DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2009

Kawża F-5/09

Ayo Soerensen Ferraresi

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rikors għad-danni – Ammissibbiltà – Ilment – Att li jikkawża preġudizzju”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu A. Soerensen Ferraresi titlob lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-dannu fiżiku, psikoloġiku u ekonomiku subit minnha u li l-ammont tiegħu jista’ jiġi evalwat permezz ta’ perizja jew b’mod ekwu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Introduzzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 76 u 78)

2.      Uffiċjali – Rikors – Talba għad-danni intiża għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn aġir li ma għandux natura deċiżjonali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikors – Termini – Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

4.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għal annullament li ma ġiex ippreżentat fit-termini – Rikors għad-danni – Ftuħ mill-ġdid tat-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

5.      Uffiċjali – Rikorsi – Rikors għad-danni – Awtonomija mir-rikors għal annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Anki fil-preżenza ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut b’att separat, abbażi tal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u tal-osservazzjonijiet fuq l-imsemmija eċċezzjoni ppreżentati mir-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jibqa’ liberu, jekk ir-rikors jidher għalih li huwa manifestament inammissibbli, li jadotta digriet abbażi tal-Artikolu 76 tal-imsemmija regoli.

(ara l-punt 14)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Ottubru 2008, Ortega Serrano vs Il‑Kummissjoni, F‑48/08 u F‑48/08 AJ, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 23, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑583/08 P

2.      Il-fastidju psikoloġiku jikkostitwixxi aġir mhux deċiżjonali. Għalhekk huwa l-uffiċjal li jixtieq jikseb kumpens għad-danni li jirriżultaw minn dan l-aġir mhux deċiżjonali li għandu jressaq talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Ilment jista’ biss jiġi ppreżentat kontra ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba li tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju u huwa biss wara ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ dan l-ilment li jista’ jiġi ppreżentat rikors għad-danni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 22, 26, 27)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 25 ta’ Settembru 1991, Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑5/90, Ġabra p. II‑731, punti 49 u 50; 28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punti 64 u 66

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Frar 2007, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, F‑42/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 58 sa 61

3.      It-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ danni li jirriżultaw minn aġir mhux deċiżjonali għandhom jiġu ppreżentati f’terminu raġonevoli mill-mument meta r-rikorrent isir taf bis-sitwazzjoni li qed jilmenta dwarha, u dan, minkejja li l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabilixxi ebda terminu għall-preżentata ta’ talba għal kumpens. Fil-fatt, it-terminu raġonevoli għandu jiġi osservat fil-każijiet kollha fejn, meta t-testi ma jgħidu xejn, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxu ostakolu għall-istituzzjonijiet Komunitarji u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jaġixxu mingħajr ebda limitu ta’ żmien, bir-riskju, b’mod partikolari, li tiġi ppreġudikata l-istabbiltà ta’ sitwazzjonijiet legali kweżiti. Fil-każ ta’ azzjonijiet għad-danni li jistgħu jirriżultaw f’obbligu finanzjarju għall-Komunità, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli sabiex titressaq it-talba għal kumpens hija mnebbħa wkoll mill-interess li jiġu protetti l-finanzi pubbliċi, li huwa espress b’mod partikolari, għall-azzonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, bit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, stabbilit mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

In-natura raġonevoli ta’ terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kwistjoni u l-aġir tal-partijiet inkwistjoni.

(ara l-punti 35, 37, 38)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 5 ta’ Ottubru, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punti 59 u 67 in fine ; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 65 u 66

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑87/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 27, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑16/09 P

4.      Uffiċjal li jonqos milli jippreżenta, fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal annullament kontra l-att li kkawżalu preġudizzju, ma jistax, permezz ta’ talba għall-kumpens tad-danni kkawżati minn dan l-att, jirrimedja din l-ommissjoni u jiżgura favur tiegħu termini ġodda għall-preżentata tar-rikors.

(ara l-punt 27)

5.      Fid-dawl tal-awtonomija tar-rikors għad-danni meta pparagunat mar-rikors għal annullament, uffiċjal jista’ jippreżenta b’mod distint rikors intiż għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju, peress li huwa jkun ippreżenta, fit-termini previsti, rikors għal annullament kontra dan l-att. Jekk huwa jagħżel dan il-metodu, l-uffiċjal għandu madankollu jippreżenta rikors għad-danni f’terminu raġonevoli.

(ara l-punt 36)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Frar 2007, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, F‑125/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 76 sa 78