Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-22 ta’ Settembru 2011 – Il‑Kummissjoni vs Spanja

(Kawża C‑90/10)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva ‘habitats’ – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Fawna u flora selvaġġa – Artikoli 4(4) u 6(1) u (2) – Stabbiliment ta’ prijoritajiet għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni kif ukoll ta’ protezzjoni xierqa tagħhom – Nuqqas ta’ garanzija ta’ protezzjoni legali xierqa taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li jinsabu fl-arċipelagu tal-Canarias”

1.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja - Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni - Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (Artikolu 226 KE) (ara l-punt 25)

2.                     Ambjent - Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa - Direttiva 92/43 – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni - Obbligi tal-Istati Membri - Stabbiliment ta’ prijoritajiet – Twettiq permezz ta’ digriet ta’ approvazzjoni tal-istrumenti ta’ ġestjoni korrispondenti - Assenza - Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats naturali u t-tfixkil sinjifikattiv tal-ispeċi - Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikoli 4(4) u 6(1) u (2)) (ara l-punti 37, 38, 48, 49, 53, 54, 62-64 u d-dispożittiv)

3.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Prova tan-nuqqas - Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni - Preżunzjonijiet - Inammissibbiltà (Artikolu 226 KE) (ara l-punt 47)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 4(4) u 6(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) - Siti ta’ importanza għall-Komunità – Miżuri ta’ konservazzjoni - Reġjun bijoġeografiku Makaroneżju

Dispożittiv

1)         Ir-Renju ta’ Spanja,

–        billi naqas milli jistabbilixxi, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, prijoritajiet fir-rigward taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li jikkorrispondu mas-siti ta’ importanza għall-Komunità tar-reġjun bijoġeografiku Makaroneżjan li jinsabu fit-territorju Spanjol u indikati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/11/KE, tat-28 ta’ Diċembru 2001, li tadotta l-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Makaroneżju, skont id-Direttiva  92/43, u

–        billi naqas milli jadotta u jimplementa, skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, il-miżuri xierqa ta’ konservazzjoni u sistema ta’ protezzjoni li tevita d-deterjorament tal-habitats u t-tfixkil sinjifikattiv tal-ispeċi billi jiżgura l-protezzjoni legali taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni li jkopru s-siti msemmija fid-Deċiżjoni 2002/11, li jinsabu fit-territorju Spanjol,

naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ din id-direttiva.

2)         Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)         Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.