Kawża C-108/10

Ivana Scattolon

vs

Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Venezia)

“Politika soċjali — Direttiva 77/187/KEE — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi — Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘trasferiment’ — Ċedent u ċessjonarju taħt id-dritt pubbliku — Applikazzjoni, sa mid-data tat-trasferiment, tal-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċessjonarju — Salarju — Teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fi grad miksuba miċ-ċedent”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trasferimenti ta’ impriżi — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — Direttiva 77/187 — Kamp ta’ applikazzjoni — Teħid lura minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru tal-persunal impjegat minn awtorità pubblika oħra u inkarigat mill-provvista ta’ servizzi awżiljarji lil skejjel

(Direttiva tal-Kunsill 77/187)

2.        Politika soċjali — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trasferiment ta’ impriżi — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — Direttiva 77/187 — Applikazzjoni immedjata għall-ħaddiema ttrasferiti tal-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċessjonarju — Projbizzjoni ta’ tnaqqis fis-salarju — Portata

(Direttiva tal-Kunsill 77/184, Artikolu 3)

1.        It-teħid lura, minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, tal-persunal impjegat minn awtorità pubblika oħra u inkarigata mill-provvista, lil skejjel, ta’ servizzi awżiljarji li jinkludu b’mod partikolari funzjonijiet ta’ manutenzjoni u ta’ assistenza amministrattiva, jikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża li jaqa’ taħt id-Direttiva tal-Kunsill 77/187, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji, ladarba l-imsemmi persunal ikun ikkostitwit minn grupp organizzat ta’ impjegati li huma protetti bħala ħaddiema skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li r-riorganizzazzjoni ta’ strutturi tal-amministrazzjoni pubblika u t-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn amministrazzjonijiet pubbliċi huma esklużi permezz tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187 fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva 98/50, kif ukoll permezz tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187, xorta jibqa’ l-fatt li l-portata ta’ dawn l-espressjonijiet hija limitata għall-każijiet li fihom it-trasferiment jikkonċerna attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Li kieku interpretazzjoni oħra kellha tiġi aċċettata, kull trasferiment impost fuq tali ħaddiema jista’ jiġi suġġett, mill-awtorità pubblika kkonċernata, għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 billi jiġi invokat is-sempliċi fatt li t-trasferiment jagħmel parti minn riorganizzazzjoni ta’ persunal.

L-applikazzjoni tar-regoli msemmija mid-Direttiva 77/187 f’dawn is-sitwazzjonijiet ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw mill-ġdid l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom. L-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għandha bħala sempliċi effett li tipprekludi li ħaddiema, minħabba s-sempliċi fatt tat-trasferiment, jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik li jinsabu fiha qabel it-trasferiment. B’hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/187, din ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li l-persuna li timpjega tkun tista’ timmodifika relazzjonijiet ta’ xogħol f’sens sfavorevoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. Hija tipprojbixxi, biss, li tali modifiki jseħħu meta jseħħ u minħabba t-trasferiment.

(ara l-punti 54, 58-59, 66 u d-dispożittiv 1)

2.        Meta trasferiment fis-sens tad-Direttiva 77/187, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji, iwassal għall-applikazzjoni immedjata, għall-ħaddiema ttrasferiti, tal-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan iċ-ċessjonarju, u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni previsti minn dan il-ftehim ikunu marbuta b’mod partikolari mal-anzjanità fi grad, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprekludi li l-ħaddiema ttrasferiti jbatu, meta titqabbel is-sitwazzjoni immedjatament preċedenti għat-trasferiment tagħhom, minn tnaqqis fis-salarju sostanzjali minħabba l-fatt li l-anzjanità fi grad tagħhom miksuba maċ-ċedent, ekwivalenti għal dik miksuba minn ħaddiema maċ-ċessjonarju, ma tittiħidtx inkunsiderazzjoni meta tiġi ddeterminata l-pożizzjoni inizjali tas-salarju tagħhom miċ-ċessjonarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk kienx hemm tali tnaqqis fis-salarju meta seħħ tali trasferiment.

Għalkemm, ċertament, ir-regola prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(2), għandha tinftiehem fis-sens li huwa permess liċ-ċessjonarju li japplika, sa mid-data tat-trasferiment, il-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdanu, inklużi dawk relatati mar-remunerazzjoni, u għaldaqstant tħalli marġni ta’ manuvrar li jippermetti liċ-ċessjonarju u lill-partijiet l-oħra kontraenti jbiddlu s-salarju tal-ħaddiema ttrasferiti b’tali mod li dan jiġi debitament adattat għaċ-ċirkustanzi tat-trasferiment inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-metodi magħżula għandhom ikunu konformi mal-għan tal-imsemmija direttiva li jiġi evitat li l-ħaddiema jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli sempliċiment minħabba dan it-trasferiment. Għaldaqstant l-implementazzjoni ta’ din il-fakultà miċ-ċessjonarju ma jistax ikollha bħala għan jew bħala effett li timponi lill-imsemmija ħaddiema kundizzjonijiet globalment inqas favorevoli minn dawk applikabbli qabel it-trasferiment. Li kieku kien mod ieħor, it-twettiq tal-għan tad-Direttiva 77/187 jista’ faċilment jitqiegħed inkwistjoni f’kull settur irregolat minn ftehim kollettivi, liema ċirkustanza tippreġudika l-effettività tagħha.

Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tistax tiġi utilment invokata sabiex jinkiseb titjib tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni jew kundizzjonijiet oħra ta’ xogħol fl-okkażjoni ta’ trasferiment ta’ impriża. Barra minn hekk, din id-direttiva ma tipprekludix li jkun hemm differenzi fis-salarju bejn il-ħaddiema ttrasferiti u dawk li diġà kienu, fil-mument tat-trasferiment, impjegati maċ-ċessjonarju. Għalkemm strumenti u prinċipji oħra tad-dritt jistgħu jirriżultaw rilevanti sabiex tiġi eżaminata l-legalità ta’ tali differenzi, l-imsemmija direttiva hija intiża biss sabiex tevita li ħaddiema jitqiegħdu f’pożizzjoni sfavorevoli pparagunata ma’ dik li minnha kienu jibbenefikaw preċedentement.

(ara l-punti 74-77, 83 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Settembru 2011 (*)

“Politika soċjali – Direttiva 77/187/KEE – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘trasferiment’ – Ċedent u ċessjonarju taħt id-dritt pubbliku – Applikazzjoni, sa mid-data tat-trasferiment, tal-ftehim kollettiv fis-seħħ maċ-ċessjonarju – Salarju – Teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fi grad miksuba miċ-ċedent”

Fil-Kawża C‑108/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Venezia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Ivana Scattolon

vs

Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, J.‑J. Kasel u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal I. Scattolon, minn N. Zampieri, A. Campesan u V. De Michele, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji (ĠU L 61, p. 26), tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati [ħaddiema] fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 98), kif ukoll ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Scattolon u l-Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca (Ministeru tal-Istruzzjoni, l-Università u r-Riċerka) fir-rigward tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, meta seħħ it-trasferiment ta’ I. Scattolon fi ħdan il-Ministero, tal-anzjanità fi grad miksuba fis-servizz mal-muniċipalità ta’ Scorzè, li oriġinarjament kienet timpjegaha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187 kien jipprovdi fil-verżjoni inizjali tiegħu:

“Din id-Direttiva hija applikabbli għat-trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew parti minn negozji lil prinċipal ieħor bħala riżultat ta’ trasferiment bi ftehim jew għaqda legali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “ċedent” ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, minħabba trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva, ma tibqax il-prinċipal, filwaqt li “ċessjonarju” jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, minħabba tali trasferiment, issir il-prinċipal.

5        L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 77/187 kien jipprovdi:

“1.      Id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċedent minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg, eżistenti fid-data tat-trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1), għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju.

[…]

2.      Wara t-trasferiment skont l-Artikolu 1(1), iċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma fi ftehim kollettiv bl-istess mod kif dan il-ftehim kollettiv ikun stipulahom fis-servizz taċ-ċedent, sa meta l-ftehim kollettiv jiġi tterminat jew jiskadi jew sa meta jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg sakemm dan ma jkunx inqas minn sena.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/187 kien jipprovdi:

“1.      It-trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn negozju ma jagħtix minnu nnifsu lok għal tkeċċija miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jimplikaw bidliet mill-perspettiva ta’ impjieg.

[…]

2.      Jekk il-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni tal-impjieg jintemmu minħabba l-fatt li t-trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1) jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg għad-detriment tal-ħaddiem, il-persuna li timpjega għandha titqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ impjieg jew tar-relazzjoni ta’ impjieg.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998, li temenda d-Direttiva 77/187/KE (ĠU L 201, p. 88), li t-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha kien jiskadi fis-17 ta’ Lulju 2001, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva kien jipprovdi li ġej:

“a)      Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

b)      Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.

ċ)      Din id-Direttiva għandha tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu għall-qligħ kemm jekk le. Ir-riorganizzazzjoni amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, ma hijiex trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Id-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva 98/50, ġiet imħassra bid-Direttiva 2001/23 għal raġunijiet ta’ kodifikazzjoni.

9        Il-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/23 jikkorrispondu għal dak tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva 98/50. Id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “cedent” u ta’ “ċessjonarju” li jinsabu fid-Direttiva 2001/23 huma essenzjalment identiċi għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/187.

10      Fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, is-subparagrafi 1 u 3 jikkorrispondu, essenzjalment, għas-subparagrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/187. Fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23, dan jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/187.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 L-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili Taljan

11      Fl-Italja, l-implementazzjoni tad-Direttiva 77/187 u, sussegwentement, tad-Direttiva 2001/23 hija żgurata, b’mod partikolari, bl-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili li jipprovdi li: “[f]il-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, ir-relazzjoni ta’ impjieg tkompli maċ-ċessjonarju u l-ħaddiem għandu jżomm id-drittijiet kollha li jirriżultaw minn dik ir-relazzjoni. [...] Iċ-ċessjonarju għandu japplika [...] il-ftehim kollettivi […] li kienu fis-seħħ fid-data tat-trasferiment, u dan sakemm jiskadu, kemm-il darba dawn ma jiġux issostitwiti minn ftehim kollettivi oħra li japplikaw għan-negozju taċ-ċessjonarju”.

 L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99 u d-digrieti leġiżlattivi li jimplementawh

12      Sal-1999, is-servizzi ta’ assistenza fl-iskejjel pubbliċi Taljani li kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, fit-tindif u l-manutenzjoni tal-bini kif ukoll fl-assistenza amministrattiva, kienu żgurati parzjalment mill-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju (ATA) tal-Istat u parzjalment mill-awtoritajiet lokali, bħall-muniċipalitajiet. L-awtoritajiet lokali żguraw dawn is-servizzi kemm permezz tal-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju (iktar ’il quddiem il-“persunal ATA tal-awtoritajiet lokali”) tagħhom, u kemm bil-konklużjoni ta’ kuntratti ma’ impriżi privati.

13      Il-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali kien remunerat abbażi tal-kundizzjonijiet previsti mill-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol – settur tar-reġjuni u tal-awtonomiji lokali (Contratto collettivo Nazionale di Lavoro – Regioni Autonomie Locali, iktar ’il quddiem il-“CCNL tal-persunal tal-awtoritijiet lokali”). Min-naħa l-oħra, il-persunal ATA tal-Istat impjegat fl-iskejjel pubbliċi kien remunerat abbażi tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol tas-settur tal-iskola (Contratto collettivo Nazionale di Lavoro della Scuola, iktar ’il quddiem il-“CCNL tal-iskola”).

14      Il-Liġi Nru 124 li tadotta dispożizzjonijiet ta’ emerġenza għall-persunal fl-iskejjel (legge n. 124 disposizioni urgenti in materia di personale scolastico), tat-3 ta’ Mejju 1999 (GURI Nru 107, tal-10 ta’ Mejju 1999, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 124/99”), ipprovdiet għat-trasferiment, mill-1 ta’ Jannar 2000, fil-listi tal-persunal ATA tal-Istat, tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali impjegat fl-iskejjel pubbliċi.

15      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8 (1) u (2) tal-Liġi Nru 124/99 jipprovdi:

“1.      Il-persunal ATA tal-istituzzjonijiet u tal-iskejjel tal-Istat […] jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat. Id-dispożizzjonijiet li jipprovdu li dan il-persunal jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-muniċipalitajiet u l-provinċji huma rrevokati.

2.      Il-persunal imsemmi fis-subparagrafu 1, impjegat mill-awtoritajiet lokali u kkollokat mal-iskejjel tal-Istat fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi huwa ttrasferit fil-listi tal-persunal ATA tal-Istat, u huwa inkorporat fil-kwalifiki professjonali u l-profili professjonali korrispondenti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet speċifiċi għal dawn il-profili. Il-membri tal-persunal li l-kwalifiki u l-profili tagħhom ma humiex korrisposti fil-qafas tal-persunal ATA tal-Istat jistgħu jagħżlu l-awtorità lokali ta’ oriġini tagħhom fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Tiġi rikonoxxuta l-anzjanità fi grad ta’ dan il-persunal mill-aspett ġuridiku u ekonomiku miksuba minnu mingħand l-awtorità lokali ta’ oriġini, kif ukoll id-dritt li jżomm il-post tal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, bħala l-ewwel għażla, jekk il-pożizzjoni hija disponibbli.”

16      Il-Liġi Nru 124/99 ġiet implementata permezz tad-Digriet dwar it-trasferiment tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali lill-Istat fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99, (decreto trasferimento del personale ATA dagli enti locali allo Stato, ai sensi dell’art. 8 della legge 3 maggio 1999, n. 124), tat-23 ta’ Lulju 1999 (GURI Nru 16, tal-21 ta’ Jannar 2000, p. 28, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Lulju 1999”). L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“[…]

Digriet [...] għandu jistabbilixxi l-kriterji għall-inklużjoni, fis-settur tal-iskola, maħsuba sabiex jikkonverġu t-trattament tal-persunal inkwistjoni ma’ dak ta’ dan is-settur, b’riferiment għar-remunerazzjoni, għall-elementi tal-benefiċċji sussidjarji u għar-rikonoxximent, mill-aspett ġuridiku u ekonomiku, kif ukoll l-effett fuq l-ippjanar, tal-anzjanità fi grad miksuba mingħand l-awtoritajiet lokali, wara l-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv li għandu jiġi nnegozjat [...] bejn l-[Agenzia per la Rappresentanza negoziale delle pubbliche Amministrazione (Aġenzija li tirrapreżenta l-amministrazzjoni pubblika fin-negozjati), iktar ’il quddiem l-“ARAN”] u t-trade unions […].”

17      L-Artikolu 9 tad-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Lulju 1999 jipprovdi:

“L-Istat għandu jissuċċedi, b’effett mill-24 ta’ Mejju 1999 lill-awtoritajiet lokali fil-kuntratti li jkunu kkonkludew, eventwalment estiżi sussegwentement, fir-rigward tal-parti li tiżgura l-funzjonijiet ATA għall-benefiċċju tal-iskejjel tal-Istat, minflok l-ingaġġ ta’ impjegati. [...] Bla ħsara għat-tkomplija tal-attivitajiet tat-terzi ngaġġati [...] skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli, l-Istat għandu jissuċċedi fil-kuntratti konklużi mill-awtoritajiet lokali mal-impriżi [...] għal dawk il-funzjonijiet ATA li l-liġi timponi li l-awtoritajiet lokali għandhom iwettqu minflok l-Istat. […]”

18      Il-ftehim bejn l-ARAN u t-trade unions previst fl-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Lulju 1999 kien iffirmat fl-20 ta’ Lulju 2000 u approvat bid-Digriet Ministerjali li japprova l-ftehim tal-20 ta’ Lulju 2000 bejn l-ARAN u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet u konfederazzjonijiet ta’ trade unions, li jikkonċerna l-kriterji għall-kollokament tal-persunal preċedentement impjegat mal-awtoritajiet lokali ttrasferit mas-settur tal-iskola (decreto recepimento dell’accordo ARAN – Rappresentanti delle organizzazioni e confederazioni sindacali in data 20 luglio 2000, sui criteri di inquadramento del personale già dipendente degli enti locali e transitato nel comparto scuola), tal-5 ta’ April 2001 (GURI Nru 162, tal-14 ta’ Lulju 2001, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tal-5 ta’ April 2001”).

19      Dan il-ftehim jipprovdi:

“Artikolu 1 – Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Ftehim għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2000 għall-persunal impjegat ma’ awtoritajiet lokali ttrasferit fis-settur ‘Skola’ skont l-Artikolu 8 tal-[Liġi Nru 124/99] u [...] tad-Digriet Ministerjali [...] tat-23 ta’ Lulju 1999 [...].

Artikolu 2 – L-arranġamenti kuntrattwali

1.      Mill-1 ta’ Jannar 2000, il-[CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali] ma jibqax japplika għall-persunal kopert minn dan il-ftehim [...]; b’effett mill-istess data, dan il-persunal jaqa’ taħt il-[CCNL tal-iskola], inkluż fir-rigward tal-elementi kollha relatati mas-salarju sussidjarju, ħlief kif ipprovdut xort’oħra fl-artikoli li ġejjin.

[…]

Artikolu 3 – Klassifikazzjoni u remunerazzjoni

1.      Il-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim huma kklassifikati, fuq l-iskala tar-remunerazzjoni, fil-livell tal-pagi li jikkorrispondi għall-kwalifiki professjonali tas-settur tal-iskola, [...] skont kif ġej. Dawn il-ħaddiema jingħataw [...] il-livell tas-salarju f’ammont ugwali għal, jew immedjatament inferjuri għas-salarju annwali li kien dovut lilhom fil-31 ta’ Diċembru 1999, li jikkonsisti fis-salarju u fir-remunerazzjoni individwali marbuta mal-anzjanità fi grad kif ukoll, għal dawk li jibbenefikaw minnhom, [l-allowances mill-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali]. Kwalunkwe differenza bejn l-ammont ta’ remunerazzjoni dovuta skont il-klassifikazzjoni u s-salarju li l-ħaddiem kien qed jirċievi fil-31 ta’ Diċembru 1999, kif indikat iktar ’il fuq, jitħallas lilu individwalment u jipproduċi l-effetti tiegħu, biż-żmien, sabiex huwa jgħaddi għal-livell ta’ remunerazzjoni sussegwenti. Il-persunal kopert b’dan il-Ftehim għandu jirċievi l-allowance addizzjonali speċjali fl-ammont applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 1999 skont liema huwa l-ogħla minn fost dak mogħti lil kwalifika korrispondenti fis-settur tal-iskola. […].

[…]

Artikolu 9 – Remunerazzjoni bażika u salarju sussidjarju

1.      Mill-1 ta’ Jannar 2000, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ natura pekunjarja tal-[CCNL tal-iskola] għandhom japplikaw għall-persunal kopert b’dan il-ftehim, kif previst mill-imsemmi CCNL.

2.      Mill-1 ta’ Jannar 2000, il-persunal kopert b’dan il-ftehim għandu jingħata, fuq bażi provviżorja, ir-remunerazzjoni sussidjarja individwali skont l-ammont gross fit-tabella [...] annessa mal-[CCNL tal-iskola]. […]

[…]”

20      Din il-leġiżlazzjoni tat lok għal diversi azzjonijiet ġudizzjarji mressqa minn membri tal-persunal ATA ttrasferit, li talbu rikonoxximent sħiħ tal-anzjanità fi grad tagħhom miksuba mingħand awtoritajiet lokali. Huma sostnew, f’dan ir-rigward, li l-kriterji adottati fil-kuntest tal-ftehim approvat bid-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ April 2001 kellhom bħala effett li huma kienu, sa mill-kollokament tagħhom fil-persunal ATA tal-Istat, ikklassifikati u remunerati bl-istess mod bħall-membri tal-persunal ATA tal-Istat li kellhom inqas anzjanità fi grad. Skont l-argument tagħhom, l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99 jimponi ż-żamma, għal kull membru tal-persunal ATA ttrasferit, tal-anzjanità fi grad miksuba mingħand l-awtoritajiet lokali, b’mod li kull membru għandu jirċievi, mill-1 ta’ Jannar 2000, ir-remunerazzjoni li jirċievi membru tal-persunal ATA tal-Istat li għandu l-istess anzjanità fi grad.

21      Dan il-kontenzjuż wassal għal diversi sentenzi mogħtija fl-2005 mill-Corte suprema di cassazione (Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), li fihom, essenzjalment, jintlaqa’ l-imsemmi argument.

 Il-Liġi Nru 266/2005

22      Bl-approvazzjoni ta’ emenda mressqa mill-Gvern Taljan, il-leġiżlatur Taljan inkluda fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 266/2005 li tipprovdi għal dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-baġit annwali u pluriannwali tal-Istat (liġi finanzjarja għall-2006) [legge n° 266 – disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge Finanziaria 2006)] tat-23 ta’ Diċembru 2005 (suppliment normali tal-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 266/2005”) is-subparagrafu 218, li jipprovdi li ġej:

“L-Artikolu 8(2) tal-[Liġi Nru 124/99] għandu jinftiehem li jfisser li l-persunal tal-awtoritajiet lokali ttrasferit mal-[persunal ATA] tal-Istat huwa kkollokat fil-kwalifiki funzjonali u fil-profili professjonali korrispondenti tas-servizz tal-Istat, fuq il-bażi tal-qagħda ekonomika globali li minnha kien igawdi fil-mument tat-trasferiment, u għandu jingħata skala ta’ salarju ta’ ammont ugwali jew immedjatament inferjuri għas-salarju annwali li minnu kien jibbenefika fil-31 ta’ Diċembru 1999, li jikkonsisti fis-salarju, fl-allowance personali ta’ anzjanità fi grad u f’kull allowance eventwali, jekk ikun hemm lok għal dan, previsti mill-[CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali] fis-seħħ fid-data ta’ kollokament fl-amministrazzjoni tal-Istat. Id-differenza li jista’ jkun hemm bejn l-ammont tal-iskala ta’ salarju pagabbli wara t-trasferiment u s-salarju annwali li minnu kien jibbenefika l-impjegat fil-31 ta’ Diċembru 1999 [...] għandu jitħallas ad personam u jitqies li għandu jservi, suġġett għaż-żmien, sabiex tintlaħaq l-iskala ta’ salarju superjuri. Dan bla ħsara għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jiffurmaw res judicata fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Liġi.”

23      Diversi qrati marru quddiem il-Corte costituzionale (Qorti Kostituzzjonali) b’domandi dwar il-konformità tal-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 mal-Kostituzzjoni Taljana, b’mod partikolari, mar-regola dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, fejn din ir-regola timplika projbizzjoni għal-leġiżlatur milli jidħol fil-funzjoni uniformi tal-liġi riżervata għall-Corte suprema di cassazione.

24      Permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll permezz ta’ digrieti sussegwenti, il-Corte costituzionale ddeċidiet li l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 ma kienx ivvizjat bl-allegat ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix regola innovattiva fir-rigward tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 124/99 u li hija tippermetti li jiġi ffavorizzat it-trasferiment tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali lejn l-Istat, fejn dan il-persunal jinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-persunal diġà inkluż fil-listi tal-Istat fil-mument tat-trasferiment.

25      Matul is-sena 2008, il-Corte suprema di cassazione qajmet quddiem il-Corte costituzionale kwistjoni ġdida ta’ kostituzzjonalità tal-istess liġi fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

26      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Novembru 2009, il-Corte costituzionale ddeċidiet li l-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005 ma tippreġudikax l-imsemmi prinċipju. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 124/99 u li għaldaqstant hija ma tikkomporta ebda bidla sfavorevoli ta’ dritt miksub.

27      Matul is-snin 2008 u 2009, ġew ippreżentati tliet rikorsi quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn membri tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali suġġetti għat-trasferiment fi ħdan il-Ministero, fejn f’dan ir-rikors ir-Repubblika Taljana ġiet ikkritikata talli, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005, kisret l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 1 tal-Protokoll li hemm mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Permezz tas-sentenza tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2011, dawn ir-rikorsi ntlaqgħu (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Agrati et vs L-Italja).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      I. Scattolon, impjegata mal-muniċipalità ta’ Scorzè sa mis-16 ta’ Mejju 1980 bħala purtinara fi skejjel tal-Istat, kienet, sal-31 ta’ Diċembru 1999, taħdem bħala membru tal-persunal ATA tal-awtoritaijiet lokali.

29      B’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99 hija ġiet ittrasferita fil-lista tal-persunal ATA tal-Istat mill-1 ta’ Jannar 2000.

30      B’applikazzjoni tad-Digriet Ministerjali tal-5 ta’ April 2001, I. Scattolon ġiet ikklassifikata fi skala ta’ salarju li tikkorrispondi, fl-imsemmija dipartimenti, għal disa’ snin ta’ anzjanità fi grad.

31      Peress li għalhekk ma kisbitx ir-rikonoxximent ta’ kważi 20 sena ta’ anzjanità fi grad miksuba mingħand il-muniċipalità ta’ Scorzè u peress li ġarrbet ukoll tnaqqis kunsiderevoli fir-remunerazzjoni tagħha, fis-27 ta’ April 2005, I. Scattolon ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale di Venezia sabiex tikseb rikonoxximent għall-anzjanità fi grad kollha tagħha u sabiex tiġi kklassifikata, għalhekk, fl-iskala li tikkorrispondi, għall-persunal ta’ ATA tal-Istat, għal bejn ħmistax u għoxrin sena ta’ servizz.

32      Wara l-adozzjoni tal-Artikolu 1(218) tal-Liġi Nru 266/2005, it-Tribunale di Venezia ssospenda l-kawża u rrefera lill-Corte costituzionale l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Ġunju 2008, din l-aħħar qorti, waqt li rreferiet għas-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2007, iddeċidiet li l-Artikolu 1(218) ma huwiex ivvizjat bil-ksur allegat tal-prinċipji ġenerali tad-dritt.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Venezia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-[Direttiva 77/187] u/jew id-[Direttiva 2001/23] jew kull leġiżlazzjoni [...]oħra [tal-Unjoni] applikabbli għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jistgħu jiġu applikati għal każ ta’ trasferiment ta’ persunal responsabbli minn servizzi awżiljarji ta’ tindif u manutenzjoni tal-iskejjel tal-istat minn entitajiet pubbliċi lokali (komuni u provinċji) għall-impjieg mal-istat, fejn it-trasferiment wassal għall-assunzjoni mhux biss tal-attivitajiet inkwistjoni u ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol mal-persunal (purtinara) kollu impjegat, iżda anki għall-kuntratti ta’ appalt li saru ma’ impriżi privati sabiex jiġu ggarantiti dawn is-servizzi?

2)      Il-kontinwità tar-relazzjoni ta’ xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [77/187] (inkorporata, fid-[Direttiva 98/50] […], fid-[Direttiva 2001/23]) għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kwantifikazzjoni tal-ħlasijiet mill-entità ġdida li tħaddem marbuta mal-anzjanità fis-servizz għandha tikkunsidra s-snin kollha li l-persunal ittrasferit ħadem, inkluż fihom dawk maħduma fis-servizz ta’ min qed jittrasferixxi?

3)      L-Artikolu 3 tad-[Direttiva 77/187] u/jew id-[Direttivi 98/50 u 2001/23] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet tal-impjegati ttrasferiti għand l-entità ġdida li tħaddem jinkludu wkoll il-vantaġġi kweżiti mill-impjegat meta kien jaħdem għand minn qed jittrasferixxi, bħal dawk tal-anzjanità, jekk id-drittijiet ta’ natura ekonomika huma marbuta magħha skont il-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan l-entità ġdida li tħaddem?

4)      Il-prinċipji ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] fis-seħħ li jirrigwardaw iċ-ċertezza legali, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-ekwità proċedurali, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-dritt għal qorti indipendenti, u b’mod iktar ġenerali s-smigħ xieraq, iggarantiti mill-[Artikolu 6 TUE], moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-[KEDB] u mal-Artikoli 46, 47 u 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Europea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000, kif inkluża fit-Trattat ta’ Lisbona, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu l-adozzjoni mill-Istat Taljan, wara perijodu kunsiderevoli (ħames snin) ta’ dispożizzjoni li għandha interpretazzjoni awtentika differenti tal-kliem li għandu jiġi interpretat u tmur kontra l-interpretazzjoni stabbilita tal-istituzzjoni responsabbli mill-funzjoni tal-garanzija ta’ interpretazzjoni uniformi tal-liġi, dispożizzjoni li barra minn hekk hija rilevanti sabiex jiġu deċiżi kwistjonijiet li fihom huwa involut l-Istat Taljan stess?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-dawl tas-sentenza Agrati et vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, talbet sabiex il-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont giurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’, ex officio, jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 25; tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C-284/06, Ġabra p. I‑4571, punt 37, u tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C-221/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).

36      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tikkunsidra t-talba għal deċiżjoni preliminari u li din it-talba ma għandhiex tiġi eżaminata abbażi ta’ argument li għadu ma ġiex diskuss quddiemha.

37      B’hekk, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża għaż-żamma ta’ seduta ġdida u lanqas dik, ippreżentata sussidjarjament, intiża sabiex tiġi awtorizzata tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-teħid lura, minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, tal-persunal impjegat minn awtorità pubblika oħra u inkarigata bil-provvista ta’ servizzi awżiljarji, jikkostitwixxix “trasferiment ta’ impriża” fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema.

39      Peress li l-vantaġġ ta’ din il-leġiżlazzjoni jista’ jiġi invokat biss minn persuni li, fl-Istat Membru kkonċernat, huma protetti bħala ħaddiema taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dritt tax-xogħol (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C‑173/96 u C‑247/96, Ġabra p. I-8237, punt 24, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero, C‑343/98, Ġabra p. I-6659, punt 36), għandu jiġi osservat qabel kollox li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, li ma humiex ikkontestati mill-Gvern Taljan, il-persunal ATA impjegat fl-iskejjel pubbliċi fl-Italja jgawdi minn tali protezzjoni. B’hekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tibbenefika mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema, sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà elenkati speċifikament f’din il-leġiżlazzjoni jiġu sodisfatti.

40      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat ukoll li t-teħid lura tal-imsemmi persunal sar fl-1 ta’ Jannar 2000, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva 98/50 u qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/23. B’hekk id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi eżaminata fir-rigward tad-Direttiva 77/187 fil-verżjoni inizjali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C-340/01, Ġabra p. I‑14023, punt 5, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2006, Werhof, C‑499/04, Ġabra p. I‑2397, punti 15 u 16).

41      Skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija verżjoni tad-Direttiva 77/187, din tal-aħħar kienet applikabbli “għat-trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew parti minn negozji lil prinċipal ieħor bħala riżultat ta’ trasferiment bi ftehim jew għaqda legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk hemm lok sabiex jiġi vverifikat jekk it-teħid lura minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru tal-persunal impjegat minn awtorità pubblika oħra u inkarigat b’attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jissodisfa l-elementi kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-eżistenza ta’ “impriża” fis-sens tad-Direttiva 77/187

42      Il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187 jinkludi kull entità ekonomika organizzata b’mod stabbli, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħha u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha. Tali entità tirreferi għal kull grupp ta’ persuni u elementi li jippermetti t-twettieq ta’ attività ekonomika li jkollha għan speċifiku għaliha u li hija organizzata u awtonoma biżżejjed (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hernández Vidal et, C‑127/96, C-229/96 u C‑74/97, Ġabra p. I‑8179, punti 26 u 27; tas-26 ta’ Settembru 2000, Mayeur, C-175/99, Ġabra p. I‑7755, punt 32, kif ukoll Abler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30; ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Jouini et, C-458/05, Ġabra p. I‑7301, punt 31, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2010, UGT‑FSP, C‑151/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).

43      Il-kunċett ta’ “attività ekonomika” li tinsab fid-definizzjoni mfakkra fil-punt preċedenti tinkludi kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 19; tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C-82/01 P, Ġabra p. I‑9297, punt 79, kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 108).

44      Bħala prinċipju huma esklużi mill-kwalifika bħala attività ekonomika, l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, fir-rigward tad-Direttiva 77/187, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1996, Henke, C-298/94, Ġabra p. I‑4989, punt 17). Min-naħa l-oħra, ġew ikkwalifikati bħala attivitajiet ekonomiċi servizzi li, mingħajr ma jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubbliku, huma żgurati fl-interess pubbliku u mingħajr skop ta’ lukru, u li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawn proposti minn operaturi bi skop ta’ lukru (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra p. I-1979, punt 22; Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82, kif ukoll Cassa di Risparmio di Firenze et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 122 u 123).

45      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 124/99, il-grupp ta’ ħaddiema li kienu ttieħdu lura mill-Istat huwa kkostitwit mill-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali impjegat fl-iskejjel pubbliċi. Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-attivitajiet ta’ dan il-persunal jikkonsistu f’li jiġu żgurati s-servizzi awżiljarji meħtieġa mill-iskejjel sabiex iwettqu, taħt kundizzjonijiet ideali, il-funzjoni tagħhom ta’ tagħlim. Dawn is-servizzi jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tindif u l-manutenzjoni tal-bini kif ukoll funzjonijiet ta’ assistenza amministrattiva.

46      Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet fattwali pprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-istess bħal mill-Artikolu 9 tad-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Lulju 1999, jirriżulta li l-imsemmija servizzi huma, f’ċerti każijiet, fdati lil operaturi ekonomiċi privati permezz ta’ kuntratt sekondarju. Barra minn hekk, huwa paċifiku li dawn is-servizzi ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

47      B’hekk jidher li l-attivitajiet eżerċitati mill-ħaddiema suġġetti għat-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura ekonomika fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u jsegwu għan speċifiku, li jikkonsisti fit-tfassil tekniku u amministrattiv tal-iskejjel. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-persunal ATA tfassal bħala grupp strutturat ta’ impjegati.

48      Għandu jiġi vverifikat ukoll, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza u tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan, l-ewwel nett, jekk il-kwalifika tal-persunal ikkonċernat bħala “impriża” titqiegħedx inkwistjoni minħabba n-nuqqas ta’ assi, it-tieni nett, jekk dan il-grupp ta’ ħaddiema huwiex awtonomu biżżejjed sabiex jiġi kkwalifikat bħala entità ekonomika u, għalhekk, bħala impriża u, it-tielet nett, jekk il-fatt li l-imsemmija ħaddiema jagħmlux parti mill-amministrazzjoni pubblika għandhiex xi tip ta’ influwenza.

49      Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ assi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat kemm-il darba li, f’ċerti setturi, l-attività hija essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema. F’dawn iċ-ċirkustanzi, grupp organizzat ta’ ħaddiema jista’, minkejja n-nuqqas ta’ assi sinjifikanti, tanġibbli jew intanġibbli, jikkostitwixxi entità ekonomika fis-sens tad-Direttiva 77/187 (ara b’mod partikolari, fir-rigward ta’ servizzi ta’ tindif, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hernández Vidal et, punt 27, kif ukoll Hidalgo et, punt 26; ara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva 2001/23, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, CLECE, C‑463/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

50      Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ladarba ebda mill-attivitajiet eżerċitati mill-grupp ta’ ħaddiema kkonċernat ma jidher li jeħtieġ id-disponibbiltà ta’ assi sinjifikattivi. Għaldaqstant il-kwalifika tal-grupp ta’ ħaddiema bħala entità ekonomika ma tistax tiġi eskluża minħabba l-fatt li, minbarra dan il-persunal, din l-entità ma tinkludix assi tanġibbli jew intanġibbli.

51      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk grupp ta’ ħaddiema bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex awtonomu biżżejjed, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-kunċett ta’ awtonomija jirreferi għas-setgħat, mogħtija lill-persuni responsabbli mill-grupp ta’ ħaddiema kkonċernat, li jorganizzaw, b’mod relattivament liberu u indipendenti, ix-xogħol fi ħdan l-imsemmi grupp u, b’mod iktar partikolari, li jagħtu istruzzjonijiet u li jqassmu funzjonijiet lill-ħaddiema suġġetti li jappartjenu għal dan il-grupp, u dan mingħajr l-intervent dirett min-naħa ta’ strutturi oħra ta’ organizzazzjoni tal-persuna li tħaddem (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza UGT‑FSP, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43). Għalkemm, ċertament, il-preżenza ta’ entità awtonoma biżżejjed ma hijiex prekluża biċ-ċirkustanza li min iħaddem jimponi lill-imsemmi grupp ta’ ħaddiema obbligi preċiżi u għalhekk jeżerċita influwenza wiesgħa fuq l-attivitajiet ta’ dan il-grupp, madankollu jeħtieġ li l-imsemmija grupp ikollu ċerta libertà sabiex jorganizza u jeżegwixxi l-funzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hidalgo et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

52      F’dan il-każ, jidher, b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali impjegat fl-iskejjel kien jikkostitwixxi, fi ħdan l-amministrazzjoni tal-awtoritajiet lokali, entità li tista’, b’mod relattivament ħieles u indipendenti, torganizza u teżegwixxi l-funzjonijiet tagħha, b’mod partikolari permezz ta’ istruzzjonijiet mogħtija minn membri tal-imsemmi persunal ATA inkarigati b’responsabbiltajiet ta’ koordinazzjoni u ta’ direzzjoni.

53      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-fatt li l-persunal ittrasferit u l-attivitajiet tiegħu huma integrati fl-amministrazzjoni pubblika, għandu jitfakkar li din is-sempliċi ċirkustanza ma tistax tissuġġetta lil din l-entità għall-applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 35). Il-konklużjoni opposta ma hijiex koerenti mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li tgħid li kull grupp ta’ persuni u ta’ elementi li huwa organizzat u awtonomu biżżejjed li jippermetti l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika b’għan speċifiku għaliha jikkostitwixxi “impriża” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187, indipendentement mill-istatus ġuridiku u mill-metodu ta’ finanzjament ta’ din l-impriża.

54      Għalkemm huwa minnu li, bħal ma enfasizza l-Gvern Taljan, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 “ir-riorganizzazzjoni ta’ strutturi tal-amministrazzjoni pubblika” u t-“trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn amministrazzjonijiet pubbliċi”, eċċezzjoni li sussegwentement ġiet stabbilita fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/50, kif ukoll fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, xorta jibqa’ l-fatt, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja u kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-portata ta’ dawn l-espressjonijiet hija limitata għall-każijiet li fihom it-trasferiment jikkonċerna attivitajiet li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Ċertament, mill-proċess jirriżulta li t-teħid lura mill-Ministero tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali daħal fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fl-Italja. Madankollu, minnflok ma ddeċidiet li kull trasferiment marbut jew li jidħol f’riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat sempliċement, fil-ġurisprudenza invokata mill-Gvern Taljan, li r-riorganizzazzjoni ta’ strutturi tal-amministrazzjoni pubblika ma tikkostitwixxix, waħedha bħala tali, trasferiment ta’ impriża fis-sens tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Henke, punt 14, Collino u Chiappero, punt 31, kif ukoll Mayeur, punt 33).

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod partikolari li l-ħolqien ta’ grupp intermuniċipali u t-teħid lura minnu ta’ ċerti kompetenzi tal-muniċipalitajiet li jagħmlu parti minnu jikkostitwixx riorganizzazzjoni tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika u għaldaqstant ma jistax jaqa’ taħt id-Direttiva 77/187 (ara s-sentenza Henke, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 17), filwaqt li ddeċidiet, f’każijiet oħra, li t-trasferiment ta’ persunal li jeżerċita attivitajiet ta’ natura ekonomika f’amministrazzjoni pubblika jaqa’ taħt din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hidalgo et, punt 24, kif ukoll Collino u Chiappero, punt 32).

57      Xejn ma jiġġusitifika l-iżvilupp ta’ din il-ġurisprudenza fis-sens li impjegati pubbliċi, protetti bħala ħaddiema skont id-dritt nazzjonali u suġġetti għal trasferiment lejn persuna li timpjega ġdida fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, ma tista’ tibbenefika mill-protezzjoni offerta mid-Direttiva 77/187 għas-sempliċi raġuni li dan it-trasferiment jidħol fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni tal-imsemmija amministrazzjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li li kieku t-tali interpretazzjoni kellha tiġi aċċettata, kull trasferiment impost fuq tali ħaddiema jista’ jiġi suġġett, mill-awtorità pubblika kkonċernata, għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 billi jiġi invokat is-sempliċi fatt li t-trasferiment jagħmel parti minn riorganizzazzjoni tal-persunal. Kategoriji importanti ta’ ħaddiema li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk jgħaddu mir-riskji li jiġu mċaħħda mill-protezzjoni prevista minn din id-direttiva. Dan ir-riżultat diffiċilment jista’ jiġi kkonċiljat kemm mal-kliem tal-Artikolu 2 tagħha, li jipprovdi li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jistgħu jkunu kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha l-karatteristika ta’ persuna li timpjega, jew man-neċessità, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni soċjali segwit mill-imsemmija direttiva, li jiġu interpretati l-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha b’mod strett (ara, fir-rigward tad-Direttiva 2001/23, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑561/07, Ġabra p. I-4959, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tar-regoli msemmija mid-Direttiva 77/187 f’sitwazzjonijiet bħal dik fil-kawża prinċipali ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw mill-ġdid l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom. L-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għandha bħala sempliċi effett li tipprekludi li ħaddiema, minħabba s-sempliċi fatt tat-trasferiment, jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik li fiha huma jinsabu qabel it-trasferiment. Hekk kif iddeċidiet bosta drabi l-Qorti tal-Ġustizzja u kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/187, din ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li l-persuna li timpjega tkun tista’ timmodifika relazzjonijiet ta’ xogħol f’sens sfavorevoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. L-imsemmija direttiva tipprojbixxi, biss, li tali modifiki jseħħu meta jseħħ u minħabba t-trasferiment (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1988, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark, imsejħa “Daddy’s Dance Hall”, 324/86, Ġabra p. 739, punt 17; tat-12 ta’ Novembru 1992, Watson Rask u Christensen, C‑209/91, Ġabra p. I‑5755, punt 28, kif ukoll Collino u Chiappero, punt 52).

 Fuq l-eżistenza ta’ “trasferiment” “bħala riżultat ta’ trasferiment bi ftehim jew għaqda legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tad-Direttiva 77/187

60      Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx “trasferiment” tal-impriża fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187, il-kriterju deċiżiv huwa dak dwar jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha wara li tkun ittieħdet lura mill-persuna li timpjega l-ġdida (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, Ġabra p. 1119, punti 11 u 12, kif ukoll UGT-FSP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

61      Jekk din l-entità taħdem mingħajr assi sinjifikanti, iż-żamma tal-identità tagħha lilhinn mit-tranżazzjoni li għaliha hija suġġetta ma tistax tiddependi mit-trasferiment ta’ tali assi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hernández Vidal et, punt 31; Hidalgo et, punt 31, kif ukoll UGT-FSP, punt 28).

62      F’din l-ipoteżi, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, hija dik rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-grupp ta’ ħaddiema inkwistjoni jżomm l-identità tiegħu meta l-persuna li timpjega l-ġdida jsegwi l-attivitajiet u jieħu lura parti essenzjali, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenza, tal-imsemmija ħaddiema (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hernández Vidal et, punt 32, kif ukoll UGT-FSP, punt 29).

63      Fir-rigward tal-espressjoni “bħala riżultat ta’ trasferiment bi ftehim jew għaqda legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li tinsab ukoll fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/187, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, kemm minħabba differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva kif ukoll differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali relatati mal-kunċetti li dawn jirreferu għalihom, tat interpretazzjoni suffiċjentement flessibbli għal din l-espressjoni sabiex tissodisfa l-għan ta’ din id-direttiva li huwa li jiġu protetti l-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment ta’ prinċipal (sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C-29/91, Ġabra p. I‑3189, punti 10 u 11; tas-7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys, C‑171/94 u C‑172/94, Ġabra p. I‑1253, punt 28, kif ukoll Jouini et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). Hija ddeċidiet ukoll li l-fatt li t-trasferiment jirriżulta minn deċiżjonijiet unilaterali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u mhux minn qbil ta’ intenzjonijiet ma jeskludix l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Redmond Stichting, punti 15 sa 17; Collino u Chiappero, punt 34, kif ukoll UGT-FSP, punt 25).

64      Filwaqt li ma tikkontestax la l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza u lanqas il-fatt li l-operazzjoni ta’ trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq il-Liġi Nru 124/99 u li għalhekk tirriżulta minn deċiżjoni individwali tas-setgħat pubbliċi, il-Gvern Taljan jikkonstata li, f’dan il-każ, it-teħid lura tal-persunal ikkonċernat mill-Istat Taljan kien biss fakultattiv, ladarba l-membri ta’ dan il-persunal setgħu jagħżlu li jibqgħu kkollokati fl-awtoritajiet lokali li kienu assenjati magħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx trasferiment fis-sens tad-Direttiva 77/187.

65      Din l-osservazzjoni tal-Gvern Taljan madankollu hija bbażata fuq premessa fattwali li hija kkontestata kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mil-Liġi Nru 124/99 innifisha. B’mod partikolari mill-Artikolu 8(2) ta’ din il-liġi jirriżulta li l-uniċi membri tal-persunal ATA li kellhom il-possibbiltà li jagħżlu li jinżamm il-kollokament tagħhom mal-persuna li timpjegahom ta’ oriġini kienu dawk li l-kwalifiki u l-profili tagħhom li ma kinux analogi maċ-ċessjonarju. Minn din ir-regola, kif ukoll mill-kliem tad-dispożizzjonijiet l-oħra għall-imsemmi Artikolu 8 jirriżulta li l-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali impjegat fl-iskejjel kien, globalment u bħala prinċipju, suġġett għat-trasferiment.

66      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-teħid lura, minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, tal-persunal impjegat minn awtorità pubblika oħra u inkarigata mill-provvista, lil skejjel, ta’ servizzi awżiljarji li jinkludu b’mod partikolari funzjonijiet ta’ manutenzjoni u ta’ assistenza amministrattiva, jikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża li jaqa’ taħt id-Direttiva 77/187, ladarba l-imsemmi persunal ikun ikkostitwit minn grupp organizzat ta’ impjegati li huma protetti bħala ħaddiema skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

67      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/187 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ ħaddiema li kienu s-suġġett ta’ trasferiment fis-sens ta’ din id-direttiva, iċ-ċessjonarju għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità fi grad miksuba minn dawn il-ħaddiema maċ-ċedent.

68      F’dan ir-rigward, barra minn hekk, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza, għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tas-sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kwistjoni ta’ rikonoxximent ta’ anzjanità fi grad fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża u li fuqha jibbażaw ruħhom kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

69      Fl-imsemmija sentenza, ġie deċiż li, għalkemm l-anzjanità fi grad miksuba maċ-ċedent ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, dritt li l-ħaddiema ttrasferiti jistgħu jagħmlu użu minnu fir-rigward taċ-ċessjonarju, xorta jibqa’ l-fatt li sservi, jekk ikun il-każ, sabiex jiġu ddeterminati ċerti drittijiet prekunjarji tal-ħaddiema u li dawn id-drittijiet għandhom għalhekk, bħala prinċipju, jiġu ggarantiti miċ-ċessjonarju bl-istess mod bħal ma kien jiggarantihom iċ-ċedent (ara s-sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

70      Filwaqt li fakkret li ċessjonarju jista’, barra mill-ipoteżi ta’ trasferiment ta’ impriża u sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettilu jagħmel hekk, ibiddel il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni f’sens sfavorevoli għall-ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-kalkolu tad-drittijiet ta’ natura pekunjarja, iċ-ċessjonarju għandu l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni s-snin kollha ta’ servizz imwettqa mill-persunal ittrasferit sa fejn dan l-obbligu kien jirriżulta mir-relazzjoni tax-xogħol li jorbot dan il-persunal maċ-ċedent u skont il-metodi mifthiema fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni (sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 52).

71      Issa, fil-kawża bejn I. Scattolon u l-Ministero, huwa paċifiku li d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ittrasferit u taċ-ċedent kienu jinsabu fi ftehim kollettiv, jiġifieri l-CCNL tal-persunal tal-awtoritajiet lokali, li, sa mill-1 ta’ Jannar 2000, li hija d-data tat-trasferiment, l-applikazzjoni tiegħu ġie ssostitwit b’dak tal-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan iċ-ċessjonarju, jiġifieri l-CCNL tal-iskola. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’differenza ta’ x’seta’ kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Collino u Chiappero, iċċitata iktar ’il fuq, l-interpretazzjoni mitlba tad-Direttiva 77/187 ma tistax tikkonċerna biss l-Artikolu 3(1) tagħha, iżda għandha wkoll, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, tieħu inkunsiderazzjoni s-subparagrafu 2 tal-istess artikolu, fejn din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, l-ipoteżi fejn l-applikazzjoni tal-ftehim fis-seħħ fi ħdan iċ-ċedent huwa abbandunat favur dak fis-seħħ fi ħdan iċ-ċessjonarju.

72      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(2), iċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma fi ftehim kollettiv bl-istess mod kif dan il-ftehim kollettiv ikun stipulahom maċ-ċedent, sa meta l-ftehim kollettiv jiġi tterminat jew jiskadi jew sa meta jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat ftehim kollettiv ieħor. It-tieni paragrafu tal-istess dispożizzjoni jżid li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perijodu għall-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg sakemm dan ma jkunx inqas minn sena.

73      Kif ġie diġà speċifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187 ma tistax teskludi mis-sustanza tagħha l-ewwel paragrafu tal-istess Artikolu 3(2). Għaldaqstant dan it-tieni paragrafu ma jipprekludix li l-kundizzjonijiet tax-xogħol imsemmija fil-ftehim kollettiv li jirregola l-persunal ikkonċernat qabel it-trasferiment ma jibqgħux japplikaw qabel ma tiddekorri sena wara t-trasferiment, jew saħansitra anki immedjatament fid-data li fiha jseħħ it-trasferiment, meta tippreżenta ruħha waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(2), jiġifieri t-terminazzjoni jew l-iskadenza tal-imsemmi ftehim kollettiv jew id-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Werhof, C‑499/04, Ġabra p. I‑2397, punt 30, kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Juuri, C‑396/07, Ġabra p. I‑8883, punt 34).

74      B’hekk, ir-regola prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 77/187, li jgħid li “ċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma fi ftehim kollettiv bl-istess mod kif dan il-ftehim kollettiv ikun stipulahom maċ-ċedent, sa meta […] jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat ftehim kollettiv ieħor”, għandha tinfthiem fis-sens li huwa permess liċ-ċessjonarju li japplika, sa mid-data tat-trasferiment, il-kundizzjonijiet tax-xogħol previsti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdanu, inklużi dawk relatati mar-remunerazzjoni.

75      Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 77/187 tħalli marġni ta’ manuvrar li tippermetti liċ-ċessjonarju u lill-partijiet l-oħra kontraenti jbiddlu s-salarju tal-ħaddiema ttrasferiti b’tali mod li dan jiġi debitament adattat għaċ-ċirkustanzi tat-trasferiment inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-metodi magħżula għandhom ikunu konformi mal-għan tal-imsemmija direttiva. Hekk kif iddeċidiet diversi drabi, dan l-għan jikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġi evitat li l-ħaddiema jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli sempliċiment minħabba dan it-trasferiment (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Celtec, C‑478/03, Ġabra p. I-4389, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, fir-rigward tad-Direttiva 2001/23, id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2010, Briot, C-386/09, punt 26).

76      L-implementazzjoni tal-fakultà li tikkonsisti f’li jiġu ssostitwiti, b’effett immedjat, il-kundizzjonijiet li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema ttrasferiti skont il-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan iċ-ċedent ma’ dawk previsti mill-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan iċ-ċessjonarju, għaldaqstant ma jistax ikollha bħala għan jew bħala effett li timponi lill-imsemmija ħaddiema kundizzjonijiet globalment inqas favorevoli minn dawk applikabbli qabel it-trasferiment. Li kieku kien mod ieħor, it-twettiq tal-għan tad-Direttiva 77/187 jista’ faċilment jitqiegħed inkwistjoni f’kull settur irregolat minn ftehim kollettivi, liema ċirkustanza tippreġudika l-effettività tal-imsemmija direttiva.

77      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 77/187 ma tistax tiġi utilment invokata sabiex jinkiseb titjib tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni jew kundizzjonijiet oħra ta’ xogħol fl-okkażjoni ta’ trasferiment ta’ impriża. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-direttiva ma tipprekludix li jkun hemm differenzi fis-salarju bejn il-ħaddiema ttrasferiti u dawk li diġà kienu, fil-mument tat-trasferiment, impjegati maċ-ċessjonarju. Għalkemm strumenti u prinċipji oħra tad-dritt jistgħu jirriżultaw rilevanti sabiex tiġi eżaminata l-legalità ta’ tali differenzi, l-imsemmija direttiva hija intiża biss sabiex tevita li, għas-sempliċi fatt ta’ trasferiment lejn persuna oħra li timpjega, ħaddiema jitqiegħdu f’pożizzjoni sfavorevoli pparagunata ma’ dik li minnha kienu jibbenefikaw preċedentement.

78      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-atti li jimplementaw l-Artikolu 8(2) tal-Liġi Nru 124/99, iffissaw il-proċeduri ta’ trasferiment tal-persunal ATA tal-awtoritajiet lokali fis-servizz tal-Ministero b’tali mod li l-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan dan tal-aħħar, jiġifieri l-CCNL tal-iskola, jkun applikabbli sa mid-data tat-trasferiment tal-impjegati ttrasferiti, madankollu mingħajr ma jirċievu l-pożizzjoni tas-salarju li tikkorrispondi għall-anzjanità fi grad miksuba minnhom maċ-ċedent.

79      Il-fatt li, minnflok ma rrikonoxxa din l-anzjanità bħala tali u kollha kemm hi, il-Ministero kkalkola għal kull ħaddiem ittrasferit anzjanità fi grad “fittizja”, kellu rwol determinanti fl-iffissar tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li minn dak il-mument ’il quddiem kellhom ikunu applikabbli għall-persunal ittrasferit. Fil-fatt, skont il-CCNL tal-iskola, il-pożizzjonijiet u l-progressjonijiet tas-salarji jiddependu fil-parti l-kbira mill-anzjanità fi grad hekk kif ikkalkolata u rikonoxxuta mill-Ministero.

80      Lanqas ma huwa kkontestat li l-funzjonijiet eżerċitati, qabel it-trasferiment, fl-iskejjel pubbliċi mill-persunal ATA tal-awtoritajiet territorjali kienu analogi, jew saħansitra identiċi, għal dawk eżerċitati mill-persunal ATA impjegat mill-Ministero. B’hekk, l-anzjanità fi grad miksuba maċ-ċedent minn membru tal-persunal ittrasferit seta’ jiġi kkwalifikat bħala ekwivalenti għal dak miksub minn membru tal-persunal ATA bl-istess profil u impjegat mill-Ministero, qabel it-trasferiment.

81      F’tali ċirkustanzi, ikkaratterizzati mill-possibbiltà li jiġi evitat, permezz ta’ rikonoxximent mill-inqas parzjali tal-anzjanità fi grad tal-ħaddiema ttrasferiti, li dawn isofru tnaqqis sostanzjali fis-salarju tagħhom meta mqabbla mas-sitwazzjoni tagħhom immedjatament preċedenti għat-trasferiment, ikun kontra l-għan tad-Direttiva 77/187, hekk kif ġie mfakkar u spjegat fil-punti 75 sa 77 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija anzjanità fi grad ma tittiħidtx inkunsiderazzjoni bil-qies neċessarju għaż-żamma approssimattiva tal-livell tar-remunerazzjoni li l-imsemmija ħaddiema jirċievu miċ-ċedent (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Delahaye, C‑425/02, Ġabra p. I‑10823, punt 34).

82      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bagħtietx minn tali tnaqqis fis-salarju meta ġiet ittrasferita. Għal dan il-għan, hija din il-qorti li għandha teżamina b’mod partikolari l-argument tal-Ministero li jgħid li l-kalkolu ddefinit fil-punt 79 ta’ din is-sentenza huwa ta’ natura li jiggarantixxi li l-persunal ATA kkonċernat ma huwiex, minħabba s-sempliċi trasferiment, f’pożizzjoni globalment sfavorevoli meta mqabbel mas-sitwazzjoni tiegħu immedjatament qabel it-trasferiment.

83      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li, meta trasferiment fis-sens tad-Direttiva 77/187 iwassal għall-applikazzjoni immedjata, għall-ħaddiema ttrasferiti, tal-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan iċ-ċessjonarju, u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni previsti minn dan il-ftehim ikunu marbuta b’mod partikolari mal-anzjanità fi grad, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprekludi li l-ħaddiema ttrasferiti jbatu, meta titqabbel is-sitwazzjoni immedjatament preċedenti għat-trasferiment tagħhom, minn tnaqqis fis-salarju sostanzjali minħabba l-fatt li l-anzjanità fi grad tagħhom miksuba maċ-ċedent, ekwivalenti għal dik miksuba minn ħaddiema maċ-ċessjonarju, ma tittiħidtx inkunsiderazzjoni meta tiġi ddeterminata l-pożizzjoni inizjali tas-salarju tagħhom maċ-ċessjonarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk kienx hemm tali tnaqqis fis-salarju meta seħħ it-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq ir-raba’ domanda

84      Fid-dawl tar-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi, ma għadx hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, hekk kif applikata għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tiksirx il-prinċipji msemmija mill-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda tagħha. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din l-aħħar domanda.

 Fuq l-ispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-teħid lura, minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, tal-persunal impjegat minn awtorità pubblika oħra u inkarigata mill-provvista, lil skejjel, ta’ servizzi awżiljarji li jinkludu b’mod partikolari funzjonijiet ta’ manutenzjoni u ta’ assistenza amministrattiva, jikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża li jaqa’ taħt id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji, ladarba l-imsemmi persunal ikun ikkostitwit minn grupp organizzat ta’ impjegati li huma protetti bħala ħaddiema skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

2)      Meta trasferiment fis-sens tad-Direttiva 77/187 iwassal għall-applikazzjoni immedjata, għall-ħaddiema ttrasferiti, tal-ftehim kollettiv fis-seħħ fi ħdan iċ-ċessjonarju, u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni previsti minn dan il-ftehim ikunu marbuta b’mod partikolari mal-anzjanità fi grad, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprekludi li l-ħaddiema ttrasferiti jbatu, meta titqabbel is-sitwazzjoni immedjatament preċedenti għat-trasferiment tagħhom, minn tnaqqis fis-salarju sostanzjali minħabba l-fatt li l-anzjanità fi grad tagħhom miksuba maċ-ċedent, ekwivalenti għal dik miksuba minn ħaddiema maċ-ċessjonarju, ma tittiħidtx inkunsiderazzjoni meta tiġi ddeterminata l-pożizzjoni inizjali tas-salarju tagħhom maċ-ċessjonarju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.