27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/27


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2009 — Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-511/09)

2010/C 80/48

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Niki Luftfahrt GmbH (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: H. Asenbauer, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-28 ta’ Awwissu 2009, “Għajnuna mill-Istat C 6/2009 (ex N 663/2008) — L-Awstrija — Austrian Airlines — Pjan ta’ ristrutturar” skont l-Artikolu 264(1) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 231(1) KE)

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċeduri tar-rikorrenti skont l-l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K (2009) 6686 finali, tat-28 ta’ Awwissu 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-bejgħ tas-sehem tal-Istat tal-Awstrija fil-grupp Austrian Airlines lil Deutsche Lufthansa AG (C 6/2009 [N 663/2008]). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija lil Austrian Airlines hija kompatibbli mas-suq komuni, jekk tissodisfa ċerti kundizzjonijiet, u sa fejn tiġi implementata b’mod sħiħ mal-pjan ta’ ristrutturar innotifikat lill-Kummissjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, li tmexxi kumpannija tal-ajru privata u li ppreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni kontra l-għajnuna għal ristrutturar inkwistjoni, tallega, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) u (3)(ċ) u l-Artikolu 88(2) KE, u l-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 322). F’dan ir-rigward, hija tallega b’mod partikolari li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni:

li l-benefiċjarja tal-għajnuna tal-Istat ikkontestata mhijiex Austrian Airlines, iżda Lufthansa, li iżda mhijiex kumpannija f’diffikultà, u konsegwentement, mhijiex kumpannija li hija eliġibbli għall-għajnuna;

la Austrian Airlines u lanqas Lufthansa ma kkontribwixxew b’mod xieraq għar-ristrutturar ta’ Austrian Airlines,

il-miżuri ta’ ristrutturar innotifikati mhumiex konformi mal-Linji gwida msemmija iktar ’il fuq;

il-miżuri kumpensatorji offerti mir-Repubblika tal-Awstrija mhumiex suffiċjenti sabiex jikkumpensaw, bl-aħjar mod possibbli, l-effetti negattivi tal-għajununa fuq il-kompetizzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mhijiex separabbli mill-kundizzjonijiet li jmorru kontra r-regoli Komunitarji dwar il-libertà tal-istabbiliment, u għalhekk, kontra l-Artikolu 43 KE.

Barra minn hekk, qiegħed jiġi allegat ksur tal-Artikolu 253 KE, peress li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata:

billi ma analiżżatx is-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernata, b’mod partikolari, il-pożizzjoni li għandhom il-kumpanniji benefiċjarji u l-kompetituri f’dan is-suq, u

billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-passat, Austrian Airlines kisbet diversi għajnuna mill-Istat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, qiegħed jiġi allegat li l-Kummissjoni abbużat is-setgħa diskrezzjonali tagħha.