31.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 98/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Frar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel — il-Belġju) — Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (Sabam) vs Netlog NV

(Kawża C-360/10) (1)

(Soċjetà tal-informazzjoni - Drittijiet tal-awtur - Internet - Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting - Ipproċessar ta’ informazzjoni maħżuna fuq pjattaforma ta’ netwerk soċjali li jopera fuq l-internet - Ħolqien ta’ sistema ta’ filtrazzjoni ta’ din l-informazzjoni sabiex jiġi pprojbit it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fajls li jippreġudikaw d-drittijiet tal-awtur - Nuqqas ta’ obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ tal-informazzjoni maħżuna)

2012/C 98/07

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank van eerste aanleg te Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (Sabam)

Konvenuta: Netlog NV

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Rechtbank van eerste aanleg te Brussel — Interpretazzjoni tad-Direttivi: — 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), — 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), — 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), — 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), — 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) — Ipproċessar ta’ data trażmessa permezz tal-internet — Implementazzjoni minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fuq l-internet ta’ sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, in abstracto u bħala prevenzjoni, sabiex jiġu identifikati l-konsumaturi preżunti li jużaw fajls li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati — Applikazzjoni ex officio mill-qorti nazzjonali tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali — Dritt għar-rispett tal-ħajja privata — Dritt għal-libertà tal-espressjoni

Dispożittiv

Id-Direttivi:

2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”);

2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni;

2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

moqrija flimkien u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni magħmula minn qorti nazzjonali lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting biex joħloq sistema ta’ filtrazzjoni:

tal-informazzjoni maħżuna fuq is-servers tiegħu mill-utenti tas-servizzi tiegħu;

li tapplika indistintament fir-rigward ta’ dawn l-utenti kollha;

b’mod preventiv;

bi spejjeż tiegħu biss; u

mingħajr limitu ratione temporis,

li hija kapaċi tidentifika fajls elettroniċi li jinkludu xogħlijiet mużikali, ċinematografiċi jew awdjoviżivi li fuqhom il-parti li qed tressaq it-talba tqis li għandha drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, bil-ħsieb li jiġi bblokkat it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmija xogħlijiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur.


(1)  ĠU C 288, 23.10.2010.