15.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 193/29


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2009 — Shell Hellas vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-245/09)

2009/C 193/47

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Shell Hellas Oil and Chemical SA (Shell Hellas AE) (Attica, il-Greċja) (rappreżentant: P. Hubert, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, totalment jew parzjalment, ir-risposta negattiva impliċita tal-Kummissjoni tas-16 ta’ April 2009 għat-talba ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni (referenza GESTDEM 6159/2008), u tiddeduċi l-konsegwenzi kollha neċessarji għal dak li jirrigwarda l-aċċess tar-rikorrenti għad-dokumenti mitluba;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tqisha bħala deċiżjoni, tannulla, totalment jew parzjalment, l-ittra tal-15 ta’ April 2009 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni li fiha ġie indikat li ma kienx possibbli li tingħatha risposta għat-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni (referenza GESTDEM 6159/2008), u tiddeduċi l-konsegwenzi kollha neċessarji għal dak li jirrigwarda l-aċċess tar-rikorrenti għad-dokumenti mitluba;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħtiha aċċess għall-korrispondenza kollha, li tirrigwarda l-investigazzjoni dwar is-suq tal-karburant, li saret bejn il-Kummissjoni u l-awtorità Griega tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tqisha bħala deċiżjoni espliċita ta’ rifjut, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-ittra tas-Segretarjat Ġenerali li tindika li l-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti risposta għat-talba tar-rikorrenti għal aċċess għad-dokumenti.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi.

Permezz tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE, ir-rikorrenti ssostni li, peress illi r-rifjut kien impliċitu, il-konvenuta ma pprovdietx, minħabba n-natura stess tad-deċiżjoni, motivazzjoni li setgħet tippermetti lir-rikorrenti tkun taf x’kienu l-motivi għar-rifjut.

Permezz tat-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tqis, jew li l-ittra tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni hija d-deċiżjoni kkontestata, jew li l-ittra l-ġdida tas-Segretarjat Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2009 tipprovdi l-motivi veri għad-deċiżjoni impliċita, il-motivazzjoni pprovduta ma tikkorrispondix għar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 253 KE u tikser il-kelma u l-ispirtu tar-Regolament Nru 1049/2001 (1).

Permezz tat-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 255 KE u tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti li ntalab l-aċċess għalihom ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet tal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li:

il-Kummissjoni ma għamlitx analiżi dokument b’dokument iżda evalwat b’mod ġenerali l-eċċezzjonijiet tar-Regolament fid-dawl tal-kategoriji ta’ dokumenti;

il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonsulta direttament lill-awtorità Griega tal-kompetizzjoni, abbażi tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tikseb il-pożizzjoni tagħha dwar il-komunikazzjoni tad-dokumenti, peress li l-Istat Membru biss seta’ jirrifjuta l-komunikazzjoni ta’ dokumenti fuq din il-bażi;

il-Kummissjoni wettqet żball meta bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-ħarsien tal-interessi kummerċjali (l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001) sabiex tirrifjuta l-komunikazzjoni tad-dokumenti fl-intier tagħhom, għaliex hija tista’ tneħħi l-informazzjoni kunfidenzjali mid-dokumenti;

il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-ħarsien tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni (it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001) għaliex l-awtorità Griega tal-kompetizzjoni kienet diġà adottat id-deċiżjoni finali tagħha fil-każ inkwistjoni;

hija lanqas setgħet tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-ħarsien tal-proċess deċiżjonali, jew għaliex id-dokumenti li ntalab l-aċċess għalihom ma jifformawx parti mill-proċess deċiżjonali, jew għaliex l-effett negattiv fuq il-proċess deċiżjonali ma jistax ikun serju.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, jeżisti interess pubbliku imperattiv li tinkiseb il-komunikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni, jiġifieri, li l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju tkun tista’ ssir b’mod effikaċi.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).