KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2011 ( 1 )

Kawża C-277/10

Martin Luksan

vs

Petrus van der Let

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija))

“Direttiva 93/83/KEE — Direttiva 2006/116/KE — Direttiva 2001/29/KE — Direttiva 2005/115/KE — Drittijiet tal-awtur tad-direttur prinċipali fuq xogħol ċinematografiku — Għoti tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-produttur tal-film — Kundizzjonijiet — Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna — Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Remunerazzjoni ġusta tal-awtur — Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE — Dritt għal remunerazzjoni ta’ kopji għal użu privat — Kumpens ġust”

Werrej

 

I – Introduzzjoni

 

II – Id-dritt applikabbli

 

A – Id-dritt internazzjonali

 

B – Id-dritt tal-Unjoni

 

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

 

2. Id-Direttiva 93/83

 

3. Id-Direttiva 93/98

 

4. Id-Direttiva 2001/29

 

5. Id-direttiva dwar kiri u self

 

a) Id-Direttiva 92/100/KEE

 

b) Id-Direttiva 2006/115/KE

 

C – Id-dritt nazzjonali

 

III – Il-fatti, il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari

 

A – Il-fatti

 

B – Il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali

 

1. Id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament

 

2. Id-drittijiet legali għal remunerazzjoni

 

C – Id-domandi preliminari

 

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V – L-ewwel domanda preliminari u l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari

 

A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

 

B – Il-kunsiderazzjonijiet legali

 

1. In-natura ta’ awtur tad-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku

 

a) Id-Direttiva 93/83

 

b) Id-Direttiva 2001/29

 

c) Konklużjoni intermedjarja

 

2. Id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament għandhom jingħataw primarjament lid-direttur prinċipali bħala l-awtur tal-film?

 

a) L-għoti a priori tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-awtur tal-film

 

b) Is-setgħa li jiġu limitati d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament tal-awtur tal-film

 

c) Il-legalità tal-għoti tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament primarjament lill-produttur tal-film

 

d) Konklużjoni intermedjarja

 

3. Il-kundizzjonijiet sabiex id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament jingħataw inizjalment lill-produttur tal-film

 

a) In-nuqqas ta’ possibbiltà li tiġi stabbilita analoġija mal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115

 

b) Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni

 

i) L-iffirmar ta’ kuntratt

 

ii) Il-possibbiltà li jiġu previsti dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor

 

iii) Dritt għal kumpens ġust

 

– Id-dritt tad-direttur prinċipali bħala awtur tal-film: dritt ta’ proprjetà protett mid-drittijiet fundamentali

 

– Il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-ksur ta’ dan id-dritt ta’ proprjetà

 

iv) Konklużjoni intermedjarja

 

4. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni

 

VI – It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, flimkien mat-tielet u r-raba’ domandi preliminari

 

A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

 

B – Kunsiderazzjonijiet legali

 

1. Osservazzjoni preliminari

 

2. Il-kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29

 

a) Min għandu dritt għall-kumpens ġust?

 

b) Dispożizzjonijiet oħra

 

3. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni

 

VII – Osservazzjoni addizzjonali

 

VIII – Konklużjoni

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tikkonċerna l-qasam tad-drittijiet tal-awtur, u essenzjalment hija tqajjem tliet domandi relatati mad-drittijiet tal-awtur u tal-produttur tal-film.

2.

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perijodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata) ( 2 ) jiddefinixxix il-kunċett ta’ awtur ta’ film għall-finijiet ta’ din id-direttiva biss jew inkella jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni jmurx lil hinn mill-ambitu tad-direttiva.

3.

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dispożizzjoni nazzjonali li tistipula li d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament ta’ riproduzzjoni, ta’ xandir permezz tas-satellita u ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, speċjalment permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, huma primarjament tal-produttur u mhux tal-awtur jew awturi tal-film hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda fid-dawl tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable ( 3 ), kif ukoll fid-dawl tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 4 ). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, dawn id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament huma a priori tal-awtur tax-xogħol ċinematografiku.

4.

Fl-aħħar nett, f’dan il-każ speċifiku, titqajjem il-kwistjoni dwar min huwa intitolat għall-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 meta l-Istati Membri jillimitaw id-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ films intiżi għal użu privat abbażi tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

II – Id-dritt applikabbli

A – Id-dritt internazzjonali

5.

L-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi (verżjoni ta’ Pariġi, 1971) ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) jipprovdi li:

“1)   Bla ħsara għad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħol li jkun ġie adattat jew riprodott, ix-xogħol ċinematografiku għandu jiġi protett bħala xogħol oriġinali. Id-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dak ix-xogħol ċinematografiku jgawdi l-istess drittijiet li għandu l-awtur ta’ xogħol oriġinali, inklużi d-drittijiet previsti mill-artikolu preċedenti.

a)

Id-determinazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol ċinematografiku tiddependi mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn tintalab il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet.

b)

Madankollu, fil-pajjiżi tal-Unjoni fejn il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi fost dawn id-detenturi l-awturi ta’ kontributi magħmula sabiex jiġi prodott xogħol ċinematografiku, jekk dawn ikunu ntrabtu li jagħtu dawn il-kontributi, huma ma jistgħux joġġezzjonaw, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor u salvi dispożizzjonijiet speċifiċi, għar-riproduzzjoni, it-tqegħid fis-suq, ir-rappreżentazzjonijiet fil-pubbliku, ix-xandir bil-fili lill-pubbliku, ix-xandir, il-komunikazzjoni lill-pubbliku, l-użu ta’ sottotitoli u d-doppjaġġ tax-xogħol ċinematografiku.

c)

Il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim previst iktar ’il fuq għandux ikun, għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-subparagrafu (b) preċedenti, kuntratt bil-miktub jew att bil-miktub ekwivalenti hija rregolata bil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-Unjoni fejn il-produttur tax-xogħol ċinematografiku jkollu s-sede jew ir-residenza abitwali tiegħu. Madankollu, is-setgħa li jistabbilixxu li dan l-impenn għandu jkun kuntratt bil-miktub jew att bil-miktub ekwivalenti hija rriżervata għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn titalab il-protezzjoni. Il-pajjiżi li jużaw din is-setgħa għandhom jinnotifikaw lid-Direttur Ġenerali dwar dan permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tiġi kkomunikata minnufih mid-Direttur Ġenerali lill-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni.

d)

Il-frażi ‘sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor u salvi dispożizzjonijiet speċifiċi’ għandha tifsser kull kundizzjoni restrittiva li tista’ tkun inkluża fl-imsemmi ftehim.

3)   Sakemm il-liġi nazzjonali ma tistabbilixxix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2)(b) iktar ’il fuq ma huma applikabbli la għall-awturi tax-xeneġġjaturi, tad-djalogi u tax-xogħlijiet mużikali li jinħolqu sabiex jiġi prodott xogħol ċinematografiku u lanqas għad-direttur prinċipali ta’ tali xogħol. Madankollu, il-pajjiżi tal-Unjoni li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma tinkludix dispożizzjonijiet li jipprovdu għall-applikazzjoni tal-paragrafu (2)(b) iċċitat iktar ’il fuq fir-rigward tal-imsemmi direttur għandhom jinnotifikaw lid-Direttur Ġenerali dwar dan permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tiġi kkomunikata minnufih mid-Direttur Ġenerali lill-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B – Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

6.

L-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi li:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

2.   Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.”

2. Id-Direttiva 93/83

7.

Il-premessi 24 sa 26 tad-Direttiva 93/83/KEE jipprovdu li:

“(24)

Billi l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni maħsuba f’din id-Direttiva tinvolvi l-armonizzazzjoni tad-disposizzjonijiet billi tassigura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ awturi, artisti, produtturi ta’ fonogrammi, u organizzazzjonijiet tax-xandir; billi din l-armonizzazzjoni m’għandhiex tippermetti organizzazzjoni tax-xandir li tieħu vantaġġ mid-differenzi fil-livelli ta’ protezzjoni billi tirrialloka attivitajiet, għad-detriment tal-produzzjonijiet awdjo-viżivi;

(25)

Billi l-protezzjoni li pprovdiet jeddijiet dwar drittijiet ta’ l-awtur għandha tkun alinjata ma’ dik li tinsab fid-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar jeddijiet ta’ kiri u jeddijiet ta’ tislif dwar ċerti jeddijiet relatati mal-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali [...] għall-finijiet ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita; billi, b’mod partikolari, dan jassigura li artisti u produtturi ta’ fonogrammi jkunu garantiti remunerazzjoni xierqa għall-komunikazzjoni mal-pubbliku bis-satellita tal-wirja tagħhom jew fonogrammi;

(26)

Billi d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 ma jipprevenux Stati Membri milli jestendu l-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 92/100/KEE għall-jeddijiet esklussivi msemmija fl-Artikolu 4; billi, aktar minn hekk, id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 ma jipprevenux l-Istati Membri milli jipprovdu preżunzjoni li tirribatti l-awtorizzazzjoni ta’ sfruttament għar-rigward tal-jeddijiet esklussivi ta’ l-artisti imsemmija f’dak l-Artikolu, safejn dik il-preżunzjoni tkun kompatibbli mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir.”

8.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/83 jinkludi xi definizzjonijiet. Skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-direttur prinċipali ta’ xi xogħol ċinematografiku jew awdjo-viżiva għandu jkun kunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li oħrajn ikunu kunsidrati bħala ko-awturi.”

9.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 huwa inkluż fil-kapitolu li jikkonċerna x-xandir ta’ programmi bis-satellita u huwa jirregola d-dritt tax-xandir. Dan huwa fformulat kif ġej:

“Stati Membri li jkollhom jedd li jxandru għandhom jipprovdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet ta’ l-awtur, bla ħsara għad-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.”

10.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/83 jikkonċerna d-drittijiet ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir. Dan huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita, il-jeddijiet [id-drittijiet] ta’ artisti, produtturi ta’ fonogramm[i] u organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom ikunu protetti b’mod konformi mad-disposwizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6, 7, 8 u 10 tad-Direttiva 92/100/KEE.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ‘xandir permezz ta’ mezzi bla cable’ [xandir b’mezzi mingħajr fili] fid-Direttiva 92/100/KEE għandha tinftiehem li tinkludi komunikazzjoni mal-pubbliku bis-satellita.

3.   Għar-rigward ta’ l-eżerċizzju tal-jeddijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Artikoli 2(7) u 12 tad-Direttiva 92/100/KEE għandhom jgħoddu.”

3. Id-Direttiva 93/98

11.

Il-premessa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141) tistipula:

“[...] id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaffettwawx l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14a (2) (b), (ċ) u (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna”.

12.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna x-xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi, jipprovdi li:

“1.   Id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun ikkunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jaħtru lil ko-awturi oħrajn.

2.   Id-dewmien ta’ protezzjoni ta’ xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi għandu jintemm 70 sena wara l-mewt ta’ l-aħħar mill-persuni li ġejjin li jkunu baqgħu ħajjin, sew jekk dawn il-persuni jinħatrux jew le bħala ko-awturi: id-direttur prinċipali, l-awtur ta’ l-i screenplay, l-awtur tad-djalogu u l-kompożitur tal-mużika maħluqa speċifikament biex tintuża fix-xogħol ċinematorgrafiku jew awdjoviżiv.”

13.

Id-Direttiva 2006/116 ikkodifikat id-Direttiva 93/98. Iktar ’il quddiem, ser nagħmel riferiment għad-Direttiva 2006/116. Madankollu, peress li ma hemmx differenza bejn iż-żewġ direttivi f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, l-osservazzjonijiet tiegħi jgħoddu wkoll għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 93/98.

4. Id-Direttiva 2001/29

14.

Skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2001/29:

“Din id-Direttiva hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-Direttivi preżentement fis-seħħ f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-Direttivi 91/250/KEE […], 92/100/KEE […], 93/83/KEE […], 93/98/KEE […] u 96/9/KEE […], u tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-Direttivi, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.”

15.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li:

“Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

[…]

(b)

id-dritt ta’ kiri, id-dritt ta’ self u ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali;

(ċ)

id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati applikabbli għax-xandir ta’ programmi bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-cable;

(d)

it-tul ta’ żmien ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati;

[…]”

16.

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29:

“Dritt ta’ riproduzzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)

għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)

għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)

għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja [mingħajr fili], magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

17.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li:

“Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

(a)

għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(b)

għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(ċ)

għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(d)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trażmessi bil-fili jew bl-arja [mingħajr fili], magħduda bil-cable jew bis-satellita.

3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

18.

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

(b)

rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat”.

5. Id-direttiva dwar kiri u self

a) Id-Direttiva 92/100/KEE

19.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/100/KEE tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali ( 6 ), jikkonċerna d-detenturi tad-drittijiet u materji tad-dritt tal-kiri u self. Il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva d-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun kunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal oħrajn biex ikunu kkunsidrati bħala l-ko-awturi tiegħu.”

b) Id-Direttiva 2006/115/KE

20.

Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) ( 7 ), ikkodifikat id-Direttiva 92/100.

21.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Definizzjonijiet”. Il-paragrafi 1 u 2 jipprovdu li:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2.   Id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun kunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal oħrajn biex ikunu kkunsidrati bħala l-ko-awturi tiegħu.”

22.

L-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi li:

“4.   Bla ħsara għall-paragrafu 6, meta kuntratt relatat mal-produzzjoni ta’ film ikun konkluż, individwalment jew kollettivament, minn artisti ma’ produttur tal-films, l-artist kopert b’dan il-kuntratt għandu jkun meqjus, suġġett għall-klawsoli kuntrattwali kuntrarji, li jkun ittrasferixxa d-dritt tal-kiri tiegħu, suġġett għall-Artikolu 5.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal prezunżjoni simili kif stipulata fil-paragrafu 4 dwar l-awturi.”

23.

Skont l-Artikolu 5(1) sa (3) tad-Direttiva 2006/115:

“Dritt mhux rinunzjabbli għal ħlas ekwu

1.   Fejn awtur jew artist ikun ittrasferixxa jew assenja d-dritt tal-kiri tiegħu dwar fonogramm jew oriġinal jew kopja ta’ film lil produttur ta’ fonogramm jew film, dak l-awtur jew artist għandu jżomm id-dritt li jikseb ħlas ekwu għall-kirja.

2.   Id-dritt li jikseb ħlas ekwu għall-kirja ma jistax jiġi rinunzjat minn awturi jew artisti.

3.   L-amministrazzjoni ta’ dan id-dritt li jikseb ħlas ekwu jista’ jkun fdat lil collecting societies li jirrappreżentaw awturi jew artisti.”

C – Id-dritt nazzjonali

24.

L-Artikolu 16a(5) tal-liġi Awstrijaka dwar id-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet litterarji u artistiċi u drittijiet relatati (Urheberrechtsgesetz, iktar ’il quddiem l-“UrhG”) jipprovdi li:

“Jekk detentur tad-dritt ta’ sfruttament ta’ xogħol jew inkella l-produttur tal-film, li huwa detentur tad-drittijiet skont l-Artikolu 38(1), jawtorizza persuni oħra, bi ħlas, sabiex jikru jew jissellfu xogħlijiet, l-awtur ikollu dritt, fir-rigward tad-detentur tad-dritt ta’ sfruttament jew il-produttur tal-film, għal ammont ġust ta’ din ir-remunerazzjoni li għalih huwa ma jistax jirrinunzja. Jekk, abbażi ta’ liġi jew kuntratt, persuni oħra jkunu intitolati għad-dritt għal remunerazzjoni għas-self ta’ xogħlijiet, l-awtur ikollu dritt għal ammont ġust tar-remunerazzjoni li għalih ma jistax jirrinunzja.”

25.

L-Artikolu 38(1) tal-UrhG jistabbilixxi li:

“Id-drittijiet ta’ sfruttament ta’ films prodotti għal skopijiet kummerċjali huma ta’ sid l-impriża (il-produttur tal-film), bħala ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39(4). Il-produttur u l-awtur tal-film huma intitolati rispettivament għal nofs id-drittijiet legali tal-awtur għal remunerazzjoni, bil-kundizzjoni li jkun hemm il-possibbiltà ta’ rinunzja u sakemm il-produttur u l-awtur ma jilħqux ftehim mod ieħor. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għad-drittijiet tal-awtur eżistenti fuq ix-xogħlijiet li jintużaw sabiex jinħoloq xogħol ċinematografiku.”

26.

L-Artikolu 39(1) tal-UrhG jipprovdi li:

“Kull persuna li tkun ikkontribwixxiet għall-ħolqien ta’ xogħol ċinematografiku prodott għal skopijiet kummerċjali b’tali mod li l-kunċett ġenerali ta’ dan ix-xogħol ikollu n-natura ta’ kreazzjoni intellettwali tal-din l-istess persuna tista’ tobbliga lill-produttur sabiex jiċċitaha bħala awtur tax-xogħol ċinematografiku fil-film u fir-reklamar tiegħu.”

27.

L-Artikolu 42b(1) tal-UrhG jipprovdi li:

“Jekk, minħabba n-natura stess tax-xogħol, ikun hemm il-possibbiltà li xogħol imxandar, imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew xogħol irrekordjat fuq vidjogrammi jew fonogrammi prodotti għal skopijiet kummerċjali jiġi rriprodott, permezz tal-iffissar fuq vidjogrammi jew fonogrammi, b’konformità mal-Artikolu 42(2) sa (7) għal użu personali jew privat, l-awtur għandu dritt għal remunerazzjoni ġusta (remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni, “Leerkassettenvergütung”, li litteralment tfisser “remunerazzjoni għal kasetts vojta”), sakemm dan il-mezz jiġi kkumerċjalizzat fil-livell nazzjonali għal skopijiet kummerċjali u bi ħlas; il-vidjogrammi jew il-fonogrammi vojta adattati għal dawn ir-riproduzzjonijiet, jew vidjogrammi jew fonogrammi oħra intiżi għal dan l-għan, huma kkunsidrati bħala mezzi ta’ reġistrazzjoni.”

III – Il-fatti, il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari

A – Il-fatti

28.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa xeneġġjatur u direttur prinċipali tal-film dokumentarju intitolat “Fotos von der Front” (Ritratti tal-kumbattimenti tal-gwerra), liema film jitkellem dwar ir-ritratti tal-gwerra fil-Ġermanja matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan il-film jagħmel preżentazzjoni kritika tal-ambivalenza tar-ritratti tal-gwerra. Sabiex jipproduċi dan il-film, ir-rikorrent għażel ir-ritratti huwa stess minn fost l-għadd kbir ta’ materjal fotografiku. Dan id-dokumentarju jikkostitwixxi xogħol ċinematografiku.

29.

Il-konvenut huwa produttur u jipproduċi xogħlijiet ċinematografiċi u xogħlijiet awdjoviżivi oħra għal skopijiet kummerċjali. Huwa l-produttur (kummerċjali) tal-film inkwistjoni.

30.

Fit-13 ta’ Marzu 2008, il-partijiet għamlu “kuntratt ta’ direttur u awtur” fejn ġie stipulat li r-rikorrent kien ix-xeneġġjatur u d-direttur prinċipali filwaqt li l-konvenut kien ser jipproduċi u jagħmel użu mill-film.

31.

Ir-rikorrent ċeda lill-konvenut id-drittijiet tal-awtur u/jew drittijiet relatati kollha fuq dan il-film, minbarra d-drittijiet legali. Madankollu, din iċ-ċessjoni kienet teskludi d-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni f’netwerks diġitali, kif ukoll id-dritt li jixxandar fuq “Closed Circuit TV” u “Pay TV”, jiġifieri x-xandir fi ħdan ċirku ristrett ta’ utenti u x-xandir (encrypted) bi ħlas separat. Dan il-kuntratt ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni espliċita dwar id-drittijiet legali għal remunerazzjoni.

32.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ċeda minn qabel id-drittijiet legali għal remunerazzjoni lil kumpannija operattiva, jiġifieri qabel ma kkonkluda l-“kuntratt ta’ direttur u awtur”, sabiex din il-kumpanija teżerċita dawn id-drittijiet bħala trustee.

33.

Il-film ġie ppreżentat għall-ewwel darba fl-14 ta’ Mejju 2009. Huwa xxandar l-ewwel darba fuq BRalpha fis-7 ta’ Settembru 2009; huwa disponibbli wkoll bħala vidjo fuq DVD.

34.

Barra minn hekk, il-konvenut għamel il-film aċċessibbli fuq l-internet u għal dan l-għan huwa ċeda d-drittijiet lil “Movieeurope.com”. Il-film jista’ jiġi mniżżel ukoll minn fuq din il-pjattaforma bħala “Video on demand”. Il-konvenut għamel ukoll il-vidjo promozzjonali tal-film aċċessibbli fuq l-internet permezz ta’ “YouTube”; barra minn hekk, huwa ddispona mid-“drittijiet ta’ Pay TV” u ċediehom lil “scandinavia.tv”.

B – Il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali

35.

Ir-rikorrent ippreżenta kawża kontra l-konvenut fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju.

1. Id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament

36.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jqis li l-isfruttament li l-konvenut għamel mill-film jew iċ-ċessjoni tad-drittijiet jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet ta’ sfruttament mogħtija lilu fil-kuntratt kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-awtur tiegħu. L-ewwel nett huwa jitlob li jiġi kkonstatat li minħabba l-fatt li huwa kiteb ix-xeneġġjatura u ddirieġa l-film bħala d-direttur prinċipali, huwa għandu d-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (“Video On Demand”) kif ukoll id-dritt ta’ xandir fi ħdan ċrieki ristretti ta’ utenti permezz ta’ “Pay TV”.

37.

Min-naħa l-oħra, il-konvenut iqis li huwa għandu d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament kollha fuq il-film inkwistjoni billi huwa l-produttur tal-film. Minħabba ċ-ċessjoni legali prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, huwa jsostni li r-rikorrent ma għandux id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament li huwa jsostni li għandu, iżda li tali drittijiet huma proprjament tiegħu, u dan kien hekk sa mill-bidu. Huwa għal din ir-raġuni li l-konvenut iqis li r-riżerva favur ir-rikorrent prevista fil-“kuntratt ta’ direttur u awtur” hija invalida.

38.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, huwa l-produttur tal-film li għandu d-drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħlijiet ċinematografiċi prodotti għal skopijiet kummerċjali. Fil-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, iċ-“ċessjoni legali” ma tfissirx li jiġi ttrasferit id-dritt (preżunt), iżda li dawn id-drittijiet jingħataw primarjament u direttament lill-produttur tal-film biss. Abbażi ta’ din l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, ftehim li jidderogaw minnha huma invalidi u lanqas id-drittijiet tal-awtur ta’ films ma jistgħu jiġu rrevokati.

39.

Il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji tagħha dwar jekk din l-interpretazzjoni tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

2. Id-drittijiet legali għal remunerazzjoni

40.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jitlob li jiġi kkonstatat li huwa intitolat għal nofs id-drittijiet legali għal remunerazzjoni previsti fil-UrhG, b’mod partikolari r-“remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni” prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG.

41.

Min-naħa l-oħra, il-konvenut fil-kawża prinċipali jsostni li, bħala l-produttur, huwa għandu d-drittijiet legali għal remunerazzjoni previsti fil-UrhG, b’mod partikolari r-“remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni”, billi dawn id-drittijiet jiffunzjonaw bħad-drittijiet ta’ sfruttament. Dan jikkonċerna mhux biss in-nofs li huwa intitolat għalih il-produttur tal-film skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG iżda wkoll in-nofs l-ieħor, li huwa intitolat għalih l-awtur tal-film skont din id-dispożizzjoni. Ftehim ta’ deroga minn din id-dispożizzjoni huwa permess u previst fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet.

42.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, il-produttur u l-awtur tal-film huma intitolati rispettivament għal nofs id-drittijiet legali għal remunerazzjoni, bil-kundizzjoni li jkun hemm il-possibbiltà ta’ rinunzja u sakemm il-produttur tal-film ma jkunx ftiehem mod ieħor mal-awtur. Skont l-Artikolu 16b(5) tal-UrhG, in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ rinunzja għad-drittijiet għal remunerazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG jikkonċerna biss ir-remunerazzjoni tas-self skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/100. Teżisti l-possibbiltà ta’ rinunzja għad-drittijiet l-oħra għal remunerazzjoni, b’mod partikolari r-“remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni”.

43.

Ċertament il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjoni stipulata fit-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, li tagħti nofs id-drittijiet legali għal remunerazzjoni lill-awtur tal-film, hija dispożizzjoni ġusta. Madankollu, hija għandha d-dubji tagħha dwar jekk din id-dispożizzjoni hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni inkwantu ma hemmx il-possibbiltà ta’ deroga minn dan id-dritt tal-awtur tal-film.

C – Id-domandi preliminari

44.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2010, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2), (5) u (6) tad-[Direttiva 92/100], tal-Artikolu 1(5) tad-[Direttiva 93/83], u tal-Artikolu 2(1) tad-[Direttiva 93/98], flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/100, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83, u l-Artikoli 2, 3, u 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet ta’ użu ta’ riproduzzjoni, ta’ xandir permezz tas-satellita, u ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni huma f’kull każ, skont il-liġi, direttament (primarjament) tad-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv, jew ta’ awturi oħra tal-film speċifikati mil-leġiżlatur tal-Istati Membri, u mhux direttament (primarjament) u esklużivament tal-produttur tal-film;

liġijiet tal-Istati Membri li jagħtu, skont il-liġi, direttament (primarjament) u esklużivament id-drittijiet ta’ użu lill-produttur tal-film jiksru d-dritt tal-Unjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2

a)

Id-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprovdu preżunzjoni legali ta’ ċessjoni lill-produttur tal-film tad-drittijiet ta’ użu fis-sens tal-punt 1, li huma intitolati għalihom id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv jew awturi oħra tal-film speċifikati mil-leġiżlatur tal-Istati Membri, anki meta d-drittijiet mhumiex dawk ta’ kiri u ta’ self, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandhom jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(5) u (6) tad-Direttiva 92/100, flimkien mal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva?

b)

Id-dritt [primarju] ta’ proprjetà [...] tad-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv, jew ta’ awturi oħra tal-film speċifikati mil-leġiżlatur tal-Istati Membri, għandu wkoll japplika għad-drittijiet għal remunerazzjoni raġonevoli mogħtija mil-leġiżlatur ta’ Stat Membru, bħar-“remunerazzjoni ta’ riproduzzjonijiet magħmula fuq mezzi ta’ reġistrazzjoni” prevista mill-Artikolu 42b tal-Urheberrechtsgesetz, jew għad-drittijiet għal kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 2b:

3.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprovdu għal preżunzjoni legali ta’ ċessjoni lill-produttur tal-film tad-drittijiet għal remunerazzjoni fis-sens tal-punt 2, li huma intitolati għalihom id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv jew awturi oħra tal-film speċifikati mil-leġiżlatur tal-Istati Membri, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandhom jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(5) u (6) tad-Direttiva 92/100, flimkien mal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 3:

4.

Id-dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru, li tipprovdi li d-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv jew awturi oħra tal-film speċifikati mil-leġiżlatur tal-Istati Membri huma intitolati għal nofs id-drittijiet legali għal remunerazzjoni iżda li dan id-dritt jista’ jkun is-suġġett ta’ derogi u, għaldaqstant, ta’ rinunzja, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni Ewropea msemmija iktar ’il fuq fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijeit [drittijiet] relatati?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

45.

Ir-rikorrent u l-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub.

46.

Fil-5 ta’ Mejju 2011, inżammet seduta fejn ipparteċipaw ir-rappreżentanti tar-rikorrent u tal-konvenut fil-kawża prinċipali kif ukoll dawk tal-Gvern Awstrijak; huma lestew l-osservazzjonijiet tagħhom u rrispondew xi mistoqsijiet.

V – L-ewwel domanda preliminari u l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari

47.

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dritt tal-Unjoni. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija tinnota wkoll li d-duttrina u l-ġurisprudenza ma jikkunsidrawx din id-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali bħala trasferiment tad-dritt preżunt, iżda bħala għoti tad-drittijiet, primarjament u direttament, lill-produttur tal-film biss.

48.

L-ewwel domanda preliminari u l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari huma marbuta ma’ din id-dispożizzjoni.

49.

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, abbażi tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/100, tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 93/83, tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/98 u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jirriżultax obbligu għall-Istati Membri li jagħtu d-drittijiet ta’ sfruttament ta’ riproduzzjoni, ta’ xandir permezz tas-satellita, u ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni f’kull każ, skont il-liġi, direttament (primarjament) lid-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv, jew lil awturi oħra tal-film speċifikati mil-leġiżlaturi tal-Istati Membri, u mhux direttament (primarjament) u esklużivament lill-produttur tal-film.

50.

Barra minn hekk, fil-każ li jeżisti tali obbligu, jiġifieri dak li d-drittijiet jingħataw primarjament lill-awtur tal-film, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għal preżunzjoni legali ta’ ċessjoni, lill-produttur tal-film, tad-drittijiet ta’ sfruttament ċċitati iktar ’il fuq li huwa intitolat għalihom id-direttur prinċipali tal-film bħala l-awtur ta’ dan il-film, jew li tipprovdi għal drittijiet ta’ sfruttament ekwivalenti lill-produttur tal-film.

51.

Fil-każ li tali preżunzjoni legali hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sussegwentement il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf x’inhuma l-kundizzjonijiet li għandha tiġi suġġetta għalihom din il-preżunzjoni u jekk f’dan ir-rigward għandhiex issir referenza, jekk ikun meħtieġ, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) u (6) tad-Direttiva 2006/115.

A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

52.

Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

53.

Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati mill-qorti tar-rinviju, Stat Membru huwa obbligat li jagħti primarjament id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-awtur tal-film.

54.

Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, b’mod partikolari ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, li awtur huwa intitolat għalihom skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, dan jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/98. Skont din id-dispożizzjoni, id-direttur prinċipali huwa f’kull każ l-awtur ta’ xogħol ċinematografiku. Għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/115 u tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 93/83, din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għall-finijiet tad-Direttiva 93/98 iżda għall-kuntrarju hija għandha portata orizzontali, jiġifieri ġenerali.

55.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali josserva l-ewwel nett li fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/116 ma hemmx indikat li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni hija limitata għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Sussegwentement, tali interpretazzjoni li tillimita l-portata ta’ din id-dispożizzjoni għall-finijiet tad-Direttiva 2006/116 tillimita kunsiderevolment l-effett utli tagħha. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li t-tul ta’ protezzjoni ma jiddependix mid-determinazzjoni tal-awtur tal-film. Barra minn hekk, ikun paradossali li jingħataw drittijiet relatati lill-artisti abbażi tad-Direttiva 2006/115 u ma jingħata ebda dritt lid-direttur prinċipali ta’ film.

56.

F’dak li jirrigwarda d-drittijiet esklużivi ta’ xandir bis-satellita, dan jirriżulta mill-Artikolu 1(5) u mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83.

57.

Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tagħti d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku lill-produttur tal-film tneħħi kull sinjifikat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Spanjol jirrileva li, ċertament, l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet tal-awtur fuq xogħol ċinematografiku lill-produttur tal-film. Madankollu, għalkemm dan jista’ jkun intitolat għad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol ċinematografiku, huwa qatt ma jista’ jkun intitolat għal dawn id-drittijiet esklużivament.

58.

Madankollu, skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippreżupponi li d-direttur prinċipali jċedi fil-kuntratt id-drittijiet ta’ sfruttament li jkun intitolat għalihom il-produttur tal-film hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni.

59.

Ċertament, la d-Direttiva 2006/115 u lanqas id-Direttiva 93/83 ma jinkludu dispożizzjonijiet li jipprevedu preżunzjonijiet legali. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li tali preżunzjonijiet jiffaċilitaw estremament il-bejgħ tad-drittijiet ta’ proprjetà fis-settur ċinematografiku. Inkella, ladarba tispiċċa l-produzzjoni tal-film, ikun hemm ir-riskju li l-produttur ma jkollux id-drittijiet neċessarji ta’ sfruttament tax-xogħol ċinematografiku, u dan ikun jikkostitwixxi ostakolu għall-investimenti fis-settur tal-produzzjoni tal-films.

60.

Barra minn hekk, tali preżunzjoni hija permessa biss bil-kundizzjoni li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 2(5) u 6 tad-Direttiva 2006/115. Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-fatt li, skont il-premessa 19 ta’ din id-direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mhux biss għad-dritt ta’ kiri u self iżda anki għad-drittijiet relatati tal-artisti skont din id-direttiva jissuġġerixxi li dawn jistgħu jiġu applikati b’analoġija. Dawn għandhom japplikaw iktar u iktar għad-drittijiet tal-awtur ta’ direttur prinċipali. Barra minn hekk, fis-sentenza Infopaq International ( 8 ), il-Qorti tal-Ġustizzja mxiet hija wkoll fuq din l-analoġija, tant li dan il-modus operandi jista’ jintuża wkoll fil-livell tal-leġiżlazzjoni sussidjarja.

61.

Għaldaqstant, l-ewwel nett għandu jkun hemm relazzjoni kuntrattwali bejn id-direttur u l-produttur tal-film. It-tieni nett, il-preżunzjoni għandha tkun konfutabbli. It-tielet nett, din għandha tipprevedi dritt għal remunerazzjoni li ma huwiex suġġett għal rinunzja skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/115.

62.

Fis-seduta, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreċiża r-raġunijiet li għalihom id-Direttiva 2006/115 hija l-unika direttiva li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-preżunzjoni. Dawn ir-regoli kellhom jiġu previsti espressament f’din id-direttiva għaliex l-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna ma huwiex applikabbli għad-drittijiet ta’ kiri u self.

63.

B’kuntrast ma’ dan, il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jqisu li dispożizzjoni bħalma hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni.

64.

Skont il-konvenut fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati, li jagħtu drittijiet tal-awtur lid-direttur prinċipali, għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat għall-qasam irregolat bid-direttiva li fiha jinsabu.

65.

Sussidjarjament, huwa jsostni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jipprevedu preżunzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet ta’ sfruttament tad-direttur prinċipali lill-produttur tal-film, huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

66.

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda tali dispożizzjonijiet, ma jeżistux dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġu pparagunati ma’ dawk tal-Artikolu 2(5) u (6) tad-Direttiva 2006/115 għaliex id-Direttiva 2006/116 ma tinkludix tali dispożizzjonijiet.

67.

Skont il-Gvern Awstrijak, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati mill-qorti tar-rinviju ma jistabbilixxux li d-drittijiet ta’ sfruttament inkwistjoni għandhom jingħataw primarjament lill-awtur tal-film. Fil-fatt, huma ma jirregolawx b’mod definittiv il-kwistjonijiet relatati mad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u min kiseb primarjament dawn id-drittijiet.

68.

L-ewwel nett, dan il-kunċett huwa b’konformità mar-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-kwistjoni relatata mad-detenturi tax-xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi fil-Komunità [COM (2002) 691 finali], tas-6 ta’ Diċembru 2002. Skont dan ir-rapport, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 14a(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 14a(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, id-determinazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol ċinematografiku hija rriżervata għall-partijiet kontraenti.

69.

It-tieni nett, il-fatt li fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116 l-leġiżlatur tal-Unjoni naqas milli jillimita l-portata tad-definizzjoni għall-“finijiet tad-Direttiva” ma jfissirx neċessarjament li din hija kwistjoni ta’ armonizzazzjoni li tmur lil hinn mill-qasam tal-perijodu ta’ protezzjoni. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-portata tad-definizzjoni tal-awtur fid-Direttiva 2006/116 tista’ tiġi dedotta mill-fatt li, sabiex jiġi kkalkolat il-perijodu ta’ protezzjoni, jeħtieġ jiġi stabbilit min huwa l-awtur tax-xogħol ċinematografiku.

70.

It-tielet nett, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2006/116 jagħmel riferiment għal każijiet li fihom Stat Membru jipprovdi għal dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur fil-każ ta’ xogħol kollettiv jew fil-każ li d-detentur tad-drittijiet ikun persuna ġuridika. Għaldaqstant, skont l-imsemmi artikolu, f’dawn il-każijiet l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jipprovdu għal dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw id-determinazzjoni tad-detentur tad-drittijiet. Ikun paradossali li dan ma jitħalliex isir għax-xogħlijiet ċinematografiċi, għalkemm jeħtieġ, ġustament, li jkun hemm konċentrazzjoni fuq id-drittijiet tal-produttur.

71.

Sussidjarjament, il-Gvern Awstrijak isostni li dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li fihom preżunzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet ta’ sfruttament lill-produttur tal-film huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Tali preżunzjonijiet ma humiex irregolati b’mod eżawrjenti bid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati mill-qorti tar-rinviju. Il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115 tagħmel riferiment għall-Artikolu 14a(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li fuqhom jistgħu jiġu bbażati dispożizzjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda l-preżunzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet. Id-Direttiva 2001/29 ma bidlet xejn f’dan ir-rigward.

72.

Sussegwentement, hija biss id-Direttiva 2006/115 li tinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw l-implementazzjoni tal-preżunzjonijiet, bħal pereżempju l-obbligu li jiġi previst dritt għal remunerazzjoni. Għaldaqstant, f’oqsma oħra, ma jeżistux dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt tal-Unjoni.

73.

Barra minn hekk, fis-seduta l-Gvern Awstrijak sostna li l-Artikolu 38(1) tal-UrhG ma jipprekludix ftehim bejn il-produttur u l-awtur tal-film li jipprovdi għal deroga mill-imsemmi artikolu. Għaldaqstant, il-produttur u l-awtur tal-film jistgħu jilħqu ftehim sabiex id-drittijiet esklużivi jkunu tal-awtur tal-film.

74.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2006/115 ma hijiex rilevanti. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-awtur ta’ xogħol ċinematografiku, ma tantx hija pertinenti għaliex hija tikkonċerna biss din id-direttiva. Għalkemm f’dan ir-rigward id-Direttiva 2006/115 hija inqas preċiża mid-Direttiva 92/100, l-ewwel waħda hija sempliċement kodifikazzjoni tat-tieni waħda u ma għandhiex l-għan li tintroduċi tibdil fis-sustanza.

75.

It-tieni nett, ma hemm xejn fid-Direttiva 93/83 li jindika li din talloka drittijiet tal-awtur armonizzati lid-direttur prinċipali ta’ film. Din id-direttiva tinkludi biss dispożizzjonijiet li jagħmlu riferiment għal regoli bażiċi li għandhom jiġu rrispettati meta jsir xandir lill-pubbliku bis-satellita jew trażmissjoni bil-cable.

76.

L-ewwel nett, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva ovvjament jipprovdi għad-dritt esklużiv tal-awtur, u għalhekk anki dak tad-direttur prinċipali b’konformità mal-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva, li jawtorizza l-komunikazzjoni ta’ xogħol ċinematografiku lill-pubbliku bis-satellita. Madankollu, huwa ma jinkludi ebda dispożizzjoni espressa li tindika jekk din l-esklużività għandhiex tingħata permezz tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet esklużivi oħra.

77.

Sussegwentement, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 93/83 jimponi unikament fuq l-Istati Membri l-obbligu li “ikunu osservati d-drittijiet ta’ l-awtur applikabbli u l-jeddijiet [d-drittijiet] relatati” meta ssir komunikazzjoni transkonfinali bil-cable. Dan jirriżulta mill-premessa 27 li tagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet eżistenti li jirregolaw id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati. F’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tad-drittijiet sostantivi applikabbli, l-Artikolu 4 tad-direttiva jagħmel ukoll riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/115.

78.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni wkoll li qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 93/83, id-dritt sostantiv rilevanti tal-awturi kien għadu ma huwiex irregolat bid-dritt tal-Unjoni iżda bl-Artikoli 11a sa 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Attwalment l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi għal dritt estiż ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li jkopri wkoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 93/83. Huwa għalhekk li wieħed għandu jistaqsi jekk id-direttur prinċipali għandux tali dritt unikament abbażi tad-Direttiva 2001/29 u mhux abbażi tad-Direttiva 93/83.

79.

It-tielet nett, id-dispożizzjoni dwar id-determinazzjoni tal-awtur ta’ xogħlijiet ċinematografiċi li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tarmonizza l-acquis * ( *1 ) tal-Unjoni kollu kemm hu għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ awtur ta’ xogħol ċinematografiku. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss il-kwistjoni tat-tul ta’ protezzjoni. Minħabba l-għadd kbir ta’ persuni li possibbilment ikunu awturi ta’ xogħol ċinematografiku, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi t-tul ta’ protezzjoni abbażi tal-mewt tal-awtur, għandhom jiġu ddeterminati l-awturi kkonċernati.

80.

Ir-raba’ nett, id-Direttiva 2001/29 tikkonċerna d-drittijiet li qegħdin jiġu kkontestati. Madankollu, l-Artikoli 2, 3 u 5(2) ta’ din id-direttiva ma jagħtu ebda indikazzjoni inkwantu huma ma jistabbilixxux min huwa l-awtur u d-detentur ta’ dritt partikolari. Ma hemm xejn li jista’ jippermetti li wieħed jibbaża ruħu fuq id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/115, tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/98 u tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 93/83. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/29, li jistipula li din id-direttiva għandha tkun bla ħsara għal dawn id-direttivi, jistabbilixxi b’mod eżawrjenti r-rabtiet magħhom.

81.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-osservazzjonijiet tagħha huma konformi mar-rapport tagħha dwar il-kwistjoni relatata mad-detenturi tax-xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi fil-Komunità, tas-6 ta’ Diċembru 2002, li fih hija waslet għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma armonizzawx kompletament il-kunċett ta’ awtur ta’ xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi.

B – Il-kunsiderazzjonijiet legali

82.

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati jipprovdux li ċerti drittijiet esklużivi ta’ sfruttament għandhom jingħataw primarjament lid-direttur prinċipali ta’ film. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, sussegwentement il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi għal preżunzjoni tat-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet ta’ sfruttament lill-produttur tal-film hijiex kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

83.

Jiena ser nanalizza d-domandi tal-qorti tar-rinviju b’dan il-mod: l-ewwel nett ser nanalizza jekk, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti fil-każ inkwistjoni, id-direttur prinċipali ta’ film għandux jitqies li huwa awtur ta’ xogħol ċinematografiku (1). Jekk dan ikun il-każ, sussegwentement ser nanalizza jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix b’mod obbligatorju l-għoti inizjali tad-drittijiet esklużivi inkwistjoni (2). Fl-opinjoni tiegħi dan ma huwiex il-każ; madankollu, Stat Membru li ma jagħtix primarjament id-drittijiet esklużivi inkwistjoni lid-direttur prinċipali bħala awtur tal-film għandu jirrispetta ċerti dispożizzjonijiet (3). Fl-aħħar nett, ser nanalizza taħt liema kundizzjonijiet, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (4).

1. In-natura ta’ awtur tad-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku

84.

L-ewwel nett, wieħed għandu jistaqsi jekk id-direttur prinċipali ta’ film għandux jitqies li huwa l-awtur għal dak li jirrigwarda d-drittijiet esklużivi inkwistjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn id-drittijiet esklużivi rregolati bid-Direttiva 93/83 u dawk irregolati bid-Direttiva 2001/29.

a) Id-Direttiva 93/83

85.

Il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment b’mod partikolari għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita tax-xogħol ċinematografiku. Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83, huwa l-awtur jew l-awturi ta’ xogħol ċinematografiku li għandu jew għandhom dan id-dritt. Id-determinazzjoni tal-awtur skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta mill-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv huwa meqjus bħala l-awtur jew wieħed mill-awturi. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li persuni oħra jiġu kkunsidrati koawturi.

b) Id-Direttiva 2001/29

86.

F’dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, li tagħmel riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju, dawn id-drittijiet huma rregolati bl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa l-awtur li għandu dawn id-drittijiet. Madankollu, il-kunċett ta’ awtur ma huwiex iddefinit fid-direttiva.

87.

F’dan ir-rigward, wieħed għandu jistaqsi jekk, fl-ambitu tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, huwiex possibbli li wieħed jirrikorri għad-definizzjoni ta’ awtur ta’ film stipulata fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116. Skont din id-dispożizzjoni, id-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku huwa meqjus bħala l-awtur jew wieħed mill-awturi, filwaqt li l-Istati Membri għandhom il-libertà li jagħżlu koawturi oħra.

88.

Huwa possibbli li wieħed jirrikorri għal din id-definizzjoni jekk, l-ewwel nett, id-Direttiva 2001/29 tippermetti li jsir riferiment għal direttivi oħra relatati mad-drittijiet tal-awtur u jekk, it-tieni nett, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/83 jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ awtur li ma hijiex limitata għall-finijiet ta’ din id-direttiva u li għaldaqstant tgħodd anki għad-Direttiva 2001/29.

89.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti.

90.

L-ewwel nett, id-Direttiva 2001/29 tippermetti li jsir riferiment għal direttivi oħra relatati mad-drittijiet tal-awtur.

91.

Dan huwa dak li joħroġ mill-premessa 20. Skont din il-premessa, id-Direttiva 2001/29 hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stabbiliti fid-direttivi li hemm fis-seħħ f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2006/116 hija ċċitata speċifikament. Għaldaqstant, id-direttiva tipprovdi espressament għall-possibbiltà ta’ riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/116.

92.

Għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Gvern Awstrijak u tal-Kummissjoni, bl-ebda mod ma jista’ jiġi dedott bil-kontra mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/29. Għalkemm din id-dispożizzjoni tipprovdi li d-Direttiva 2001/29 għandha tkun bla ħsara u ma taffettwa bl-ebda mod id-dispożizzjonijiet Komunitarji eżistenti, dan ma jfissirx li ma huwiex possibbli li jsir riferiment għall-prinċipji u għad-dispożizzjonijiet inklużi fiha. Dan ifisser biss li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/116.

93.

It-tieni nett, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116 jinkludi definizzjoni li hija intiża li tapplika wkoll għall-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29.

94.

Qabelxejn, dan huwa ssuġġerit mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju tad-definizzjonijiet, li fil-kumplament huma paragunabbli, tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/115 ( 9 ) u tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 93/83, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116 ma jipprovdix, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, għal-limitazzjoni tal-portata tad-definizzjoni ta’ awtur tal-film inkluża fiha.

95.

Barra minn hekk, il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jissuġġerixxi dan. Fil-fatt, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Gvern Awstrijak u tal-Kummissjoni, il-portata tad-definizzjoni ta’ awtur tal-film stipulata fid-Direttiva 2006/116 ma tistax tkun limitata għall-finijiet tal-imsemmija direttiva. Kieku dan kien il-każ, dan kien jillimita kunsiderevolment l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Gvern Awstrijak, id-definizzjoni ta’ awtur tal-film ipprovduta fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva ma tantx hija importanti għal dak li jikkonċerna t-tul ta’ protezzjoni u meta tibda din il-protezzjoni skont l-Artikolu 2(2) ta’ din l-istess direttiva ( 10 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/116, il-perijodu ta’ protezzjoni jibda jiddekorri mill-mewt tal-aħħar superstiti ta’ grupp ta’ persuni ddefinit b’mod eżawrjenti. Fost dawn il-persuni hemm id-direttur prinċipali, l-awtur tax-xeneġġjatura, l-awtur tad-djalogi u l-kompożitur tal-mużika maħluqa espressament sabiex tintuża fix-xogħol ċinematografiku, kemm jekk dawn il-persuni jkunu awturi kif ukoll jekk ma jkunux.

96.

Sussegwentement, lanqas l-oriġini tad-Direttiva 2006/116 ma tissuġġerixxi mod ieħor. Għalkemm l-ewwel abbozz tad-direttiva tal-Kummissjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-perijodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati, tat-23 ta’ Marzu 1992, ma kien għadu jinkludi ebda dispożizzjoni dwar id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ( 11 ), il-Parlament insista sabiex ssir armonizzazzjoni anki f’dan il-qasam ( 12 ). L-emendi mitluba mill-Parlament kienu jipprevedu sistema fejn il-kreaturi intellettwali kollha tax-xogħol ċinematografiku jkunu meqjusa bħala koawturi, u dawn għandhom jiġu elenkati fid-direttiva ( 13 ). Madankollu, fl-iżvolġiment tal-proċedura leġiżlattiva, irriżulta impossibbli li jiġu elenkati l-kreaturi kollha potenzjali ta’ xogħol ( 14 ). Hija għal din ir-raġuni li l-abbozz emendat tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Jannar 1993, illimita ruħu għall-formulazzjoni meħuda (ħlief għal xi emendi żgħar) mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116, li skontha d-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv huwa meqjus bħala l-awtur jew wieħed mill-awturi, u l-Istati Membri għandhom il-libertà li jagħżlu koawturi oħra ( 15 ). Għaldaqstant, huwa minnu li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/115 ma jistabbilixxix b’mod eżawrjenti l-awturi ta’ xogħol ċinematografiku. Madankollu minn din id-dispożizzjoni jista’ ċertament jiġi dedott li d-direttur prinċipali f’kull każ huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-awturi. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata fir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-kwistjoni relatata mad-detenturi tax-xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi fil-Komunità, COM (2002) 691 finali, tas-6 ta’ Diċembru 2002. F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni indikat espressament li d-Direttiva 2006/115 identifikat d-direttur prinċipali, b’mod ġenerali, bħala awtur tal-film u li, f’dan ir-rigward, hija pproċediet għal armonizzazzjoni parzjali ta’ dan il-kunċett ( 16 ).

97.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, għal finijiet purament kumplimentari, li d-Direttiva 2006/116 tinkludi wkoll dispożizzjonijiet oħra li l-portata tagħhom tmur lil hinn mill-istabbiliment tal-perijodu ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, wieħed jista’ jagħmel riferiment għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/116 sabiex ikun jaf meta ritratt ikun jikkostitwixxi xogħol li jista’ jiġi protett skont id-Direttiva 2001/29 ( 17 ).

98.

Għaldaqstant, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116 jirriżulta li d-direttur prinċipali għandu jitqies li huwa awtur tal-film skont it-tifsira tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29.

c) Konklużjoni intermedjarja

99.

Bħala konklużjoni intermedjarja, għandu jiġi ddikjarat li, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet esklużivi rregolati bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 u l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, anki d-direttur prinċipali għandu f’kull każ jitqies li huwa awtur.

2. Id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament għandhom jingħataw primarjament lid-direttur prinċipali bħala l-awtur tal-film?

100.

Issa ser nanalizza jekk mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jirriżultax obbligu vinkolanti li l-Istati Membri jagħtu d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament inkwistjoni primarjament lid-direttur prinċipali bħala awtur tax-xogħol ċinematografiku.

101.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju bħala prinċipju jagħtu d-drittijiet ta’ sfruttament inkwistjoni lill-awtur ta’ xogħol ċinematografiku (a). Madankollu, sussegwentement għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-premessa 5 tad-Direttiva 2006/116, li skontha d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-Artikolu 14a(2)(b)(ċ) u (d), u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Għaldaqstant, l-Istati Membri jirriżervaw is-setgħa li jipprovdu għal dispożizzjoni li tipprjobixxi lid-direttur prinċipali milli jopponi ċerti forom ta’ sfruttament meta jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet (b). Fl-opinjoni tiegħi, dan jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għal dispożizzjoni li tagħti primarjament id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-produttur tal-film (ċ), sakemm jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet vinkolanti li jirriżultaw mill-Artikoli 14a(2)(b) sa d), u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni (d).

a) L-għoti a priori tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-awtur tal-film

102.

Inizjalment, għandu jiġi osservat li d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament li ġejjin jingħataw a priori lid-direttur prinċipali bħala awtur tal-film skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116:

skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83, id-dritt li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħol ċinematografiku;

skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, id-dritt li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti;

skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, id-dritt li jawtorizzaw jew jipprojbixxi kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħol ċinematografiku tiegħu, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż li jagħmel disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tiegħu b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

b) Is-setgħa li jiġu limitati d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament tal-awtur tal-film

103.

Madankollu, il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/116 tispeċifika li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, inkluża b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-awtur ta’ xogħol ċinematografiku fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma bla ħsara għall-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-Artikolu 14a(2)(b)(ċ) u (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

104.

L-Artikolu 14a(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprovdi għal dispożizzjoni speċifika fil-każ ta’ persuni li jiġu rikonoxxuti bħala awturi tax-xogħol ċinematografiku minħabba l-kontributi li huma jkunu taw sabiex jipproduċu dan ix-xogħol. Fil-każ ta’ persuni li jkunu ntrabtu b’kuntatt li jagħtu l-kontribut imsemmi iktar ’il fuq, minkejja n-natura tagħhom bħala awturi, dawn ma għandhomx ikunu jistgħu joġġezzjonaw, prinċipju ( 18 ), għall-isfruttament tax-xogħol ċinematografiku, b’mod partikolari permezz ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Ovvjament, l-Artikolu 14a(3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprovdi li din id-dispożizzjoni bħala prinċipju ma għandhiex tkun applikabbli għad-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku. Madankollu, il-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna għandhom il-libertà li japplikaw din id-dispożizzjoni għalih ukoll.

105.

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna huwa li l-produttur ikun jista’ jisfrutta l-film anki meta ma jkunx għamel ftehim espress, mal-persuni li jkunu kkontribwixxew għalih, dwar it-trasferiment jew l-isfruttament tad-drittijiet li huma jkunu intitolati għalihom ( 19 ). B’hekk jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ aspetti tal-films. Minn naħa, il-films huma r-riżultat ta’ kreazzjoni intellettwali u jippreżupponu kreazzjonijiet intellettwali. Min-naħa l-oħra, dawn huma prodotti industrijali li jiswew il-flus. L-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna huwa li jipprojbixxu li l-għadd kbir ta’ awturi u d-drittijiet tal-awtur kkonċernati jfixklu l-isfruttament li jsir minn film.

106.

Fil-fatt, kieku l-isfruttament li jsir minn film kellu jkun suġġett għall-qbil ta’ kull wieħed mill-awturi kkonċernati, tiġi ppreġudikata ċ-ċertezza legali tal-bejgħ tal-films, b’detriment mhux biss għall-produttur iżda wkoll għall-persuni l-oħra involuti. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ garanziji suffiċjenti jista’ jikkostitwixxi wkoll problema għall-finanzjament tal-produzzjoni.

107.

L-idea espressa fil-premessa 5 għandha tiġi kkunsidrata b’rabta mad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previst fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ awtur tal-film fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116.

108.

Dan jgħodd ukoll għad-dritt ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/83. Madankollu, din id-direttiva ma tinkludi ebda premessa li tikkorrispondi għall-premessa 5 tad-Direttiva 2006/116.

109.

Madankollu, l-ewwel nett dan huwa ssuġġerit mill-premessa 35 tad-Direttiva 93/83, peress li skont din il-premessa, huma l-Istati Membri li għandhom jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet ġenerali meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva billi jittieħdu miżuri leġiżlattivi u amministrattivi fil-liġi domestika tagħhom, sakemm dawn ma jmorrux kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva u jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din is-setgħa għandha tkopri wkoll b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk previsti fl-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Fil-fatt l-għan tagħhom, jiġifieri dak li jiżguraw li l-produttur ikun jista’ jisfrutta l-film anki jekk ma jkunx għamel ftehim, mal-persuni li jkunu kkontribwixxew għal dan il-film, dwar id drittijiet tal-awtur li jitnisslu mill-kontribut tagħhom, huwa kompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 93/83. L-Artikolu 4 tagħha, kif ukoll il-premessi 25 u 26 tagħha, li jagħmlu riferiment għal dispożizzjonijiet paragunabbli tad-Direttiva 2006/115 iżda liema dispożizzjonijiet jikkonċernaw biss id-drittijiet relatati tal-artisti u l-produtturi ta’ fonogrammi, juru li din l-idea ma hijiex xi idea totalment estranja għad-Direttiva 93/83.

110.

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta dispożizzjoni relatata mad-drittijiet tal-awtur tad-direttur prinċipali li hija intiża li tapplika għall-acquis kollu fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur sussegwentement għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/83. Fl-opinjoni tiegħi, huwa possibbli wkoll li jiġi konkluż li r-referenza għall-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna tikkonċerna l-każijiet kollha relatati mad-drittijiet esklużivi tad-direttur prinċipali bħala awtur tal-film.

c) Il-legalità tal-għoti tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament primarjament lill-produttur tal-film

111.

Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, hija biss dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament inkwistjoni għandhom jingħataw primarjament lill-awtur tal-film li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Hija għal din ir-raġuni li fl-opinjoni tar-rikorrent hija kompatibbli biss mad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni dispożizzjoni nazzjonali li tippreżupponi t-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet lill-produttur tal-film jew li tippreżupponi li huwa jingħata d-dritt ta’ sfruttament.

112.

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

113.

L-ewwel nett jidher li l-formulazzjoni tal-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna hija wiesgħa suffiċjentement sabiex tkopri wkoll dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament għandhom jingħataw primarjament lill-produttur tal-film biss, u mhux lid-direttur prinċipali. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14a(3) u (2)(b) sa (d) tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprovdu li waħda mill-partijiet kontraenti tista’ tadotta dispożizzjoni li tipprojbixxi lid-direttur prinċipali milli joġġezzjona għar-riproduzzjoni u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku. Fl-opinjoni tiegħi, din il-formulazzjoni mhux biss tkopri dispożizzjoni li tipprovdi li dawn id-drittijiet għandhom jingħataw primarjament lill-awtur tal-film u sussegwentement tippreżupponi t-trasferiment tagħhom lill-produttur, iżda tkopri wkoll dispożizzjoni li tipprovdi li dawn id-drittijiet għandhom jingħataw primarjament lill-produttur tal-film.

114.

It-tieni nett, skont is-sistema legali nazzjonali, tali approċċ jista’ jkun adattat sabiex jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 14a(2)(b) sa d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Jekk id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament jingħataw primarjament lill-awtur tal-film, b’konformità mas-sistema legali nazzjonali, dawn jistgħu jiġu esposti għar-riskju ta’ ċessjoni a priori. F’każ bħal dan, preżunzjoni tat-trażmissjoni tad-drittijiet lill-produttur tal-film ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż ir-riskju tal-imblukkar tal-isfruttament.

d) Konklużjoni intermedjarja

115.

Bħala konklużjoni intermedjarja, għandu jiġi ddikjarat li, bħala prinċipju, id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament għar-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita, għandhom jingħataw primarjament lid-direttur prinċipali bħala awtur tax-xogħol ċinematografiku kif ukoll, jekk ikun meħtieġ, lil awturi oħra. Għalkemm bħala prinċipju d-drittijiet għandhom jingħataw b’dan il-mod, Stat Membru għandu s-setgħa li jadotta dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li dawn id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament għandhom jingħataw inizjalment lill-produttur tal-film. Madankollu, dan huwa possibbli biss dment li l-Istat Membru jirrispetta l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta tali dispożizzjoni skont id-dritt tal-Unjoni. Issa jiena ser nanalizza dawn il-kundizzjonijiet.

3. Il-kundizzjonijiet sabiex id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament jingħataw inizjalment lill-produttur tal-film

116.

Għalkemm Stat Membru jista’ jipprovdi għal dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament jingħataw esklużivament u primarjament lill-produttur tal-film, huwa għandu jissodisfa ċerti kundizzjonijiet meta jagħmel dan. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju tal-opinjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita analoġija mal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115 (a). Madankollu, mill-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, kif ukoll mid-drittijiet fundamentali, jirriżultaw dispożizzjonijiet, li ċertament huma daqsxejn inqas preċiżi minn dawn id-dispożizzjonijiet, iżda huma paragunabbli fis-sustanza tagħhom (b).

a) In-nuqqas ta’ possibbiltà li tiġi stabbilita analoġija mal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115

117.

Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol, fil-każ bħalma huwa dak inkwistjoni, huwa possibbli li b’analoġija jiġu applikati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li meta l-awtur ta’ xogħol ċinematografiku jkun iffirma kuntratt li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ film ma’ produttur tal-film, huwa preżunt li jkun ċeda d-dritt ta’ kiri tiegħu. Madankollu, il-kundizzjonijiet imposti huma, l-ewwel nett, li ma jkunx hemm ftehim mod ieħor u fit-tieni lok, li l-awtur ikollu dritt għal remunerazzjoni ġusta u li ma jkunx jista’ jirrinunzja għalih.

118.

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-kawża inkwistjoni, ma hijiex prevedibbli analoġija mal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115.

119.

L-ewwel nett, ma hemm ebda lakuna ġuridika involontarja.

120.

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-proposta emendata tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Jannar 1993 ( 20 ), fl-Artikolu 1a(3), tipprovdi espressament il-possibbiltà li tiġi adottata dispożizzjoni li tippreżupponi li l-awturi ta’ films, li jkunu ntrabtu bil-kuntratt sabiex jipproduċu film, jaċċettaw li x-xogħlijiet tagħhom jiġu użati; l-abbozz tad-dispożizzjoni kien jinkludi wkoll referenza espliċita għad-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva 2006/115. Madankollu, dan l-element tal-proposta fl-aħħar mill-aħħar ma ġiex miżmum. Fl-opinjoni tiegħi, id-deċiżjoni konxja tal-leġiżlatur li ma jinkludix id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2006/116, teskludi l-analoġija.

121.

Sussegwentement, fl-opinjoni tiegħi, f’kawża bħal dik inkwistjoni, ma jistax jitqies li hemm lakuna ġuridika. L-Istati Membri li jridu jillimitaw id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament tal-awtur tal-film għandhom jirrispettaw mhux biss il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, iżda anki d-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, dan huwa biżżejjed sabiex tiġi eskluża lakuna ġuridika fil-livell tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni il-kompetenza konkorrenti tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur. Dan ifisser li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli meta jkun hemm xi ħaġa li ma tkunx irregolata mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta d-dritt tal-Unjoni ma jsemmi xejn dwar xi kwistjoni, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jimlew lakuni eventwali u li jevitaw kunsiderazzjonijiet diverġenti ( 21 ).

122.

It-tieni nett, għandha wkoll tiġi miċħuda l-oġġezzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li skontha fis-sentenza Infopaq International ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll imxiet b’analoġija. Dan il-każ kien jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-kunċett ta’ xogħol li jista’ jgawdi protezzjoni skont it-tifsira tad-Direttiva 2001/29. Sabiex tinterpreta dan il-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2001/29 u li għalih, f’dan il-każ, ma hemm ebda definizzjoni li tirriżulta minn direttivi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-kontenut ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom ċerti xogħlijiet jistgħu jgawdu protezzjoni. Madankollu, f’dan il-każ speċifiku, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi stabbilit kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-proposta tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tissuġġerixxi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/115 jiġu applikati wkoll fl-ambitu tad-Direttiva 2006/116, iżda li huwa intenzjonalment li dawn id-dispożizzjonijiet ma reġgħux ġew inklużi f’din l-aħħar direttiva.

123.

Għaldaqstant, għandu jiġi ddikjarat li f’każ bħal dak tal-kawża inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115 ma jistgħux jiġu applikati b’analoġija.

b) Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni

124.

Madankollu, kif diġà għedt iktar ’il fuq, mill-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, kif ukoll mill-Karta, jirriżultaw kundizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jissodisfaw meta huma jkunu jixtiequ jagħtu lill-produttur tal-film id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament li bħala prinċipju huwa intitolat għalihom id-direttur prinċipali bħala awtur. Il-kundizzjonijiet li ġejjin jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet: l-ewwel nett, tali għoti tad-drittijiet jippreżupponi li jkun sar kuntratt bejn id-direttur prinċipali, bħala awtur, u l-produttur tal-film (i). It-tieni nett, għandu jkun hemm il-possibbiltà ta’ dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor (ii). It-tielet nett, id-dritt ta’ proprjetà li jingħata lill-proprjetarju tal-film jirrikjedi li dan għandu jingħata remunerazzjoni ġusta fil-każ li jiġu limitati d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament tiegħu (iii).

i) L-iffirmar ta’ kuntratt

125.

Skont l-Artikolu 14a(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, l-għoti tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-produttur tal-film huwa suġġett għall-iffirmar ta’ kuntratt bejn l-imsemmi produttur u d-direttur prinċipali, li permezz tiegħu d-direttur prinċipali jintrabat li jagħti l-kontribut tiegħu għall-produzzjoni tax-xogħol ċinematografiku.

ii) Il-possibbiltà li jiġu previsti dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor

126.

Sussegwentement, għandu jkun hemm il-possibbiltà li jiġu previsti dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor. Dan jirriżulta mill-Artikolu 14(a)(2)(b) sa (d) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Taħt (b), huwa previst li għandu jkun hemm il-possibbiltà ta’ dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor jew dispożizzjonijiet speċifiċi oħra, u taħt (d), il-frażi “sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor u salvi dispożizzjonijiet speċifiċi” għandha tfisser kull kundizzjoni restrittiva prevista fil-kuntratt li fih l-awtur tal-film jimpenja ruħu li jagħti l-kontribut tiegħu għall-produzzjoni tax-xogħol ċinematografiku.

iii) Dritt għal kumpens ġust

127.

Fl-aħħar nett, Stat Membru li jkun jixtieq jagħti lill-produttur tal-film id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament, li bħala prinċipju huwa intitolat għalihom id-direttur prinċipali bħala awtur, għandu jiżgura li d-direttur prinċipali jikseb remunerazzjoni ġusta bħala kumpens għal din ir-restrizzjoni.

128.

Ċertament, l-Artikolu 14(a)(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna ma tistipulax tali kundizzjoni. Madankollu, l-għoti lill-produttur tal-film tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament li bħala prinċipju huwa intitolat għalihom id-direttur prinċipali bħala awtur tal-film jikkostitwixxi ostakolu għad-dritt ta’ proprjetà protett bl-Artikolu 17 tal-Karta. Dan l-ostakolu huwa ġġustifikat biss jekk l-awtur tal-film jikseb kumpens ġust għal dan.

– Id-dritt tad-direttur prinċipali bħala awtur tal-film: dritt ta’ proprjetà protett mid-drittijiet fundamentali

129.

Filwaqt li d-direttur prinċipali jiġi rrikonoxxut bħala awtur tal-film u filwaqt li jingħata, bħala prinċipju, id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament korrispondenti, fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/83 u fl-Artikolu 1(5), id-dritt tal-Unjoni jagħtih dritt ta’ proprjetà. Dan id-dritt huwa protett bl-Artikolu 17 tal-Karta, u l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jindika espressament li din il-protezzjoni tikkonċerna speċifikament il-proprjetà intellettwali ( 23 ).

130.

Ma jistax jiġi kkontestat il-fatt li, skont l-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-direttur prinċipali, bħala awtur, ma jistax joġġezzjona għall-isfruttament tal-film. Ir-referenza selettiva għall-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115 turi li dan ma għandux l-għan li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jikkontestaw l-għoti tad-dritt ta’ proprjetà tal-awtur bħala tali. Fil-fatt, il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115 tagħmel riferiment biss għall-Artikolu 14(a)(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Hija ma tagħmilx riferiment għall-Artikolu 14a(2)(a) li jipprovdi li d-determinazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħol ċinematografiku hija kwistjoni li għandha tiġi stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-partijiet kontraenti. Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li hija ma tagħmilx riferiment għall-imsemmija dispożizzjoni juri biċ-ċar li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-awtur tad-direttur prinċipali stabbiliti fil-livell tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-awtur tad-direttur prinċipali, li jikkostitwixxu dritt ta’ proprjetà protett bid-drittijiet fundamentali, u dan anki meta huma jużaw is-setgħa pprovduta lilhom mid-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-premessa 5 tad-Direttiva 2006/116 u tal-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna ( 24 ).

– Il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-ksur ta’ dan id-dritt ta’ proprjetà

131.

Meta Stat Membru juża s-setgħa mogħtija lilu bl-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna u jillimita d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament li huwa intitolat għalihom id-direttur prinċipali bħala awtur tal-film, huwa joħloq ostakolu għad-dritt ta’ proprjetà tiegħu. Tali limitazzjoni hija ġġustifikata biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għal dan l-għan, liema kundizzjonijiet huma stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) u fl-Artikolu 52 tal-Karta.

132.

L-ewwel nett, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, dan il-ksur għandu jkun iġġustifikat minn raġunijiet ta’ interess pubbliku. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistgħu nqisu li l-għoti lill-produttur tal-film tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament li bħala prinċipju huwa intitolat għalihom id-direttur prinċipali bħala awtur huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ interess pubbliku jekk huwa għandu l-għan li jiżgura l-isfruttament effettiv tal-film min-naħa tal-produttur.

133.

Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, il-persuna għandha tingħata kumpens xieraq inkambju għat-telf ta’ proprjetà. F’kawża bħal dik inkwistjoni, din il-kundizzjoni tirriżulta wkoll mill-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fil-fatt, l-għoti tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-produttur tal-film mingħajr kumpens xieraq ikun sproporzjonat u jmur kontra l-essenza nnifisha tad-dritt ta’ proprjetà. Fil-fatt, mingħajr il-ħlas ta’ kumpens xieraq, hemm ir-riskju li d-drittijiet tal-awtur tad-direttur prinċipali tal-film, li huma protetti bid-drittijiet fundamentali, titneħħielhom is-sustanza tagħhom jekk id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament jingħataw lill-produttur ( 25 ).

iv) Konklużjoni intermedjarja

134.

Bħala konklużjoni intermedjarja, għandu jiġi ddikjarat li s-setgħa li għandhom l-Istati Membri li jagħtu lill-produttur tal-film id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament li huwa intitolat għalihom id-direttur prinċipali bħala awtur hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

għandu jkun hemm kuntratt bejn id-direttur prinċipali tal-film u l-produttur, li fih id-direttur prinċipali jintrabat li jagħti l-prestazzjoni tiegħu;

għandu jkun hemm il-possibbiltà ta’ dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor u li abbażi tagħhom il-produttur jirriżerva d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament jew l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet;

għandu jiġi żgurat li l-awtur tal-film jikseb kumpens ġust.

4. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni

135.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, issa jiena ser nagħmel analiżi tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

136.

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar jekk tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li hija tinftiehem bħala għoti primarju u dirett tad-drittijiet ta’ sfruttament unikament lill-produttur tal-film, dawn id-dubji ma humiex iġġustifikati. Fil-fatt, bħalma spjegajt iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprovdux b’mod imperattiv li d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament għandhom jingħataw direttament lill-awtur tal-film. Huwa għalhekk li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippreżupponi li d-direttur prinċipali ta’ film ikun ittrasferixxa lill-produttur id-drittijiet ta’ sfruttament li huwa intitolat għalihom bħala awtur jew li jkun ta lill-produttur drittijiet ta’ sfruttament korrispondenti, iżda wkoll dispożizzjoni li tagħti d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament primarjament lill-produttur tal-film.

137.

Ċertament, limitazzjoni tad-drittijiet ta’ sfruttament mogħtija lid-direttur prinċipali ta’ film bħala awtur ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115. Madankollu, sostanzjalment hija għandha tissodisfa kundizzjonijiet simili.

138.

L-ewwel nett, id-direttur prinċipali ta’ film għandu jkun għamel kuntratt mal-produttur li fih huwa jintrabat li jagħti l-kontribut tiegħu għall-produzzjoni tax-xogħol ċinematografiku.

139.

Ma jidhirx li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG tinkludi espressament tali kundizzjoni. Madankollu, dan ma għandux ikollu konsegwenzi peress li, ġeneralment, id-direttur prinċipali jagħti l-prestazzjoni tiegħu abbażi ta’ kuntratt espress jew tal-inqas abbażi ta’ kuntratt taċitu. F’dan il-każ atipiku u diffiċilment konċepibbli, li fih id-direttur prinċipali tal-film ma għamilx kuntratt mal-produttur, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hija kompatibbli biss mad-dritt tal-Unjoni jekk hija tiġi interpretata b’dan il-mod, u f’każ bħal dan jirriżulta li hija ma tistax tiġi applikata.

140.

Fit-tieni lok, id-dritt nazzjonali għandu jippermetti dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor u li jagħtu drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-awtur, u mhux lill-produttur tal-film.

141.

Ċertament, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG ma tipprovdix espressament għal tali possibbiltà. Madankollu, dan ma jfissirx li hija neċessarjament inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura imperattiva iżda addizzjonali, il-partijiet kontraenti jistgħu jidderogaw minnha. Għaldaqstant, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, li d-drittijiet ta’ sfruttament huma inizjalment tal-produttur tal-film, u mhux tal-awtur, hija kompatibbli mal-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li d-drittijiet ta’ sfruttament huma primarjament tal-produttur tal-film, iżda jistgħu jiġu ttrasferiti abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor, hija kompatibbli wkoll ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni bħalma hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk ma hemmx il-possibbiltà ta’ dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor.

142.

Fit-tielet lok, fil-każ ineżami, l-Istat Membru għandu jiżgura kumpens xieraq lill-awtur tal-film li d-dritt ta’ proprjetà tiegħu jiġi limitat mingħajr il-kunsens tiegħu.

143.

Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 38(1) tal-UrhG ma tipprovdi għal ebda kumpens xieraq. Fl-opinjoni tal-Gvern Awstrijak, l-Istati Membri għandhom il-libertà mhux biss li jiddeċiedu dwar l-għoti tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament iżda anki dwar dak tad-dritt ta’ proprjetà minn fejn joriġinaw dawn id-drittijiet. Huwa għalhekk li skont il-Gvern Awstrijak, fil-każ tal-għoti tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament lill-produttur tal-film, ma hemmx l-obbligu li jiġi previst kumpens xieraq għad-direttur prinċipali.

144.

Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ( 26 ), ma jidhirlix li tali approċċ huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, bl-għoti tad-drittijiet tal-awtur lid-direttur prinċipali, id-dritt tal-Unjoni jagħti dritt ta’ proprjetà li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri. Fil-każ li jiġi ppreġudikat dan id-dritt ta’ proprjetà, għandu jiġi żgurat kumpens xieraq lid-direttur prinċipali bħala awtur tal-film.

VI – It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, flimkien mat-tielet u r-raba’ domandi preliminari

145.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-produttur u l-awtur tal-film huma intitolati għal nofs id-drittijiet legali għal remunerazzjoni tal-awtur rispettivament, bil-kundizzjoni li jkun hemm il-possibbiltà ta’ rinunzja u sakemm il-produttur u l-awtur ma jkunux ftiehmu mod ieħor. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tikkonċerna b’mod partikolari r-“remunerazzjoni ta’ kasetts vojta” prevista fl-Artikolu 42b tal-UrhG. Skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa dritt li jirriżulta mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 li għandu l-għan li jiżgura kumpens ġust għall-kopji għal użu privat, li sa ċertu punt huma awtorizzati fid-dritt nazzjonali, u fil-każ ta’ limitazzjoni li tirriżulta b’konsegwenza tad-dritt ta’ riproduzzjoni tal-awtur skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.

146.

Huwa f’dan il-kuntest ġuridiku li l-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari tagħha, kif ukoll it-tielet u r-raba’ domandi preliminari.

147.

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxix li d-drittijiet legali, u b’mod partikolari d-dritt għal “remunerazzjoni ta’ kasetts vojta”, għandhom jingħataw primarjament lid-direttur ta’ xogħol ċinematografiku, bħala awtur, skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1). Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju sussegwentement tixtieq tkun taf jekk dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi preżunzjoni tat-trażmissjoni tad-drittijiet legali lill-produttur tal-film hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Sussegwentement, hija tistaqsi jekk għandhomx jiġu applikati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(5) u (6) u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/115 għal tali preżunzjoni.

148.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi espressament jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

149.

Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

150.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol isostnu li huwa d-direttur prinċipali bħala awtur tal-film li huwa intitolat għad-drittijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li dan jinkludi wkoll id-drittijiet l-oħra previsti mill-Istat Membru għal każijiet oħra ta’ użu liberu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi applikat il-prinċipju tal-kreatur (“Schöpferprinzip”) previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116. Madankollu, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu stabbiliti fil-kuntratt.

151.

Skont il-Gvern Spanjol, il-preżunzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament hija minnha nnifisha inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, dan it-trasferiment għandu l-għan li jiffaċilita l-bejgħ tad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament u b’hekk jiżgura l-pożizzjoni tal-produttur tal-film bħala investitur. Dan ma japplikax għad-drittijiet legali għal remunerazzjoni ġusta. Fil-fatt, f’każ bħal dan, it-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet ma jirriżultax fl-iffaċilitar tal-bejgħ tad-drittijiet fuq il-film. Hija għal din ir-raġuni li dispożizzjoni li tipprovdi għal preżunzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet għal remunerazzjoni ġusta lill-produttur tal-film tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

152.

B’kuntrast ma’ dan, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jqis li huwa possibbli li jiġu applikati preżunzjonijiet b’analoġija mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/115. Madankollu, meta jsir dan, għandhom jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) u (6) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/115. L-ewwel nett irid ikun hemm preżunzjoni konfutabbli. Sussegwentement, għandu jkun hemm kuntratt. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi żgurata remunerazzjoni ġusta li ma tistax tiġi rrinunzjata. Huwa għalhekk li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għaliex hija ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. L-ewwel nett, b’dan il-mod ma jkunux qegħdin jingħataw id-drittijiet primarji kollha lid-direttur prinċipali, iżda jkunu qegħdin jingħataw biss nofs id-drittijiet. L-għoti tan-nofs l-ieħor tad-drittijiet lill-produttur tal-film ma huwiex ikkunsidrat bħala preżunzjoni. Sussegwentement, din il-preżunzjoni ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ kuntratt, u dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-drittijiet tal-awtur tal-film ma humiex ta’ natura addizzjonali. Madankollu, l-għoti ta’ nofs id-drittijiet lill-produttur tal-film jista’ jidher li huwa ġġustifikat, għaliex il-produttur tal-film, bħala l-ewwel produttur tal-film, huwa detentur tad-drittijiet relatati.

153.

Skont il-konvenut fil-kawża prinċipali u l-Gvern Awstrijak, dispożizzjoni nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

154.

Skont il-konvenut fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liberament dwar l-introduzzjoni u t-tfassil ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-remunerazzjoni. Huwa għalhekk li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll lil min jagħtu dawn id-drittijiet. Id-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss id-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament u ma jirregolawx id-drittijiet legali għal remunerazzjoni. Madankollu, huwa possibbli li jiġu previsti preżunzjonijiet ta’ trasferiment tad-drittijiet legali għal remunerazzjoni lill-produttur tal-film. Kieku ma kienx hekk, id-drittijiet legali għal remunerazzjoni jkunu esklużivament tal-awtur tal-film, u dan ma jkunx xieraq. Peress li l-Artikolu 2(5) u (6) tad-Direttiva 2006/115 ma huwiex applikabbli f’kawża bħal dik inkwistjoni u peress li għaldaqstant ma hemmx dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mat-trasferiment tad-drittijiet li huwa intitolat għalihom l-awtur tal-film, l-Istati Membri huma perfettament ħielsa li jorganizzaw dawn id-drittijiet kif jidhrilhom huma. F’kull każ, l-Artikolu 2(5) u (6) tad-Direttiva 2006/115 ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtur tal-film jisfrutta dawn id-drittijiet b’mod liberu.

155.

Skont il-Gvern Awstrijak, huwa impossibbli li d-dritt għal remunerazzjoni tad-direttur prinċipali jiġi bbażat fuq l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, preżunzjoni ma tikkostitwix eċċezzjoni għad-drittijiet ta’ sfruttament jew limitazzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Madankollu, anki kieku din id-dispożizzjoni kienet applikabbli għal preżunzjoni legali, xorta waħda jibqa’ jkun possibbli li jiġi rrinunzjat il-“kumpens ġust” fil-każ ta’ riproduzzjoni għal użu privat kif rikjest minn din id-dispożizzjoni.

B – Kunsiderazzjonijiet legali

1. Osservazzjoni preliminari

156.

It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari kif ukoll it-tielet u r-raba’ domandi preliminari jikkonċernaw il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tirregola d-drittijiet legali. Hija tistipula li l-awtur u l-produttur tal-film huma intitolati għal nofs id-drittijiet legali għal remunerazzjoni rispettivament, bil-kundizzjoni li jkun hemm il-possibbiltà ta’ rinunzja u sakemm il-produttur u l-awtur ma jkunux ftiehmu mod ieħor.

157.

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li d-drittijiet legali jinkludu b’mod partikolari r-“remunerazzjoni ta’ kasetts vojta”. Dan huwa dritt skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 li għandu l-għan li jagħti lil awtur kumpens ġust għall-kopji intiżi għal użu privat li sa ċertu punt huma awtorizzati fid-dritt nazzjonali, u fil-każ ta’ limitazzjoni li tirriżulta mid-dritt ta’ riproduzzjoni tal-awtur.

158.

Fil-parti sussegwenti, ser nanalizza l-ewwel nett jekk dispożizzjoni bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta tiġi applikata għar-remunerazzjoni ta’ kasetts vojta. B’hekk, ser nispjega l-ewwel nett ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (1). Sussegwentement, ser nanalizza jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hijiex kompatibbli ma’ dawn ir-rekwiżiti (2).

159.

Minbarra r-“remunerazzjoni ta’ kasetts vojta”, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw ukoll drittijiet legali oħra skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG. Madankollu, hija ma tippreċiżax liema huma d-drittijiet ikkonċernati, tant li huwa impossibbli li wieħed ikun jaf liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni japplikaw għal dawn id-drittijiet l-oħra. Minħabba din ir-raġuni mhux ser nanalizza dawn id-drittijiet legali li ma humiex speċifikati.

2. Il-kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29

160.

Skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li tikkonċerna r-riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika għal użu privat, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni pprovdut fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Madankollu, fil-każ ineżami, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li inkambju għal dan, id-detenturi kkonċernati jiksbu kumpens ġust. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liberament li jipprovdu għal limitazzjonijiet tad-dritt ta’ riproduzzjoni għal kopji għal użu privat. Madankollu, meta jipprovdu għal tali limitazzjonijiet huma għandhom jiżguraw li d-detenturi kkonċernati jiksbu kumpens ġust. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri ma għandhom ebda diskrezzjoni.

a) Min għandu dritt għall-kumpens ġust?

161.

Id-detenturi li għandhom jiksbu kumpens ġust skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huma dawk il-persuni kollha li d-dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv tagħhom skont dan l-artikolu tad-Direttiva 2001/29 huwa affettwat mill-awtorizzazzjoni sabiex isiru kopji għal użu privat mingħajr il-qbil tad-detentur tad-drittijiet, jiġifieri:

l-awtur tal-film, għal dak li jikkonċerna d-dritt esklużiv tiegħu ta’ riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, u

il-produttur tal-iffissar inizjali tal-films, għal dak li jikkonċerna d-dritt esklużiv tiegħu ta’ riproduzzjoni skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2001/29, għal dak li jirrigwarda l-film oriġinali u l-kopji tiegħu.

162.

F’kawża bħal dik inkwistjoni, għandu jiġi mistoqsi jekk il-persuna kkonċernata skont it-tifsira tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 hijiex id-direttur prinċipali jew inkella l-produttur tal-film. Minn naħa, kif diġà spjegajt iktar ’il fuq, id-direttur prinċipali għandu jitqies li huwa awtur tax-xogħol ċinematografiku ( 27 ). Min-naħa l-oħra, l-Istat Membru uża setgħa mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni sabiex jagħti lill-produttur tal-film id-drittijiet ta’ riproduzzjoni li bħala prinċipju huwa intitolat għalihom id-direttur prinċipali bħala awtur ( 28 ).

163.

Fl-opinjoni tiegħi, f’kawża bħal dik inkwistjoni, l-Artikolu 5(2)(b) u l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa d-direttur prinċipali, bħala awtur tal-film, li huwa intitolat għal kumpens ġust. Fil-fatt, il-kumpens ġust skont it-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxi kumpens xieraq skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, li għandu l-għan li jagħti kumpens lill-awtur tal-film fil-każ ta’ limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tiegħu. Kif spjegajt iktar ’il fuq, is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri li jagħtu lill-produttur id-dritt ta’ riproduzzjoni li bħala prinċipju huwa intitolat għalih l-awtur tal-film skont l-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna ma tipprekludix il-fatt li d-direttur prinċipali jiġi indikat bħala awtur ( 29 ). Hija għal din ir-raġuni li f’kawża bħal dik inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-awtur huwa d-direttur prinċipali, anki jekk l-Istat Membru ta d-dritt ta’ riproduzzjoni lill-produttur tal-film.

b) Dispożizzjonijiet oħra

164.

Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li għajr għall-fatt li għandu jiġi żgurat kumpens ġust, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jinkludix dispożizzjonijiet addizzjonali. Hekk kif, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 tat-TFUE, direttiva għandha torbot l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda r-riżultat li jrid jinkiseb, iżda ma torbothomx fir-rigward tal-għażla ta’ forom u metodi, il-mod li jużaw sabiex jiżguraw kumpens ġust lill-persuni msemmija iktar ’il fuq jitħalla f’idejhom.

165.

Għaldaqstant, skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, l-unika ħaġa neċessarja huwa li l-Istati Membri jiżguraw kumpens ġust lill-awtur jew lill-awturi tal-film. Min-naħa l-oħra, il-mod kif jiġi żgurat dan il-kumpens jitħalla f’idejhom. B’hekk huma jistgħu jiddeċiedu wkoll, pereżempju, li jagħtu lill-produtturi tal-films dritt fuq il-mezzi ta’ reġistrazzjoni użati għall-kopji intiżi għal użu privat u għaldaqstant huma jistgħu jiddeċiedu li jagħtu lill-awturi dritt fir-rigward tal-produtturi.

166.

Fl-aħħar nett nixtieq nosserva li la mill-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna u lanqas mill-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115 ma jirriżultaw dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-“remunerazzjoni ta’ kasetts vojta”. Fil-fatt, l-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu (“ma jistgħux ?…] joġġezzjonaw”) [traduzzjoni mhux uffiċjali] jista’ jiġi applikat biss għad-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament. Lanqas l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2006/115 ma hija prevedibbli peress li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirregola l-kumpens ġust għall-kopji intiżi għal użu privat u għalhekk ma hemmx lakuna ġuridika.

167.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari u għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li ċertament ma tirriżulta ebda dispożizzjoni ta’ natura imperattiva fid-dritt tal-Unjoni mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, li tistabbilixxi li d-direttur prinċipali ta’ film, bħala awtur, għandu jingħata dritt għal kumpens ġust fir-rigward tax-xerrejja ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jintużaw għal kopji privati. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-direttur prinċipali, bħala awtur tax-xogħol ċinematografiku, jikseb kumpens ġust inkambju għal-limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tiegħu li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni sabiex isiru riproduzzjonijiet intiżi għal użu privat mingħajr il-qbil tiegħu.

3. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni

168.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, issa ser nanalizza d-domanda tal-qorti tar-rinviju li tikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tagħha fir-rigward tad-dritt għal remunerazzjnoni ta’ kasetts vojta.

169.

Ċertament, dispożizzjoni bħall-Artikolu 42b(1) tal-UrhG tagħti lill-awtur tal-film dritt għal remunerazzjoni ġusta bħala kumpens għal riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu li tkun intiża għal użu privat. Madankollu, abbażi ta’ dispożizzjoni bħalma hija t-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG, dan id-dritt jinqasam u jitħalla biss nofs lill-awtur tal-film filwaqt li n-nofs l-ieħor jingħata lill-produttur.

170.

Fl-opinjoni tiegħi, tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali diffiċilment hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Kif spjegajt iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-awtur għandu jikseb kumpens ġust għall-awtorizzazzjoni ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlu mingħajr il-kunsens tiegħu, li tkun intiża għal użu privat. Ċertament, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 42b tal-UrhG, li tagħti lill-awtur tal-film dritt għal remunerazzjoni ġusta tidher li tissodisfa dan ir-rekwiżit. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, il-qsim tad-drittijiet skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG jagħti biss lill-awtur nofs ir-remunerazzjoni, li jkun ġust fid-dawl tal-limitazzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni tiegħu.

171.

Fl-opinjoni tiegħi, ikun xi jkun l-ammont nominali tar-remunerazzjoni, il-prinċipju ta’ dan il-qsim huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

172.

Ċertament, meta Stat Membru jipprovdi għal dritt għal remunerazzjoni ġusta skont it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, kemm għall-awtur kif ukoll għall-produttur tal-film, ma tinqala’ ebda problema mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, bħalma spjegajt iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni, flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 2(a) u (d) tad-Direttiva 2001/29, tipprovdi għal dritt għal kumpens ġust kemm għall-awtur kif ukoll għall-produttur tal-film. L-awtur tal-film għandu jingħata kumpens għal-limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tiegħu fuq ix-xogħol ċinematografiku u l-produttur tal-film għandu jingħata kumpens għar-riproduzzjoni tal-film oriġinali tiegħu jew tal-kopji tiegħu.

173.

Madankollu, il-prinċipju ta’ dispożizzjoni li abbażi tagħha l-kumpens ġust jinqasam bejn l-awtur u l-produttur tal-film minħabba l-limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija inkompatibbli mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, jekk dan iwassal sabiex l-awtur jingħata biss nofs ir-remunerazzjoni li tkun ġusta minħabba l-limitazzjoni tad-dritt tiegħu.

174.

Fl-opinjoni tiegħi, dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 42b moqrija flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hija bbażata fuq dan l-approċċ li l-prinċipju tiegħu huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 30 ).

175.

Fis-seduta, il-Gvern Awstrijak iġġustifika dan l-approċċ billi sostna li l-għoti tad-dritt għal kumpens ġust jitħalla f’idejn l-Istati Membri. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix min huwa intitolat għad-dritt ta’ remunerazzjoni ġusta skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

176.

Din il-premessa hija ineżatta. Kif spjegajt preċedentement ( 31 ), l-Istati Membri għandhom jiżguraw lill-awtur tal-film kumpens ġust skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, anki meta huma jkunu taw id-dritt ta’ riproduzzjoni lill-produttur tal-film billi użaw is-setgħa mogħtija lilhom fl-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

177.

Għaldaqstant, bħala konklużjoni, għandu jiġi ddikjarat li dispożizzjoni bħalma huwa l-Artikolu 42b moqrija flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG hija inkompatibbli mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 peress li hija tistipula li l-awtur u l-produttur tal-film għandhom jaqsmu bejniethom il-kumpens li jkun ġust minħabba l-limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tal-film. Madankollu, hija kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi għal kumpens ġust kemm għall-awtur kif ukoll għall-produttur tal-film sabiex l-awtur jiġi kkumpensat fil-każ ta’ riproduzzjoni tax-xogħol ċinematografiku tiegħu, u sabiex il-produttur jiġi kkumpensat għar-riproduzzjoni tal-film oriġinali u tal-kopji tiegħu.

VII – Osservazzjoni addizzjonali

178.

Għal finijiet purament kumplimentari, nixtieq niċċita s-sentenza Padawan ( 32 ). Skont din is-sentenza, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens ġust għandu neċessarjament jiġi kkalkolat abbażi tal-kriterju ta’ ħsara kkawżata lill-awturi tax-xogħlijiet protetti wara l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopji għal użu privat. Għaldaqstant, l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ sistema ta’ ħlas għall-kopji għal użu privat fuq mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2001/29 peress li hija tinkludi wkoll mezzi li ma tqiegħdux għad-dispożizzjoni ta’ utenti privati u huma manifestament irriżervati għal forom ta’ użu oħra li ma humiex it-twettiq ta’ kopji intiżi għal użu privat.

VIII – Konklużjoni

179.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari bil-mod li ġej:

“1.

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 1(5) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, u d-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perijodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati, flimkien ma’ dawk tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-direttur prinċipali huwa l-awtur tal-film fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li għaldaqstant huwa intitolat għad-drittijiet ta’ sfruttament ta’ riproduzzjoni, ta’ xandir permezz tas-satellita, u ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni.

2.

Madankollu, skont l-Artikolu 14a(2)(b) sa (d) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jipprovdu għal dispożizzjoni li tagħti direttament (primarjament) u esklużivament id-drittijiet ta’ sfruttament lill-produttur tal-film, bil-kundizzjoni li

il-produttur u d-direttur tal-film ikunu ffirmaw kuntratt li permezz tiegħu d-direttur jintrabat li jagħti l-kontribut tiegħu għall-produzzjoni tax-xogħol ċinematografiku;

ikun hemm il-possibbiltà ta’ ftehim li jistipulaw mod ieħor filwaqt li d-drittijiet esklużivi ta’ sfruttament jew l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet jiġu rriżervati lid-direttur prinċipali;

l-Istati Membri jiżguraw li f’dan il-każ, l-awtur tal-film jikseb kumpens ġust fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.

Meta l-Istati Membri jipprovdu, b’konformità mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, għal limitazzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni tal-awtur tal-film skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għar-riproduzzjonijiet intiżi għal użu privat, huma għandhom jiżguraw kumpens ġust. Jekk dan jiġi żgurat, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tagħti primarjament lill-produttur tal-film id-drittijiet fuq il-kopji intiżi għal użu privat.

4.

L-Artikolu 5(2)(b) u l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha l-awtur u l-produttur għandhom jingħataw rispettivament nofs id-drittijiet tal-awtur tal-film għal remunerazzjoni ġusta, u li minħabba fiha l-awtur jikseb biss nofs ir-remunerazzjoni ġusta.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU L 372, p. 12.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

( 5 ) Din in-nota ma hijiex rilevanti għall-verżjoni Maltija.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120.

( 7 ) ĠU L 376, p. 28.

( 8 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009 (C-5/08, Ġabra p. I-6569).

( *1 ) * – Ndt: Bil-Franċiż fid-dokument oriġinali.

( 9 ) Fil-verżjoni attwali tiegħu, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/115 na jipprovdix għal limitazzjoni espressa tad-definizzjoni għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva ġustament li l-verżjoni attwali, jiġifieri d-Direttiva 2006/115, tikkostitwixxi biss kodifikazzjoni uffiċjali tad-Direttiva 92/100. F’din l-aħħar direttiva msemmija, l-Artikolu 2(2), li wara kollox il-formulazzjoni tiegħu kienet identitika, kien jinkludi tali limitazzjoni għall-finijiet tad-direttiva. Kodifikazzjoni uffiċjali ma tinkludi ebda modifika tas-sustanza tal-att issostitwit (ara l-Ftehim Interistituzzjonali, tal-20 ta’ Diċembru 1994, [f]uq metodu ta’ ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġislattivi, ĠU 1996, C 102, p. 2, punt 1); għaldaqstant, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jinftiehem daqslikieku jinkludi tali limitazzjoni.

( 10 ) Ara J. Juranek, Die Richtlinie der Europäischen Union zur Harmonisierung der Schutzfristen im Urheber- und Leistungsschutzrecht, Manz, 1994, p. 34 et seq, fejn huwa osservat li l-kwistjonijiet tad-determinazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u dik tat-tul ta’ protezzjoni ġew isseparati fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2006/116.

( 11 ) COM(92) 33 finali — SYN 395, ĠU C 92, p. 6; ara f’dan ir-rigward: S. von Lewinski, Der EG-Richtlinienvorschlag zur Harmonisierung der Schutzdauer im Urheber- und Leistungsschutzrecht, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht Internationaler Teil, 1992, p. 724, 730.

( 12 ) Għal iktar dettalji dwar id-diversi raġunijiet, ara G. Dworkin, Authorship of Films and the European Commission Proposals for Harmonising the Term of Copyright, 5 European Intellectual Property Review, 1993, p. 151, 154; J. Juranek, Harmonisierung der urheberrechtlichen Schutzfristen in der EU, Manz 1994, p. 33.

( 13 ) Ara r-riżoluzzjoni leġiżlattiva A-3-0348/92, ĠU C 337, p. 209.

( 14 ) Għal iktar dettalji dwar id-diversi raġunijiet, għal darba oħra, ara G. Dworkin (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12), p. 154 u J. Juranek (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12), p. 33 et seq.

( 15 ) COM(92) 602 finali — SYN 395, ĠU C 27, b’mod partikolari l-Artikolu 1a(2) tal-proposta għal emenda.

( 16 ) COM(2002) 691 finali, p. 8 et seq.

( 17 ) Ara l-punti 119 sa 123 tal-konklużjonijiet tiegħi, tat-12 ta’ April 2011, fil-kawża Eva-Maria Painer vs Standard VerlagsGmbH et (C-145/10), li għadha pendenti.

( 18 ) Dan huwa stabbilit fl-Artikolu 14a(2)(b) u (d), sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor u salvi dispożizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-kuntratt li fih huma jkunu ntrabtu li jagħtu l-kontribut tagħhom. Ara f’dan ir-rigward il-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) P. Katzenberger, “Urheberrechtsverträge im Internationalen Privatrecht und Konventionsrecht”, fi Beier et (edituri), Urhebervertragsrecht — Festgabe für Gerhard Schricker zum 65. Geburtstag, Beck, 1995, p. 225, 237; W. Nordemann, K. Vinck, P. W. Hertin, u G. Meyer, International Copyright and Neighboring Rights Law: commentary with special emphasis on the European Community, VCH 1990, Artikoli 14/14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna, punt 10.

( 20 ) COM(92) 602 finali — SYN 395, ĠU C 27, p. 7.

( 21 ) Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżviluppa l-ġurisprudenza, speċjalment fid-dawl tal-projbizzjoni taċ-ċaħda ta’ ġustizzja li teżisti fid-dritt tal-Unjoni, ara C. Calliess, “Grundlagen, Grenzen und Perspektiven des Europäischen Richterrechts”, Neue Juristische Wochenschrift, 2005, p. 929, 932.

( 22 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 23 ) Ara wkoll il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29, fejn huwa enfasizzat li l-proprjetà intellettwali għandha titqies li hija parti integrali tal-proprjetà.

( 24 ) Ara, għal dak li jirrigwarda l-oriġini tad-dispożizzjoni: S. Ricketson, The Berne Convention for the Protection of Literary and Artistic Works: 1886-1986, Kluwer, punti 10.26 et seq.

( 25 ) Dan huwa ssuġġerit ukoll mill-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29 fis-sens li skont din il-premessa, l-awtur għandu jirċievi remunerazzjoni xierqa. Barra minn hekk, mill-premessa 11 tad-Direttiva 2006/116, mill-premessa 24 tad-Direttiva 2006/115 u mill-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29, jirriżulta li sabiex jintlaħaq dan l-għan fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, hemm bżonn livell għoli ta’ protezzjoni.

( 26 ) Ara l-punti 127 sa 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara l-punti 84 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara l-punti 100 sa 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Ara l-punti 129 sa 130 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) It-tieni sentenza tal-Artikolu 38(1) tal-UrhG tipprovdi għal eċċezzjoni għad-drittijiet li ma jistgħux jiġu rrinunzjati, li ma jinqasmux bejn l-awtur u l-produttur tal-film u li jingħataw kompletament lill-awtur. Dawn jirrigwardaw b’mod partikolari d-drittijiet tal-awtur tal-film fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) u (5) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-awtur l-oħra, nofshom jingħataw lill-produttur.

( 31 ) Ara l-punti 160 sa 167 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C-467/08, Ġabra p. I-55).