Keywords
Summary

Keywords

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Soċjetà tal-informazzjoni — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Protezzjoni tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi — Ordni lil fornitur ta’ aċċess għall-internet sabiex jimplementa sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-klijenti kollha tiegħu, b’mod preventiv u bi spejjeż tiegħu, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, għall-prevenzjoni ta’ preġudizzji għad-dritt ta’ proprjetà intellettwali — Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 8 u 11; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, 2000/31, Artikolu 15(1), 2001/29, 2002/58 u 2004/48, Artikolu 3(1))

Summary

Id-Direttivi 2000/31, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u 2002/58, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, moqrija flimkien u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni lil fornitur ta’ aċċess għall-internet li jistabbilixxi sistema ta’ filtrazzjoni

- tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha li jgħaddu mis-servizzi tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ softwer “peer-to-peer”;

- li tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-klijentela kollha tiegħu;

- b’mod preventiv;

- fuq spejjeż tiegħu biss, u

- mingħajr limitazzjoni ratione temporis ,

li tista’ tidentifika fuq in-netwerk ta’ dan il-fornitur iċ-ċirkolazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjoviżiv u li fir-rigward tiegħu, min jitlob dan ix-xogħol jallega li għandu drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bil-għan li tibblokka t-trasferiment ta’ fajls li l-iskambju tagħhom jippreġudika d-drittijiet tal-awtur.

Fil-fatt, tali ordni jobbliga lill-imsemmi fornitur għal sorveljanza attiva tad-data kollha li tikkonċerna lill-klijenti kollha tiegħu sabiex jipprevjeni kull preġudizzju fil-futur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, fejn jimponilu għalhekk sorveljanza ġenerali pprojbita mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31. Barra minn hekk huwa jagħti lok għal preġudizzju kkaratterizzat tal-libertà ta’ impriża tal-fornitur ikkonċernat peress li jobbligah jistabbilixxi sistema informatika kumplessa, għolja, permanenti u għall-ispejjeż tiegħu biss, li barra minn hekk tmur kontra l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48, li jirrikjedi li l-miżuri sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jkunux inutilment kumplessi jew għolja. Għalhekk, tali ordni ma josservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, li minnha jibbenefikaw il-proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-libertà ta’ impriża li minnha jibbenefikaw il-fornituri ta’ aċċess għall-internet. L-effetti tal-imsemmi ordni ma jillimitawx ruħhom għal dawn il-fornituri, fejn is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża tista’ wkoll tikser id-drittijiet fundamentali tal-klijenti tagħhom, jiġifieri d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali kif ukoll il-libertà tagħhom li jirċievu jew jikkomunikaw informazzjoni, fejn dawn id-drittijiet huma protetti mill-Artikoli 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn naħa, l-ordni jimplika analiżi sistematika tal-kontenuti kollha kif ukoll il-ġabra u l-identifikazzjoni tal-indirizzi IP tal-utenti li huma responsabbli talli jintbagħat il-kontenut illegali fuq in-netwerk, fejn dawn l-indirizzi huma data protetta ta’ natura personali, peress li jippermettu l-identifikazzjoni preċiża tal-imsemmija utenti. Min-naħa l-oħra, huwa probabbli li l-imsemmi ordni jikser il-libertà tal-informazzjoni peress li hemm ir-riskju li din is-sistema ma tagħmilx distinzjoni suffiċjenti bejn kontenut illegali u kontenut legali, b’tali mod li l-implementazzjoni tagħha jista’ jkollha effett li tikkawża l-ibblokkar tal-komunikazzjonijiet b’kontenut legali.

(ara l-punti 40, 48-52 u d-dispożittiv)