DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

15 ta’ Diċembru 2009

Kawża F-8/09

Svetoslav Apostolov

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rikors inammissibbli – Tardività”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu S. Apostolov jitlob b’mod partikolari l‑annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), tal-21 ta’ Ottubru 2008, li tiċħad l-ilment tiegħu intiż kontra d-deċiżjoni tal-EPSO, tal-25 ta’ April 2008, li tindikalu li l-marka li kien ġab fit-testijiet ta’ selezzjoni fil-kuntest tas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess EPSO/CAST27/4/7 ma kinitx biżżejjed sabiex tippermetti l-inklużjoni tiegħu fid-database tal‑kandidati magħżula.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

Proċedura – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Dekadenza – Żball skużabbli – Kunċett

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 97(4) u 100(3); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-kunċett ta’ żball skużabbli, li jippermetti li ssir deroga mit-terminu, jinkludi biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir ta’ natura li, waħdu jew b’mod determinati, jipprovoka konfużjoni ammissibbli f’moħħ individwu in bona fide u li wera d‑diliġenza kollha meħtieġa minn operatur normalment informat.

(ara l-punt 21)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punt 26; 15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il‑Kunsill u BĊE, C‑193/01 P, Ġabra p. I‑4837, punt 24