SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Frar 2012 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-manifattur ta’ elettrodomestiċi kbar innotifikata mir-Repubblika Franċiża — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni taħt ċerti kundizzjonijiet — Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà”

Fil-Kawżi magħquda T-115/09 u T-116/09,

Electrolux AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja), irrappreżentata minn F. Wijckmans u H. Burez, avukati,

rikorrenti fil-kawża T-115/09,

Whirlpool Europe BV, stabbilita fi Breda (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata inizjalment minn F. Tuytschaever u B. Bellen, sussegwentement minn H. Burez u F. Wijckmans, avukati,

rikorrenti fil-kawża T-116/09,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u C. Giolito, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn G. de Bergues u A.-L. Vendrolini, sussegwentement minn de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

u minn,

Fagor Franza SA, stabbilita fi Rueil-Malmaison (Franza), irrappreżentata minn J. Derenne u A. Müller-Rappard, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/485/KE, tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru K 44/07 (ex N 460/07) li Franza qed tippjana li timplimenta favur l-impriża FagorBrandt (ĠU 2009, L 160, p. 11),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: V. Nagy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti fil-Kawża T-115/09, Electrolux AB, u r-rikorrenti fil-Kawża T-116/09, Whirlpool Europe BV (iktar ’il quddiem “Whirlpool”) li joperaw it-tnejn li huma fis-settur tal-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ apparati elettrodomestiċi kbar. Electrolux u Whirlpool (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“rikorrenti”) huma kompetituri ta’ Fagor France SA (iktar ’il quddiem “FagorBrandt”).

2

Fil-21 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni 2009/485/KE dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru K 44/07 (ex N 460/07) li Franza [kienet] qed tippjana li timplimenta favur l-impriża FagorBrandt (ĠU 2009, L 160, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

3

Id-deċiżjoni kkontestata hija maqsuma f’seba’ partijiet. Fl-ewwel parti, intitolata “Proċedura”, il-Kummissjoni tfakkar l-ewwel nett li, fis-6 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Franċiża nnotifikatilha għajnuna favur FagorBrandt (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”). Il-Kummissjoni mbagħad indikat li, fl-10 ta’ Ottubru 2007, hija informat lir-Repubblika Franċiża li kienet ser tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE. Id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 275, p. 18), filwaqt li l-partijiet interessati ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni. Minbarra l-osservazzjonijiet ta’ FagorBrandt, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ tnejn mill-kompetituri tagħha, Electrolux hija waħda u l-oħra hija impriża li ma xtaqitx tiġi identifikata (iktar ’il quddiem it-“tieni lanjanti”) (premessi 1 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

4

Fit-tieni parti tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Deskrizzjoni”, il-Kummissjoni tikkonstata b’mod partikolari li l-għajnuna inkwistjoni hija għajnuna għar-ristrutturazzjoni fl-ammont ta’ EUR 31 miljun li ser tingħata mill-Ministeru Franċiż tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Impjiegi. Hija tirrileva wkoll, minn naħa, li FagorBrandt hija indirettament il-proprjetà ta’ kooperattiva stabbilita skont id-dritt Spanjol, Fagor Electrodomésticos S. Coop. (iktar ’il quddiem “Fagor”) li, min-naħa tagħha, hija parti mill-grupp ta’ kooperattivi Mondragón Corporación Cooperativa. Skont il-Kummissjoni, FagorBrandt kisbet dħul mill-bejgħ ta’ EUR 903 miljuni fl-2007 u topera fit-tliet fergħat kbar ta’ prodotti fis-settur ta’ apparati elettrodomestiċi kbar , jiġifieri l-ħasil, it-tkessiħ, u t-tisjir (premessi 6 sa 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

5

Fit-tielet parti tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Ir-raġunijiet li wasslu għal-ftuħ tal-proċedura”, il-Kummissjoni enumerat il-ħames raġunijiet li wassluha biex tadotta d-deċiżjoni tal-ftuħ. L-ewwel nett, hija kkunsidrat li seta’ jeżisti riskju ta’ evażjoni tal-projbizzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni lill-impriżi ġodda prevista mill-punt 12 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem “il-Linji Gwida”), fid-dawl tal-fatt li FagorBrandt ġiet stabbilita f’Jannar 2002. It-tieni nett, kien hemm riskju ta’ evażjoni tal-obbligu li titħallas lura l-għajnuna mogħtija lil FagorBrandt taħt l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-profitti ta’ kumpanniji li hija bbenefikat minnha taħt l-Artikolu 44f tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa Franċiż (iktar ’il quddiem l-“għajnuna 44f”) u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha permezz tad-Deċiżjoni 2004/343/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata minn Franza għar-rilanċ ta’ kumpanniji f’diffikultà (ĠU 2004, L 108, p. 38). It-tielet nett, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-vijabbilità fuq żmien twil ta’ FagorBrandt. F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, hija xtaqet li tingħata kjarifiki dwar il-previżjonijiet ta’ żieda ta’ 20 % fid-dħul mill-bejgħ ta’ FagorBrandt fl-2007 meta mqabbel mal-2006. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni talbet lil FagorBrandt biex tispjega kif kienet ser tħallas lura l-għajnuna inkompatibbli li s-sussidjarja Taljana tagħha, FagorBrandt Italia, kienet irċeviet (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkompatibbli Taljana”). Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar kemm kienu suffiċjenti l-miżuri kumpensatorji meħuda fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni Il-ħames nett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-kontribuzzjoni ta’ FagorBrandt stess setgħetx tissodisfa r-rekwiżiti tal-punti 43 u 44 tal-Linji Gwida. Minn naħa, hija kkjarifikat li l-awtoritajiet Franċiżi ma inkludewx ir-rimbors tal-għajnuna 44f fl-ispejjeż għar-ristrutturazzjoni Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi ma spjegawx minn fejn kienu ġejjin ċerti ammonti mniżżlin bħala kontribuzzjoni ta’ FagorBrandt stess (premessi 11 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

6

Fir-raba’ u l-ħames parti tad-deċiżjoni kkontestata, rispettivament bit-titolu “Osservazzjonijiet tal-partijiet interessati” u “Kummenti ta’ Franza”, minn naħa, il-Kummissjoni ssemmi r-raġunijiet li minħabba fihom Electrolux u t-tieni lanjanti jikkunsidraw li l-rekwiżiti imposti mil-Linji Gwida ma humiex sodisfatti f’din il-kawża, b’mod partikolari sa fejn il-miżura jew l-għajnuna toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma hijiex limitata għal minimu u tintuża għall-evażjoni tal-obbligu li titħallas lura l-għajnuna preċedenti li l-Kummissjoni ddikjarat illegali. Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni indikat li r-Repubblika Franċiża u FagorBrandt argumentaw li din tal-aħħar kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Linji Gwida sabiex tibbenifika mill-għajnuna inkwistjoni (premessi 17 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

7

Fis-sitt parti tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “Evalwazzjoni tal-għajnuna” l-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkonstata li l-ebda parti ma kkontestat li l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata)

8

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna inkwistjoni ma tistax tiġi evalwata ħlief fid-dawl tal-Linji Gwida, u la r-Repubblika Franċiża u lanqas il-partijiet involuti fil-proċedura amministrattiva ma kkontestaw dan (premessi 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

9

It-tielet nett, il-Kummissjoni teżamina l-eliġibbiltà ta’ FagorBrandt għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida. F’dan il-kuntest, minn naħa, hija tikkunsidra li FagorBrandt tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-punti 11 u 13 tal-Linji Gwida, peress li d-diffikultajiet finanzjarji kienu saru serji wisq biex jiġu ffinanzjati minn Fagor. Min-naħa l-oħra, mill-analiżi finanzjarja ta’ FagorBrandt, li ġiet stabbilita f’Jannar 2002, jirriżulta li hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala f’diffikultà matul l-ewwel tliet snin ta’ operazzjoni tagħha (premessi 37 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata).

10

Ir-raba’ nett, minn naħa, il-Kummissjoni tindika li d-diffikultajiet finanzjarji ta’ FagorBrandt mhux ġejjin prinċipalment mir-rimbors tal-għajnuna 44f u li għalhekk il-kumpannija hija eliġibbli biex tirċievi għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tirrileva li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni (C-355/95 P, Ġabra p. I-2549, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deggendorf” punti 25 u 26), xejn ma jipprekludi li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni jiġi sospiż sakemm isir l-irkupru tal-għajnuna 44f (premessi 44 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

11

Il-ħames nett, il-Kummissjoni teżamina l-pjan ta’ ristrutturazzjoni u tikkonkludi li dan jippermetti li tiġi ristabbilita l-vijabbiltà tal-impriża fuq żmien twil. F’dan il-kuntest, minn naħa, hi tirrileva b’mod partikolari li d-dħul mill-bejgħ ta’ FagorBrandt żdied fl-2007, mhux b’20 % kif mistenni mill-aħħar pjan ta’ ristrutturazzjoni tagħha, iżda b’16 %. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tindika, fir-rigward tal-fatt li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kienx jindika kif FagorBrandt kienet ser taffronta r-rimbors tal-għajnuna inkompatibbli Taljana, li l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li l-irkupru ta’ din l-għajnuna ma jaffettwax il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp billi essenzjalment irrilevaw li r-rimbors ta’ dik l-għajnuna kien probabbilment ta’ inqas minn EUR miljun. Il-Kummissjoni tikkunsidra f’dan ir-rigward, filwaqt li skartat l-argumenti mressqa fil-proċedura amministrattiva mit-tieni lanjanti, li l-miżuri kumpensatorji addizzjonali proposti mir-Repubblika Franċiża wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ, mhux ser jimpedixxu r-ritorn għall-vijabbilità ta’ FagorBrandt ukoll jekk il-miżuri se jdgħajfuha (premessi 51 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata).

12

Is-sitt nett, il-Kummissjoni tirrileva, essenzjalment, li jekk l-għajnuna inkwistjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, hemm diversi fatturi li jillimitaw il-konsegwenzi negattivi. L-ewwel nett, FagorBrandt ma għandhiex, iktar minn, sehem ta’ 5% mis-suq fl-Ewropa. L-ishma tas-suq ta’ Fagor u FagorBrandt flimkien huma massimu ta’ 8 % fl-Ewropa. Barra dan, erbgħa mill-kompetituri tagħha għandhom ishma tas-suq ta’ 10 % jew iktar. Imbagħad, l-għajnuna inkwistjoni tirrapreżenta inqas minn 4 % tad-dħul mill-bejgħ Ewropew ta’ FagorBrandt. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-għajnuna inkwistjoni għandha effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, kienu meħtieġa miżuri kumpensatorji sinjifikattivi u reali iżda ta’ daqs limitat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri ta’ għeluq tal-fabbriki li jinsabu fuq żewġ siti fi Franza ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri kumpensatorji. Min-naħa l-oħra, it-trasferiment f’Marzu 2004 tas-sussidjarja ta’ FagorBrandt, Brandt Components jista’ jkun, skont il-Kummissjoni, meqjus bħala miżura kumpensatorja. Madankollu, minħabba li din il-miżura waħedha għandha titqies bħala insuffiċjenti, il-Kummissjoni tindika li għandhom jiġu eżaminati l-miżuri kumpensatorji addizzjonali proposti mill-awtoritajiet Franċiżi. Hija tikkunsidra li l-miżura tikkonsisti f’waqfien, għal perijodu ta’ ħames snin, tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jkessħu u tal-prodotti tat-tisjir kif ukoll tal-ħasil tal-platti tat-trade mark Vedette għandha tkun preferuta għal dik li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ din it-trade mark. Hija tikkonkludi, f’dan ir-rigward, li din l-aħħar miżura u t-trasferiment tas-sussidjarja tagħha Brandt Components jintużaw biex jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni kif definit fil-punti 38 sa 40 tal-Linji Gwida (premessi 72 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

13

Is-seba’ nett, fir-rigward tal-obbligu li jiġu limitati strettament għall-minimu l-ammont u l-intensità tal-għajnuna skont il-punti 43 sa 45 tal-Linji Gwida, il-Kummissjoni tfakkar li qajmet żewġ dubji f’dan ir-rigward fil-premessa 44 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. L-awtoritajiet Franċiżi qajmu dawn id-dubji fil-osservazzjonijiet tagħhom b’risposta għad-deċiżjoni tal-ftuħ. Minn naħa, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju stess għall-għajnuna inkwistjoni tikkonsisti f’self bankarju miġbura fis-suq, li tammonta għal bejn EUR 30 u EUR 35 miljun u huma ggarantiti minn ħażniet ta’ prodotti lesti. Min-naħa l-oħra, ir-rimbors ta’ għajnuna 44f, li jammonta għal bejn EUR 25 u EUR 30 miljun, inklużi l-interessi, kienu mniżżlin fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Anki jekk ir-rimbors tal-għajnuna bl-interessi kien inkluż bħala spiża tar-ristrutturazzjoni, din ma jkollhiex l-effett li tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju stess taħt il-limitu ta’ 50 % meħtieġ mill-punt 44 tal-Linji Gwida. Il-Kummissjoni temmen ukoll li wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni u fit-tmiem tar-ristrutturazzjoni, il-grupp xorta ser ikun midjun b’mod sinjifikattiv (premessi 96 sa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

14

Fis-seba’ parti tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Konklużjoni”, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna inkwistjoni tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni taħt ċerti kundizzjonijiet.

15

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jistipula kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna li Franza qed tippjana li timplimenta favur l-impriża FagorBrandt ta’ ammont ta’ EUR 31 miljun hija kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jissosspendu l-ħlas tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni lill-impriża FagorBrandt sakemm ma jsirx l-irkupru minn FagorBrandt tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fid-Deċiżjoni 2004/343/KE.

2.   Il-pjan għar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, bħal ma kien ippreżentat lill-Kummissjoni minn Franza fis-6 ta’ Awwissu 200[7], għandu jkun eżegwit b’mod sħiħ.

3.   FagorBrandt għandu jwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ, tat-tisjir u tad-dishwashers tal-marka Vedette għal żmien ta’ ħames snin, li għandu jibda l-aktar tard seba’ xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Sabiex jiġi żgurat li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni, permezz ta’ rapporti annwali, fuq is-sitwazzjoni tal-iżvilupp tar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, fuq l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli deskritta fil-paragrafu 1, fuq il-ħlas tal-għajnuna kompatibbli, u fuq l-implementazzjoni tal-miżuri kompensatorji.

Artikolu 3

Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li ttieħdu sabiex tkun konformi magħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.”

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti ppreżentaw rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata fil-Kawżi T-115/09 u T-116/09.

17

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti talbu li l-Kummissjoni tiġi ordnata, bħala parti minn miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tipproduċu disa’ dokumenti jew klassijiet ta’ dokumenti li tirreferi għalihom din tal-aħħar fir-risposta tagħha fil-Kawżi T-115/09 u T-116/09.

18

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2009, ir-Repubblika Franċiża u FagorBrandt talbu rispettivament li jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni fil-Kawżi T-115/09 u T-116/09.

19

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni pprovdiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti tar-rikorrenti msemmija fil-punti 17 iktar ’il fuq, li jikkontestaw l-imsemmija talbiet.

20

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Awwissu 2009, Electrolux, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talbiet għal intervent imsemmi fil-punti 18 iktar ’il fuq, talbet lill-Qorti Ġenerali t-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ FagorBrandt u r-Repubblika Franċiża, ta’ ċerta informazzjoni dwar ċifri li tinsab fl-Anness 15 tar-rikors tagħha, sa fejn tirrigwarda, essenzjalment, informazzjoni mhux ippubblikata li għandha interess strateġiku għaliha.

21

Permezz ta’ digrieti tat-22 ta’ Settembru 2009, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet ta’ intervent ppreżentati mir-Repubblika Franċiża u minn FagorBrandt fil-Kawżi T-115/09 u T-116/09. F’dawk id-digrieti, ġie deċiż li peress li dawn it-talbiet saru wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, id-drittijiet tar-Repubblika Franċiża u ta’ FagorBrandt huma dawk previsti fl-Artikolu 116(6) ta’ dawn ir-Regoli.

22

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2009, FagorBrandt talbet lill-Qorti Ġenerali li jkollha aċċess għal proċessi tal-Kawżi T-115/09 u T-116/09 u li tikseb kopji jew estratti ta’ dokumenti li jinsabu fihom, bla ħsara għat-trattament kunfidenzjali li huwa rriservati għal xi wħud minnhom.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2009, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jilqax it-talbiet imsemmija fil-punti 22 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli ta’ Proċedura.

24

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti pproduċew punt ta’ fatt ġdid li jikkonsisti fi stqarrija għall-istampa mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2010, fejn din tal-aħħar iddikjarat b’mod partikolari, li hija ma kinitx irċeviet “provi suffiċjenti” biex tikkonkludi li FagorBrandt kienet f’dik id-data, irrimborsat l-għajnuna 44f. Il-Kummissjoni pprovdiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmija ittra tat-22 ta’ Ġunju 2010.

25

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

26

Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali mogħti fil-5 ta’ Mejju 2011, wara li nstemgħu l-partijiet, minn naħa, il-Kawżi T-115/09 u T-116/09 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura. Min-naħa l-oħra, laqa’ t-talba għall-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti dokumenti magħmula minn Electrolux fir-rigward ta’ Whirlpool.

27

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsiji bil-miktub lill-partijiet, u talbet lill-Kummissjoni biex tipprovdi ċerti dokumenti. Il-partijiet rrispondew għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

28

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2011.

29

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u minn FagorBrandt, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

31

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu żewġ motivi.

32

Bl-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet sabiex l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, ma ġewx sodisfatti f’din il-kawża. Huma jaqsmu dan il-motiv fi tmien partijiet. Skont dawn, ma ġewx osservati, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ “l-ewwel u l-aħħar darba” kif previst fil-punti 5 u 72 sa 77 tal-Linji Gwida, li, essenzjalment jipprovdi li, għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma tistax tingħata fi żmien għaxar snin wara l-għoti ta’ għajnuna bħal din; it-tieni nett, il-kundizzjoni li, skont il-punt 8 tal-Linji Gwida, għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma tistax tintuża biex iżżomm impriżi ħajjin artifiċjalment f’settur li fih kapaċità eċċessiva strutturali; it-tielet nett, il-kundizzjoni prevista fil-punt 23 tal-Linji Gwida li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-għajnuna preċedenti mogħtija illegalment u mhux irkuprata fil-kuntest tal-eżami tal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni; ir-raba’ nett, il-kundizzjoni prevista fil-punt 33 tal-Linji Gwida, li permezz tagħha il-benefiċjarju ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tkun kumpannija f’diffikultà; il-ħames nett, il-kundizzjoni stipulata fil-punt 12 tal-Linji Gwida li tipprovdi li l-benefiċjarja tal-għajnuna ma għandhiex tkun impriża ġdida; is-sitt nett, il-kundizzjoni li tipprovdi li skont il-punti 34 u 35 tal-Linji Gwida, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fuq żmien twil tal-benefiċjarju tal-għajnuna; is-seba’ nett, il-kundizzjoni stabbilita fil-punti 38 sa 40 tal-Linji Gwida, li tipprovdi li l-miżuri kumpensatorji għandhom ikunu proporzjonati għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna inkwistjoni; it-tmien nett, il-kundizzjoni prevista fil-punt 43 tal-Linji Gwida li tipprovdi li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tkun limitata għall-minimu u li kontribuzzjoni reali tal-grupp li FagorBrandt hija parti minnu għandha titħallas.

33

Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset, fid-deċiżjoni kkontestata, mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE, f’diversi aspetti. Huma jaqsmu dan il-motiv fi tliet partijiet. L-ewwel nett, skont Electrolux, il-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ kapaċità eċċessiva strutturali fis-suq, minkejja li Electrolux kienet informata matul il-proċedura amministrattiva dwar l-eżistenza ta’ tali kapaċità eċċessiva. Skont Whirlpool, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha d-dmir tindika r-raġunijiet għaliex hija ma kinitx ħasset li kien neċessarju li tnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi Stati Membri oħra barra Franza. It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tiddikjara għalfejn hija qieset li l-kontribuzzjoni tal-grupp li qiegħda fih FagorBrandt, kienet ta’ livell sodisfaċenti fis-sens li kienet l-iktar għolja possibli. It-tielet nett, huma jqisu li l-Kummissjoni kellha d-dmir li tindika fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex ma kienx meħtieġ li jiġi evalwat l-impatt tar-rimbors tal-għajnuna 44f fuq l-istabbiliment mill-ġdid tal-vijabbilità ta’ FagorBrandt fuq żmien twil.

34

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u minn FagorBrandt, toġġezzjona għal dawn iż-żewġ motivi.

35

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa xieraq li jiġi rrilevat, li huwa paċifiku li, kif il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tkun eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ser tfakkar preliminarjament il-kuntest ġuridiku fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-kwistjoni tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq komuni kif ukoll is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kwistjoni. Min-naħa l-oħra, ser tibda l-eżami tal-motivi mqajma mir-rikorrenti mis-seba’ parti tal-ewwel motiv.

Fuq il-qafas ġuridiku rilevanti għall-kontroll tal-għoti ta ’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni

36

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, meta dik l-għajnuna ma tbiddilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt fejn tkun kuntrarja għall-interess komuni tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

37

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 18, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 83; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T-349/03, Ġabra p. II-2197, punt 137).

38

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha xi punti ta’ riferiment għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ atti bħal-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u rristrutturati impriżi f’diffikultà, sakemm dawn l-atti jkun fihom regoli indikattivi fuq il-prattika li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sakemm ma jmorrux lil hinn mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T-35/99, Ġabra p. II-261, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kunċett tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 16 u 17 tal-Linji Gwida li l-Kummissjoni tqis li għajnuna bħal din għandha l-għan li tistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fuq żmien twil tal-kumpannija mhux bħall-għajnuna ta’ salvataġġ, li tikkonsisti f’assistenza temporanja u intiża għall-implementazzjoni ta’ miżuri immedjati.

40

It-tieni nett, hija ġurisprudenza stabbilita li l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, li l-Kummissjoni tgawdi minnha permezz tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 93, u s-sentenza Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 138, u l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq). Madanakollu, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtur tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 79, u Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 138).

41

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tivverifika li r-rekwiżiti li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, fil-Linji Gwida, ikunu ġew osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għall-kuntrarju, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni billi twettaq minflokha eżami li hija fl-ebda mument ma wettqet u billi tasal għall-konklużjonijiet li kienet tasal għalihom fi tmiem dan l-eżami (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, T-266/02, Ġabra p. II-1233, punt 95; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T-274/01, Ġabra p. II-3145, punt 136).

43

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati r-rikors preżenti.

Fuq is-seba ’ parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-punti 38 sa 40 tal-Linji Gwida dwar il-fatt li l-miżuri kumpensatorji adottati ma humiex proporzjonati mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna

44

Għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri kumpensatorji b’konnessjoni mal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li l-punti 38 sa 40 tal-Linji Gwida jirrigwardaw il-“prevenzjoni ta’ kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni”. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, u kif il-Kummissjoni tfakkar wkoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ewwel nett, miżuri kumpensatorji għandhom jittieħdu biex jiġu limitati l-effetti negattivi tal-għoti għajnuna għar-ristrutturazzjoni fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ (punt 38 tal-Linji Gwida). It-tieni nett, dawn il-miżuri għandhom ikunu “adegwati” fis-sens li huma ma għandhomx jikkawżaw deterjorazzjoni tal-istruttura tas-suq (punt 39 tal-Linji Gwida). It-tielet nett, huma għandhom ikunu “proporzjonati” għall-effetti ta’ distorsjoni kkawżati mill-għajnuna. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huma għandhom jirrigwardaw is-suq jew swieq li fihom l-impriża inkwistjoni ser ikollha pożizzjoni sinjifikattiva wara r-ristrutturazzjoni. It-tieni nett, għalkemm dawn il-miżuri jistgħu jseħħu qabel jew wara l-għoti tal-għajnuna, huma għandhom fi kwalunkwe każ ikunu parti integrali mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni. It-tielet nett, ma għandhomx jikkonsistu f’sempliċi tpaċija tal-kontijiet jew waqfien ta’ attivitajiet bla profitt peress li dawn ma jirriżultawx fi tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq għall-impriża inkwistjoni (punt 40 tal-Linji Gwida).

45

Ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-punti 38 u 40 tal-Linji Gwida, miżuri kumpensatorji għandhom, essenzjalment minn naħa, jkunu proporzjonati għall-effetti ta’ distorsjoni kkawżati mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u min-naħa l-oħra, jirrigwardaw is-suq jew swieq li fihom l-impriża sejra jkollha pożizzjoni sinjifikattiva fis-suq wara r-ristrutturazzjoni. Dawn iqajmu tlett ilmenti ewlenin f’dan ir-rigward. Fl-ewwel ilment tagħhom, huma jsostnu li l-miżuri kumpensatorji adottati mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed fir-rigward tal-pożizzjoni importanti okkupata minn FagorBrandt fis-suq. Permezz tat-tieni ilment tagħhom, huma jsostnu li t-trasferiment ta’ Brandt Components ma huwiex miżura kompensatorja xierqa. Fit-tielet ilment tagħhom, huma jsostnu li l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ fridges, ta’ cookers u ta’ dishwashers taħt it-trade mark Vedette matul ħames snin ma hijiex miżura kumpensatorja proporzjonata, b’kunsiderazzjoni tal-effetti ta’ distorsjoni maħluqa mill-għajnuna inkwistjoni.

46

Il-Kummissjoni topponi kull wieħed mit-tliet ilmenti.

47

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ġie rrilevat fil-premessi 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata li l-miżuri tal-għeluq ta’ żewġ impjanti ta’ FagorBrandt ma jikkostitwixxux miżuri kumpensatorji peress li kienu jikkonsistu fl-għeluq tal-attivitajiet bla profitt, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tat-trasferiment ta’ Brandt Komponenti, kif ġej:

“(82)

Bil-kontra, f’Marzu 2004, l-impriża biegħet is-sussidjarja tagħha Brandt Components (fabbrika ta’ Nevers) lill-grupp Awstrijakk ATB għal somma ta’ EUR [2-5] miljun. Għalhekk dan mhux tpaċija tal-kontijiet […] u lanqas waqfien tal-attività. Għaldaqstant din il-miżura mhijiex eskluża mid-dispożizzjoni msemmija qabel tal-paragrafu 40 tal-Linji Gwida […] għar-ristrutturar. L-attività mibjugħa f’Marzu 2004 […] kellha fatturat ta’ EUR [25-45] miljun fl-2003 — ekwivalenti għal [2-5]% tal-fatturat fl-2003 tal-impriża — u kienet tħaddem [250-500] impjegat — ekwivalenti għal [5-10]% tal-ħaddiema tal-impriża. Hija kienet involuta fid-disinn, l-iżvilupp, il-fabbrikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-muturi tal-elettriku għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Għalhekk dan il-bejgħ wassal għat-tnaqqis tal-preżenza tal-impriża fis-suq tal-komponenti tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ.

(83)

Filwaqt li taċċetta li din il-miżura hija miżura kompensatorja, il-Kummissjoni temmen li weħidha din ma tistax tpatti għall-effetti sfavorevoli tal-għajnuna [inkwistjoni]. Il-Kummissjoni tosserva b’mod partikolari li din il-miżura ma tnaqqasx il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-apparat domestiku kbir […], li huwa s-suq ewlieni li fih ser jibqa’ preżenti FagorBrandt.”

48

In-nota ta’qiegħ il-paġna 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li għaliha jsir riferiment fil-premessa 83 ta’ din id-deċiżjoni, hija fformulata kif ġej:

“L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li l-attività ta’ Brandt Components kienet tippermetti lill-impriża tibbenefika minn integrazzjoni qawwija fil-produzzjoni tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ li jinfetħu minn fuq, li hija storikament pożizzjoni b’saħħitha tal-grupp FagorBrandt. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, din it-tip ta’ integrazzjoni hija b’mod partikolari mmirata għall-prodotti innovattivi jew li jeħtieġu għarfien speċifiku u hija pprattikata mill-atturi ewlenin tas-settur (pereżempju BSH jew Miele). Madankollu l-Kummissjoni tosserva li, minbarra l-affermazzjonijiet preċedenti, l-awtoritajiet Franċiżi m’għandhomx elementi li jippermettulha tistabbilixxi mingħajr dubju — u inqas biex tikkwantifika dan l-effett — li l-bejgħ ta’ Brandt Components ser inaqqas il-possibbiltà għal FagorBrandt li tiżviluppa magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ kompetittivi u għalhekk ser inaqqas il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li l-bejgħ ta’ Brandt Components għandu effett reali fis-suq tal-apparat domestiku kbir.”

49

Min-naħa, għalhekk jirriżulta mill-premessi 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll minn nota ta’qiegħ il-paġna 32 ta’ dik id-deċiżjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-trasferiment ta’ Brandt Components seta’ jiġi kklassifikat bħala miżura kumpensatorja peress li la kien sempliċi “tpaċija tal-kontijiet” u lanqas “waqfien ta’ attivitajiet” u li huwa “wass[al] għat-tnaqqis tal-preżenza tal-impriża fis-suq tal-komponenti tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ” Min-naħa l-oħra, u fl-istess ħin, il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-miżura kumpensatorja ma naqqsitx il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq prinċipali fejn l-impriża kienet preżenti, jiġifieri dik ta’ elettrodomestiċi kbar, b’tali mod li l-imsemmija miżura weħedha ma kinitx biżżejjed biex tillimita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni.

50

Huwa fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 47 sa 49 hawn fuq li l-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel teżamina t-tieni lment tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li t-trasferiment ta’ Brandt Components kien miżura kumpensatorja xierqa.

51

L-ewwel nett, huwa paċifiku li t-trasferiment ta’ Brandt Components sar f’Marzu 2004 u li r-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni bl-għajnuna inkwistjoni fis-6 Awwissu 2007, jiġifieri kważi tliet snin u nofs wara tali trasferiment. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li, għalkemm, kif osservat il-Kummissjoni r-Repubblika Franċiża kkunsidrat li t-trasferiment ta’ Brandt Components bħala parti integrali tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni li nnotifikat lill-Kummissjoni, meta din il-miżura ġiet adottat f’Marzu 2004, bħalma jirrilevaw ir-rikorrenti, la kellha l-għan, u lanqas is-seta’ li jkollha l-effett li ttaffi d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġġenerata bl-għoti tal-għajnuna prevista mir-Repubblika Franċiża fin-notifika tagħha tas-6 ta’ Awwissu 2007.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tal-Kummissjoni, sostnuta minn FagorBrandt, li kif jirriżulta mis-sentenza Corsica Ferries Franza vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq (punt 225), miżura kumpensatorja tista’ tiġi adottata qabel l-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni. Fil-fatt, kif ġustament josservaw ir-rikorrenti, għalkemm il-Qorti Ġenerali kkunsidrat f’dik is-sentenza li miżura kumpensatorja setgħet tiġi adottata qabel l-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom il-miżura inkwistjoni kienet ġiet deċiża madwar xahar qabel l-adozzjoni tal-imsemmi pjan ta’ ristrutturazzjoni u li kienet ġiet implementata kważi xahar wara li l-pjan kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni. Iċ-ċirkustanzi fil-kawża li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma humiex għalhekk komparabbli ma’ dawk fil-kawża preżenti fejn it-trasferiment ta’ Brandt Components seħħ kważi tliet snin u nofs qabel li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u r-ristrutturazzjoni ta’ FagorBrandt, ġew innotifikati lill-Kummissjoni.

53

It-tieni nett, għalkemm huwa paċifiku li, kif il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trasferiment ta’ Brandt Components kellu l-effett li jnaqqas il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-komponenti għall-magni tal-ħasil, għandu jiġi rrilevat, madankollu, li l-ebda parti ma sostniet jew stabbilixxiet matul il-proċedura amministrattiva jew quddiem il-Qorti Ġenerali li l-imsemmi trasferiment kellu l-effett li jattenwa, anki b’mod minimu, l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-għajnuna inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni li kienet teżisti fis-suq prinċipali li fuqu interveniet FagorBrandt. Għall-kuntrarju, kif jidher b’mod espliċitu mill-premessa 83 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 32 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 47 u 48 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni eskludiet li t-trasferiment ta’ Brandt Components kellu “effett reali” fuq is-suq tal-magni tal-ħasil, li jagħmel parti mis-settur tal-elettrodomestiċi kbar, li huwa s-“suq prinċipali” li FagorBrandt interveniet fuqu, skont il-Kummissjoni.

54

It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li t-trasferiment ta’ Brandt Components la kien jikkostitwixxi sempliċi tpaċija tal-kontijiet u lanqas waqfien tal-attivitajiet ma kienx ifisser li kienet neċessarjament miżura kompensatorja tali li tnaqqas l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni ġġenerati mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq, l-imsemmija miżura ma kinitx intiża, u fi kwalunkwe każ ma setax ikollha l-effett, li tillimita l-effetti negattivi tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni, hija ma setgħetx leġittimament tiġi kklassifikata bħala miżura kumpensatorja.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 51 sa 54 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, fil-punt 83 tad-deċiżjoni kkontestata li t-trasferiment ta’ Brandt Components kien jikkostitwixxi miżura kumpensatorja kif definit fil-punti 38 sa 40 tal-Linji Gwida. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu eżaminati l-konsegwenzi ta’ tali żball fuq il-mertu ta’ analiżi tal-Kummissjoni li l-miżuri kumpensatorji adottati f’dan il-każ jippermettu li jitnaqqsu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni.

56

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset dan li ġej:

“Il-miżuri kompensatorji huma l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni għal żmien ta’ ħames snin ta’ ċerti prodotti (it-tisjir, it-tkessiħ u d-dishwashers) tal-marka Vedette […] u l-bejgħ ta’ Brandt Components. Dan huwa tnaqqis tal-preżenza [ta’ FagorBrandt] fis-suq reali (jiġifieri mhux negliġibbli) iżda ta’ daqs limitat. Dan it-tnaqqis huwa proporzjonat mal-estensjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ, kif kienet analizzata qabel.”

57

Il-Kummissjoni tikkonkludi l-analiżi tagħha f’dan ir-rigward, fil-premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid dan li ġej:

“Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li dawn il-miżuri [kumpensatorji] jippermettu li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni eċċessivi skont il-[punti] 38 sa 40 tal-Linji Gwida […]”

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn, kif ġie mfakkar fil-punt 53 iktar ’il fuq, it-trasferiment ta’ Brandt Components ma kellu l-ebda effett reali fuq is-suq primarju li fih FagorBrandt kienet topera, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, essenzjalment, l-akkumulazzjoni ta’ din il-miżura kumpensatorja ma’ dik li tikkonsisti fil-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-prodotti għal ħames snin taħt il-marka Vedette għamlitha possibbli li jiġu limitati b’mod proporzjonali l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni ġġenerata bl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni hija neċessarjament żbaljata. Minn naħa, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni la kkunsidrat u lanqas stabbilixxiet fid-deċiżjoni kkontestata, jew ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-adozzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar ta’ miżuri kumpensatorji kienet biżżejjed fiha nnifisha biex tnaqqas proporzjonalament, skont ir-rekwiżiti tal-punti 38 sa 40 tal-Linji Gwida, l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li jiġu kkawżati mill-għoti ta’ għajnuna inkwistjoni. Minn naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex, skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 42 iktar ’il fuq, tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni billi tagħmel eżami dwar jekk il-miżura kumpensatorja tal-aħħar kinitx fiha nnifisha biżżejjed biex tillimita l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni u billi tasal għall-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kellha d-dmir li tasal għaliha mill-imsemmi eżami.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel u t-tielet ilment tas-seba’ parti tal-ewwel motiv, għandu jintlaqa’ t-tieni lment tal-imsemmija parti kif imqajjem mir-rikorrenti, filwaqt li t-trasferiment ta’ Brandt Components ma jikkostitwixxix miżura kumpensatorja xierqa.

60

Mingħajr ħsara għall-konklużjoni preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jkun xieraq li wieħed jeżamina wkoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, it-tielet parti tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna mogħtija qabel u li ma ġietx irkuprata

61

Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jqajmu żewġ oġġezzjonijiet prinċipali, dwar ksur tal-punt 23 tal-Linji Gwida, kif implementati mill-Kummissjoni, b’referiment għas-sentenza Deggendorf, punt 10 iktar ’il fuq. Huma jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-effett kumulattiv tal-għajnuna inkwistjoni, l-ewwel nett, bl-għajnuna 44f, u t-tieni nett, bl-għajnuna inkompatibbli Taljana, fejn dawn l-aħħar żewġ istanzi ta’ għajnuna għadhom ma ġewx irkuprati.

62

Il-Kummissjoni topponi għal dawn iż-żewġ ilmenti.

63

Il-Qorti Ġenerali ser tikkunsidra, preliminarjament, it-tieni lment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv tal-għajnuna inkwistjoni mal-għajnuna inkompatibbli Taljana.

64

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li fis-sentenza Deggendorf, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ma tabbużax mis-setgħa diskrezzjonali tagħha meta, fil-każ fejn ikollha quddiema pjan ta’ għajnuna li Stat Membru jipproponi li jagħti lill-impriża, hija tadotta deċiżjoni li tiddikjara din l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, iżda taħt riżerva li l-impriża inkwistjoni tirrimborsa minn qabel għajnuna preċedenti ddikjarata illegali, u dan minħabba l-effett kumulattiv tal-għajnuna inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Settembru 2009, AceaElectrabel vs Il-Kummissjoni, T-303/05, Ġabra p. II-137, punti 166, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Imbagħad għandu jitfakkar li l-punt 23 tal-Linji Gwida li fih il-Qorti Ġenerali tirreferi għas-sentenza Deggendorf, punt 10 iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 tgħid kif ġej:

“Meta għajnuna illegali, li fuqha il-Kummissjoni adottat deċiżjoni negattiva li tinvolvi ordni ta’ rkupru, tkun ingħatat qabel lill-impriża f’diffikultà, u li l-irkupru ma jkunx seħħ skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], l-eżami ta’ kull għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l-effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna ġdida, it-tieni nett, il-fatt li l-għajnuna preċedenti ma tkunx ġiet irrimborsata […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

66

Minn naħa, mis-sentenza Deggendorf, punt 10 iktar ’il fuq, u l-punt 23 tal-Linji Gwida jirriżulta għalhekk li, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni għandha, fil-prinċipju, teżamina l-effett kumulattiv tal-għajnuna ma’ xi għajnuna preċedenti li tkun għadha ma ġietx irkuprata. Dan l-eżami huwa ġġustifikat mill-fatt li l-benefiċċji mogħtija bl-għoti ta’ għajnuna inkompatibbli preċedenti li tkun għadha ma ġietx irkuprata tkompli jkollha effett fuq il-kompetizzjoni.

67

Min-naħa l-oħra fiċ-ċirkustanza fejn il-Kummissjoni tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna kkunsidrata għall-irkupru preliminari ta’ għajnuna waħda jew iktar istanzi ta’ għajnuna preċedenti, hija ma tkunx obbligata tipproċedi għall-eżami tal-effett kumulattiv tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni. Tali ssuġġettar jagħmilha possibili li jiġi evitat li l-vantaġġ mogħti permezz tal-għajnuna kkunsidrata jakkumula ma’ dawk tal-għajnuna preċedenti, billi l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna preċedenti jkunu ġew eliminati permezz tal-irkupru tal-ammonti tagħhom bl-interessi. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-irkupru ta’ għajnuna bl-interessi jagħmilha possibbli li jiġi eliminat il-vantaġġ indebitu li jikkonsisti, fin-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi li l-benefiċjarju kellu jħallas fuq l-ammont inkwistjoni tal-għajnuna kompatibbli, li kieku huwa kellu jissellef dan l-ammont fis-suq sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u kif ukoll fit-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fil-konfront tal-operaturi l-oħra fis-suq sakemm damet fis-seħħ l-illegalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u Ministru tal-Kultura u tal-Kommunikazzjoni, C-199/06, Ġabra p. I-469, punt 51).

68

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, wara li kkonstatat, fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma [kien] jidher li hemm ebda element li jopponi l-applikazzjoni tal-approċċ [li ħareġ mis-sentenza] Deggendorf, jiġifieri, li l-għajnuna [inkwistjoni] tiġi kkunsidrata kompatibbli bil-kundizzjoni li l-ħlas tagħha jkun sospiż sal-irkupru tal-għajnuna 44f”, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 50 tal-imsemmija deċiżjoni, dan li ġej:

“[…] Il-paragrafu 23 tal-linji gwida […] jobbliga lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-investigazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturar, li ‘tikkunsidra, l-ewwel nett, l-effett akkumulat tal-għajnuna li ngħatat qabel u tal-għajnuna l-ġdida, it-tieni nett, il-fatt li l-għajnuna li ngħatat qabel ma tħallsitx lura’; Kif tindika n-nota f’qiegħ il-paġna [Nru 14] rispettiva tal-linji gwida għar-ristrutturar, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq [is-sentenza Deggendorf]. F’dan il-każ, Franza impenjat ruħha li tirkupra l-għajnuna 44f qabel ma tipproċedi għall-ħlas tal-għajnuna l-ġdida. F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, skont [is-sentenza] Deggendorf […], li tbiddel dan l-impenn f’kundizzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata. B’hekk [il-Kummissjoni] tkun qiegħda tiżgura li ma jkunx hemm akkumulazzjoni tal-għajnuna ta’ qabel mal-għajnuna l-ġdida u li l-għajnuna ta’ qabel titħallas lura. B’dan il-mod, ma jkunx aktar meħtieġ li jiġi kkunsidrat l-effett akkumulat tal-għajnuniet u lanqas in-nuqqas ta’ ħlas lura fil-bqija tal-evalwazzjoni tal-għajnuna l-ġdida.”

69

F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-għajnuna inkompatibbli Taljana b’mod partikolari, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li, kif jirriżulta essenzjalment mill-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpannija sussidjarja Taljana ta’ FagorBrandt kienet għadha responsabbli, sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ porzjon minn dik l-għajnuna, ta’ ammont inqas minn EUR miljun.

70

It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata stabbilita fil-punt 68 hawn fuq, min-naħa, b’differenza mal-għajnuna 44f, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma ssuġġettatx l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni għar-rimbors minn qabel tal-għajnuna inkompatibbli Taljana. Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-effett kumulattiv fuq il-kompetizzjoni tal-imsemmi vantaġġ ma’ dak li jirriżulta mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, taħt il-punt “6.6 Prevenzjoni ta’ kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni” fid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, fil-premessa 76 ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma għamlet ebda eżami ieħor ħlief dak tal-elementi li “għandhom it-tendenza li jillimitaw il-konsegwenzi negattivi ta’ din id-distorsjoni tal-kompetizzjoni” ikkawżati mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni biss. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri kumpensatorji li hija ssuġġettat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, bħalma joħroġ mill-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, huma relatati mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġġenerata mill-għoti ta’ din l-għajnuna biss, mingħajr ma ġie kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ din tal-aħħar mal-għajnuna inkompatibbli Taljana.

71

Peress li l-Kummissjoni ma ssuġġettatx l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni għall-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli Taljana, hija bilfors kellha teżamina l-effett kumulattiv ta’ dawn iż-żewġ istanzi ta’ għajnuna, u hija naqset milli tagħmel f’dan il-każ. Dan huwa minnu anki fil-każ li, kif il-Kummissjoni essenzjalment qalet fil-premessa 31 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u sostniet, bħalma għamlu r-Repubblika Franċiża u FagorBrandt, waqt is-seduta, għandu jiġi kkunsidrat li ma kienx possibbli għaliha, skont is-sentenza Deggendorf, punt 10 iktar ’il fuq, li tissuġġetta l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni mir-Repubblika Franċiża għall-irkupru minn qabel tal-għajnuna inkompatibbli Taljana mir-Repubblika Taljana.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa għalhekk xieraq li wieħed jikkonstata li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-eżami tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li hija għamlet f’dan il-każ.

73

L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u minn FagorBrandt u r-Repubblika Franċiża f’dan ir-rigward ma jdgħajjfux din il-konklużjoni.

74

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument imressaq mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub u b’risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta li permezz tagħha hija eżaminat l-impatt tar-rimbors tal-ammont inkwistjoni fuq il-vijabbiltà tar-ristrutturazzjoni, tali argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Tassew, il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata li, skont l-awtoritajiet Franċiżi, ir-rimbors tal-imsemmija għajnuna kellu “jsir mingħajr impatt fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp” huwa distint minn, u ma jaffettwawx l-eżami li l-Kummissjoni wkoll kellha tagħmel dwar l-effett kumulattiv tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u fuq il-miżuri kumpensatorji li kellhom jiġu konsegwentement adottati.

75

It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li “l-impatt ekonomiku reali [tal-għajnuna inkompatibbli Taljana] kien minimu,” tali argument ma jistax madankollu jiġġustifika n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv tal-għajnuna inkompatibbli mal-għajnuna inkompatibbli Taljana.

76

Fil-fatt, għalkemm, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq komuni, il-fatt li l-ammont ta’ għajnuna preċedenti li għadu jrid jiġi rrimborsat huwa proporzjonalment żgħir meta mqabbel mal-għajnuna proposta, ma jeżentahiex milli twettaq l-analiżi tal-effett kumulattiv taż-żewġ istanzi ta’ għajnuna fuq il-kompetizzjoni, skont is-sentenza Deggendorf, punt 10 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 42 iktar ’il fuq, ma għandhiex obbligu twettaq tali eżami u tasal għall-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kellha d-dmir li tasal għalihom.

77

Għalhekk it-tieni lment tat-tielet parti tal-ewwel motiv għandu jintlaqa’ mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżamint l-ewwel ilment tal-imsemmija parti.

78

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq is-sitt partijiet l-oħra tal-ewwel motiv, u lanqas fuq it-tieni motiv, b’mod partikolari, fuq l-ewwel parti ta’ dan il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ kapaċità eċċessiva strutturali fis-suq (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

Fuq it-talbiet għal miżuri ta ’ organizzazzjoni tal-proċedura

79

Kif ġie rrilevat fil-punti 17 u 19 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, li oġġezzjonat, biex tipprovdi, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, xi dokumenti jew kategoriji ta’ dokumenti.

80

Sa fejn, kif ġie konkluż fil-punt 78 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-talbiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri magħmula mir-rikorrenti, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar dawn it-talbiet, li saru irrilevanti.

Fuq l-ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-imsemmi Regoli tal-Proċedura, minn naħa, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u minn l-oħra, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent, barra mill-Istati Membri, l-Istati kontraenti fil-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), l-istituzzjonijiet u l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

82

Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif mitlub mir-rikorrent.

83

Ir-Repubblika Franċiża u FagorBrandt, li ma ppreżentaw l-ebda nota, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/485/KE, tal-21 ta’ Ottubru 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru K 44/07 (ex N 460/07) li Franza qed tippjana li timplimenta favur l-impriża FagorBrandt, hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ Electrolux AB u Whirlpool Europe BV.

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża u Fagor France SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2012.

Firem


( *1 ) Langue de procédure : l’anglais.