Kawża C-153/10

Staatssecretaris van Financiën

vs

Sony Supply Chain Solutions (Europe) BV, li kienet Sony Logistics Europe BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 12(2) u (5), 217(1) u 243 — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikoli 10 u 11 — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Informazzjoni tariffarja li torbot — Invokazzjoni minn operatur li ma jkunx id-detentur tal-istess merkanzija —Deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni doganali nazzjonali — Aspettattivi leġittimi”

Sommarju tas-sentenza

1.        Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Informazzjoni tariffarja li torbot

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, Artikoli 5(4) u 12(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 12/97, Artikoli 10 u 11)

2.        Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Informazzjoni tariffarja li torbot — Kontestazzjoni minn parti kkonċernata tal-ġbir tad-dazji doganali — Mezzi ta’ prova

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, Artikoli 12(2) u (5), 217(1) u 243; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 12/97, Artikolu 11)

3.        Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Informazzjoni tariffarja li torbot

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, Artikolu 12; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 12/97, Artikolu 10(1))

1.        L-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir‑Regolament Nru 82/97 kif ukoll l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d‑dispożizzjonijiet għall‑implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 12/97, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, id-dikjarant li jistabbilixxi dikjarazzjonijiet doganali f’ismu proprju u għalih innifsu, ma jistax jinvoka l-informazzjoni tariffarja li torbot li d-detentur tagħha ma jkunx huwa stess, iżda kumpannija li huwa konness magħha u li ntalab minnha jagħmel tali dikjarazzjonijiet.

Fil-fatt, minn naħa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4), tal-imsemmi Kodiċi jippreċiża li persuna li ma tiddikjarax li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra jew xi ħadd li ma għandu l-ebda setgħa ta’ rappreżentanza jiġi meqjus li qed jaġixxi f’ismu proprju u għalih innifsu. Minn dan jirriżulta li r-rappreżentanza għandha tkun espliċita u mhux preżunta. Min-naħa l-oħra l-fatt li żewġ kumpanniji jagħmlu parti mill-istess grupp jew li waħda kienet ir-rappreżentanta fiskali tal-oħra fl-Istat Membru li jimporta, ma jagħtihiex il-kwalità tar-rappreżentanta, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali.

(ara l-punti 31, 34, 35 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 12(2) u (5), u 217(1) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97 kif ukoll l-Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 12/97, moqrija flimkien mal-Artikolu 243 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża relatata mal‑ġbir ta’ dazji doganali, il-parti kkonċernata tista’ tikkontesta dan il‑ġbir billi tippreżenta bħala prova informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa għall-istess merkanzija fi Stat Membru ieħor mingħajr ma din l-informazzjoni tariffarja li torbot tkun tista’ tipproduċi l-effetti legali relatati. Hija madankollu l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk ir‑regoli proċedurali rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jipprovdux il-possibbiltà tal-produzzjoni ta’ tali mezzi ta’ prova

(ara l-punt 44 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir‑Regolament Nru 82/97 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 12/97, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni nazzjonali li tirrikonoxxi l-possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali li, għall‑klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija ddikjarata, jirreferu għal informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa lil terz għal din l-istess merkanzija, ma tistax toħloq, fi ħdan l‑importaturi, aspettattivi leġittimi li jkunu jistgħu jinvokaw din id‑deċiżjoni, sa fejn meta applikaw id-dritt tal-Unjoni, dawn l-awtoritajiet kienu aġixxew bi ksur ta’ dan id-dritt.

(ara l-punti 47, 49, 50 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ April 2011 (*)

“Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikoli 12(2) u (5), 217(1), u 243 – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikoli 10 u 11 – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Informazzjoni tariffarja li torbot – Invokazzjoni minn operatur li ma jkunx id-detentur tal-istess merkanzija – Deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni doganali nazzjonali – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑153/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il‑Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2010, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën

vs

Sony Supply Chain Solutions (Europe) BV, li kienet Sony Logistics Europe BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, A. Rosas u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sony Supply Chain Solutions (Europe) BV, li kienet Sony Logistics Europe BV, minn P. De Baere, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u K. Havlíčková, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 12(2) u (5), 217(1), u 243 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02, Vol. 04, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02, Vol. 8, p. 179, u ‑ r-rettifika ‑ ĠU 1997, L 179, p. 11 iktar ’il quddiem il‑“Kodiċi Doganali”), u tal-Artikoli 10 u 11 tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d‑dispożizzjonijiet għall‑implementazzjoni tar‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02, Vol. 06, p. 3), kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 12/97, tat-18 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02, Vol. 08, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Staatssecretaris van Financiën u Sony Logitics Europe BV, li saret Sony Supply Chain Solutions (Europe) BV (iktar ’il quddiem “SLE”), dwar il-ħlas ta’ dazji doganali li jirrigwardaw consoles tal-logħob eletroniku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Kodiċi Doganali

3        L-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali huwa redatt kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

5)      ‘Deċiżjoni’ tfisser kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali li għandu x’jaqsam ma’ regoli doganali li jagħtu deċiżjoni dwar każ partikolari, dan l-att ikollu effetti legali fuq persuna waħda jew persuni speċifiċi u identifikabbli; dan it-terminu jkopri fost oħrajn informazzjoni li torbot dwar it-tariffa skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 12;’

[...]”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan il-Kodiċi jistabilixxi li:

“1.      Taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 64(2) u bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet adottati fi ħdan il-qafas ta’ l-Artikolu 243(2)(b), kull persuna tista’ taħtar rappreżentant fin-negozjati tagħha ma’ l‑awtoritajiet doganali biex jesegwixxi l-atti u l-formalitajiet stipulati mir-regoli doganali.

2.      Din ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun:

–        diretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’isem u għan‑nom ta’ persuna oħra,

jew

–        indiretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra.

[...]

4.      Rappreżentant għandu jiddikjara li qed jaġixxi f’isem il-persuna li jirrappreżenta, jispeċifika jekk ir-rappreżentanza hix diretta jew indiretta u jkollu l-poter li jaġixxi bħala rappreżentant.

Persuna li tonqos milli tiddikjara li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra jew li tiddikjara li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra mingħajr ma tkun awtorizzata li tagħmel dan għandha titqies li qed taġixxi f’ismha proprju u għan-nom tagħha stess.

[...]”

5        L-Artikolu 12 tal-imsemmi Kodiċi jipprovdi li:

“[...]

2.      Informazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini torbot l-awtoritajiet doganali fuq min ikollu informazzjoni biss dwar it-tariffa ta’ klassifikazzjoni jew deċiżjoni dwar l-oriġini tal‑oġġetti.

Informazzjoni li torbot dwar tariffi jew informazzjoni li torbot dwar oriġini torbot lill-awtoritajiet doganali biss rigward oggetti li tagħhom ġew kompletati l-formalitajiet doganali wara d-data li fiha ġiet mgħoddija l-informazzjoni.

[...]

5.      Informazzjoni li torbot ma tibqax valida:

a)      fil-każ ta’ informazzjoni dwar tariffi:

[...]

iii)      fejn huwa revokat jew emendat skond l-Artikolu 9, basta li r-revoka jew emenda hija notifikata lid-detentur.

[...]

6.      Id-detentur ta’ informazzjoni li torbot li ma tibqax valida in forza tal-paragrafu 5 (a) (i) [(ii)] jew (ii) [(iii)] jew (b) (i) [(ii)]jew (ii) [(iii)] jista’ jibqa’ juża dik l‑informazzjoni għal perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni jew notifika basta jkun ikkonkluda kuntratti li jorbtu għax-xiri jew bejgħ ta’ l‑oġġetti in kwistjoni, a bażi ta’ informazzjoni li torbot qabel ma l-miżura ġiet adottata. Iżda, fil-każ ta’ prodotti li għalihom jingħata ċertifikat ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew fissar minn quddiem meta l‑formalitajiet doganali jitwettqu, il-perjodu ta’ sitt xhur jinbidel bil‑perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat.

[...]”

6        L-Artikolu 64(1) ta’ dan il-Kodiċi jipprovdi li:

“Bla ħsara għall-Artikolu 5, dikjarazzjoni doganali tista’ ssir minn kull persuna li hija kapaċi tippreżenta l-merkanzija konċernata jew tara li tkun preżentata lill-awtorità kompetenti doganali, flimkien mad‑dokumenti kollha li huma meħtieġa li jiġu prodotti għall‑applikazzjoni tar-regoli li jamministraw il-proċedura doganali li fir-rigward tagħha ġiet dikjarata l-merkanzija.”

7        L-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

“1.      Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l‑esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ‛ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika:

[...]

b)      fejn l-ammont ta’ dazju legalment dovut jeċċedi dak stabbilit skond il-bażi ta’ informazzjoni tat-tariffa li torbot;

[...]”

8        L-Artikolu 243 ta’ dan il-Kodiċi jipprovdi kif ġej:

“1.      Kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali, u li tinteressa lilha direttament u individwalment.

Kull persuna li tkun applikat lill-awtoritajiet doganali għal deċiżjoni rigward l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali u ma kisbitx deċiżjoni fuq dik it-talba fil-perjodu li ssir referenza għalih fl-Artikolu 6(2) għandha wkoll tkun intitolata teżerċita d-dritt ta’ appell.

[...]

2.      Id-dritt ta’ appell jista’ jiġi eżerċitat:

a)      inizjalment, quddiem l-awtoritajiet doganali nominati għal dak l‑iskop mill-Istati Membri;

b)      sussegwentement, quddiem korp indipendenti, li jista’ jkun awtorità ġudizzjarja jew korp speċjalizzat ekwivalenti, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri.”

 Ir-Regolament ta’ implementazzjoni

9        L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jippreċiża li:

“Għall-iskop ta’ dan it-Titolu:

1)      informazzjoni li torbot:

tfisser informazzjoni tat-tariffi jew informazzjoni ta’ oriġini li torbot fuq l-amministrazzjoni ta’ l-istati Membri kollha tal-Komunità meta l‑kondizzjonijiet esiġiti fl-Artikoli 6 u 7 jkunu mwettqa.

[...]”

10      L-Artikolu 10(1) u (2)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizju għall-Artikoli 5 u 64 tal-Kodiċi, informazzjoni li torbot tista’ tkun invokata biss mill-okkupant.

2.      (a) Materji ta’ tariffi: l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lill‑okkupant, meta jkun qiegħed jaqdi l-formalitajiet doganali, li jinforma’ l-awtoritajiet doganali li huwa għandu fil-pussess tiegħu informazzjoni tat-tariffa li torbot f’dak li jirrigwarda l-oġġetti li jkunu qegħdin jgħaddu mid-dwana.

[...]”

11      L-Artikolu 11 tal-imsemmi Regolament jipprovdi:

“Informazzjoni tat-tariffa li torbot fornuta mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru sa mill-1 ta’ Jannar 1991 għandha tkun torbot fuq l‑awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kollha bl-istess kondizzjonijiet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Sony Computer Entertainment Europe Ltd. (iktar ’il quddiem “SCEE”), kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, hija responsabbli għall‑kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ u d-distribuzzjoni ta’ tagħmir ta’ logħob, ta’ unitajiet periferali u ta’ softwer madwar l-Unjoni Ewropea. Fost dan it-tagħmir ta’ logħob hemm il-console imsejjħa PlayStation 2 Computer Entertainment System (iktar ’il quddiem il-“PS2”).

13      SCEE u SLE jiffurmaw parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, li fih SLE tipprovdi servizzi ta’ loġistika għall-kumpanniji l-oħra tal-grupp. Fl-1 ta’ April 1997, SCEE u SLE kkonkludew ftehim li jistipula li SLE għandha tgħin lil SCEE fl-importazzjoni u l-ħażna ta’ stokk Ewropej ta’ tagħmir ta’ logħob inkluż il-PS2. SLE hija inkarigata li tipprepara d-dikjarazzjonijiet doganali għall-imsemmi tagħmir ta’ logħob.

14      Bejn ix-xahar ta’ Novembru tas-sena 2000 u x-xahar ta’ Mejju tas-sena 2001, SLE importat xi PS2 mill-Pajjiżi l-Baxxi u għamlet għal SCEE, iżda f’isimha proprju u għaliha nnifisha, dikjarazzjonijiet doganali għal din il-merkanzija. Hija indikat li l-PS2 kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura tariffarja 9504 10 00 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 02, Vol. 02, p. 382, iktar ’il quddiem in‑“NM”), fl‑ifformular tagħha li jirriżulta mir-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2204/1999, tat-12 ta’ Ottubru 1999 (ĠU L 278, p. 1), għal dak li jikkonċerna l‑importazzjonijiet magħmulin matul is-sena 2000 u tar‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2263/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L. 264, p. 1), għal dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet li saru matul is‑sena 2001. Is-subintestatura tariffarja 9504 10 00 tinvolvi l-ħlas tad-dazji doganali b’rata ta’ 2.2 % matul is-sena 2000 u b’rata ta’ 1.7 % matul is-sena 2001. L-awtoritajiet doganali Olandiżi talbu lil SLE l-ħlas ta’ dazji doganali korrispondenti għal dawn ir-rati.

15      Għalhekk SLE ppreżentatat rikors kontra din it-talba li jsostni li l-PS2 fir-realtà kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura tariffarja 8471 49 90 tan-NM. Hemm lok li jiġi ċċarat li l-merkanzija f’din is‑subintestatura hija eżenti mid-dazji doganali.

16      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, SLE tibbaża ruħha fuq kawża bejn SCEE u l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit. Fil-fatt, fid-19 ta’ Ottubru 2000, dawn ħarġu lil SCEE informazzjoni tariffarja li torbot (iktar ’il quddiem l-“ITT”) fir-rigward tal-PS2 u fejn ikklassifikatha fis‑subintestatura 9504 10 00 tan-NM.

17      Għalhekk SCEE kienet ippreżentat rikors quddiem il-qrati tar-Renju Unit biex tikkontesta din il-klassifikazzjoni. Wara din il-proċedura, l‑awtoritajiet doganali tar‑Renju Unit, fit-12 ta’ Ġunju 2001, ħarġu lil SCEE “ITT” emendata u kklassifikaw il-PS2 fis‑subintestatura 8471 49 90 tan-NM, b’effett mid-19 ta’ Ottubru 2000.

18      Quddiem l-awtoritajiet doganali Olandiżi, SLE invokat l-ITT emendata maħruġa lil SCEE.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007, il-Gerechtshof te Amsterdam ikkunsidrat li SLE setgħet tinvoka, quddiem l-awtoritajiet doganali Olandiżi, l-ITT emendata maħruġa lil SCEE mill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit, anki għad-dikjarazzjonijiet doganali li saru bejn id‑19 ta’ Ottubru 2000 u t-12 ta’ Ġunju 2001. Din il-qorti, għalhekk, iddeċidiet li l‑PS2 kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8471 49 90 tan-NM.

20      Is-Staatssecretaris van Financiën ippreżenta appell fil-kassazzjoni mid-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007, quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.

21      Din il-qorti għandha dubji dwar il-valur tal-ITT emendata bejn 19 ta’ Ottubru 2000 u t-12 ta’ Ġunju 2001, dwar il-possibbiltà ta’ SLE li tinvoka din l-ITT u dwar l-aspettattivi leġittimi li l-importatur seta’ jnissel fuq il-fatt li l-awtoritajiet doganali Olandiżi kellhom, skont ir-regoli tagħhom stess, jieħdu inkunsiderazzjoni ITT ikkonsenjata lil terz għal merkanzija identika.

22      B’konsegwenza ta’ dan, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dritt Komunitarju u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 12(2) u (5), u 217(1) tal-Kodiċi Doganali [...], kif ukoll l‑Artikolu 11 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tiegħu [...], flimkien mal-Artikolu 243 tal-Kodiċi, [doganali] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar dazji doganali imposti, parti kkonċernata tista’ tikkontesta din l-impożizzjoni billi tippreżenta informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa għall-istess merkanzija fi Stat Membru ieħor li, f’dak iż-żmien, kienet għadha s-suġġett ta’ kontestazzjoni iżda eventwalment ġiet emendata?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, id‑dikjarant li jaġixxi f’ismu proprju u għalih stess jista’, meta jistabbilixxi d-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, jinvoka, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, informazzjoni tariffarja li torbot li ma tkunx inħarġet lilu stess iżda lil kumpannija assoċjata miegħu li fuq talba tagħha huwa jkun għamel id-dikjarazzjonijiet doganali?

3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, id-dritt Komunitarju jipprekludi li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna kkonċernata tinvoka deċiżjoni ta’ politika nazzjonali li fiha l-awtoritajiet nazzjonali joħolqu aspettattiva leġittima fir-rigward tal-possibbiltà li, sabiex issir il‑klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija ddikjarata, isir riferiment għal informazzjoni tariffarja maħruġa minn terzi fir‑rigward tal‑istess merkanzija?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

23      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi indirizzata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-Kodiċi Doganali u r‑Regolament ta’ implementazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-dikjarant, li jistabbilixxi dikjarazzjonijiet doganali f’ismu proprju u għalih innifsu, jistax jinvoka ITT li d-detentur tagħha ma jkunx huwa stess, iżda kumpannija li huwa konness magħha u li ntalab minnha jagħmel tali dikjarazzjonijiet.

24      Għandu jitfakkar b’mod preliminari li ITT hija maħsuba biex tagħti lill-operatur ekonomiku ċertezza legali fejn hemm dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ merkanzija fin-nomenklatura doganali eżistenti (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010 Schenker, C‑199/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16), u b’hekk tipproteġieh fil-konfront ta’ kull emenda sussegwenti tal-pożizzjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija (ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 1998, Lopex Export, C‑315/96, Ġabra p. I‑317, punt 28).

25      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament tal-implementazzjoni meta moqrija flimkien, jirriżulta li ITT tista’ tiġi invokata biss mid-detentur tagħha fil-konfront tal‑awtoritajiet doganali li jkunu ħarġuha u fil-konfront ta’ dawk ta’ Stati Membri oħrajn.

26      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ITT toħloq biss drittijiet għad-detentur tagħha (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Trasports, C‑495/03, Ġabra p. I‑8151, punt 27).

27      Madankollu, l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi li d-dritt li tinvoka ITT huwa rriżervat lid-detentur tagħha, bla ħsara għall-Artikoli 5 u 64 tal-Kodiċi Doganali. Dawn l-artikoli tal-aħħar jirregolaw id-dikjarazzjoni doganali meta din issir minn persuna oħra li ma hijiex l-importatriċi. Minn dan isegwi li r-regola li l-ITT tista’ tkun invokata biss mid-detentur tagħha ma tipprekludix lil dan tal-aħħar milli jagħmel dikjarazzjoni doganali permezz ta’ terz.

28      L-Artikolu 64 tal-Kodiċi Doganali, minn naħa tiegħu, sempliċement jindika li d-dikjarazzjoni doganali bil-miktub tista’ ssir minn kull persuna li tkun f’pożizzjoni li tissottometti jew tippreżenta l-merkanzija lill-awtoritajiet doganali u d-dokumenti li jakkumpanjawha, salv għad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-istess Kodiċi.

29      L-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi r-regoli fir-rigward tar-rappreżentanza għand l-awtoritajiet doganali biex jiġu eżegwiti l-atti u l‑formalitajiet stipulati mil-leġiżlazzjoni doganali. L-ITT miksuba mir‑rappreżentant tista’ sussegwentement tiġi invokata mill-operatur li f’ismu r-rappreżentant ikun aġixxa. Bl-istess mod, ir-rappreżentant, li jaġixxi f’isem id-detentur tal-ITT jista’ jinvoka din fil-konfront tal‑awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra barra dak li jkun ħariġha.

30      Il-Kodiċi Doganali jirregola, b’mod komprensiv, id-dritt ta’ rappreżentanza fid-dwana. L-Artikolu 5(2) ta’ dan il-Kodiċi jippreċiża li din tal-aħħar tista’ tkun diretta jew indiretta. Meta r-rappreżentanza hija diretta, ir‑rappreżentant jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra. Meta tkun indiretta, jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ ħaddieħor. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li fit‑territorju tagħhom, ir‑rappreżentant għandu jkun aġent doganali.

31      Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4), tal-imsemmi Kodiċi jippreċiża li persuna li ma tiddikjarax li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra jew xi ħadd li ma għandu l-ebda setgħa ta’ rappreżentanza jiġi meqjus li qed jaġixxi f’ismu proprju u għalih innifsu. Minn dan jirriżulta li r-rappreżentanza għandha tkun espliċita u mhux preżunta.

32      Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja minn SLE jirriżulta li din tal-aħħar importat il‑PS2 f’isimha proprju u għaliha nnifisha minħabba l-fatt li fiż-żmien ta’ din l-importazzjoni, jiġifieri bejn ix-xahar ta’ Novembru tas-sena 2000 u x-xahar ta’ Mejju tas-sena 2001, ir-Renju tal-Olanda kien jawtorizza biss ir-rappreżentanza fid-dwana mill-aġenti doganali.

33      Minn dan isegwi li peress li SLE ma aġixxietx bħala rappreżentanta ta’ SCEE, hija ma setgħetx tinvoka, fil-konfront tal-awtoritajiet doganali Olandiżi, ITT li SCEE hija d-detentriċi tagħha.

34      F’dan ir-rigward, il-fatt li SCEE u SLE kienu jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpaniji jew li t-tieni waħda kienet ir-rappreżentanta fiskali tal-ewwel waħda fil‑Pajjiżi l-Baxxi, ma tatx lil SLE il-kwalità tar-rappreżentanta, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali.

35      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(2) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament ta’ implementazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li, d-dikjarant li jistabbilixxi dikjarazzjonijiet doganali f’ismu proprju u għalih innifsu, ma jista’ jinvoka ITT li d‑detentur tagħha ma jkunx huwa stess, iżda kumpannija li huwa konness magħha u li ntalab minnha jagħmel tali dikjarazzjonijiet.

 Fuq l-ewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal‑Ġustizzja jekk l‑Artikoli 12(2) u 5, u 217(1), tal-Kodiċi Doganali kif ukoll l‑Artikolu 11 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, moqrija flimkien mal‑Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li fil-kuntest ta’ kawża relatata mal-ġbir ta’ dazji doganali, parti kkonċernata tista’ tikkontesta dan il-ġbir billi tippreżenta ITT maħruġa, għall-istess merkanzija, fi Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra dan, jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni din l-ITT, minkejja li, fiż-żmien tal-importazzjoni, il-validità tagħha kienet ikkontestata u li fl-aħħar nett ġiet emendata biss wara din l-importazzjoni.

37      Skont l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, kull persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali, u li tikkonċerna lilha direttament u individwalment. Mill-Artikolu 4(5) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li ITT hija deċiżjoni fis-sens tal‑imsemmi Artikolu 243.

38      Il-kawża prinċipali hija dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija u l-ħlas sussegwenti ta’ dazji doganali. Insostenn tal-pretensjonijiet tagħha, SLE tinvoka ITT maħruġa mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru ieħor lil SCEE. Jidher, għalhekk, li din il‑kawża tista’ tiġi analizzata sew bħala rikors taħt l-Artikolu 243 tal‑Kodiċi Doganali.

39      Kif jirriżulta mill-punti 33 u 35 ta’ din is-sentenza, persuna ma tistax tinvoka ITT li hija ma tkunx id-detentriċi tagħha, sakemm din il‑persuna ma tkunx qed taġixxi bħala rappreżentanta.

40      Skont l-Artikolu 12(2), tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 11 tar‑Regolament tal-implementazzjoni, ITT ma torbotx lill-awtoritajiet doganali ħlief meta tiġi invokata mid-detentur tagħha jew mir‑rappreżentant tiegħu. Barra minn dan il-każ, il-qorti adita skont l‑Artikolu 243(2) tal-Kodiċi Doganali u li quddiemha ġiet ippreżentata ITT ma tistax tagħti lil din tal-aħħar l-effetti legali relatati.

41      Madankollu, ITT tista’ tiġi invokata bħala prova minn persuna oħra li ma tkunx id-detentur tagħha. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il‑kunċett ta’ prova, kull mezz ta’ prova li d-drittijiet proċedurali tal-Istati Membri jaċċettaw fi proċeduri simili għal dawk previsti fl‑Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali huma, fil-prinċipju, ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C‑310/98 u C‑406/98,Ġabra p. I‑1797, punt 29).

42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru ieħor ħarġu ITT, lil terzi f’kawża quddiem qorti nazzjonali fejn id-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għal appell taħt il-liġi nazzjonali, għal merkanzija speċifika, li tidher tagħti interpretazzjoni differenti lill-intestaturi tan-NM minn dik li l‑imsemmija qorti tqis li trid tintlaqa’ fir-rigward ta’ prodott simili inkwistjoni fl‑imsemmija kawża, trid, bla dubju, tinkoraġġixxi lil din il-qorti biex tkun partikolarment attenta fl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ nuqqas eventwali ta’ dubju raġonevoli rigward l-implementazzjoni korretta tan-NM (ara s-sentenza, Intermodal Transports, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

43      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li ITT maħruġa lil terz tista’ tiġi kkunsidrata bħala prova minn qorti li quddiemha jkun hemm kawża dwar klassifikazzjoni doganali ta’ merkanzija u dwar il-ħlas sussegwenti tad-dazji doganali.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 12(2) u (5), u 217(1), tal-Kodiċi Doganali kif ukoll l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża relatata mal-ġbir ta’ dazji doganali, parti kkonċernata tista’ tikkontesta dan il-ġbir billi tippreżenta bħala prova, ITT maħruġa għall‑istess merkanzija fi Stat Membru ieħor mingħajr ma din l-ITT tkun tista’ tipproduċi l-effett legali relatati. Hija madankollu l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk ir-regoli proċedurali rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jipprovdux il‑possibbiltà tal-produzzjoni ta’ tali mezzi ta’ prova.

 Fuq it-tielet domanda

45      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Kodiċi Doganali u r-Regolament ta’ implementazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni nazzjonali li tirrikonoxxi l-possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali li, għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija ddikjarata, jirreferu għal ITT maħruġa lil terz għal din l-istess merkanzija, setgħet toħloq, fi ħdan l-importaturi, aspettativi leġittimi li jkunu jistgħu jinvokaw din id‑deċiżjoni .

46      Għandu jiġi ppreċiżat li, skont id-deċiżjoni ta’ rinviju, fiż-żmien tal-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-manwal tad-dwana Olandiża kien jipprevedi li “hija biss il-persuna intitolata li tista’ tinvoka ITT [u li] fi kwalunkwe każ, huwa meħtieġ li l-merkanzija ppreżentata tikkorrispondi, minn kull persepttiva, għad-deskrizzjoni tal-merkanzija fl-ITT. Jekk importatur jirreferi għal ITT li hija fis-seħħ u li huwa mhux intitolat għaliha, iżda jagħmel dikjarazzjoni eżattament dwar l-istess merkanzija bħal dik deskritta fl-ITT, il-klassifikazzjoni għandha madanakollu tikkorrispondi għal dik li ngħatat fl-ITT”.

47      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju tal‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ att leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni, u l-imġiba ta’ awtorità nazzjonali inkarigata mill-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tmur kontra dan tal-aħħar, ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan l-operatur ekonomiku sabiex jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Krücken, 316/86, Ġabra p. 2213, punt 24; tal-1 ta’ April 1993, Lageder et, C‑31/91 sa C‑44/91, Ġabra p. I‑1761, punt 35, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2006, Emsland‑Stärke, C‑94/05, Ġabra p. I‑2619, point 31).

48      L-Artikolu 12 tal-Kodiċi Doganali jirregola l‑kundizzjonijiet preċiżi tal-ħruġ, il-valur legali kif ukoll it-tul tal-validità tal-ITT. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jiddikjara b’mod ċar li l-ITT tista’ tiġi invokata biss mid-detentur jew ir-rappreżentant li jaġixxi għan-nom ta’ dan id-detentur.

49      Jidher li l-awtoritajiet doganali Olandiżi inkarigati mill‑implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jagħtu lill-ITT l-istess valur legali kemm jekk hija invokata minn parti terza kif ukoll jekk mid-detentur tagħha. Għalhekk, l-imsemmija awtoritajiet, billi applikaw il-manwal tad‑dwana, kellhom imġiba li marret kontra d-dritt tal-Unjoni u din l‑imġiba ma setgħetx toħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan l-operaturi ekonomiċi.

50      Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l‑Artikoli 12 tal-Kodiċi Doganali u 10(1), tar-Regolament ta’ implementazzjoni għandhom jiġi interpretati fis-sens li deċiżjoni nazzjonali li tirrikonoxxi l‑possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali li, għall‑klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija ddikjarata, jirreferu għal ITT maħruġa lil terz għal din l-istess merkanzija, ma setgħetx toħloq, fi ħdan l‑importaturi, aspettattivi leġittimi li jkunu jistgħu jinvokaw din id‑deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, kif ukoll l‑Artikoli 10 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d‑dispożizzjonijiet għall‑implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 12/97, tat-18 Diċembru 1996, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dikjarant, li jistabbilixxi dikjarazzjonijiet doganali f’ismu proprju u għalih innifsu, ma jistax jinvoka l-informazzjoni tariffarja li torbot li d‑detentur tagħha ma jkunx huwa stess, iżda kumpannija li huwa konness magħha u li ntalab minnha jagħmel tali dikjarazzjonijiet.

2)      L-Artikoli 12(2) u (5), u 217(1) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97 kif ukoll l-Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 12/97, moqrija flimkien mal-Artikolu 243 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża relatata mal‑ġbir ta’ dazji doganali, il-parti kkonċernata tista’ tikkontesta dan il‑ġbir billi tippreżenta bħala prova informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa għall-istess merkanzija fi Stat Membru ieħor mingħajr ma din l-informazzjoni tariffarja li torbot tkun tista’ tipproduċi l-effetti legali relatati. Hija madankollu l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk ir‑regoli proċedurali rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jipprovdux il-possibbiltà tal-produzzjoni ta’ tali mezzi ta’ prova.

3)      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir‑Regolament Nru 82/97 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 12/97 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni nazzjonali li tirrikonoxxi l-possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali li, għall‑klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija ddikjarata, jirreferu għal informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa lil terz għal din l-istess merkanzija, ma setgħetx toħloq, fi ħdan l‑importaturi, aspettattivi leġittimi li jkunu jistgħu jinvokaw din id‑deċiżjoni

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.