15.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 193/27


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ġunju 2009 — Région Wallonne vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-237/09)

2009/C 193/43

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Région Wallonne (rappreżentanti: J.-M. De Backer, A. Lepièce, I.-S. Brouhns, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2009 dwar il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni Belġjan sa fejn din id-deċiżjoni ċaħdet l-allokazzjoni ta’ kwoti għall-istallazzjoni Nru 116 għall-perijodu 2008 — 2012 u tippermetti allokazzjoni permezz ta’ fażijiet annwali skont l-Anness Va tal-PNA;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Marzu 2009, dwar il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mill-Belġju għall-perijodu bejn l-2008 sal-2012, li biha l-Kummissjoni ċaħdet il-korrezzjoni tat-tabella “pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti” għall-installazzjoni Nru 116.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni erba’ motivi bbażati fuq:

ksur tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004 (1), sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq motivi li ma kinux previsti mid-dispożizzjoni applikabbli;

ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din ma tippermettix li jiġi ddeterminat fejn il-korrezzjoni tat-tabella “pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti” tal-Belġju dwar l-installazzjoni Nru 116 ma tistax tiġi bbażata fuq il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ gassijiet serra nnotifikat mill-Belġju u appprovat mill-Kummissjoni qabel;

ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-pjan nazzjonali Belġjan ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ gassijiet serra approvata mill-Kummissjoni;

ksur tal-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja u ta’ amministrazzjoni tajba, peress li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tmur kontra l-ewwel deċiżjoni adottata sitt xhur qabel.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004 tal-21 ta’ Diċembru 2004 għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 386, p. 1).