li, filwaqt li essenzjalment tinkludi l-passi u l-kundizzjonijiet stipulati fil-varji strumenti tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza preċedenti għal din id-direttiva, twassal għad-dritt ta’ residenza permanenti.

39      Fil-fatt, l-ewwel nett, għal residenza sa tliet xhur, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jillimita l-kundizzjonijiet jew formalitajiet tad-dritt ta’ residenza għall-ħtieġa ta’ pussess ta’ karta ta’ identità jew ta’ passaport validu, u l-Artikolu 14(1) ta’ din tal-aħħar iżomm dan id-dritt sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

40      It-tieni nett, għal perijodu ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 u skont il-kliem tal-Artikolu 14(2) tagħha, b’dan id-dritt jinżamm biss jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. Mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva b’mod partikolari, jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma maħsuba b’mod partikolari sabiex dawn il-persuni ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

41      It-tielet nett, mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu rrisjedew legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li dan id-dritt ma jkunx suġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Hekk kif issemmi l-premessa 18 ta’ din id-direttiva, ladarba jkun inkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, dan ma għandu jkun suġġett għall-ebda kundizzjoni oħra, u dan sabiex jiġi stabbilit mezz ġenwin għall-integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat.

42      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntest partikolari tad-Direttiva 2004/38, fir-rigward tad-dritt ta’ residenza permanenti, għandu jiġi nnotat li l-premessa 17 tagħha tippreċiża li għandu jiġi pprovdut tali dritt għaċ-ċittadini tal-Unjoni kollha u l-membri tal-familji tagħhom li jkunu rrisjedew fl-Istat Membru ospitanti, “skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva” matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, sakemm ma kinux is-suġġett ta’ tkeċċija.

43      Tali preċiżazzjoni kienet introdotta fl-imsemmija premessa, matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38, permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill (KE) Nru 6/2004, adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2004, C 54 E, p. 12). Skont il-komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Diċembru 2003 (SEC/2003/1293 finali), din il-preċiżazzjoni ġiet introdotta “sabiex jiġi ċċarat il-kontenut tat-terminu residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

44      Barra minn hekk, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38, li jidher fl-istess kapitolu bħall-Artikolu 16 tiegħu u li jirrigwarda l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru, jipprovdi li fil-każ ta’ mewt jew tluq ta’ dan iċ-ċittadin, ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ jew ta’ tmiem ta’ sħubija rreġistrata, dawn il-membri għandhom, hekk kif inhuwa previst fl-Artikolu 16(1) ikunu “għex[u] [rrisjedew] legalment” għal perijodu kontinwu, matul ħames snin fl-Istat Membru ospitanti sabiex jiksbu id-dritt ta’ residenza permanenti, billi f’dan ir-rigward isir riferiment għall-Artikoli 12(2) u 13(2) tal-istess direttiva, dispożizzjonijiet li minnhom it-tieni paragrafu jeħtieġ mill-persuni kkonċernati, fost kundizzjonijiet oħra, li jkunu jistgħu juru, qabel kisba bħal din, li jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (d) ta’ din id-direttiva.

45      Bl-istess mod, skont l-Artikoli 12(1) u 13(1) tad-Direttiva 2004/38, jekk il-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni, jew id-divorzju, l-annullament ta’ żwieġ jew it-tmiem ta’ sħubija rreġistrata ma jaffettwawx id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja li huma ċittadini ta’ Stat Membru, dawn tal-aħħar għandhom ukoll jipprovaw li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti.

46      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ residenza legali inkluż bil-kliem “li għex [rrisjeda] legalment” fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, għandu jfisser residenza konformi mal-kundizzjonijiet previsti taħt din id-direttiva, b’mod partikolari dawn inklużi fl-Artikolu 7(1) tagħha.

47      Għalhekk, residenza skont id-dritt ta’ Stat Membru, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 ma tistax titqies li hija residenza “legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ din tal-aħħar.

48      F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi sostnuta interpretazzjoni kuntrarja fuq il-bażi tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jmorrux kontra l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jkunu iktar favorevoli għall-persuni msemmija f’din l-istess direttiva.

49      Fil-fatt, għandu jingħad li l-fatt li ma tkunx ta’ preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli minn dawk tad-Direttiva 2004/38 f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni bl-ebda mod ma jimplika li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu integrati fis-sistema implementata minn din id-direttiva.

50      L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi biss li dan tal-aħħar ma jipprekludix id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistema bi trattament iktar favorevoli minn dak applikabbli taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, huwa għal kull Stat Membru li jiddeċiedi mhux biss jekk din toħloqx tali sistema, iżda wkoll liema huma l-kundizzjonijiet u l-effetti ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi legali ta’ dritt ta’ residenza mogħti fuq il-bażi biss tad-dritt nazzjonali.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jkun wettaq residenza ta’ iktar minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss abbażi tad-dritt nazzjonali ta’ dan ma jistax jitqies li kiseb id-dritt għar-residenza permanenti taħt din id-dispożizzjoni, meta matul din ir-residenza, huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) ta’ din l-istess direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz fit-territorju ta’ Stat Membru, li twettqu qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat terz mal-Unjoni, għandhomx, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Att ta’ Adeżjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

 Osservazzjonijiet issottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

53      L-Irlanda u l-Kummissjoni jqisu li ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, peress li huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qatt ma ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, inkluż matul il-perijodi ta’ residenza preċedenti għall-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini tagħhom fl-Unjoni.

54      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-perijodi ta’ residenza preċedenti għall-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin ikkonċernat fl-Unjoni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, billi dan id-dritt ta’ residenza jeżiġi li l-persuna li qed titlob il-benefiċċju tiegħu kienet residenti fil-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux ċittadini ta’ din tal-aħħar, u għaldaqstant, ma kinux jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija mill-istrumenti legali tal-Unjoni.

55      Minn naħa l-oħra, il-Gvern Grieg iqis li huwa ċar mill-kliem, mill-iskop u mill-istruttura tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata irrispettivament mid-data tal-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini ta’ ċittadin ikkonċernat fl-Unjoni. Għalhekk, il-perijodi ta’ residenza mwettqa qabel l-adeżjoni għandhom jiġu kkunsidrati, sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Att ta’ Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid huwa essenzjalment ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali tal-applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ dan l-Istat, u derogi huma ammessi biss sa fejn dawn jiġu espressament previsti minn dispożizzjonijiet tranżitorji (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, Ġabra p. I‑3571, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 6 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 6 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 12 KE) kif ukoll l-Artikoli 48 u 51 tat-Trattat KE (li saru, rispettivament, wara emenda, l-Artikoli 39 KE u 42 KE), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni ta’ Stat Membru ma fih ebda dispożizzjoni tranżitorja fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli, u li dawn għandhom jitqiesu li huma applikabbli u vinkolanti immedjatament fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru mid-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni, b’tali mod li, minn din id-data, dawn ikun jistgħu jiġu invokati miċ-ċittadini minn kull Stat Membru u li jkunu applikabbli għall-effetti attwali u futuri ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat fl-Unjoni (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS, C‑122/96, Ġabra p. I‑5325, punt 14; tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑195/98, Ġabra p. I‑10497, punt 55, kif ukoll tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, Ġabra p. I‑3567, punt 44).

58      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni japplikaw mid-dħul fis-seħħ tagħhom u li għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li għandhom jiġu applikati għall-effetti attwali ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 25, u Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

59      F’dan il-każ, ma hemm l-ebda dispożizzjoni tranżitorja dwar l-applikazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni fl-Att li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet tal‑adeżjoni tar‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r‑Repubblika tas‑Slovakkja u l‑aġġustamenti għat‑trattati li fuqhom hija stabbilita l‑Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33), ħlief għal xi dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema u moviment liberu tal-provvista ta’ servizzi, li jinsabu fl-annessi ta’ dan l-att.

60      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jistgħu jiġu invokati minn ċittadini tal-Unjoni u jiġu applikati għall-effetti attwali u futuri ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni.

61      F’dan ir-rigward, huwa veru li l-perijodi ta’ residenza mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti minn ċittadin ta’ Stat ieħor qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar fl-Unjoni ma jaqax taħt id-dritt ta’ din tal-aħħar, iżda biss taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

62      Madankollu, sakemm il-persuna kkonċernata hija f’pożizzjoni li tipprova li tali perijodi twettqu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi, mid-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat fl-Unjoni, ma għandux bħala konsegwenza jagħti effett retroattiv lill-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, iżda sempliċement jagħti effett attwali lil sitwazzjonijiet li ġew fis-seħħ qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza Lassal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

63      Fid-dawk tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz fit-territorju ta’ Stat Membru, imwettqa qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat terz fl-Unjoni, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Att ta’ Adeżjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, sakemm ikunu saru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

64      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jkun wettaq residenza ta’ iktar minn ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss abbażi tad-dritt nazzjonali tiegħu ma jistax jitqies li kiseb id-dritt għar-residenza permanenti taħt din id-dispożizzjoni, meta, matul din ir-residenza, huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) ta’ din l-istess direttiva.

2)      Il-perijodi ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz fit-territorju ta’ Stat Membru, imwettqa qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat terz fl-Unjoni Ewropea, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Att ta’ Adeżjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, sakemm ikunu saru skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.