SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Mejju 2012 ( *1 )

“Proprjetà intellettwali — Direttiva 91/250/KEE — Protezzjoni ġuridika ta’ programmi tal-kompjuter — Artikoli 1(2) u 5(3) — Portata tal protezzjoni — Kreazzjoni diretta jew permezz ta’ proċess ieħor — Programm tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur — Tkomplija ta’ funzjonijiet mit-tieni programm mingħajr aċċess għall-kodiċi sors tal-ewwel wieħed — Dekompilazzjoni tal-kodiċi oġġett tal-ewwel programm tal-kompjuter — Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Artikolu 2(a) — Manwal ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter — Riproduzzjoni fi programm ieħor tal-kompjuter — Ksur tad-drittijiet tal-awtur — Kundizzjoni — Espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tal-manwal ta’ użu”

Fil-Kawża C-406/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

SAS Institute Inc,

vs

World Programming Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, G. Arestis (Relatur), A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SAS Institute Inc., minn H. J. Carr, QC, u M. Hicks u J. Irvine, barristers,

għal World Programming Ltd, minn M. Howe, QC, R. Onslow u I. Jamal, barristers, inkarigati minn A. Carter-Silk, solicitor,

għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth u C. Murrell, bħala aġenti, assistiti minn S. Malynicz, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2) u 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), kif ukoll tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn SAS Institute Inc. (iktar ’il quddiem “SAS Institute”) u World Programming Ltd. (iktar ’il quddiem “WPL”), dwar proċedimenti ta’ vjolazzjoni ppreżentati minn SAS Institute għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter u fuq il-manwali dwar is-sistema informatika tiegħu tad-databases.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

3

L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi ffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”), jgħid:

“Il-frażi ‘xogħlijiet letterarji u artistiċi’ tinkludi kull produzzjoni fil-qasam letterarju […] irrispettivament mill-mod jew forma ta’ espressjoni […] [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

4

L-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem it-“TRIPs”) li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li kien ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), jipprevedi:

“1.   Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-[Konvenzjoni ta’ Berne] u l-Appendiċi tagħha […].

2.   Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandhom jestendu għall-espressjonijiet u mhux għall-ideat, [proċeduri,] metodi ta’ ħidma jew konċetti matematiċi per se.”

5

Skont l-Artikolu 10(1) tat-TRIPs:

“Il-programmi tal-kompjuter, jekk huma fil-kodiċi tas-sors jew tal-oġġett, għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu xogħolijiet letterarji taħt il-[Konvenzjoni ta’ Berne].”

6

L-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) fuq id-dritt tal-awtur, adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996 u daħal fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 32, p. 1) jistabbilixxi kif ġej:

“Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur tkopri l-espressjoni iżda mhux l-ideja, proċeduri, metodi ta’ operazzjoni jew kunċetti matematiċi bħala tali.”

7

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan it-trattat:

“Programmi għall-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Din il-protezzjoni tapplika għall-programmi għall-kompjuter, jkunu xi jkunu l-mod u l-għamla ta’ l-espressjoni tagħhom.”

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Id-Direttiva 91/250

8

It-tielet, is-seba’, it-tmien, l-erbatax, il-ħmistax, is-sbatax, it-tmintax, il-wieħed u għoxrin u t-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 91/250 jipprovdu:

“(3)

Billi programmi tal-kompjuter qegħdin ikollhom parti dejjem aktar importanti fil-firxa wiesa’ ta’ l-industriji u t-teknoloġija programmi tal-kompjuter tista’ f’dan is-sens jiġu kkunsidrati li huma ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp industrijali tal-Komunità;

[…]

(7)

Billi, għall-fini ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programm tal-kompjuter’ għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware; billi dan it-terminu jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba li n-natura tax-xogħol preparatorju huwa hekk li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju aktar ’il quddiem;

(8)

Billi, dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jistabbilixxu jekk programm tal-kompjuter huwiex oriġinali jew le, l-ebda testijiet m’għandhom jiġu applikati dwar il-meriti kwalitattivi jew estetiċi tal-programm;

[…]

(14)

Billi, skond [il-prinċipju li l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter hija protetta mid-drittijiet tal-awtur], sal-punt li l-loġika, l-algoritmi u lingwi tal-programmi jinkludu ideat u prinċipji, dawk l-ideat u prinċipji mhumiex protetti skond din id-Direttiva;

(15)

Billi, skond il-leġislazzjoni u ġurisprudenza ta’ l-Istati Membri u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, l-espressjoni ta’ dawk l-ideat u l-prinċipji għandha tkun protetta bid-drittijiet ta’ l-awtur;

[…]

(17)

Billi d-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur li jipprevjenu r-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ dan ix-xogħol għandhom ikunu soġġetti għall-eċċezzjoni limitata fil-każ ta’ programm tal-kompjuter li tippermetti r-riproduzzjoni teknika meħtieġa għall-użu ta’ dak il-programm minn min jiksbu legalment; Billi dan ifisser li l-atti li jtellgħu u jħaddmu meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment, u l-att ta’ korrezzjoni ta’ l-iżbalji tiegħu, jistgħu ma jkunux projbiti b’kuntratt; billi, fl-assenza ta’ disposizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, inkluż meta kopja ta’ programm tkun inbiegħet, kull att ieħor meħtieġ għall-użu tal-kopja ta’ programm jista’ jitwettaq skond l-iskop maħsub tiegħu minn min ikun kiseb legalment dik il-kopja;

(18)

Billi persuna li għandha d-dritt li tuża programm tal-kompjuter m’għandhiex tkun ipprojbita milli twettaq atti meħtieġa biex tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonar tal-programm, kemm-il darba dawn l-atti ma jiksrux id-drittijiet ta’ l-awtur fil-programm;

[…]

(21)

Billi għalhekk għad għandu jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi limitati biss, twettiq ta’ l-atti ta’ riproduzzjoni u traduzzjoni minn jew f’isem persuna li għandha d-dritt li tuża kopja tal-programm hija leġittima u kompatibbli ma’ prattika ġusta u għandha għalhekk titqies li ma jkollhiex bżonn l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt;

[…]

(23)

Billi din l-eċċezzjoni tad-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur ma tistax tintuża’ b’mod li tippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li tmur kontra l-isfruttar normali tal-programm”.

9

Taħt it-titolu “L-għan tal-protezzjoni”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/250 jipprovdi li:

“1.   Skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.   Protezzjoni skond din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

3.   Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.”

10

L-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva, intitolat “Attijiet Ristretti” jipprovdi:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2, għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a)

ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu [Meta] għat-tlugħ [l-loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-komputer jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

(b)

it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm”.

11

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250, li jipprovdi għal eċċezzjonijiet għall-atti suġġetti għal restrizzjoni:

“1.   Fl-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

[…]

3.   Il-persuna li jkollha dritt tuża kopja ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun intitolata, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tal-programm sabiex tiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm jekk hu jagħmel hekk waqt li jkun iwettaq kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm li hu jkun intitolat li jagħmel.”

12

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, dwar id-dekompilazzjoni, jgħid:

“1.   L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b) huma indispensabbli biex tottjeni l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement minn programmi oħra, kemm-il darba jsiru skond dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawn l-atti jitwettqu mill-persuna li tingħatalha l-liċenzja jew minn persuna oħra li jkollha d-dritt li tuża’ kopja ta’ programm, jew f’isimhom minn persuna awtorizzata li tagħmel dan;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ma tkunx minn qabel disponibbli għall-persuni msemmija fis-sottoparagrafu (a)

u

(ċ)

dawn l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex jiksbu l-interoperabilità.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx jippermettu l-informazzjoni miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni tiegħu:

(a)

li tintuża għal għanijiet oħra għajr biex tikseb l-interoperabilità tal-programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

(b)

li tingħata lill-oħrajn, għajr meta jkun meħtieġ għall-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement; jew

(ċ)

li tintuża għall-iżvilupp, produzzjoni jew kummerċ ta’ programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu, jew għal kull att ieħor li jikser id-drittijiet ta’ l-awtur.

3.   Skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu li tintuża b’mod li tippreġudika b’mod mhux raġunat l-interessi ġusti tad-detentur leġittimu jew imorru kontra l-isfruttar normali tal-programm tal-kompjuter.”

13

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/250, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni legali oħra bħal dik dwar id-drittijiet tal-privattivi, marki tal-fabbrika, kompetizzjoni inġusta, sigrieti tas-sengħa, protezzjoni ta’ prodotti semikondutturi jew liġi ta’ kuntratt. Kull dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-Artikolu 6 jew għall-eċċezzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 5(2) u (3), ta’ din id-direttiva għandhom ikunu nulli u bla effett.

Id-Direttiva 2001/29

14

Skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2001/29, din hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-direttivi preżentement fis-seħħ f’dan il-qasam, u b’mod partikolari d-Direttiva 91/250. Hija tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-soċjetà tal-informazzjoni.

15

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29/KE jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, [b’] enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.

2.   Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

(a)

il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters;

[…]”

16

Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom […]”.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

17

Id-Direttivi 91/250 u 2001/29 ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali bil-Liġi tal-1988 dwar id-drittijiet tal-awtur, disinni u privattivi (Copyright, Designs and Patents Act 1988), kif emendata bir-Regolament tal-1992 dwar id-drittijiet tal-awtur (programmi tal-kompjuter) [Copyright (Computer Programs) Regulations 1992], kif ukoll bir-Regolament tal-2003 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Copyright and Related Rights Regulations 2003, (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1988”).

18

L-Artikolu 1(1)(a) tal-Liġi tal-1988 jistabbilixxi li d-drittijiet tal-awtur huma drittijiet ta’ proprjetà li jeżistu fuq ix-xogħlijiet oriġinali, letterarji, drammatiċi, mużikali jew artistiċi. Skont l-Artikolu 3(1)(a) sa (d) ta’ din il-liġi, “xogħol letterarju” jfisser kull xogħol, ħlief għal xogħol drammatiku jew mużikali, li jinkiteb, jitkellem jew jitkanta, b’mod partikolari tabella jew kompilazzjoni li ma tkunx database, programm tal-kompjuter, il-materjal ta’ disinn preparatorju għal programm tal-kompjuter, u database.

19

L-Artikolu 16(1)(a) ta’ dik il-liġi jistabbilixxi li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol għandu d-dritt esklużiv li jikkopja x-xogħol.

20

Skont l-Artikolu 16(3)(a) u (b) tal-Liġi tal-1988 ir-restrizzjoni mid-drittijiet tal-awtur ta’ atti fuq xogħol tgħodd ukoll għax-xogħol kollu kemm hu jew parti sostanzjali tiegħu, kemm direttament kif ukoll indirettament.

21

Skont l-Artikolu 17(2) ta’ dik il-liġi, l-att tal-ikkuppjar ta’ xogħol letterarju, drammatiku, mużikali jew artistiku jfisser il-fatt ta’ riproduzzjoni tax-xogħol taħt kull forma materjali. Dan jinkludi l-ħażna tax-xogħol fi kwalunkwe mezz b’mezzi elettroniċi.

22

L-Artikolu 50BA(1) tal-Liġi tal-1988 jindika li ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur għal utent legali ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li josserva, jistudja jew jittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm biex jiddetermina l-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi ta’ kull element ta’ dan il-programm, meta jagħmel kwalukwe att ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-programm tal-kompjuter li l-utent huwa intitolat jagħmel. L-Artikolu 50BA(2) ta’ din il-liġi jippreċiża li, meta att ikun permess skont il-paragrafu 1, huwa irrilevanti jekk hemmx jew le xi klawżola jew kundizzjoni fi ftehim li l-għan tagħha huwa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-att inkwistjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

SAS Institute hija kumpannija li tiżviluppa software analitiku. Hija żviluppat, fuq perijodu ta’35 sena, kumpless integrat ta’ programmi tal-kompjuter li jippermetti lill-utenti li jagħmlu firxa kbira ta’ xogħlijiet ta’ pproċessar u analiżi ta’ data, partikolarment data statistika (iktar ’il quddiem is-“sistema SAS”). Il-komponent essenzjali tas-sistema SAS, li jismu “Base SAS”, jippermetti lill-utenti jiktbu u jħaddmu l-programmi ta’ applikazzjoni tagħhom bl-għan li jadattaw is-sistema SAS biex tiġi pproċessata d-data tagħhom (scripts). Dawn l-iskrittijiet huma miktubin f’lingwa proprja għas-sistema SAS (iktar ’il quddiem il-“lingwa SAS”).

24

WPL qieset li kien hemm suq potenzjali għal softwer alternattiv kapaċi li jeżegwixxi programmi tal-applikazzjoni miktuba fil-lingwa SAS. WPL għalhekk ħolqot il-“World Programming System”, maħsuba sabiex temula mill-iktar qrib possibbli l-funzjonalitajiet tal-komponenti SAS, fis-sens li, minbarra xi eċċezzjonijiet żgħar, hija pprovat tiżgura li l-istess inputs jipproduċu l-istess outputs. Dan jippermetti lill-utenti tas-sistema SAS jużaw taħt il-“World Programming System” l-iskrittijiet li huma żviluppaw għall-użu mas-sistema SAS.

25

Il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, tippreċiża li ma ġiex stabbilit li WPL kellha, biex tagħmel dan, aċċess għall-kodiċi sors tal-komponenti SAS, li hija kkupjat parti kwalunkwe tat-test ta’ dan il-kodiċi jew ukoll li hija kienet kkupjat parti kwalunkwe tal-kunċett strutturali ta’ dan il-kodiċi.

26

Hija tosserva wkoll li żewġ qrati ddeċidew qabel, fil-kuntest ta’ kawżi oħra, li l-fatt li kompetitur tad-detentur ta’ drittijiet tal-awtur jistudja l-mod kif jaħdem il-programm u mbagħad jikteb il-programm tiegħu biex jemula din il-funzjonalità ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter.

27

Billi SAS Institute tikkontesta dan l-approċċ, hija ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija takkuża, prinċipalment, lil WPL:

li kkuppjat il-manwali tas-sistema SAS ippubblikati minn SAS Institute meta ħolqot il-“World Programming System” biex b’hekk kisret id-drittijiet tal-awtur fuq dawn il-manwali;

li, b’dan il-fatt, ikkupjat indirettament il-programmi tal-kompjuter li jinkludu l-komponenti SAS biex b’hekk kisret id-drittijiet tal-awtur tagħha fuq dawn il-komponenti;

li użat verżjoni tas-sistema SAS bl-isem “Learning Edition” bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja li kien hemm f’dik il-verżjoni u tal-impenji meħudin taħtha, kif ukoll tad-drittijiet tal-awtur tagħha fuq dik il-verżjoni, u

li kisret id-drittijiet tal-awtur fuq il-manwali tas-sistema SAS meta ħolqot il-manwali tagħha stess.

28

F’dawn ir-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales) Chancery Division iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Meta programm tal-kompjuter (iktar ’il quddiem l-‘ewwel programm’) huwa protett bi dritt tal-awtur bħala xogħol letterarju, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat bħala li jfisser illi ma jkunx hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi kompetitur tad-detentur tad-dritt tal-awtur, mingħajr aċċess għall-kodiċi sors tal-ewwel programm, direttament jew permezz ta’ proċess bħad-dekumpiljazzjoni tal-object code, joħloq programm ieħor (iktar ’il quddiem it-‘tieni programm’) li jirriproduċi l-funzjonijiet tal-ewwel programm?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda hija affettwata b’xi wieħed mill-fatturi li ġejjin:

a)

in-natura u/jew il-portata tal-funzjonalità tal-ewwel programm;

b)

in-natura u/jew il-portata tal-kompetenza, tar-riflessjoni u tax-xogħol dedikati mill-awtur tal-ewwel programm sabiex joħloq il-funzjonalità ta’ dan l-ewwel programm;

c)

il-livell ta’ dettall li bih il-funzjonalità tal-ewwel programm ġiet irriprodotta fit-tieni programm;

d)

il-fatt illi l-kodiċi sors tat-tieni programm jirriproduċi aspetti tal-kodiċi sors tal-ewwel programm b’tali mod li jmur lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ sabiex tiġi prodotta l-istess funzjonalità bħall-ewwel programm?

3)

Meta l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi programmi ta’ applikazzjoni miktuba minn utenti tal-ewwel programm b’lingwa ta’ ipprogrammar ikkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm li tinkludi kliem prinċipali kkonċepiti jew magħżula mill-awtur tal-ewwel programm u sintassi kkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b’tali mod illi jinterpreta u jeżegwixxi l-programmi ta’ applikazzjoni li jużaw l-istess kliem prinċipali u l-istess sintassi?

4)

Meta l-ewwel programm jaqra minn fajls ta’ data f’format partikolari kkonċepit mill-awtur tal-ewwel programm, u jikteb lejn tali fajls ta’ data, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b’tali mod illi jaqra minn fajls ta’ data tal-istess format u jikteb lejn tali fajls?

5)

Ir-risposta għa[ll-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda] tkun differenti jekk l-awtur tat-tieni programm ħoloq l-imsemmi programm billi:

a)

osserva, studja u ttestja l-funzjonament tal-ewwel programm; jew

b)

qara manwal miktub u ppubblikat mill-awtur tal-ewwel programm li jiddeskrivi l-funzjonijiet ta’ dan l-ewwel programm (iktar ’il quddiem il-‘manwal’); jew

c)

għamel iż-żewġ affarijiet imsemmija fil-punt [a) u b)]?

6)

Meta persuna għandha d-dritt tuża kopja tal-ewwel programm bis-saħħa ta’ liċenzja, l-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens illi d-detentur tal-liċenzja għandu dritt, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur, illi jagħmel operazzjonijiet ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna ta’ programm sabiex josserva, jittestja jew jistudja l-funzjonament tal-ewwel programm, sabiex jiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm, jekk il-liċenzja tippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jagħmel operazzjonijiet ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-ewwel programm meta l-imsemmi programm huwa użat għall-finijiet partikolari permessi mill-liċenzja, iżda l-operazzjonijiet magħmula sabiex josserva, jistudja jew jittestja l-ewwel programm imorru lil hinn mill-ambitu tal-finijiet awtorizzati bil-liċenzja?

7)

L-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat illi l-operazzjonijiet ta’ osservazzjoni, studju jew ittestjar tal-funzjonament tal-ewwel programm għandhom jiġu kkunsidrati bħala magħmula sabiex jiġu deċiżi l-ideat jew il-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-ewwel programm, meta dawn isiru:

a)

sabiex jiġi vverifikat il-mod li bih l-ewwel programm jiffunzjona, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dettalji li ma humiex deskritti fil-manwal, bil-għan li jinkiteb it-tieni programm bil-mod imsemmi f[l-ewwel ]domanda iktar ’il fuq;

b)

sabiex jiġi vverifikat kif l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi d-dikjarazzjonijiet miktuba bil-lingwa tal-ipprogrammar illi huwa jinterpreta u jeżegwixxi (ara [t-tielet] domanda iktar ’il fuq);

c)

sabiex jiġu vverifikati l-formats tal-fajls ta’ data miktuba lejn l-ewwel programm jew moqrija minn dan l-ewwel programm (ara [r-raba’] domanda iktar ’il fuq);

d)

sabiex jiġi pparagunat ir-rendiment tat-tieni programm mal-ewwel programm bil-għan li jiġu eżaminati r-raġunijiet għalfejn ir-rendiment tagħhom huwa differenti u sabiex jitjieb ir-rendiment tat-tieni programm;

e)

sabiex isiru testijiet paralleli fuq l-ewwel u t-tieni programmi bil-għan li jiġu pparagunati l-outputs tagħhom matul l-iżvilupp tat-tieni programm, b’mod partikolari billi jiġu mgħoddija l-istess skrittijiet ta’ prova kemm mill-ewwel programm kif ukoll mit-tieni programm;

f)

sabiex jiġi vverifikat l-output tal-log fajl iġġenerat mill-ewwel programm bil-għan illi jiġi prodott log fajl identiku jew simili fl-apparenza;

g)

sabiex isir mezz li l-ewwel programm jipproduċi data output (fil-fatt, data li tistabbilixxi korrelazzjoni bejn il-kodiċi postali u stati tal-Istati Uniti) bil-għan li jiġi vverifikat jekk din tikkorrispondix jew le mad-databases uffiċjali ta’ tali data, u jekk dan ma jkunx il-każ, it-tieni programm jiġi pprogrammat b’tali mod illi jirrispondi bl-istess mod bħall-ewwel programm għall-istess input data.

8)

Meta l-manwal huwa protett bi dritt tal-awtur fuq xogħol letterarju, l-Artikolu 2(a) [tad-Direttiva 2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b’mod sostanzjali fit-tieni programm xi wieħed mill-elementi li ġejjin deskritti fil-manwal:

a)

l-għażla ta’ operazzjonijiet ta’ statistika li ġew implementati fl-ewwel programm;

b)

il-formuli matematiċi użati fil-manwal sabiex jiddeskrivu dawn l-operazzjonijiet;

c)

il-kmandi jew kumbinazzjoni ta’ kmandi li permezz tagħhom dawn l-operazzjonijiet jistgħu jiġu invokati;

d)

l-għażliet li l-awtur tal-ewwel programm ippreveda meta mqabbla mad-diversi kmandi;

e)

il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuta mill-ewwel programm;

f)

l-għażla programmata minn qabel li l-awtur tal-ewwel programm għażel li jimplementa f’każ li kmand jew għażla partikolari ma ġewx speċifikati mill-utent;

g)

in-numru ta’ iterazzjonijiet li l-ewwel programm jagħmel f’ċerti ċirkustanzi?

9)

L-Artikolu 2(a) [tad-Direttiva 2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b’mod sostanzjali, f’manwal li jiddeskrivi t-tieni programm, il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuti mill-ewwel programm?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sal-ħames domanda

29

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter kif ukoll il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls ta’ data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu huma forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm u jistgħu, bħala tali, jiġu protetti bid-drittijiet tal-awtur dwar il-programmi tal-kompjuter fis-sens ta’ din id-direttiva.

30

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/250, il-programmi tal-kompjuter huma protetti bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

31

Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jestendi tali protezzjoni għal kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter. Huwa jiddikjara, madankollu, li l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, ma humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont dik id-direttiva.

32

L-erbatax-il premessa tad Direttiva 91/250 tikkonferma, f’dan ir-rigward, li, bi qbil mal-prinċipju li l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter hija protetta mid-drittijiet tal-awtur, l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi tal-loġika, tal-algoritmi u tal-lingwi ta’ programmar ma humiex protetti taħt din id-direttiva. Il-ħmistax-il premessa tagħha tindika li skont il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Istati Membri u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, l-espressjoni ta’ dawk l-ideat u dawk il-prinċipji għandha tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur.

33

Fir-rigward tad-dritt internazzjonali, kemm l-Artikolu 2 tat-Trattat WIPO fuq id-drittijiet tal-awtur kif ukoll l-Artikolu 9(2), tat-TRIPs jgħidu li l-protezzjoni skont id-drittijiet tal-awtur testendi għall-espressjonijiet u mhux għall-ideat, għall-proċeduri, għall-metodi tal-funzjonament jew għall-kunċetti matematiċi bħala tali.

34

L-Artikolu 10(1) tat-TRIPs jipprovdi li l-programmi tal-kompjuter, li huma espressi f’kodiċi sors jew f’kodiċi oġġett, huma protetti bħala xogħlijiet letterarji taħt il-Konvenzjoni ta’ Berne.

35

F’sentenza mogħtija wara l-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 fis-sens li s-suġġett ta’ protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva huwa l-programm tal-kompjuter fil-forom kollha ta’ espressjoni tiegħu, bħall-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett, li jippermettu li jirriproduċuh f’lingwi differenti tal-kompjuter (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace, C-393/09, Ġabra p. I-13971, punt 35).

36

Skont it-tieni sentenza tas-seba’ premessa tad-Direttiva 91/250, it-terminu “programm tal-kompjuter” jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba jkun tali li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju sussegwenti.

37

B’dan il-mod, l-għan tal-protezzjoni tad-Direttiva 91/250 ikopri l-forom ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter kif ukoll ix-xogħlijiet preparatorji ta’ disinn li jistgħu jwasslu rispettivament għar-riproduzzjoni jew għall-ħolqien sussegwenti ta’ tali programm (sentenza Bezpečnostní softwarová asociace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett ta’ programm tal-kompjuter huma forom ta’ espressjoni ta’ dan, li ħaqqhom, konsegwentement, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter skont l-Artikolu 1(2), tad-Direttiva 91/250. B’kuntrast, fir-rigward tal-user interface grafiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali interface ma jippermettix li jiġi riprodott il-programm tal-kompjuter, iżda jikkostitwixxi sempliċement element ta’ dan il-programm li permezz tiegħu l-utenti jużaw il-funzjonalitajiet tal-imsemmi programm (sentenza Bezpečnostní softwarová asociace, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 41).

39

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkostatat li, għal dak li jirrigwarda l-elementi ta’ programm tal-kompjuter li huma s-suġġett tal-ewwel sal-ħames domanda, la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls tad-data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxu forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250.

40

Fil-fatt, kif indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi aċċettat li l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter tista’ tiġi protetta mid-drittijiet tal-awtur terġa’ toffri l-opportunità li jiġu mmonopolizzati l-ideat għad-detriment tal-iżvilupp teknoloġiku u industrijali.

41

Barra minn hekk, il-punt 3.7 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-Direttiva 91/250 [COM (88) 816] jindika li l-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter mid-drittijiet tal-awtur għandha l-vantaġġ prinċipali li tkopri biss l-espressjoni individwali tax-xogħol u tħalli, għalhekk, il-latitudni mixtieqa lill-awturi l-oħrajn biex joħolqu programmi simili jew anki identiċi sakemm ma jikkupjawx.

42

Fir-rigward tal-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls tad-data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter li jinterpreta u jeżegwixxi programmi tal-applikazzjoni miktuba mill-utenti u għall-qari u kitba tad-data f’format speċifiku ta’ fajls tad-data, dawn huma l-elementi ta’ dan il-programm li permezz tagħhom l-utenti jużaw ċerti funzjonijiet tal-imsemmi programm.

43

Huwa importanti li jiġi nnotat f’dan il-kuntest li, jekk terz jakkwista l-parti tal-kodiċi sors jew tal-kodiċi oġġett li tirrigwarda l-lingwa ta’ programmar jew għall-format tal-fajls ta’ data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter u joħloq, billi juża dan il-kodiċi, elementi simili fil-programm tiegħu tal-kompjuter, din l-imġiba tista’ tikkostitwixxi riproduzzjoni parzjali skont l-Artikolu 4 (a) tad-Direttiva 91/250.

44

Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, WPL ma kellha ebda aċċess għall-kodiċi sors tal-programm ta’ SAS Institute, u ma għamlitx id-dekompilazzjoni tal-kodiċi oġġett ta’ dan il-programm. Permezz ta’ osservazzjoni, studju u testjar tal-imġiba tal-programm ta’ SAS Institute, WPL irriproduċiet il-funzjonalità ta’ dan billi użat l-istess lingwa ta’ programmar u l-istess format ta’ fajls ta’ data.

45

Hemm lok, minbarra dan, li jiġi osservat li d-dikjarazzjoni fil-punt 39 tal-preżenti sentenza ma għandhiex teffettwa l-possibbiltà, għal-lingwa SAS u l-format tal-fajls ta’ data ta’ SAS Institute, li jibbenefikaw, bħala xogħlijiet, mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, skont id-Direttiva 2001/29, jekk huma kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħhom stess (ara s-sentenza Bezpečnostní softwarová asociace, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 sa 46).

46

Għalhekk ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls ta’ data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxu forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm u ma humiex, bħala tali, protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter fis-sens ta’ din id-direttiva.

Fuq is-sitt u s-seba’ domanda

47

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li kisbet kopja liċenzjata ta’ programm tal-kompjuter tista’, mingħajr il-permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan il-programm, tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tiegħu sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-imsemmi programm, meta twettaq operazzjonijiet koperti minn din il-liċenzja, bi skop li jmur lil hinn mill-ambitu definit minnha.

48

Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li WPL legalment xtrat kopji tal-verżjoni ta’ tagħlim tal-programm ta’ SAS Institute, li kienu pprovduti taħt liċenzja “permezz ta’ klikk” li taħtha x-xerrej jaċċetta t-termini ta’ din il-liċenzja qabel ma jkun jista’ jaċċessa s-softwer. It-termini tal-imsemmija liċenzja kienu jirrestrinġuha għal finijiet ta’ nuqqas ta’ produzzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, WPL użat id-diversi kopji tal-verżjoni ta’ tagħlim tal-programm ta’ SAS Institute biex twettaq operazzjonijiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liċenzja inkwistjoni.

49

Għalhekk, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-għan tal-istudju jew tal-osservazzjoni tal-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter għandux impatt fuq il-possibbiltà, għall-persuna li kisbet il-liċenzja, li tinvoka l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250.

50

Wara l-qari tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni hemm lok li jiġi nnutat, min-naħa, li l-persuna li tingħatalha l-liċenza għandha d-dritt li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-programm.

51

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 jfittex li jiżgura li l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter ma humiex protetti mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ ftehim ta’ liċenzja.

52

Din id-dispożizzjoni hija għalhekk konformi mal-prinċipju bażiku msemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 li l-protezzjoni prevista minnha tapplika għal kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter u li l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter ma humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur taħt din id-Direttiva.

53

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/250 jipprovdi wkoll li kull dispożizzjoni kuntrattwali li tmur kontra l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3), ta’ din id-direttiva għandha tkun nulla u bla effett.

54

Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmi Artikolu 5(3), il-persuna li tingħatalha l-liċenzja tista’ tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-programm tal-kompjuter meta twettaq kwalunkwe loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna ta’ dan il-programm li hija intitolata tagħmel.

55

Minn dan isegwi li d-determinazzjoni ta’ dawn l-ideat u dawn il-prinċipji tista’ tinkiseb fil-kuntest ta’ operazzjonijiet awtorizzati bil-liċenzja.

56

Barra minn hekk, it-tmintax-il premessa tad-Direttiva 91/250 tgħid li persuna li għandha d-dritt tuża’ programm tal-kompjuter ma tistax tkun ipprojbita milli twettaq l-atti meħtieġa biex tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm, kemm-il darba dawk l-atti ma jippreġudikawx id-drittijiet tal-awtur tal-imsemmi programm.

57

Dan jikkonċerna, f’dan ir-rigward, kif indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, li jiddefinixxi d-drittijiet esklużivi tad-detentur li jwettaq u jawtorizza, kif ukoll l-Artikolu 5(1), tagħha, fuq l-atti meħtieġa sabiex jippermettu lil min jiksbu legalment li juża’ l-programm tal-kompjuter b’mod konsistenti mal-fini tiegħu, inkluż li jiġu korretti żbalji.

58

Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, is-sbatax-il premessa tad-Direttiva 91/250 tispeċifika li l-operazzjonijiet ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għal dan l-użu ma jistgħux jiġu pprojbiti b’kuntratt.

59

Għalhekk, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter ma jistax jipprojbixxi, billi jinvoka l-ftehim ta’ liċenzja, li l-persuna li kisbet din il-liċenzja tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għall-elementi kollha ta’ dan il-programm meta twettaq l-operazzjonijiet li din il-liċenzja tippermettilha li twettaq u l-operazzjonijiet ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter u kemm-il darba dan ma jippreġudikax d-drittijiet esklużivi ta’ dan id-detentur fuq dan il-programm.

60

Fir-rigward din l-aħħar kundizzjoni, l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 91/250 fuq id-dekompilazzjoni jispeċifika, fil-fatt, li din ma tistax tiġġustifika li l-informazzjoni miksuba permezz ta’ applikazzjoni tagħha tintuża għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ programm tal-kompjuter li l-espressjoni tiegħu tkun sostanzjalment simili jew għal kwalunkwe att ieħor li jippreġudika d-drittijiet tal-awtur.

61

Huwa għalhekk importanti li jiġi rrilevat li ma jistgħux jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-awtur tal-programm tal-kompjuter meta, bħal hawnhekk, ix-xerrej leġittimu tal-liċenzja ma kellux aċċess għall-kodiċi sors tal-programm tal-kompjuter li fuqu ngħatat din il-liċenzja, iżda sempliċement studja, osserva u ttestja dan il-programm sabiex jirripproduċi l-funzjonalità tiegħu fit-tieni programm.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għas-sitt u għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li kisbet kopja liċenzjata ta’ programm tal-kompjuter tista’, mingħajr il-permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-imsemmi programm, meta twettaq operazzjonijiet koperti minn din il-liċenzja kif ukoll operazzjonijiet ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter u kemm-il darba din ma tippreġudikax id-drittijiet esklużivi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-programm.

Fuq it-tmien u d-disa’ domanda

63

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, fi programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu ta’ dan il-programm, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm ieħor tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-drittijiet fuq dan il-manwal tal-aħħar.

64

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter ta’ SAS Institute huwa xogħol letterarju protett taħt id-Direttiva 2001/29.

65

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-diversi partijiet ta’ xogħol huma protetti taħt l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 sakemm dawn ikun fihom ċerti elementi li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess ta’ dan ix-xogħol (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt39).

66

F’dan il-każ, il-kliem prinċipali, is-sintassi, il-kontrolli u l-kumbinazzjonijiet ta’ kontrolli, l-għażliet, il-valuri pprogrammati minn qabel u l-iterazzjonijiet huma komposti minn kliem, numri jew kunċetti matematiċi li, meħudin waħedhom, ma jkunux, bħala tali, kreazzjoni intellettwali tal-awtur tal-programm tal-kompjuter.

67

Huwa biss permezz tal-għażla, l-arranġament u l-kumbinazzjoni ta’ dan il-kliem, ta’ dawn in-numri jew ta’ dawn il-kunċetti matematiċi li l-awtur jista’ jesprimi l-kreattività tiegħu b’mod oriġinali u jwassal għal riżultat, il-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

68

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk ir-riproduzzjoni tal-imsemmija elementi tikkostitwixxix riproduzzjoni tal-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tal-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

69

F’dan ir-rigward, l-eżami fid-dawl tad-Direttiva 2001/29, tar-riproduzzjoni ta’ dawn l-elementi tal-manwal ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter għandu jkun l-istess, sew jekk jirrigwarda l-kreazzjoni tat-tieni programm jew il-manwal ta’ użu ta’ dan il-programm tal-aħħar.

70

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tmien u għad-disa’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, f’programm ta’ kompjuter jew f’manwal ta’ użu ta’ dan il-programm, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm ieħor tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur tista’ tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din ir-riproduzzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tal-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls tad-data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxu forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm u ma humiex, bħala tali, protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter fis-sens ta’ din id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li kisbet kopja liċenzjata ta’ programm tal-kompjuter tista’, mingħajr il-permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-imsemmi programm, meta twettaq operazzjonijiet koperti minn din il-liċenzja kif ukoll operazzjonijiet ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter u kemm-il darba din ma tippreġudikax id-drittijiet esklużivi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-programm.

 

3)

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, f’programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu ta’ dan il-programm, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm ieħor tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur tista’ tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar jekk — u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju — din ir-riproduzzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tal-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.