Kawża C-384/10

Jan Voogsgeerd

vs

Navimer SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie)

“Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Kuntratt ta’ xogħol — Għażla tal-partijiet — Dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla — Determinazzjoni ta’ din il-liġi — Ħaddiem li jwettaq xogħlu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed”

Sommarju tas-sentenza

1.        Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla — Kriterji ta’ rabta — Kuntratt ta’ xogħol — Ġerarkija tal-kriterji ta’ rabta — Pajjiż tat-twettiq abitwali tax-xogħol — Kriterju ta’ rabta prijoritarju

(Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980, Artikolu 6(2)(a) u (b))

2.        Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla — Kriterji ta’ rabta — Kuntratt ta’ xogħol — Post tan-negozju li impjega lill-ħaddiem — Kunċett — Post tax-xogħol effettiv tal-ħaddiem — Esklużjoni — Rekwiżit tal-pussess, mill-post tan-negozju, tal-personalità ġuridika — Assenza

(Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980, Artikolu 6(2)(b))

1.        Mill-kliem tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tad-19 ta’ Ġunju 1980, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jistabbilixxi ġerarkija bejn il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol. Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża għandha qabelxejn tistabbilixxi jekk fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt il-ħaddiem iwettaqx xogħlu abitwalment fl-istess pajjiż, li huwa dak li fih jew li minnu, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw din l-attività, il-ħaddiem jaqdi l-parti l-kbira mill-obbligi tiegħu lejn min iħaddmu.

Għal dan il-għan, l-elementi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tax-xogħol, jiġifieri l-post tax-xogħol effettiv, il-post fejn il-ħaddiem jirċievi l-istruzzjonijiet jew dak fejn il-ħaddiem għandu jirrapporta qabel iwettaq il-missjonijiet tiegħu, għandhom effett fuq id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal din ir-relazzjoni tax-xogħol fis-sens li, meta dawn il-postijiet ikunu jinsabu fl-istess pajjiż, il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża tista’ tikkunsidra li s-sitwazzjoni taqa’ fl-ipoteżi prevista fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

B’hekk, il-kriterju tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu”, stabbilit fil-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, filwaqt li l-kriterju tas-sede tal-“post tan-negozju li minnu jkun tqabbad [il-ħaddiem]”, previst fil-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu jista’ japplika biss jekk il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ma tkunx tista’ tiddetermina l-pajjiż tat-twettiq abitwali tax-xogħol.

(ara l-punti 34, 35, 40, 41 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tad-19 ta’ Ġunju 1980, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali għandu jiġi interpretat b’dan il-mod:

- il-kunċett ta’ “post tan-negozju li minnu jkun tqabbad [il-ħaddiem]” għandu jinftiehem fis-sens li dan jirreferi esklużivament għall-post tan-negozju li ingaġġa l-ħaddiem u mhux dak li miegħu l-ħaddiem huwa marbut permezz tax-xogħol effettiv tiegħu;

- il-pussess tal-personalità ġuridika ma jammontax għal rekwiżit li l-post tan-negozju ta’ min iħaddem għandu jissodisfa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

- il-post tan-negozju ta’ impriża differenti minn dik li tirriżulta b’mod formali bħala min iħaddem, li għandha xi rabtiet magħha, jista’ jiġi kklassifikat bħala “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-imsemmija konvenzjoni jekk l-elementi oġġettivi jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali li hija differenti minn dik li tirriżulta mit-termini tal-kuntratt, u dan minkejja li s-setgħa ta’ direzzjoni ma ġietx ittrasferita b’mod formali lil din l-impriża l-oħra. B’hekk, fl-ipoteżi fejn elementi li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ingaġġar jippermettu li jiġi kkonstatat li l-impriża li kkonkludiet il-kuntratt ta’ xogħol fir-realtà aġixxiet għan-nom ta’ impriża oħra, il-qorti tar-rinviju tista’ tqis li l-kriterju ta’ rabta li jinsab fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirreferi għal-liġi tal-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju ta’ din l-aħħar impriża.

(ara l-punti 49, 52, 58, 65 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Kuntratt ta’ xogħol – Għażla tal-partijiet – Dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla – Determinazzjoni ta’ din il-liġi – Ħaddiem li jwettaq xogħlu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed”

Fil-Kawża C‑384/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Ewwel Protokoll tad-19 ta’ Diċembru 1988 li jikkonċerna l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura

Jan Voogsgeerd

vs

Navimer SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Voogsgeerd, minn W. van Eeckhoutte, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005, C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), li tikkonċerna l-kuntratti individwali ta’ xogħol.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Voogsgeerd, li jirrisjedi f’Zanvoort (il-Pajjiżi l-Baxxi), u Navimer SA (iktar ’il quddiem “Navimer”), impriża stabbilita f’Mertert (il-Lussemburgu), dwar il-ħlas ta’ kumpens minħabba tkeċċija, lil J. Voogsgeerd, għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li huwa kien ikkonkluda ma’ din l-impriża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-regoli dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali

3        Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi:

“Ir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għall-obbligi kuntrattwali f’kull sitwazzjoni li tinvolvi għażla bejn il-liġijiet ta’ pajjiżi differenti.”

4        L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi:

“Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. Permezz ta’ l-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jiftiehmu fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu.”

5        L-Artikolu 4(1) ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi:

“Safejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma tkunx intgħażlet skond l-Artikolu 3, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li miegħu ikollu l-eqreb rabta. Madankollu parti separabbli tal-kuntratt li jkollha rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor tista’ eċċezzjonalment tkun regolata mil-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. […]”

6        L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi:

“1. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3, f’kuntratt ta’ impjieg għażla ta’ liġi magħmula mill-partijiet m’għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz mir-regoli mandatarji tal-liġi li tkun applikabbli skond il-paragrafu 2 fin-nuqqas ta’ għażla.

2. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4, kuntratt ta’ impjieg għandu, fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, jkun regolat:

a)      bil-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ukoll jekk ikun temporanjament impjegat f’pajjiż ieħor;

jew

b)      jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, skond il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab;

sakemm ma jkunx jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż.”

 Il-liġijiet nazzjonali

7        L-Artikolu 80(2) tal-Liġi tal-Lussemburgu tad-9 ta’ Novembru 1990, li għandha l-għan li toħloq reġistru marittimu pubbliku Lussemburgiż (Mémorial A 1990, p. 808), jipprovdi:

“It-terminazzjoni abbużiva ta’ kuntratt ta’ xogħol marittimu tagħti dritt għall-ħlas ta’ danni.

It-tkeċċija li tmur kontra l-liġi u/jew li ma hijiex ibbażata fuq raġunijiet reali u serji tikkostitwixxi att soċjalment u ekonomikament anormali.

L-azzjoni ġuridika għal kumpens tat-terminazzjoni abbużiva tal-kuntratt ta’ xogħol marittimu għandha tiġi ppreżentata fi ħdan il-qorti tax-xogħol, taħt piena ta’ dekadenza, fi żmien tliet xhur min-notifika tat-tkeċċija jew tar-raġunijiet tat-tkeċċija.

Dan it-terminu jiġi interrott b’mod validu f’każ ta’ lment bil-miktub lil min iħaddem, mill-baħħar, mill-mandatarju tiegħu jew mit-trade union tiegħu.”

8        L-Artikolu 39 tal-liġi tal-Belġju tat-3 ta’ Lulju 1978, dwar il-kuntratti tax-xogħol (Belgisch Staasblad, 22 ta’ Awwissu 1978), jipprovdi:

“Jekk il-kuntratt ġie konkluż għal perijodu indeterminat, il-parti li ttemm il-kuntratt mingħajr raġuni serja jew mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ preavviż stabbilit bl-Artikoli 59, 82, 83, 84 u 115, għandha l-obbligu li tħallas lill-parti l-oħra kumpens ugwali għar-remunerazzjoni fis-seħħ li tikkorrispondi jew għall-perijodu tat-terminu ta’ preavviż, jew għall-parti minn dan it-terminu li jkun għad fadal.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Fis-7 ta’ Awwissu 2001, J. Voogsgeerd, fi ħdan is-sede ta’ Naviglobe NV (iktar ’il quddiem “Naviglobe”), impriża stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju), ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ Navimer. Il-partijiet għażlu d-dritt Lussemburgiż bħala l-liġi li tapplika għal dan il-kuntratt.

10      Matul il-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2001 u x-xahar ta’ April tas-sena 2002, J. Voogsgeerd ħadem bħala inġinier prinċipali fuq il-vapuri MS Regina u Prince Henri, li kienu proprjetà ta’ Navimer, u li ż-żona ta’ navigazzjoni tagħhom kienet tkopri sal-Baħar tat-Tramuntana.

11      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2002, din l-impriża nnotifikat lil J. Voogsgeerd dwar it-tkeċċija tiegħu. Fl-4 ta’ April 2003, dan fittex lil Naviglobe u lil Navimer quddiem l-arbeidsrechtbank te Antwerpen (tribunal tax-xogħol ta’ Antwerpen), fejn talab li dawn l-impriżi jkunu kkundannati in solidum sabiex iħallsuh kumpens għat-tkeċċija skont il-liġi Belġjana tat-3 ta’ Lulju 1978 dwar il-kuntratti tax-xogħol, kif ukoll l-interessi u l-ispejjeż.

12      Insostenn tar-rikors tiegħu, J. Voogsgeerd sostna li, abbażi tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, huma r-regoli mandatorji tal-liġi Belġjana dwar il-qasam tax-xogħol li japplikaw, u dan, tkun xi tkun l-għażla tal-partijiet dwar il-liġi applikabbli. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, bil-kuntratt tax-xogħol tiegħu huwa kien marbut mal-impriża Belġjana Naviglobe u mhux mal-impriża Lussemburgiża Navimer, u li huwa kien wettaq xogħlu prinċipalment fil-Belġju, fejn huwa rċieva struzzjonijiet minn Naviglobe u fejn huwa kien jirritorna wara kull vjaġġ.

13      Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Novembru 2004, l-arbeidsrechtbenk te Antwerpen iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni kontra Navimer. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni mibdija kontra Naviglobe ġiet iddikjarata bħala ammissibbli iżda infondata.

14      J. Voogsgeerd ippreżenta l-appell għal din is-sentenza quddiem l-arbeidshof te Antwerpen (qorti tax-xogħol ta’ Antwerpen). Wara li ddikjarat il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha, din il-qorti, minn naħa ċaħdet, fuq il-mertu, it-talbiet imressqa Naviglobe, minħabba li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx ta prova li huwa kien tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din il-kumpannija.

15      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna r-relazzjoni ta’ xogħol ma’ Navimer, l-arbeidshof te Antwerpen iddeċidiet li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi inkwistjoni kollha, J. Voogsgeerd ma wettaqx xogħlu abitwalment fi Stat Membru wieħed biss, f’dan il-każ il-Belġju, u li, għaldaqstant, l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma kinitx tapplika. F’dan ir-rigward, minn naħa hija kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kellux kuntratt ta’ xogħol ma’ Naviglobe, li s-salarju tiegħu kien jitħallas minn Navimer u li huwa kien imsieħeb ma’ assigurazzjoni għall-mard fil-Lussemburgu u, min-naħa l-oħra, li huwa ma kienx ta prova li kien ħadem prinċipalment fl-ilmijiet territorjali tal-Belġju. Għalhekk, l-arbeidshof te Antwerpen iddeċidiet li, peress li Navimer kienet il-kumpannija li ingaġġat lil J. Voogsgeerd, id-dispożizzjonijiet mandatorji tad-dritt Lussemburgiż għandhom japplikaw għall-kuntratt tax-xogħol, skont l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

16      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, l-arbeidshof te Antwerpen ikkunsidrat il-punti mressqa minn J. Voogsgeerd insostenn tal-appell tiegħu bħala prova, liema appell kien intiż sabiex Antwerpen tiġi meqjusa bħala l-post fejn huwa kien dejjem imur sabiex jimbarka u fejn huwa kien jirċievi l-istruzzjonijiet għal kull waħda mill-missjonijiet tiegħu.

17      Madankollu, fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, hija ddeċidiet li d-dritt Lussemburgiż biss kien japplika għall-kuntratt ta’ xogħol, u li kien hemm lok sabiex hija tiċħad l-azzjoni għad-danni minħabba terminazzjoni abbużiva ta’ dan il-kuntratt peress li din l-azzjoni ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 80 tal-Liġi tal-Lussemburgu tad-9 ta’ Novembru 1990, li għandha l-għan li toħloq reġistru pubbliku marittimu.

18      J. Voogsgeerd ressaq appell fil-kassazzjoni kontra l-parti tas-sentenza li tikkonċerna lil Navimer, l-unika konvenuta li fadal fil-kawża prinċipali. L-aggravju li ġie invokat fil-kassazzjoni kien ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi tal-arbeidshof te Antwerpen fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol.

19      Insostenn tal-appell tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna li l-arbeidshof te Antwerpen kienet kisret l-Artikoli 1, 3, 4 u 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma meta ddeċidiet li l-punti li huwa ressaq sabiex jagħti prova tat-twettiq abitwali ta’ xogħlu fil-Belġju taħt l-awtorità ta’ Naviglobe ma kinux rilevanti għall-kwistjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2)(b) tagħha.

20      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, sa fejn dawn il-punti huma eżatti, Naviglobe, li hija stabbilita f’Antwerpen, tista’ titqies bħala l-kumpannija li magħha J. Voogsgeerd huwa marbut minħabba x-xogħol effettiv tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li impjega lill-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni [ta’ Ruma], għandu jitqies li huwa l-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju ta’ min iħaddem li, skont il-kuntratt tal-impjieg, impjega lill-ħaddiem, jew inkella bħala l-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju ta’ min iħaddem, li huwa marbut miegħu l-ħaddiem minħabba l-impjieg attwali [xogħol effettiv] tiegħu, minkejja li abitwalment tali ħaddiem ma jwettaqx xogħlu f’pajjiż wieħed?”

2)      Il-post fejn il-ħaddiem li abitwalment ma jwettaqx xogħlu fl-istess pajjiż għandu jirrapporta u fejn jirċievi istruzzjonijiet amministrattivi kif ukoll istruzzjonijiet relatati mat-twettiq ta’ xogħlu, għandu jiġi kkunsidrat bħala l-post tal-impjieg attwali tiegħu fis-sens tal-ewwel domanda?

3)      Il-post tan-negozju ta’ min iħaddem li huwa marbut miegħu il-ħaddiem minħabba l-impjieg attwali tiegħu fis-sens tal-ewwel domanda għandu jissodisfa ċerti rekwiżiti formali, bħal pereżempju l-pussess tal-personalità ġuridika, jew huwa biżżejjed li dan ikun de facto post tan-negozju?

4)      Il-post ta’ negozju ta’ kumpannija oħra, li hija marbuta miegħu l-kumpannija li tħaddem, jista’ jservi bħala post tan-negozju fis-sens tat-tielet domanda, anki jekk l-awtorità ta’ min iħaddem ma ġietx ittrasferita lil din il-kumpannija l-oħra?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari li tressqet minn waħda miż-żewġ qrati Belġjani li għandhom tali setgħa fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1998, C 27, p. 47), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004.

23      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk elementi bħalma huma l-post tal-xogħol effettiv tal-ħaddiem, il-post fejn dan tal-aħħar għandu jirrapporta u jirċievi l-istruzzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex iwettaq xogħlu u l-post tan-negozju de facto ta’ min iħaddem għandhom effett fuq id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

24      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jistabbilixxi regoli speċjali ta’ kunflitt relatati mal-kuntratti individwali tax-xogħol, liema regoli jvarjaw mir-regoli ġenerali li jinsabu fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din il-Konvenzjoni, li jirrigwardaw rispettivament il-libertà fl-għażla tal-liġi applikabbli u l-kriterji ta’ determinazzjoni ta’ din fin-nuqqas ta’ tali għażla.

25      Għalhekk, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li l-għażla, mill-partijiet, tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol ma tistax twassal sabiex il-ħaddiem jiċċaħħad mill-garanziji previsti mid-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi li tkun tapplika għall-kuntratt fin-nuqqas ta’ tali għażla. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jesprimi l-kriterji ta’ rabta tal-kuntratt tax-xogħol li fuq il-bażi tagħhom għandha tiġi ddeterminata l-lex contractus, fin-nuqqas ta’ għażla tal-partijiet.

26      Dawn il-kriterji huma, qabelxejn, dawk tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu” [Artikolu 6(2)(a)], u sussidjarjament, fin-nuqqas ta’ tali post, dak tas-sede “tan-negozju li minnu jkun tqabbad [il-ħaddiem]” [Artikolu 6(2)(b)].

27      Barra minn hekk, skont l-aħħar frażi ta’ dan il-paragrafu 2, dawn iż-żewġ kriterji ta’ rabta ma humiex applikabbli meta miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-kuntratt ta’ xogħol għandu rabtiet iktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ tkun applikabbli l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

28      Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-partijiet għall-kuntratt għażlu l-liġi tal-Lussemburgu bħala l-lex contractus. Min-naħa l-oħra, tkun xi tkun l-għażla, tibqa’ l-kwistjoni dwar liema hija l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk kemm-il darba r-rikorrent fil-kawża prinċipali jinvoka dispożizzjonijiet mandatorji tad-dritt Belġjan bħala l-bażi tad-dritt tiegħu għal kumpens minħabba t-tkeċċija. Hekk kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, J. Voogsgerd isostni li l-qorti tal-appell, li kkunsidrat id-dritt tal-Lussemburgu bħala dak applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, kisret għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, u speċjalment l-Artikolu 6 tagħha. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, fil-kuntest tat-twettiq ta’ xogħlu, huwa ma kellu ebda kuntatt ma’ Navimer, iżda li huwa kellu jippreżenta ruħu għand Naviglobe biex jimbarka f’Antwerpen, liema kumpannija kienet ittih l-istruzzjonijiet.

29      Permezz tad-domandi tagħha, il-Hof van Cassatie essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u, b’mod partikolari, il-kriterju ta’ rabta fir-rigward tal-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju li ingaġġa lill-ħaddiem, li jidher fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

30      Madankollu għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura preliminari, minkejja li jerġa’ jaqa’ fuq il-qorti tar-rinviju sabiex tapplika r-regola tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża pendenti quddiemha u, għalhekk, li tikklassifika dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali fir-rigward ta’ din ir-regola, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tipprovdi lil din il-qorti bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C‑6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandha, mid-data kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, toħroġ l-elementi ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gauchard, 20/87, Ġabra p. 4879, punt 7).

31      F’dan il-każ, minkejja li d-domandi mressqa jikkonċernaw l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, hemm lok li, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha u kif osservaw ukoll il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea, jiġi kkonstatat li l-elementi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-qorti tar-rinviju enfasizzat fuqhom sabiex timmotiva t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, jidhru li jikkorrispondu iktar mal-kriterji msemmija stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma milli ma’ dawk previsti fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

32      Barra minn hekk għandu jiġi osservat li, sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli, il-kriterju ta’ rabta tal-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-post fejn il-ħaddiem iwettaq abitwalment id-dmirijiet tiegħu għandu jieħu prijorità, u l-applikazzjoni tiegħu għandha teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju sussidjaru tal-post tas-sede tan-negozju li ngaġġa lill-ħaddiem.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelsch, (C‑29/10, Ġabra 1‑1595), interpretat l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fis-sens li għandu qabelxejn jiġi eżaminat, fuq il-bażi ta’ punti bħalma huma dawk imressqa minn J. Voogsgeerd, jekk il-ħaddiem iwettaqx xogħlu prinċipalment f’pajjiż wieħed biss.

34      Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jistabbilixxi ġerarkija bejn il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol.

35      Din l-interpetazzjoni hija msaħħa wkoll bl-analiżi tal-għan imfittex mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, liema għan huwa li tiġi żgurata protezzjoni xierqa għall-ħaddiem. Għalhekk, hekk kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu”, stabbilit fil-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, filwaqt li l-kriterju tas-sede tal-“post tan-negozju li minnu jkun tqabbad [il-ħaddiem]”, previst fil-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu jista’ japplika biss jekk il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ma tkunx tista’ tiddetermina l-pajjiż tat-twettiq abitwali tax-xogħol (ara s-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

36      Għalhekk, f’ipoteżi bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ħaddiem jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat kontraenti wieħed, il-kriterju li jinsab fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma xorta waħda jista’ jiġi applikat meta l-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża tkun tista’ tiddetermina l-Istat li miegħu x-xogħol għandu rabta sinjifikattiva (ara s-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

37      F’każ bħal dan, il-kriterju tal-pajjiż tat-twettiq abitwali tax-xogħol għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-post li fih, jew li minnu, il-ħaddiem effettivament iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu u, fin-nuqqas ta’ ċentru ta’ kummerċ, fil-post fejn dan iwettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tiegħu (ara s-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

38      Għal dan il-għan, fid-dawl tan-natura tax-xogħol fis-settur tat-trasport marittimu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tal-ħaddiem u, b’mod partikolari, din għandha tistabbilixxi f’liema Stat jinsab il-post minn fejn il-ħaddiem iwettaq il-missjonijiet ta’ trasport tiegħu, jirċievi struzzjonijiet dwar il-missjonijiet tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post fejn tinsab l-għodda tax-xogħol (ara s-sentenza Koelzsch, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49).

39      Jekk minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-post li minnu l-ħaddiem iwettaq il-missjonijiet ta’ trasport tiegħu u jirċievi wkoll l-istruzzjonijiet għall-missjonijiet tiegħu huwa dejjem l-istess, dan il-post għandu jitqies bħala dak il-post fejn huwa jwettaq xogħlu abitwalment fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a). Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-kriterju tal-post fejn il-ħaddiem iwettaq xogħlu abitwalment għandu japplika bi prijorità.

40      Għalhekk, l-elementi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tax-xogħol, bħal dawk li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ rinviju, jiġifieri l-post tax-xogħol effettiv, il-post fejn il-ħaddiem jirċievi l-istruzzjonijiet jew dak fejn il-ħaddiem għandu jirrapporta qabel iwettaq il-missjonijiet tiegħu, għandhom effett fuq id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal din ir-relazzjoni tax-xogħol fis-sens li, meta dawn il-postijiet ikunu jinsabu fl-istess pajjiż, il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża tista’ tikkunsidra li s-sitwazzjoni taqa’ fl-ipoteżi prevista fl-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

41      Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża għandha qabelxejn tistabbilixxi jekk fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt il-ħaddiem iwettaqx xogħlu abitwalment fl-istess pajjiż, li huwa dak li fih jew li minnu, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw din l-attività, il-ħaddiem jaqdi l-parti l-kbira mill-obbligi tiegħu lejn min iħaddmu.

42      Fl-eventwalità fejn il-qorti tar-rinviju tqis li hi ma tistax tiddeċiedi dwar il-kawża mressqa quddiemha fir-rigward tal-Artikolu 6(2)(a) tal-imsemmija Konvenzjoni, isir neċessarju li tirrispondi għal domandi bħal dawk kif jidhru fit-talba għad-deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

43      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “post tan-negozju li minnu jkun tqabbad [il-ħaddiem]”, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandux jinftiehem li jirreferi għall-post tan-negozju li jkun ikkonkluda l-kuntratt ta’ xogħol jew bħala li jirreferi għall-post tan-negozju tal-impriża li magħha l-ħaddiem għandu rabta fix-xogħol effettiv tiegħu u, f’din l-aħħar ipoteżi, jekk din ir-rabta tistax tirriżulta mill-fatt li l-ħaddiem irid jirrapporta b’mod regolari u għandu jirċievi struzzjonjiet fi ħdan din l-aħħar impriża.

44      Hekk kif jirriżulta mill-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, meta l-qorti li quddiemha titressaq kawża tikkonstata li l-ħaddiem għandu dejjem jirrapporta fl-istess post fejn jirċievi l-istruzzjonijiet, din għandha tqis li l-ħaddiem abitwalment iwettaq xogħlu f’dan il-post fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Dawn l-elementi, li jikkaratterizzaw ix-xogħol effettiv, kollha jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol fuq il-bażi ta’ dan l-aħħar kriterju ta’ rabta u dawn ma jistax ikollhom effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma wkoll.

45      Hekk kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 68 tal-konkużjonijiet tagħha, jekk issir interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-impriża li ngaġġat il-ħaddiem b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li ma jirrigwardawx biss il-konklużjoni tal-kuntratt tax-xogħol, din tmur kontra l-kelma u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

46      Fil-fatt, l-użu tal-frażi “tqabbad [ġie ingaġġat]” fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirreferi b’mod manifest għall-konkużjoni biss ta’ dan il-kuntratt, jew, f’każ ta’ relazzjoni ta’ xogħol de facto, il-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol u mhux il-kundizzjonijiet tax-xogħol effettiv tal-ħaddiem.

47      Barra minn hekk, l-analiżi sistematika ta’ dan l-Artikolu 6(2)(b) timponi li l-kriterju intiż f’din id-dispożizzjoni, li għandu natura sussidjarja, jiġi applikat meta ma jkunx possibbli li jiġi individwat l-Istat Membru li r-relazzjoni tax-xogħol għandha l-iktar konnessjoni. Għalhekk, l-unika interpretazzjoni tal-kriterju sussidjarju li tista’ tiżgura l-prevedibbiltà sħiħa fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol hija dik stretta.

48      Meta l-kriterju tal-post ta’ fejn jinsab il-post tan-negozju tal-impriża li timpjega l-ħaddiem ikun estraneu għall-kundizzjonijiet li fihom jitwettaq ix-xogħol, il-fatt li din l-impriża tkun stabbilita f’post jew f’ieħor ma jaffettwax id-determinazzjoni ta’ dan il-post tan-negozju.

49      Huwa biss fl-ipoteżi fejn elementi li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ingaġġar jippermettu sabiex jiġi kkonstatat li l-impriża li kkonkludiet il-kuntratt ta’ xogħol fir-realtà aġixxiet għan-nom ta’ impriża oħra li l-qorti tar-rinviju tista’ tqis li l-kriterju ta’ rabta li jinsab fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirreferi għal-liġi tal-pajjiż fejn jinsab il-post tan-negozju ta’ din l-aħħar impriża.

50      Konsegwentement, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi relattivi għat-twettiq tax-xogħol, iżda biss dawk relattivi għall-proċedura tal-konklużjoni tal-kuntratt bħalma huma l-post tan-negozju li ppubblika l-avviż ta’ reklutaġġ u dak li għamel l-intervisti għall-ingaġġar u din għandha tfittex li tiddetermina fejn tali post tan-negozju jinsab realment.

51      Fi kwalunkwe każ, hekk kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konlużjonijiet tagħha, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra tar-relazzjoni tax-xogħol, u dan meta jidher li dawk dwar iż-żewġ kriterji ta’ rabta previsti f’dan l-artikolu u li jirrigwardaw, rispettivament, il-post fejn jitwettaq ix-xogħol u l-post fejn jinsab il-post tan-negozju tal-impriża li timpjega lill-ħaddiem, iwasslu sabiex jitqies li l-kuntratt għandu rabtiet iktar mill-qrib ma Stat differenti minn dawk indikati minn dawn il-kriterji.

52      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari tkun li l-kunċett ta’ “post tan-negozju li minnu jkun tqabbad [il-ħaddiem]”, fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jinftiehem fis-sens li dan jirreferi esklużivament għall-post tan-negozju li ngaġġa l-ħaddiem u mhux dak li miegħu l-ħaddiem huwa marbut permezz tax-xogħol effettiv tiegħu.

 Fuq it-tielet domanda

53      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-applikazzjonijiet tal-kriterju ta’ rabta stipulat fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni, il-post tan-negozju għandux jissodisfa rekwiżiti formali bħalma huwa l-pussess tal-personalità ġuridika.

54      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi osservat li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li din ma tikkonċernax biss l-unitajiet ta’ attività tal-impriża li għandhom personalità ġuridika, peress li l-frażi “post tan-negozju” jirreferi għall kull struttura stabbli ta’ impriża. Konsegwentement, mhux biss il-kumpanniji sussidjarji u l-fergħat, iżda anki unitajiet oħra, bħalma huma l-uffiċini ta’ impriża, jistgħu jikkostitwixxu postijiet tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, minkejja li dawn ma jkollhomx personalità ġuridika.

55      Madankollu, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni u kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni teżiġi l-istabbiltà tal-post tan-negozju. Fil-fatt, jekk il-preżenza ta’ aġent ta’ impriża ta’ Stat Membru tkun waħda purament tranżitorja fi Stat, għall-ingaġġar tal-ħaddiema, għandha titqies bħala li tikkostittwixxi post tan-negozju li jorbot il-kuntratt ma’ dan l-Istat. Dan imur kontra l-kriterju ta’ rabta previst fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għaliex dan ma huwiex il-post fejn ġie konkluż il-kuntratt.

56      Min-naħa l-oħra, jekk dan l-aġent imur f’pajjiż fejn il-persuna li timpjega għandu rappreżentanza permanenti tal-impriża tiegħu, ikun kompletament konċepibbli li wieħed jassumi li l-imsemmija rappreżentazzjoni tikkostitwixxi “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

57      Barra minn hekk, fil-prinċipju hemm bżonn li l-post tan-negozju li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ rabta ikun jappartjeni għall-impriża li tingaġġa lill-ħaddiem, jiġifieri li dan ikun jagħmel parti integrali mill-istruttura tagħha.

58      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda mressqa tkun li l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-personalità ġuridika ma jammontax għal rekwiżit li l-post tan-negozju ta’ min iħaddem għandu jissodisfa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

59      Permezz tar-raba’ u l-aħħar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ rabta previst fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-post tan-negozju ta’ impriża li ma hijiex il-persuna li timpjega jista’ jitqies bħala li jaġixxi f’din il-kwalità minkejja li s-setgħa ta’ direzzjoni tal-persuna li timpjega ma tkunx ġiet ittrasferita lil din l-impriża.

60      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li din il-kwistjoni nqalgħet għaliex ir-rikorrent isostni li huwa dejjem irċieva l-istruzzjonijiet mingħand Naviglobe u li, għall-perijodu li ttieħed inkunsiderazzjoni, id-direttur ta’ din l-impriża kien ukoll id-direttur ta’ Navimer, l-impriża li ingaġġat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali b’mod formali.

61      F’dak li jirrigwarda l-ewwel element, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, ċirkustanza bħal din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-post fejn normalment jitwettaq ix-xogħol, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, sa fejn dan jikkonċerna l-eżekuzzjoni tax-xogħol.

62      F’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali dwar il-fatt li l-istess persuna kienet id-direttur sew ta’ Naviglobe u ta’ Navimer, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-vera relazzjoni bejn iż-żewġ impriżi sabiex tistabbilixxi jekk, effettivament, Naviglobe għandhiex il-kwalità ta’ persuna li timpjega, ingaġġata minn Navimer. Il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi kollha li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali li hija differenti minn dik li tirriżulta mit-termini tal-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, Ġabra p. I‑3813, punt 37).

63      F’din l-evalwazzjoni, iċ-ċirkustanza invokata minn Navimer, jiġifieri n-nuqqas ta’ trasferiment tas-setgħa ta’ direzzjoni lil Naviglobe, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda ma hijiex, hija waħedha, deċiżiva sabiex jitqies li l-ħaddiem fil-verità kien ġie ingaġġat minn kumpannija differenti minn dik li tirriżulta l-persuna li timpjega.

64      Huwa biss fl-ipoteżi fejn jirriżulta li waħda miż-żewġ kumpanniji aġixxiet għan-nom tal-oħra li l-post tan-negozju tal-ewwel waħda jista’ jitqies bħala li jappartjeni għat-tieni waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ rabta previst fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

65      Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li r-risposta għar-raba’ domanda mressqa tkun li l-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandu jiġi interpretat fis-sens li l-post tan-negozju ta’ impriża differenti minn dik li tirriżulta b’mod formali bħala l-persuna li timpjega, li għandha xi rabtiet magħha, jista’ jiġi kklassifikat bħala “post tan-negozju” jekk l-elementi oġġettivi jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali li hija differenti minn dik li tirriżulta mit-termini tal-kuntratt, u dan minkejja li s-setgħa ta’ direzzjoni ma ġietx ittrasferita b’mod formali lil din l-impriża l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firem f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża għandha qabelxejn tistabbilixxi jekk fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt il-ħaddiem iwettaqx xogħlu abitwalment fl-istess pajjiż, li huwa dak li fih jew li minnu, fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw din l-attività, il-ħaddiem jaqdi l-parti l-kbira mill-obbligi tiegħu lejn il-persuna li timpjegah.

2)      Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tqis li hija ma tistax tiddeċiedi dwar il-kawża li tressqet quddiemha dwar l-Artikolu 6(2)(a) ta’ din il-konvenzjoni, l-Artikolu 6(2)(b) tal-imsemmija konvenzjoni għandu jiġi interpretat kif ġej:

–        il-kunċett ta’ “post tan-negozju li minnu jkun tqabbad [il-ħaddiem]” għandu jinftiehem fis-sens li dan jirreferi esklużivament għall-post tan-negozju li ingaġġa l-ħaddiem u mhux dak li miegħu l-ħaddiem huwa marbut permezz tax-xogħol effettiv tiegħu;

–        il-pussess tal-personalità ġuridika ma jammontax għal rekwiżit li l-post tan-negozju tal-persuna li timpjega għandu jissodisfa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

–        il-post tan-negozju ta’ impriża differenti minn dik li tirriżulta b’mod formali bħala l-persuna li timpjega, li għandha xi rabtiet magħha, jista’ jiġi kklassifikat bħala “post tan-negozju” fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-imsemmija konvenzjoni jekk l-elementi oġġettivi jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali li hija differenti minn dik li tirriżulta mit-termini tal-kuntratt, u dan minkejja li s-setgħa ta’ direzzjoni ma ġietx ittrasferita b’mod formali lil din l-impriża l-oħra.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.