Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Lulju 2010 – Valigeria Roncato vs UASI – Roncato (CARLO RONCATO)

(Kawża T-124/09)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CARLO RONCATO – Trade marks nazzjonali figurattivi RV RONCATO u verbali RONCATO mhux irreġistrati – Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti RV RONCATO u verbali preċedenti RONCATO – Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ profitt indebitu minħabba l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – Eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għall-użu mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

1.                     Trade mark Komunitarja - Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ - Kundizzjonijiet (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4)) (ara l-punt 18)

2.                     Trade mark Komunitarja - Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni - Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux - Kundizzjonijiet - Arrikkiment indebitu min-natura distintiva jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5)) (ara l-punti 45, 47-51)

Suġġett

Appell mid-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-23 ta’ Jannar 2009 (Kawżi R 237/2008-1 u R 236/2008-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Valigeria Roncato SpA u Roncato Srl.

Informazzjoni dwar il-kawża

Applikant għat-trade mark Komunitarja

Roncato Srl

Trade mark Komunitarja kkonċernata:

It-trade mark verbali CARLO RONCATO għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 9 u 14 – Applikazzjoni Nru 4631719

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni:

Valigeria Roncato SpA

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni:

Trade mark figurativa Taljana RV RONCATO (Nru 662773), trade mark verbali Taljana RONCATO (Nru 510528) u trade marks figurattivi Taljani RV RONCATO, mhux irreġistrati

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni:

Oppożizzjoni parzjalment milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell:

Oppożizzjoni miċħuda u l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni milqugħa fl-intier tagħha


Dispożittiv

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Valigeria Roncato SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.