SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Jannar 2013 ( *1 )

“Artikolu 267 TFUE — Annullament ta’ deċiżjoni ġudizzjarja — Rinviju lill-qorti kkonċernata — Obbligu ta’ konformità mad-deċiżjoni ta’ annullament — Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Possibbiltà — Ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Direttiva 85/337/KEE — Direttiva 96/61/KE — Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali — Kostruzzjoni ta’ landfill tal-iskart — Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni — Sigriet kummerċjali — Nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument lill-pubbliku — Effett fuq il-validità tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ landfill — Regolarizzazzjoni — Evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent — Avviż finali qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru fl-Unjoni — Applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 85/337 — Azzjoni ġudizzjarja — Miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Annullament tad-deċiżjoni kkontestata — Dritt għall-proprjetà — Ksur”

Fil-Kawża C-416/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

Jozef Križan,

Katarína Aksamitová,

Gabriela Kokošková,

Jozef Kokoška,

Martina Strezenická,

Jozef Strezenický,

Peter Šidlo,

Lenka Šidlová,

Drahoslava Šidlová,

Milan Šimovič,

Elena Šimovičová,

Stanislav Aksamit,

Tomáš Pitoňák,

Petra Pitoňáková,

Mária Križanová,

Vladimír Mizerák,

Ľubomír Pevný,

Darina Brunovská,

Mária Fišerová,

Lenka Fišerová,

Peter Zvolenský,

Katarína Zvolenská,

Kamila Mizeráková,

Anna Konfráterová,

Milan Konfráter,

Michaela Konfráterová,

Tomáš Pavlovič,

Jozef Krivošík,

Ema Krivošíková,

Eva Pavlovičová,

Jaroslav Pavlovič,

Pavol Šipoš,

Martina Šipošová,

Jozefína Šipošová,

Zuzana Šipošová,

Ivan Čaputa,

Zuzana Čaputová,

Štefan Strapák,

Katarína Strapáková,

František Slezák,

Agnesa Slezáková,

Vincent Zimka,

Elena Zimková,

Marián Šipoš,

Mesto Pezinok

vs

Slovenská inšpekcia životného prostredia,

fil-preżenza ta’:

Ekologická skládka as,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J.-C. Bonichot, C. Toader, J.-J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Jozef Križan, Katarína Aksamitová, Gabriela Kokošková, Jozef Kokoška, Martina Strezenická, Jozef Strezenický, Peter Šidlo, Lenka Šidlová, Drahoslava Šidlová, Milano Šimovič, Elena Šimovičová, Stanislav Aksamit, Tomáš Pitoňák, Petra Pitoňáková, Mária Križanová, Vladimír Mizerák, Ľubomír Pevný, Darina Brunovská, Mária Fišerová, Lenka Fišerová, Peter Zvolenský, Katarína Zvolenská, Kamila Mizeráková, Anna Konfráterová, Milano Konfráter, Michaela Konfráterová, Tomáš Pavlovič, Jozef Krivošík, Ema Krivošíková, Eva Pavlovičová, Jaroslav Pavlovič, Pavol Šipoš, Martina Šipošová, Jozefína Šipošová, Zuzana Šipošová, Ivan Čaputa, Zuzana Čaputová, Štefan Strapák, Katarína Strapáková, František Slezák, Agnesa Slezáková, Vincent Zimka, Elena Zimková, Marián Šipoš, minn T. Kamenec u Z. Čaputová, avukati,

għall-Mesto Pezinok, minn J. Ondruš u K. Siváková, avukati,

għall-iSlovenská inšpekcia životného prostredia, minn L. Fogaš, avukat,

għall-Ekologická skládka as, minn P. Kováč, avukat,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u. D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn S. Menez, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tal-Artikoli 191(1) u (2) u 267 TFUE, tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Jannar 2006 (ĠU L 33, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/61”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Križan u 43 rikorrent ieħor, persuni fiżiċi, li jgħixu fil-belt ta’ Pezinok, kif ukoll il-Mesto Pezinok (belt ta’ Pezinok) u l-iSlovenská inšpekcia životného prostredia (Ispettorat Slovakk tal-Ambjent, iktar ’il quddiem l-“inšpekcia”) rigward il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awtorità amministrattiva ta’ stabbiliment u operat mill-Ekologická skládka as (iktar ’il quddiem l-“Ekologická skládka”), intervenjenti fil-kawża prinċipali, ta’ landfill għar-rimi tal-iskart.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Parteċipazzjoni tal-pubbliku fid-deċiżjonijiet relatati ma’ attivitajiet partikolari”, jistipula, fil-paragrafi 1, 2, 4 u 6 tiegħu:

“1.   Kull parti:

a)

tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu meta għandha tittieħed deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew le tal-attivitajiet proposti bħal dawk elenkati fl-Anness I;

[...]

2.   Meta jinbeda proċess deċiżjonali li jmiss l-ambjent, il-pubbliku kkonċernat huwa informat kif għandu jkun, b’mod effettiv u fil-ħin mixtieq, permezz ta’ avviż pubbliku jew individwalment, skont il-każ, fil-bidu tal-proċess. L-informazzjoni tikkonċerna b’mod partikolari:

[...]

d)

Il-proċedura mibdija, inkluża, fil-każijiet fejn din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta:

[...]

iv)

L-awtorità pubblika li tista’ tiġi mistoqsija informazzjoni rilevanti u fejn din l-informazzjoni tkun ġiet ippreżentata sabiex il-pubbliku jkun jista’ jeżaminaha.

[...]

4.   Kull parti għandha tipprovdi għal parteċipazzjoni pubblika fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva.

[...]

6.   Kull parti għandha titlob lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti biex jagħmlu mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jikkonsulta meta jagħmel talba għal dan, meta d-dritt nazzjonali jeżiġi dan, u mingħajr ħlas, minn meta tkun disponibbli, l-informazzjoni kollha li jkollha xi rilevanza għall-proċess deċiżjonali msemmi f’dan l-artikolu u li tista’ tinkiseb fil-mument tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, bla ħsara għad-dritt tal-partijiet li jirrifjutaw li jiżvelaw ċerta informazzjoni, f’konformità [b’mod partikolari, fil-paragrafu (4)] tal-Artikolu 4.

[...]”[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 9 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.   Kull parti għandha tħares, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li l-membri tal-pubbliku kkonċernat

[...]

b)

[...] ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddem qorti u/jew organu indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, fir-rigward tal-mertu u l-proċedura, ta’ kull deċiżjoni, kull att jew kull ommissjoni li jaqgħtu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, tad-dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ dan il-ftehim.

[...]

4.   Barra dan u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inkluż inġunzjonijiet fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi, rapidi u l-ispiża għalihom ma għandhiex ikun tali li tipprekludihom [...]”[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Anness I(5) tal-Kovenzjoni ta’ Aarhus jindika, fid-dawl tal-attivitajiet intiżi fl-Artikolu 6(1)(a) tagħha:

“Immaniġġar ta’ skart:

[...]

Landfills li jirċievu iktar minn 10 tunnellati kuljum jew kapaċità totali ta’ iktar minn 25000 tunnellata, bl-esklużjoni ta’ landfills tal-iskart inerti.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 85/337

6

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kunsens [awtorizzazzjoni] għal żvilupp” bħala “id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett”.

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa mitkub fit-termini li ġejjin:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

2.   L-istima ta’ l-impatt ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

[...]”

Id-Direttiva 96/61

8

Il-premessa 23 tad-Direttiva 96/61 tgħid:

“[...] biex il-pubbliku jkun mgħarraf bit-tħaddim ta’ l-istallazzjonijiet u l-effett potenzjali tagħhom fuq l-ambjent, u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċess dwar ħruġ ta’ liċenzji fil-Komunita kollha, l-pubbliku għandu jkollu aċċess, qabel ma tittieħed xi deċiżjoni, għall-informazzjoni li tirrelata ma’ l-applikazzjonijiet għall-permessi [awtorizzazzjonijiet] ta’ stallazzjonijiet ġodda […]”

9

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tinkiseb prevenzjoni u kontroll shih ta’ tniġġiż li jinħoloq mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I. Tippreskrivi miżuri maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattiku, għal tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja, fil-baħar u fl-art mill-attivitajiet imsemmija hawn fuq, inklużi miżuri dwar skart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent kollu kemm hu, bla ħsara għad-Direttiva [85/337] u għad-dispożizzjonijiet oħra relevanti tal-Komunita.”

10

L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, inititolat “Aċċess għal informazzjoni u parteċipazzjoni pubblika fil-proċedura tal-permess [awtorizzazzjoni]”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-pubbliku interessat jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċedura għal:

il-ħruġ ta’ permess [awtorizzjoni] għal stallazzjonijiet ġodda,

[...]

Il-proċedura ddikjarata fl-Anness V għanha tapplika għall-għanijiet ta’ din il-parteċipazzjoni.

[...]

4.   [Il-paragrafu 1 b’mod partikolari japplika] bla ħsara għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) and (3) tad-Direttiva [tal-Kunsill 90/313/KEE, tas-7 ta’ Ġunju 1990, dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoin dwar l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402)]

[...]”

11

L-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/60 “L-aċċess għall-ġustizzja”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

[...]

ikollhom aċċess għal rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

[...]

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

[...]”

12

L-Anness I tad-Direttiva 96/61, intitolat “Kategoriji ta’ attivitajiet industrijali msemmija fl-Artikolu 1”, jirreferi, fil-punt 5.4 tiegħu, għall-“Postijiet ta’ radam [landills] li jirċievu aktar minn 10 tunnellati metriċi kuljum b’kapaċita totali li teċċedi l-25000 tunnellata metrika, esklużi postijiet ta’ radam għal skart inert”.

13

L-Anness I tal-istess direttiva, intitolat “Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tfassil tad-deċiżjonijiet”, jipprevedi, b’mod partikolari:

“1.

Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf (b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli) dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jew, l-iktar tard hekk kif dan it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovvdut b’mod raġjonevoli:

[...]

ċ)

id-dettalji ta’ l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet, dawk li minnhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu ssottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trasmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

[...]

f)

indikazzjoni dwar iż-żmenijiet jew il-postijiet meta, u li permezz tagħhom. it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

[...]”

Id-Direttiva 2003/4/KE

14

Il-premessa 16 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), hija fformulata kif ġej:

“Id-dritt għat-tagħrif ifisser illi l-iżvelar tat-tagħrif għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew li jirrifjutaw talba għat-tagħrif dwar l-ambjent f’każijiet speċifiċi u ddefiniti biċ-ċar. Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, li bih, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi ppeżat kontra l-interess moqdi bir-rifjut Ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu pprovvduti lill-applikant fil-limitu taż-żmien stabbilit f’din id-Direttiva.”

15

L-Artikolu 4(2) u (4) ta’ din id-direttiva jiddisponi b’mod partikolari:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[...]

d)

il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi intress ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes pubbliku fiż-żamma tal-kunfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi;

[...]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija [b’mod partikolari, fil-paragrafu 2] għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. [...]

[...]

4.   It-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom li jkun ġie mitlub minn applikant għandu jintgħamel disponibbli b’mod parzjali meta jkun possibbli li jiġi mifrud tagħrif li jidħol fl-iskop tal-paragrafi 1(d) u (e) jew 2 mill-bqija tat-tagħrif mitlub.”

Id-Direttiva 2003/35

16

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003835 tgħid li l-liġijiet tal-Unjoni għandhom ikunu allineati kif jixraq mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus bil-ħsieb tar-ratifika tagħha.

Id-dritt Slovakk

Ir-Regoli tal-Proċedura

17

L-Artikolu 135(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“[...] Il-qorti hija wkoll marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Ústavný súd Slovenskej republiky jew tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jmissu d-drittijiet u libertajiet fundamentali.”

18

L-Artikolu 56(6) tal-liġi Nru 38/1993, Ġabra dwar l-organizzazzjoni, ir-regoli tal-proċedura u l-istatut tal-qrati tal-Ústavný súd Slovenskej republiky, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Jekk l-Ústavný súd Slovenskej republiky tannulla deċiżjoni, miżura jew intervent validu ieħor u tirrinvija lura l-kawża, dak li, f’din il-kawża, ikun adotta d-deċiżjoni, ħa l-miżura jew għamel l-intervent għandu l-obbligu li jeżamina l-kawża mill-ġdid u jagħti deċiżjoni ġdida. F’din il-proċedura jew dan f’dan l-istadju, huwa marbut mill-právny názor [pożizzjoni ġuridika] tal-Ústavný súd Slovenskej republiky.”

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ir-regoli ta’ żvilupp urban u l-permessi integrati

– Il-liġi Nru 24/2006

19

L-Artikolu 1(1) tal-liġi Nru 24/2006 Ġabra dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u li temenda diversi liġijiet, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jgħid:

“Din il-liġi tirregola:

a)

il-proċess ta’ evalwazzjoni, minn professjonisti u mill-pubbliku, tal-effetti mistennija fuq l-ambjent

[...]

2.

ta’ attivitajiet maħsuba, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-istabbiliment tagħhom jew qabel l-awtorizzazzjoni tagħhom skont il-leġiżlazzjoni partikolari.

[...]”

20

L-Artikolu 37 ta’ din il-liġi jiddisponi:

“[...]

6)

It-terminu ta’ validità tal-avviż finali li jikkonċerna attività huwa ta’ tliet snin minn meta jinħareġ. L-avviż final jibqa’ validu jekk, matul dan it-terminu, tinbeda proċedura ta’ stabbiliment jew ta’ awtorizzazzjoni għal żvilupp ta’ attività skont il-leġiżlazzjoni partikolari.

7)

Il-validità tal-avviż finali li jikkonċerna attività tista’ tiġi estiża għal sentejn li jiġġeddu fuq talba tal-applikant jekk huwa jipproduċi l-prova bil-mitkub li l-attività maħsuba u l-kundizzjonijiet fuq l-artijiet ma jkunux ġew mibdula sostanzjalment, li ebda ċirksutanza ġdida b’rabta mal-kontenut materjali tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-attività ma tkun seħħet, u li teknoloġija ġdida użata għat-twettiq tal-attività maħsuba ma tkunx ġiet żviluppata. Id-deċiżjoni li tiġi estiża l-validità tal-avviż finali li jikkonċerna l-attività taqa’ fuq l-organu kompetenti.”

21

L-Artikolu 65(5) ta’ din il-liġi jippreċiża:

“Jekk l-avviż finali jkun ingħata qabel l-1 ta’ Frar 2006 u jekk il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal żvilupp tal-attività suġġetta għall-evalwazzjoni ma tkunx inbdiet skont il-leġiżlazzjoni partikolari, għandha tintalab estensjoni tal-validità tagħha mingħand il-Ministeru, skont l-Artikolu 37(7).”

– Il-liġi Nru 50/1976

22

L-Artikolu 32 tal-liġi Nru 50/1976 Ġabra dwar il-kodiċi tal-iżvilupp urban, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jiddisponi:

“L-istabbiliment ta’ xogħlijiet, il-bidla fl-użu tal-ħamrija u l-protezzjoni ta’ interessi sinjifikattivi fuq l-art huma possibbli biss abbażi ta’ deċiżjoni ta’ żvilupp urban li tieħu l-forma ta’

a)

deċiżjoni ta’ stabbiliment ta’ xogħlijiet;

[...]”

– Il-liġi Nru 245/2003

23

L-Artikolu 8(3) u (4) tal-liġi Nru 245/2003, Ġabra dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis integrati tat-tniġġis u li temenda diversi liġijiet, kif emendata bil-liġi Nru 532/205 (iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 245/2003”) jiddisponi:

“3)   Fil-każ li permess integrat għall-operat jeżiġi fl-istess ħin permess għall-kostruzzjoni ta’ bini ġdid jew għall-modifikazzjoni ta’ xogħlijiet eżistenti, il-proċedura tinvolvi wkoll proċedura ta’ żvilupp urban, proċedura ta’ bidla qabel l-ikkompletar tax-xogħlijiet u proċedura ta’ permess għal xogħlijiet ta’ żvilupp.

4)   Il-proċedura ta’ żvilupp urban, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-installazzjoni fuq l-ambjent u d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ inċidenti industrijali gravi ma jagħmlux parti mill-permess integrat.”

24

L-Artikolu 11(2) ta’ din il-liġi jippreċiża:

“Huma magħqudin fl-anness fuq it-talba [għal awtorizzazzjoni integrata]:

[...]

c)

l-avviż finali li jirriżulta mill-proċess ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jekk l-operat jirrikjedi dan

[…]

g)

id-deċiżjoni ta’ żvilupp urban jekk dan huwa operat ġdid jew l-estensjoni ta’ operat eżistenti [...]”

25

L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi, intitolat “Bidu tal-proċedura”, jgħid:

“[...]

(2)   Wara li kkonstata li l-applikazzjoni hija kkompletata u ddeterminata, iċ-ċirku tal-partijiet fil-proċedura u l-korpi kkonċernati, l-amministrazzjoni

[...]

c)

[...] tippubblika l-applikazzjoni fuq il-paġna internet tagħha, bl-eċċezzjoni tal-annessi li ma humiex disponibbli taħt forma elettronika, u, tal-inqas matul 15-il jum, hija tippubblika fuq it-tabella uffiċjali tagħha l-informazzjoni essenzjali dwar l-applikazzjoni ppreżentata, lill-operatur u lill-operat,

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Il-proċedura amministrattiva

26

Fis-26 ta’ Ġunju 1997, il-Mesto Pezinok adottat ir-regolament ġenerali Nru 2/1997 dwar il-pjan ta’ żvilupp urban li kien jipprevedi, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ landfill tal-iskart f’fossa ta’ estrazzjoni ta ħamrija għall-brikks, imsejħa Nová jama (fossa ġdida).

27

Abbażi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ta’ proġett ta’ stabbiliment ta’ landfill tal-iskart ippreżentat mill-Pezinské tehelne as fis-16 ta’ Diċembru 1998, il-Ministeru tal-Ambjent ipproċeda fl-1999 għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Huwa ħareġ l-avviż finali fis-26 ta’ Lulju 1999.

28

Fis-7 ta’ Awwissu 2002, Ekologická skládka ppreżentat lid-dipartiment kompetenti tal-Mesto Pezinok applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ deċiżjoni ta’ żvilupp urban fuq l-istabbiliment ta’ landfill tal-iskart fis-sit ta’ Nová jama.

29

Fis-27 ta’ Marzu 2006, il-Ministeru tal-Ambjent, fuq l-applikazzjoni ta’ Pezinské tehelne as, estenda l-validità tal-avviż finali tiegħu tas-26 ta’ Lulju 1999 sal-1 ta’ Frar 2008.

30

B’deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2006, fir-redazzjoni tagħha li tirriżulta minn deċiżjoni tal-Krajský stavebný úrad v Bratislave (dipartiment reġjonali tal-iżvilupp urban ta’ Bratislava), tas-7 ta’ Mejju 2007, il-Mesto Pezinok awtorizzat, fuq talba ta’ Ekologická skládka, l-istabbiliment ta’ landfill tal-iskart fis-sit ta’ Nová jama.

31

Wara l-applikazzjoni għal permess integrat ippreżentata fil-25 ta’ Settembru 2007 minn Ekologická skládka, is-Slovenská inšpekcia životného prostredia, Inšpektorát životného prostredia Bratislava (ispettorat Slovakk tal-ambjent, korp ta’ spezzjoni tal-ambjent ta’ Bratislava, iktar ’il quddiem l-“inšpektorát”), fetaħ proċedura integrata abbażi tal-liġi Nru 245/2003, att ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 96/61. Fis-17 ta’ Ottubru 2007, flimkien mad-dipartimenti pubbliċi tal-protezzjoni tal-ambjent, huwa ppubblika din l-applikazzjoni filwaqt li stabbilixxa terminu ta’ 30 ġurnata għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-pubbliku u tad-dipartimenti tal-Istat ikkonċernati.

32

Peress illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu invokaw in-natura inkompleta tal-applikazzjoni għal permess integrat ippreżentata minn Ekologická skládka, sa fejn din ma tinkludix, inkwantu anness previst mill-Artikolu 11(2)(g) tal-liġi Nru 245/2003, id-deċiżjoni ta’ żvilupp urban fuq l-istabbiliment tal-landfill, l-inšpektorát issospenda l-proċedura integrata fis-26 ta’ Novembru 2007 u talab il-komunikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

33

Fis-27 ta’ Diċembru 2007, Ekologická skládka ttrażmettiet din id-deċiżjoni filwaqt li indikat li hija kienet tqisha li kienet sigriet kummerċjali. Abbażi ta’ din l-indikazzjoni, l-inšpektorát ma pprovdiex id-dokument inkwistjoni lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

34

Fit-22 ta’ Jannar 2008, l-inšpektorát ħareġ lil Ekologická skládka permess integrat għall-kostruzzjoni tal-istabbiliment “Pezinok – landfill tal-iskart” u għall-operat tiegħu.

35

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-inšpekcia, korp ta’ protezzjoni tal-ambjent tat-tieni istanza. Dan il-korp iddeċieda li jippubblika d-deċiżjoni ta’ żvilupp urban fuq l-istabbiliment tal-landfill fit-tabella ta’ informazzjoni uffiċjali mill-14 ta’ Marzu sal-14 ta’ April 2008.

36

Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokaw, b’mod partikolari l-iżball ta’ liġi li kien jikkonsisti fil-fatt li tinbeda l-proċedura integrata mingħajr ma tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ żvilupp urban dwar l-istabbiliment tal-landfill, imbagħad, wara li din id-deċiżjoni kienet ġiet ippreżentata, mingħajr pubblikazzjoni tagħha, minħabba li hija kienet tikkostitwixxi sigriet kummerċjali.

37

B’deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2008, l-inšpekcia ċaħad dan ir-rikors bħala infondat.

Il-proċedura ġudizzjarja

38

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-inšpekcia tat-18 ta’ Awwissu 2008 quddiem il-Krajský súd Bratislava (qorti reġjonali ta’ Bratislava), qorti tal-ewwel istanza fil-qasam amministrattiv. B’sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, din il-qorti ċaħdet ir-rikors.

39

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka).

40

B’digriet tas-6 ta’ April 2009, din il-qorti ssospendiet l-eżekuzzjoni tal-permess integrat.

41

B’sentenza tat-28 ta’ Mejju 2009, l-istess qorti bidlet is-sentenza tal-Krajský súd Bratislava u annullat id-deċiżjoni tal-inšpekcia tat-18 ta’ Awwissu 2008 kif ukoll id-deċiżjoni tal-inšpektorát tat-22 ta’ Jannar 2008, billi essenzjalment akkużat lill-awtoritajiet kompetenti li ma osservawx ir-regoli li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku kkonċernat fil-proċedura integrata u li ma evalwawx biżżejjed l-effetti tal-bini tal-landfill fuq l-ambjent.

42

Ekologická skládka ppreżentat, quddiem l-Ústavný súd Slovenskej republiky (qorti kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), fil-25 ta’ Ġunju 2009, appell Kostituzzjonali mid-digriet tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky tas-6 ta’ April 2009 u, fit-3 ta’ Settembru 2009, appell kostituzzjonali mis-sentenza ta’ din il-qorti tat-28 ta’ Mejju 2009.

43

B’sentenza tas-27 ta’ Mejju 2010, l-Ústavný súd Slovenskej republiky iddeċidiet li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky kisret id-dritt fundamentali ta’ Ekologická skládka għal protezzjoni ġudizzjarja, irrikonoxxut fl-Artikolu 46(1) tal-Kostituzzjoni, id-dritt fundamentali tagħha għall-proprjetà, irrikonoxxut mill-Artikolu 20(1) tal-Kostituzzjoni, u d-dritt tagħha għall-paċifiku pussess tal-beni tagħha, irrikonoxxut mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

44

Hija b’mod partikolari qieset li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipji applikabbli kollha tal-proċedura amministrattiva u li hija kienet marret lil hinn mis-setgħat tagħha meta eżaminat il-legalità tal-proċedura u d-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meta r-rikorrenti ma kinitx ikkontestathom, u li ma kinitx kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar dan is-suġġett.

45

Permezz tas-sentenza tagħha, l-Ústavný súd Slovenskej republiky konsegwentement annullat id-digriet kif ukoll is-sentenzi kkontestati u bagħtet lura l-kawża quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky sabiex tagħti deċiżjoni ġdida.

46

In-Najvyšší súd Slovenskej republiky tirrileva li diversi parteċipanti fil-proċedura pendenti quddiemha sostnew li hija marbuta bis-sentenza tal-Ústavný súd Slovenskej republiky tas-27 ta’ Mejju 2010. Għaldaqstant, hija ssostni li tibqa’ bid-dubju dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni.

47

F’dan il-kuntest, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt [tal-Unjoni] (speċifikament l-Artikolu 267 TFUE) jippermetti lil, jew jimponi fuq, il-qorti suprema ta’ Stat Membru li tressaq “ex officio” quddiem il-[Qorti] talba għal deċiżjoni preliminari] anki fi stadju tal-proċeduri ġudizzarji meta l-Qorti Kostituzzjonali tkun annullat is-sentenza tal-qorti suprema, li kienet ibbażata primarjament fuq l-applikazzjoni tal-qafas [ta’ dritt tal-Unjoni] dwar il-protezzjoni ambjentali u imponiet l-obbligu li jiġu osservati l-opinjonijiet legali tal-Qorti Kostituzzjonali bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet Kostituzzjonali proċedurali u sostantivi tal-persuna involuta fil-proċeduri, irrispettivament mill-portata [fid-dritt tal-Unjoni] tal-kawża ineżami, jiġifieri meta l-Qorti Kostituzzjonali, bħala l-qorti tal-aħħar istanza, ma kkonkludietx f’din il-proċedura li hemm in-neċessità li tressaq quddiem il-[Qorti] talba għal deċiżjoni preliminari [domanda preliminari] u eskludiet proviżorjament l-applikazzjoni tad-dritt għal ambjent adegwat u għall-protezzjoni tiegħu [tagħha] fil-kawża ineżami?

2)

Huwa possibbli li jintlaħaq l-għan fundamentali ta’ prevenzjoni integrata ddefinit b’mod partikolari fil-premessi 8, 9 u 23 kif ukoll fl-Artikol[i] 1 u 15 tad-Direttiva [96/61] u, b’mod ġenerali, fil-qafas [ta’ dritt tal-Unjoni] dwar l-ambjent, jiġifieri prevenzjoni u kontroll tat-tniġġis tal-ambjent billi jiġi involut ukoll il-pubbliku sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali b’mod integrat, permezz ta’ proċedura fejn, fil-bidu tal-proċedura dwar il-prevenzjoni integrata, ma jiġix iggarantit lill-pubbliku kkonċernat aċċess għad-dokumenti kollha rilevanti (dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 6 u 15 tad-Direttiva [96/61]), u partikolarment għad-deċiżjoni dwar l-istallazzjoni ta’ impjant — rimi ta’ skart, u fejn, sussegwentement, fl-ewwel istanza, id-dokument in-nieqes jiġi ppreżentat mill-applikant bil-kundizzjoni li dan ma jiġix ikkomunikat lill-partijiet l-oħrajn fil-proċeduri peress li dan jirrigwarda sigriet kummerċjali: jista’ raġonevolment jiġi preżunt li d-deċiżjoni fuq l-istallazzjoni ta’ impjant (b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni tagħha) tinfluwenza b’mod sinjifikattiv is-suġġerimenti, l-osservazzjonijiet u l-kummenti l-oħrajn imressqa?

3)

L-għanijiet tad-Direttiva [85/337] intlaħqu, partikolarment mill-perspettiva tal-qafas [ta’ dritt tal-Unjoni] dwar l-ambjent, speċifikament mill-perspettiva tal-kundizzjoni ffissata fl-Artikolu 2, li tipprovdi li, qabel ma jingħata kunsens [awtorizzazzjoni], proġetti li x’aktarx ikollhom effett sinjifikattiv ikunu suġġetti għal stima [evalwazzjoni] fir-rigward tal-effetti tagħhom, jekk l-opinjoni [avviż] inizjali tal-Ministeru tal-Ambjent, adottata fl-1999 u li waqqfet proċedura preċedenti ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (SEA), hija estiża diversi snin wara b’sempliċi deċiżjoni mingħajr ma titwettaq mill-ġdid il-proċedura [evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent; fi kliem ieħor, jista’ jingħad li, ladarba adottata, deċiżjoni adottata skont id-Direttiva [85/337] għandha validità illimitata?

4)

Il-kundizzjoni li tirriżulta b’mod ġenerali mid-Direttiva [96/61] (partikolarment mill-preambolu tagħha u mill-Artikoli 1 u 15a tagħha), jiġifieri li l-Istati Membri jiggarantixxu l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis ambjentali filwaqt li jiżguraw li l-pubbliku jkollu proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ġusti, xierqa u rapidi, flimkien mal-Artikolu 10a tad-Direttiva [85/337] u l-Artikoli 6 u 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tapplika għall-possibbiltà għall-pubbliku li jitlob l-adozzjoni ta’ miżura amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ natura provviżorja skont id-dritt nazzjonali (pereżempju, li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni [permess] integrata), li tippermetti s-sospensjoni temporanja, jiġifieri sad-deċiżjoni fuq il-mertu, tal-kostruzzjoni tal-impjant li għalih intalab il-permess?

5)

Huwa leġittimament possibbli, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva [96/61], tad-Direttiva [85/337] jew tal-Artikolu 9(2) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-pubbliku, stabbilit fl-imsemmija dispożizzjonijiet, għal protezzjoni ġudizzjarja xierqa fis-sens tal-Artikolu 191(1) u (2) tat-[TFUE] li jikkonċerna l-Politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-ambjent, li jiġi ppreġudikat id-dritt ta’ proprjetà tal-operatur fuq l-istallazzjoni [operat] tiegħu ggarantit, pereżempju, bl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, pereżempju billi jiġi annullat, fil-proċeduri ġudizzjarji, il-permess integrat validament mogħti lill-applikant għal istallazzjoni ġdida?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

48

L-inšpekcia, Ekologická skládka u l-Gvern Slovakk jikkonstestaw, permezz ta’ diversi talbiet, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jew uħud mid-domandi magħmula.

49

Fl-ewwel lok, skont l-inšpekcia u Ekologická skládka, id-domandi kollha magħmula huma inammissibbli peress illi jirrigwardaw sitwazzjonijiet għal kollox irregolati minn regoli interni, b’mod partikolari mill-atti li jittrasponu d-Direttivi 85/337 u 96/61. Ekologická skládka tiddeduċi minn dan li dawn id-direttivi huma mingħajr effett dirett filwaqt li l-inšpekcia jqis li dawn huma biżżejjed ċari b’tali mod li jirrendu r-rinviju għal deċiżjoni preliminari inutli. L-inšpekcia jissottometti wkoll li d-domandi preliminari kellhom isiru waqt l-ewwel fażi tal-proċedura mibdija quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky. Bl-istess mod, Ekologická skládka tqis li dawn id-domandi huma superfluwi peress li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky fil-frattemp hija fil-pożizzjoni ġuridika tal-Ústavný súd Slovenskej republiky u li ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma talbet li dawn id-domandi jsiru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

50

It-tieni nett, Ekologická skládka ssostni li s-separazzjoni stabbilita mid-dritt nazzjonali bejn il-proċedura integrata, il-proċedura ta’ żvilupp urban u l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent iċċaħħad minn kull rilevanza, għall-konklużjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali, it-tieni u t-tielet domandi. Għall-inšpekcia, din is-separazzjoni tiġġustifika l-inammissibbiltà tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames domandi. Fil-fatt, hija timplika li difett relatat mad-deċiżjoni ta’ żvilupp urban jew l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa mingħajr effett fuq il-legalità tal-awtorizzazzjoni integrata.

51

Fit-tielet lok, Ekologická skládka u l-Gvern Slovakk iqisu li r-raba’ domanda hija ta’ natura ipotetika. Minn naħa, il-miżuri provviżorji ordnati min-Najvyšší súd Slovenskej republiky fid-digriet tagħha tas-6 ta’ April 2009 saru fil-frattemp mingħajr effett. Min-naħa l-oħra, din id-domanda hija irrilevanti fl-istanza quddiem il-qorti tar-rinviju peress li din tal-aħħar ma tirrigwardax id-deċiżjoni għal miżuri provviżorji ġodda, iżda pjuttost il-validità tad-deċiżjonijiet amministrattivi kkontestati.

52

Fir-raba’ u l-aħħar lok, Ekologická skládka ssostni li l-ħames domanda hija wkoll ta’ natura ipotetika peress li tirrigwarda d-deċiżjoni li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky hija mitluba tagħti fi tmiem il-proċedura fil-kawża prinċipali. Minbarra dan, din id-domanda hija wkoll inammissibbli peress li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt Kostituzzjonali nazzjonali.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Harlauer, C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 24, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns, C-470/11, punt 17).

54

Isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punt 36, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2012, Geistbeck, C-509/10, punt 48).

55

Issa, l-argument ibbażat fuq il-kompletezza tad-dritt nazzjonali ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ċċitati mill-qorti tar-rinviju hija manifestament mingħajr ebda relazzjoni mal-kawża prinċipali, tant li ma huwiex ikkontestat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli huma parzjalment miżuri ta’ traspożizzjoni tal-atti tal-Unjoni. Għalhekk, dan l-argument ma huwiex biżżejjed sabiex jirribatti l-preżunzjoni ta’ rilevanza evokata fil-punt preċedenti.

56

Għandu jiġi kkonstatat li l-assenza allegata ta’ effett dirett tad-direttivi inkwistjoni ma tbiddilx din l-analiżi peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, li tagħti sentenzi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, indipendentement mill-fatt jekk humiex direttament applikabbli jew le (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Maso et, C-373/95, Ġabra p. I-4051, punt 28; tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C-254/08, Ġabra p. I-6995, punt 34, kif ukoll tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C-370/12, punt 89). Barra minn hekk, fir-rigward ta’ nuqqas ta’ utilità preżupposta tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba ċ-ċarezza tar-regoli applikabbli, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jippermetti dejjem lil qorti nazzjonali, jekk hija tqis dan xieraq, li tagħmel mistoqsijiet ta’ interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C-165/09 sa C-167/09, Ġabra p. I-4599, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fir-rigward tal-argumenti l-oħra mressqa mill-inšpekcia u Ekologická skládka sabiex juru l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari kollha, dawn huma relatati mas-suġġett tal-ewwel domanda u għalhekk ser jiġu evalwati mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt l-eżami ta’din id-domanda.

58

Fir-rigward tal-elementi relatati mas-separazzjoni tal-proċeduri differenti fid-dritt nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju tadotta kunċett tal-konsegwenzi li għandhom jittieħdu minn din is-separazzjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali differenti ħafna minn dak sostnut mill-inšpekcia u Ekologická skládka. Issa, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma b’mod ċar separati u hija esklużivament din tal-aħħar li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 29, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C-500/06, Ġabra p. I-5785, punt 21). Konsegwentment, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex juru li d-domandi magħmula huma manifestament mingħajr relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża.

59

F’dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tar-raba’ domanda, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky adottat miżuri provviżorji ġodda intiżi li jissospendu l-effetti tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Minbarra dan, Ekologická skládka tippreċiża fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija tqis li jkun utli li jiġi ppreżentat rikors kontra dawn il-miżuri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li r-raba’ domanda tista’ titqies li hija ipotetika.

60

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ħames domanda, huwa paċifiku li l-Ústavný súd Slovenskej republiky iddeċidiet li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky kisret id-dritt għall-proprjetà ta’ Ekologická skládka bis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Mejju 2009, li kienet tikkonsisti f’li l-permess integrat jingħata b’kundizzjonijiet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Sa fejn il-qorti tar-rinviju għandha dejjem dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali, il-ħames domanda ma hijiex ta’ natura purament ipotetika. Barra minn hekk, mill-kliem ta’ din id-domanda jirriżulta li hija ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt Kostituzzjonali nazzjonali.

61

Għalhekk, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

62

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’ ex officio tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja anki jekk hija tiddeċiedi dwar ir-rinviju wara l-kassazzjoni tal-ewwel deċiżjoni tagħha mill-qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u li regola nazzjonali timponi fuqha li tiddeċiedi l-kwistjoni billi ssegwi l-pożizzjoni ġuridika espressa minn din l-ewwel qorti. Hija tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil din l-istess qorti nazzjonali tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu s-suġġett, quddiem qorti Kostituzzjonali, ta’ rikors limitat għall-eżami ta’ ksur eventwali tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni nazzjonali jew minn konvenzjoni internazzjonali.

63

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky tixtieq ukoll tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettilhiex tinjora regola nazzjonali li tipprojbixxiha milli tqajjem raġuni bbażata fuq il-ksur ta’ dan id-dritt li ma huwiex invokat mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-interrogazzjoni tikkonċerna biss id-Direttiva 85/337 u li bħala konsegwenza għandha tingħata deċiżjoni għal dan is-suġġett unikament jekk jidher, fir-rigward tar-risposta magħmula lit-tielet domanda, li din id-direttiva hija applikabbli fil-kawża prinċipali.

64

Fir-rigward tal-aspetti l-oħra tal-ewwel domanda preliminari, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeżiġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għal deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemhom (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1991, Mecanarte, C-348/89, Ġabra p. I-3277, punt 44, u tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C-173/09, Ġabra p. I-8889, punt 26).

65

L-Artikolu 267 TFUE jagħti għalhekk lill-qrati nazzjonali l-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, jimponi fuqhom l-obbligu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jekk huma jqisu, kemm ex officio u kemm fuq talba tal-partijiet, li l-mertu tal-kawża jirrigwarda kwistjoni li għandha tinqata’ li tidħol fl-iskop tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 20, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C-104/10, Ġabra p. I-6813, punt 61). Dan għaliex il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma kinux invokaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, ma jipprekludix li din titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia, 126/80, Ġabra p. 1563, punt 7, u tat-8 ta’ Marzu 2012, Huet, C-251/11, punt 23).

66

Fil-fatt, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm hu mill-evalwazzjoni tar-rilevanza u tan-neċessità ta’ dan ir-rinviju li tagħmel il-qorti nazzjonali (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 91, u tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C-137/08, Ġabra p. I-10847, punt 29).

67

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ regola tal-proċedura nazzjonali ma tistax tikkontesta s-setgħa li għandhom il-qrati nazzjonali li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja meta jkollhom dubji, bħal fil-kawża prinċipali, fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tal-20 ta’ Ottubru 2011, Ineredil, C-296/09, Ġabra p. I-9915, punt 35).

68

Regola ta’ dritt nazzjonali, li bis-saħħa tal-evalwazzjonijiet tagħha magħmula minn qorti superjuri jorbtu lil qorti nazzjonali oħra, ma tistax għalhekk iċċaħħad lil din tal-aħħar milli tkun tista’ tagħmel domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ tali evalwazzjonijiet fid-dritt. Hija fil-fatt għandha tkun libera, jekk hija tqis li l-evalwazzjoni fid-dritt magħmula f’livell ogħla tista’ twassal għal sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjonijiet li jkollha dubji dwarhom (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C-378/08, Ġabra p. I-1919, punt 32, kif ukoll Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

69

F’dan l-istadju, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti nazzjonali, li tkun eżerċitat il-possibbiltà mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, hija marbuta, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha, jekk ikun il-każ, twarrab l-evalwazzjonijiet tal-qorti superjuri jekk tqis, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, li dawn ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

70

Il-prinċipji stabbiliti fil-punti preċedenti japplikaw bl-istess mod għall-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-pożizzjoni ġuridika espressa, fil-kawża prinċipali, mill-qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sa fejn jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew li regoli tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistgħux jiġu ammessi jekk jippreġudikaw l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125, punt 3, u tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 61). Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà stabbilixxiet li dawn il-prinċipji japplikaw fir-relazzjonijiet bejn qorti Kostituzzjonali u kull qorti nazzjonali oħra (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Andeli, C-188/10 u C-189/10l, Ġabra p. I-5667, punti 41 sa 45).

71

Ir-regoli nazzjonali li jobbligaw lin-Najvyšší súd Slovenskej republiky issegwi l-pożizzjoni ġuridika tal-Ústavný súd Slovenskej republiky ma tistax għalhekk tipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kull mument tal-proċedura li hija tqis xieraq u li tiskarta, jekk ikun il-każ, l-evalwazzjonijiet espressi mill-Ústavný súd Slovenskej republiky li jirriżultaw kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

72

Fl-aħħar nett, bħala qorti Suprema, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky għandha l-obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta hija tqis li l-mertu tal-kawża jinkludi kwistjoni li għandha tiġi solvuta li taqa’ taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat, quddiem il-qorti Kostituzzjontali tal-Istat Membru kkonċernat, rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali, limitat għall-eżami ta’ ksur eventwali tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni nazzjonali jew minn konvenzjoni internazzjonali, ma tistax tippermetti li jitqies li din il-qorti nazzjonali ma tkunx tista’ tiġi kkwalifikata bħala qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja taħt il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

73

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel domanda għandha tingħatalha risposta li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, bħall-qorti tar-rinviju, għandha l-obbligu li tressaq ex officio quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari anki jekk hija tagħti deċiżjoni dwar ir-rinviju wara l-kassazzjoni tal-ewwel domanda tagħha mill-qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u li regola nazzjonali timponi fuqha li tiddeċiedi l-kawża billi ssegwi l-pożizzjoni ġuridika espressa minn din l-aħħar qorti.

Fuq it-tieni domanda

74

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 96/61 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija teżiġi li l-pubbliku kkonċernat ikollu aċċess, sa mill-bidu tal-proċedura ta’ permess għal landfill, għal deċiżjoni ta’ żvilupp urban fuq l-istabbiliment ta’ din l-installazzjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk ir-rifjut li din id-deċiżjoni tkun disponibbli jistax ikun iġġustifikat bl-invokazzjoni ta’ sigriet kummerċjali li jipproteġi l-informazzjoni li hija tinkludi jew, fin-nuqqas ta’ dan, irregolarizzat bl-aċċess għal din id-deċiżjoni mogħti lill-pubbliku kkonċernat matul il-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza.

75

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi landfill li tirċievi iktar minn 10 tunnellati skart kuljum jew kapaċità totali ta’ iktar minn 25000 tunnellata skart. Hija għalhekk tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/61, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-punt 5.4 tal-Anness 1 tagħha.

76

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprevedi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku kkonċernat fil-proċess ta’ ħruġ ta’ permess għal installazzjonijiet ġodda u jippreċiża li din il-parteċipazzjoni sseħħ fil-kundizzjonijiet previsti fl-Anness V ta’ din id-direttiva. Dan l-anness jimponi li jiġu kkomunikati lill-pubbliku, b’mod partikolari, id-dettalji tal-awtoritajiet li mingħandhom tkun tista’ tinkiseb informazzjoni rilevanti kif ukoll l-indikazzjoni tad-data u tal-post fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku.

77

Dawn ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandhom jiġu interpretati fid-dawl u b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li magħha, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2003/35, li ġiet parzjalment emendata bid-Direttiva 96/61, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun “korrettament allinjata” (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen, C-115/09, Ġabra p. I-3673, punt 41). Issa, l-Artikolu 6(6) ta’ din il-konvenzjoni jistipula li l-pubbliku kkonċernat għandu jkun jista’ jikkonsulta l-informazzjoni kollha li tkun ta’ interess għall-proċess deċiżjonali relatat mal-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din il-konvenzjoni, fosthom b’mod partikolari l-landfills li jirċievu iktar minn 10 tunnellati skart kuljum jew kapaċità totali ta’ iktar minn 25000 tunnellata skart.

78

Għalhekk, il-pubbliku kkonċernat mill-proċedura ta’ ħruġ ta’ permess previst mid-Direttiva 96/61 għandu, bħala prinċipju, ikollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha ta’ din il-proċedura.

79

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ żvilupp urban fuq l-istabbiliment tal-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi waħda mill-miżuri li abbażi tagħha ser tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni finali dwar jekk tiġix awtorizzata jew le din l-installazzjoni, u li hija tinkludi informazzjoni dwar l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, fuq il-kundizzjonijiet imposti fuq l-operatur sabiex jillimita dawn l-effetti, fuq l-oġġezzjonijiet imqajma mill-partijiet fil-proċedura ta’ żvilupp urban u fuq ir-raġunijiet li jkunu mmotivaw l-għażliet effettwati mill-awtorità kompetenti sabiex tagħti din id-deċiżjoni ta’ żvilupp urban. Minbarra dan, ir-regoli nazzjonali applikabbli jimponu li hija tiġi annessa mal-applikazzjoni għal permess indirizzata lill-awtorità kompetenti. Isegwi li din id-deċiżjoni ta’ żvilupp urban għandha titqies li tinkludi informazzjoni rilevanti fis-sens tal-Anness V tad-Direttiva 96/61 u li l-pubbliku kkonċernat għandu, għalhekk, fil-prinċipju, ikun jista’ jaċċedi għaliha matul il-proċedura ta’ ħruġ ta’ permess ta’ din l-installazzjoni.

80

Minn dan kollu, mill-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 96/61 jirriżulta li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku kkonċernat tista’ tiġi llimitata mir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 90/313. Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 90/313 kienet madankollu tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/4. Għandu jiġi kkunsidrat, billi tittieħed inkunsiderazzjoni t-tabella ta’ korrispondenza annessa ma’ din l-aħħar direttiva, l-obbligu li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi allinjata mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tar-redazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 96/61 li nżamm mal-kodifikazzjoni ulterjuri tagħha bid-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU L 24, p. 8), li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 96/61 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2003/4.

81

Skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu ċ-ċaħda ta’ talba għal informazzjoni meta l-iżvelar tagħha joħloq dannu għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali, meta din il-kunfidenzjalità tkun prevista mid-dritt nazzjonali jew mill-Unjoni sabiex tipproteġi sigriet ekonomiku leġittimu.

82

Madankollu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tal-pożizzjoni ta’ waħda jew oħra mill-attivitajiet imsemmija fid-Direttiva 96/61, u hekk kif jirriżulta mill-punt 79 ta’ din is-sentenza, dan ma jistax ikun il-każ tad-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità pubblika tawtorizza, fir-rigward tar-regoli ta’ żvilupp urban applikabbli, l-istabbiliment ta’ installazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

83

Anki jekk jiġi preżuppost li ma jiġix eskluż li, eċċezzjonalment, ċerti elementi li jinsabu fir-raġunijiet ta’ deċiżjoni għal żvilupp urban jistgħu jinkludu informazzjoni kummerċjali jew industrijali kunfidenzjali, huwa paċifiku, f’dan il-każ, li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni ntużat, bi ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2003/4, sabiex lill-pubbliku kkonċernat jiġi mċaħħad kull aċċess, anki parzjali, għad-deċiżjoni ta’ żvilupp urban fuq l-istabbiliment tal-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

84

Isegwi li r-rifjut li tagħmel disponibbli lill-pubbliku kkonċernat id-deċiżjoni ta’ pjan urban dwar l-istabbiliment tal-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali matul il-proċedura amministrattiva tal-ewwel istanza ma kienx iġġustifikat mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 96/61. Huwa għalhekk neċessarju għall-qorti tar-rinviju li tkun taf jekk l-aċċess għal din id-deċiżjoni offrut lill-pubbliku kkonċernat matul il-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza huwiex suffiċjenti sabiex jirregola d-difett proċedurali li jivvizzja l-proċedura amministrattiva tal-ewwel istanza u jevita, bħala konsegwenza, ksur tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 96/61.

85

Fl-assenza ta’ regoli stabbiliti f’dan il-qasam mid-dritt tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu permezz tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE Építési, C-378/10, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jirrikjedi li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewodds Retail et, C-591/10, punt 31, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Byankov, C-249/11, punt 70). Hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali jippermettix ir-regolarizzazzjoni tad-difetti proċedurali paragunabbli ta’ natura interna matul il-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza.

87

F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, għalkemm id-dritt Komunitarju ma jistax jipprekludi li r-regoli nazzjonali applikabbli jippermettu, f’ċerti każijiet, li jirregolarizzaw operazzjonijiet jew atti irregolari fid-dawl ta’ dan tal-aħħar, tali possibbiltà għandha tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li hija ma toffrix lill-individwi kkonċernati l-opportunità li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jevitaw milli japplikawhom, u li din tibqa’ eċċezzjonali (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-215/06, Ġabra p. I-4911, punt 57).

88

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 96/61 jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu lill-pubbliku kkonċernat, fiż-żmien mixtieq, possibbiltajiet effettivi li jipparteċipaw fil-proċess ta’ ħruġ ta’ permessi. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-premessa 23 ta’ din id-direttiva, li skont il-kliem tagħha l-pubbliku għandu jkollu aċċess, qabel kull deċiżjoni għal informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet għal permess ta’ installazzjonijiet ġodda, u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprevedi, minn naħa, li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku tibda fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet ikunu għadhom possibbli u li tkun tista’ tiġi eżerċitata influwenza reali, u, min-naħa l-oħra, li dan għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti sa minn meta tkun disponibbli. Isegwi li l-pubbliku kkonċernat għandu jkollu l-informazzjoni rilevanti kollha sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva tal-ewwel istanza, qabel ma l-ewwel deċiżjoni tkun ġiet adottata, dejjem jekk din l-informazzjoni tkun disponibbli fid-data meta tiżvolġi ruħha din il-fażi tal-proċedura.

89

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix regolarizzazzjoni tal-proċedura fit-tieni istanza permezz tad-disponibbiltà lill-pubbliku ta’ dokumenti rilevanti mhux aċċessibbli matul il-proċedura amministrattiva tal-ewwel istanza, mill-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-korp amministrattiv tat-tieni istanza għandu s-setgħa li jbiddel id-deċiżjoni amministrattiva tal-ewwel istanza. Madankollu l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, minn naħa, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza, l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunux għadhom disponibbli fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 96/61, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u jekk, min-naħa l-oħra, ir-regolarizzazzjoni ta’ dan l-istadju tal-proċedura permezz tad-disponibbiltà għall-pubbliku kkonċernat ta’ dokumenti rilevanti għandhiex tippermetti lill-pubbliku jeżerċita influwenza reali fuq il-konklużjoni tal-proċess deċiżjonali.

90

Konsegwentement, il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix li rifjut inġustifkat ta’ disponibbiltà lill-pubbliku kkonċernat tad-deċiżjoni ta’ żvilupp urban inkwistjoni fil-kawża prinċipali matul il-proċedura amministrattiva tal-ewwel istanza jista’ jiġi rregolarizzat matul il-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza bil-kundizzjoni li l-għażliet u soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u li r–regolarizzazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura tibqa’ tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jeżerċita influwenza reali fuq il-konklużjoni tal-proċess deċiżjonali, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

91

Għalhekk, it-tieni domanda għandha tingħatalha r-risposta li d-Direttiva 96/61 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija:

timponi li l-pubbliku kkonċernat ikollu aċċess għal deċiżjoni ta’ żvilupp urban, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa mill-bidu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-installazzjoni kkonċernata;

ma tippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirrifjutaw lill-pubbliku kkonċernat l-aċċess għal tali deċiżjoni billi jinvokaw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali prevista mid-dritt nazjonali jew tal-Unjoni sabiex jiġi protett interess ekonomiku leġittimu; u

ma tipprekludix li rifjut inġustifikat ta’ disponibbiltà lill-pubbliku kkonċernat ta’ deċiżjoni ta’ żvilupp urban, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali matul il-proċedura amministrattiva tal-ewwel istanza jista’ jiġi rregolarizzat matul il-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza bil-kundizzjoni li l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli, u li r-regolarizzazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura tibqa’ tippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jeżerċita influwenza reali fuq l-eżitu tal-proċess deċiżjonali, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

Fuq it-tielet domanda

92

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva 85/337 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li l-validità ta’ avviż li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett tista’ tiġi validament estiża diversi snin wara l-adozzjoni ta’ dan l-avviż jew jekk hija timponix li ssir, f’dan il-każ, evalwazzjoni ġdida tal-effetti fuq l-ambjent ta’ dan il-proġett.

93

F’dan ir-rigward, l-inšpekcia kif ukoll il-Gvern Slovakk u l-Gvern Ċek isostnu li Direttiva 85/337 ma tapplikax ratione temporis għas-sitwazzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju.

94

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju li l-proġetti li jistgħu jkollhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali ma huwiex applikabbli fil-każijiet fejn id-data ta’ introduzzjoni formali tal-applikazzjoni għal permess ta’ proġett tkun qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337 (sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Commission vs Il-Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punti 29 u 32, kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 1998, Gedeputeerde Staten van Noord-Holland, C-81/96, Ġabra p. I-3923, punt 23).

95

Fil-fatt, din id-direttiva hija intiża l-iktar għal proġetti ta’ daqs ċert, fejn it-twettiq tagħhom ta’ spiss jeħtieġ perijodu twil ta’ żmien. B’hekk, ma jkunx opportun li proċeduri, diġà kumplessi fuq livell nazzjonali, jiġu mtaqqla u mdewma minn rekwiżiti speċifiċi imposti minn din id-direttiva, u li sitwazzjonijiet diġà stabbiliti jiġu affettwati (sentenza Gedeputeerde Staten van Noord-Holland, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24).

96

F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ewwel passi tal-operatur intiżi sabiex jikseb il-permess sabiex iwettaq proġett ta’ landfill inkwistjoni fil-kawża prinċipali bdew fis-16 ta’ Diċembru 1998, wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ dan il-proġett. Issa, jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fihom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33), li d-Direttiva 85/337 għandha tiġi implementata mir-Repubblika Slovakka mid-data ta’ adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004.

97

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għoti mill-amministrazzjoni Slovakka tal-permess sabiex jitwettaq il-landfill inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeżiġi tliet proċeduri suċċessivi li jwasslu kull waħda għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni.

98

L-applikazzjonijiet tal-operatur dwar l-ewwel żewġ proċeduri tressqu rispettivament fis-16 ta’ Diċembru 1998 u fis-7 ta’ Awwissu 2002, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għal permess integrat ġiet ippreżentata fil-25 ta’ Settembru 2007, jiġifieri wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk il-preżentazzjoni tal-ewwel żewġ applikazzjonijiet tistax titqies li tistabbilixxi l-impenn formali tal-proċedura ta’ permess fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 94 ta’ din is-sentenza.

99

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-applikazzjonijiet ippreżentati matul l-ewwel żewġ stadji tal-proċedura ma għandhomx jiġu konfużi mas-sempliċi kuntatti informali li ma jistgħux jimmanifestaw l-impenn formali tal-proċedura għal permess (ara, f’dan is-sens, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

100

Sussegwentement għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent konkluża fl-1999 twettqet sabiex ikun jista’ jseħħ il-proġett ta’ landfill li kien is-suġġett tal-permess integrat. It-tkomplija tal-proċedura, u b’mod partikolari tal-ħruġ ta’ permess għal kostruzzjoni, tistrieħ fuq din l-evalwazzjoni. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li, fid-dritt Slovakk, l-effetti fuq l-ambjent jiġu evalwati separatament mill-proċedura ta’ permess hekk imsejħa ma jistax jestendi għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 85/337.

101

Bl-istess mod, mill-premessi magħmula fil-punt 79 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ żvilupp urban fuq l-istabbiliment tal-landfill inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi stadju indispensabbli sabiex l-operatur jiġi awtorizzat iwettaq il-proġett ta’ landfill inkwistjoni. Din id-deċiżjoni barra minn hekk tqajjem ċertu numru ta’ kundizzjonijiet fuq l-operatur waqt it-twettiq tal-proġett tiegħu.

102

Issa, fl-okkażjoni tal-eżami ta’ proċedura paragunabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-data li għandha sservi bħala riferiment sabiex tiġi stabbilita l-applikazzjoni ratione temporis ta’ direttiva li timponi evalwazzjoni ambjentali hija dik fejn il-proġett ikun ġie formalment ippreżentat, peress li l-fażijiet differenti tal-eżami ta’ proġett huma marbuta sal-punt li jikkostitwixxu operazzjoni kumplessa (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-209/04, Ġabra p. I-2755, punt 58).

103

Fl-aħħar nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li permess fis-sens tad-Direttiva 85/337 jista’ jiġi kkostitwit mill-kombinazzjoni ta’ diversi deċiżjonijiet distinti fir-rigward tal-proċedura nazzjonali li tippermetti lill-persuna li tieħu inkarigu mix-xogħlijiet li tiġi awtorizzata tibda x-xogħlijiet sabiex twettaq il-proġett tagħha li jinkludi diversi stadji suċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C-201/02, Ġabra p. I-723. punt 52, u tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-508/03, Ġabra p. I-3969, punt 102). Isegwi li, f’din l-ipoteżi, id-data ta’ introduzzjoni formali tal-applikazzjoni għal permess tal-proġett għandha tiġi stabbilita fil-ġurnata meta l-persuna li tieħu inkarigu tippreżenta applikazzjoni intiża li jinbeda l-ewwel stadju tal-proċedura.

104

Mill-kunsiderazzjonijiet li ntqalu jirriżulta li l-introduzzjoni formali tal-applikazzjoni għal permess tal-proġett ta’ landfill inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreċedi d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337. Konsegwentement, l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva ma humiex applikabbli għal dan il-proġett u li għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq ir-raba’ domanda

105

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 1 u 15a tad-Direttiva 96/61, moqrija flimkien mal-Artikoli 6 u 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat għandhom ikunu jistgħu, fil-kuntest tar-rikors previst fl-Artikolu 15a ta’ din id-direttiva, jitolbu lill-qorti jew lill-korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, li jkollu l-kompetenza jordna miżuri provviżorji ta’ natura li jissospendi temporanjament l-applikazzjoni ta’ permess fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, jagħti deċiżjoni definittiva għal intervent.

106

L-Istati Membri għandhom, skont l-awtonomija proċedurali tagħhom u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61. Huma għandhom, b’mod partikolari, jiddeterminaw liema qorti jew liema korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar ir-rikorsi msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet u skont liema modalitajiet proċedurali, sakemm id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jiġu osservati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09, Ġabra p. I-9711, punt 52).

107

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża rregolata taħt id-dritt tal-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tawtorizza miżuri provviżorji intiżi li jiggarantixxu l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati abbażi tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 21, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 67).

108

Għandu jingħad ukoll li d-dritt ta’ eżerċizzju ta’ azzjoni previst fl-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-għan, kif huwa ddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, huwa l-prevenzjoni u t-tnaqqis integrati tat-tniġġis permezz tal-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi li jiġu evitati jew jitnaqqsu l-emissjonijiet li jinħolqu mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tagħha fl-arja, fl-ilma u fl-art, sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent (sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2009, Association nationale pour la protection des eaux et rivières u OABA, C-473/07, Ġabra p. I-319, punt 25, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2011, Møller, C-585/10, Ġabra p. I-13407, punt 29).

109

Issa, l-eżerċizzju tal-azzjoni prevista fl-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 ma jippermettix li dan it-tniġġis jiġi pprevenut effettivament jekk ikun impossibbli li jiġi evitat li installazzjoni li għaliha kien inħareġ permess mogħti bi ksur ta’ din id-direttiva tkompli tiffunzjona sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar il-legalità ta’ dan il-permess. Isegwi li l-garanzija tal-effettività tad-dritt li tiġi eżerċitata l-azzjoni prevista fl-Artikolu 15a teżiġi li l-membri tal-pubbliku kkonċernat ikollhom id-dritt li jitolbu lill-qorti jew lill-korp indipendenti u imparzjali kompetenti jadotta miżuri provviżorji ta’ natura li jipprevjenu dan it-tniġġis, inkluża, jekk ikun il-każ, is-sospensjoni temporanja tal-permess ikkontestat.

110

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat għandhom ikunu jistgħu, fil-kuntest tar-rikors previst f’din id-dispożizzjoni, jitolbu lill-qorti jew lill-korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi kompetenti li jordna miżuri provviżorji ta’ natura li jissospendu temporanjament l-applikazzjoni għal permess fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva għal intervent.

Fuq il-ħames domanda

111

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, meħuda fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li timplementa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 u mill-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li tannulla permess mogħti bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, tistax tikkostitwixxi ksur inġustifikat tad-dritt għall-proprjetà tal-operatur sabbilit mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

112

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 182 sa 184 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kundizzjonijiet magħmula mid-Direttiva 96/61 jirrestrinġu l-użu tad-dritt għall-proprjetà fuq l-artijiet ikkonċernati permezz ta’ installazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

113

Madankollu, id-dritt għall-proprjetà ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta, iżda għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-rwol tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, l-użu ta’ dan id-dritt jista’ jiġi ristrett, dejjem sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 355, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C-379/08 u C-380/08, Ġabra p. I-2007, punt 80).

114

F’dak li jikkonċerna l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija preċedentement, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-protezzjoni tal-ambjent hija waħda minn dawn l-għanijiet u għalhekk tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-użu tad-dritt għall-proprjetà (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU, 240/83, Ġabra p. 531, punt 13; tal-20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 302/86, Ġabra p 4607, punt 8; tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu, C-213/96, p. I-1777, punt 32, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C-379/08 u C-380/08, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

115

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-ksur għad-dritt għall-proprjetà inkwistjoni, meta tali ksur jista’ jiġi stabbilit, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 96/61 topera ekwilibriju bejn ir-rekwiżiti ta’ dan id-dritt u dawk marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent.

116

Konsegwentement, il-ħames domanda għandha tingħata r-risposta li deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, meħuda fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li timplementa obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61 u mill-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li tannulla permess mogħti bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, ma tistax, inkwantu tali, tikkostitwixxi ksur inġustifikat tad-dritt għall-proprjetà tal-operatur stabbilit mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fuq l-ispejjeż

117

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, bħall-qorti tar-rinviju, għandha l-obbligu li tressaq ex officio quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talba għal deċiżjoni preliminari filwaqt li hija tagħti deċiżjoni dwar ir-rinviju wara l-kassazzjoni tal-ewwel domanda tagħha mill-qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u li regola nazzjonali timponi fuqha li taqta’ l-kawża billi ssegwi l-pożizzjoni ġuridika espressa minn din l-aħħar qorti.

 

2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Jannar 2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija:

timponi li l-pubbliku kkonċernat ikollu aċċess għal deċiżjoni ta’ żvilupp urban, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa mill-bidu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-installazzjoni kkonċernata;

ma tippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirrifjutaw lill-pubbliku kkonċernat l-aċċess għal tali deċiżjoni billi jinvokaw il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali prevista mid-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni sabiex jiġi protett interess ekonomiku leġittimu; u

ma tipprekludix li rifjut inġustifikat ta’ disponibbiltà lill-pubbliku kkonċernat ta’ deċiżjoni ta’ żvilupp urban, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, matul il-proċedura amministrattiva tal-ewwel istanza, jista’ jiġi rregolarizzat matul il-proċedura amministrattiva tat-tieni istanza bil-kundizzjoni li l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u li r-regolarizzazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura tibqa’ tippermetti lill-pubbliku kkonċernat jeżerċita influwenza reali fuq il-konklużjoni tal-proċess deċiżjonali, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

 

3)

L-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, kif emendat bir-Regolament Nru 166/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat għandhom ikunu jistgħu, fil-kuntest tar-rikors previst f’din id-dispożizzjoni, jitolbu lill-qorti jew lill-korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi kompetenti li jordna miżuri provviżorji ta’ natura li jissospendu temporanjament l-applikazzjoni għal permess fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva għal intervent.

 

4)

Deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, meħuda fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li timplementa obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 15a tad-Direttiva 96/61, kif emendata bir-Regolament Nru 166/2006, u mill-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, li tannulla permess mogħti bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma tistax, inkwantu tali, tikkostitwixxi ksur inġustifikat tad-dritt għall-proprjetà tal-operatur stabbilit mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.