Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-31 ta’ Marzu 2011 – Il-Kummissjoni vs L-Italja

(Kawża C-50/10)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 2008/1/KE – Prevenzjoni u kontroll integrati tat-tniġġis – Rekwiżiti għall-għoti ta’ permessi għal installazzjonijiet eżistenti”

Stati Membri - Obbligi - Implementazzjoni tad-direttivi - Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern – Inammissibbiltà (Artikolu 258 TFUE) (ara l-punti 33-39)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU L 24, p. 8) - Installazzjonijiet li jistgħu jkollhom effett fuq l-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u fuq it-tniġġis - Rekwiżiti għall-għoti ta’ permessi għal installazzjonijiet eżistenti.

Dispożittiv

1)

Billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw, permezz ta’ permessi maħruġa skont l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (verżjoni kodifikata), jew, b’mod xieraq, billi jikkunsidraw mill-ġdid il-kundizzjonijiet u, fejn meħtieġ, jaġġornawhom, sabiex l-installazzjonijiet eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva, joperaw skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 3, 7, 9, 10, 13, 14(a) u (b) u 15(2) tal-imsemmija direttiva, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.