Kawża C-344/09

Dan Bengtsson

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal nazzjonali’ — Neċessità ta’ kwistjoni u ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Sommarju tad-digriet

Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 234 KE — Kunċett

(Artikolu 234 KE)

Il-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss meta jkollhom kwistjoni pendenti quddiemhom u meta jkunu msejħa jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi sabiex iwasslu għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja B’hekk, meta jagħmel deċiżjoni amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma jkun mitlub jiddeċiedi kwistjoni, il-korp tar-rinviju ma jistax jitqies li qiegħed jeżerċita funzjoni ġudizzjarja. Dan huwa l-każ ta’ kummissjoni muniċipali bħall-Miljö- och hälsoskyddsnämnden (kummissjoni responsabbli għas-sorveljanza fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa fil-komun ta’ Mora - l-Isvezja).

Fil-fatt, minn naħa, il-Miljö- och hälsoskyddsnämnden hija responsabbli għas-sorveljanza fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa u għandha bħala funzjoni li tadotta l-miżuri korrettivi neċessarji. Min-naħa l-oħra, peress li l-Miljö- och hälsoskyddsnämnden ma għandhiex bħala funzjoni li tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni imma għandha tieħu pożizzjoni, għall-ewwel darba, fuq ilment ta’ individwu, hija ma għandhiex tiddeċiedi kwistjoni, mingħajr ma din il-konstatazzjoni tista’ titqiegħed f’dubju mill-fatt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw xi osservazzjonijiet quddiemha, peress li tali fakultà ma taffettwax in-natura tal-attività mwettqa. Minn dan jirriżulta li din il-kummissjoni qiegħda teżerċita funzjoni mhux ġudizzjarja.

(ara l-punti 18, 19, 21, 23-25)







DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal nazzjonali’ – Neċessità ta’ kwistjoni u ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑344/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Awwissu 2009, fil-kuntest tal-eżami ta’ lment ippreżentat minn

Dan Bengtsson

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Levits, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE, tat-12 ta’ Lulju 1999, dwar il-limitazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz) (ĠU L 199, p. 59), fid-dawl tal-Artikolu 174(2) KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata mill-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden (kummissjoni tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-komun ta’ Mora), wara li tressqet talba quddiemha minn D. Bengtsson sabiex jitnaqqas il-livell ta’ radjazzjoni mhux jonizzata maħruġ mill-bażijiet tal-operaturi ta’ telefonija mobbli stabbiliti viċin tar-residenza tiegħu.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

3        Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, waqt is-sena 2006, D. Bengtsson, residenti fil-komun ta’ Mora, indirrizza lment lill-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, li fih afferma li kien qed ibati bi problemi ta’ saħħa serji kkawżati minn espożizzjoni għar-radjazzjoni mhux jonizzata maħruġa mill-bażijiet ta’ telekomunikazzjoni u ta’ xandir ta’ data bil-wireless stabbiliti viċin tar-residenza tiegħu. Huwa talab li jiġi implementat il-prinċipju ta’ prekawzjoni u li jiġu ordnati miżuri intiżi sabiex titnaqqas l-espożizzjoni tar-residenza tiegħu għal din ir-radjazzjoni.

4        Il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, hija kummissjoni muniċipali responsabbli għas-sorveljanza fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa fil-komun ikkonċernat, li għandha bħala funzjoni li tadotta l-miżuri korrettivi neċessarji. Abbażi ta’ dan, hija għandha b’mod partikolari tissorvelja l-bażijiet tat-telekomunikazzjoni u tax-xandir ta’ data bil-wireless.

5        L-Artikolu 9 tal-Kapitolu 26 tal-Liġi 1998:808, li tistabbilixxi kodiċi tal-ambjent [miljöbalken (1998:808)], jikkonferixxi fuq il-kummissjonijiet muniċipali bħall-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, is-setgħa sabiex tindirizza lill-operaturi b’ordnijiet, kif ukoll setgħa ta’ projbizzjoni. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Kapitolu 26 ta’ din il-liġi, tali miżuri ta’ ordni jew ta’ projbizzjoni jistgħu jingħataw flimkien ma’ sanzjonijiet pekunjarji.

6        Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 19 tal-imsemmija liġi, id-deċiżjonijiet tal-imsemmija kummissjonijiet muniċipali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment quddiem il-Länsstyrelse (l-Awtorità Reġjonali), u d-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar jistgħu mbagħad ikunu s-suġġett ta’ azzjoni quddiem il-Miljödomstolen (Il-Qorti Ambjentali).

7        L-operaturi tat-telefonija mobbli li għandhom il-bażijiet tagħhom installati viċin tar-residenza ta’ D. Bengtsson ġew mistiedna mill-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ilment tiegħu. F’dan ir-rigward, dawn l-operaturi kollha affermaw li rrispettaw il-leġiżlazzjoni fis-seħħ peress li l-espożizzjoni ta’ radjazzjoni kienet inqas mil-livell ta’ referenza previst mir-rakkomandazzjoni 1999/519. Konsegwentement, huma ma pproċedewx volontarjament għal tnaqqis tar-radjazzjoni mhux jonizzata sa livell ikkunsidrat bħala aċċettabbli mill-persuna li tilmenta.

8        B’risposta għall-osservazzjonijiet tal-imsemmija operaturi ta’ telefonija mobbli, D. Bengtsson enfasizza li l-imsemmija livelli ta’ referenza jindikaw biss fuq liema espożizzjonijiet ġie pprovat xjentifikament effett ta’ tisħin u għaldaqstant, huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti l-oħra fuq is-saħħa fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

9        Fil-kwalità tagħha bħala l-awtorità ta’ sorveljanza tal-bażi għat-telekomunikazzjoni u għax-xandir ta’ data bil-wireless, il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, għandha tiddeċiedi fuq l-azzjoni li għandha tittieħed fuq l-ilment ta’ D. Bengtsson.

10      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“[F]ir-rigward tal-Artikolu 174(2) KE, il-livelli ta’ referenza tal-kampijiet elettromanjetiċi previsti mir-Rakkomandazzjoni 1999/519 [...] għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala linji gwida għall-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni jew jekk l-imsemmi prinċipju huw[iex] kumplimentarju għar-Rakkomandazzjoni 1999/519?

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

11      Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, applikabbli għar-rinviju preliminari abbażi tal-Artikolu 103(1) tal-istess regoli, meta l-Qorti tal-Ġustizzja hija manifestament inkompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

12      Il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, b’risposta għal talba għal xi kjarifikazzjonijiet li ġew indirrizzati lilha abbażi tal-Artikolu 104(5) tar-Regoli tal-Proċedura, issostni li, fil-kuntest tal-attività ta’ sorveljanza tagħha, hija tikkostitwixxi awtorità amministrattiva li teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. Fid-dawl ta’ dan, hija tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex tikkwalifika bħala “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 234 KE. Barra minn hekk, tinsab pendenti quddiemha kwistjoni, u hija ntalbet sabiex tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tirriżulta f’deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.

13      TeliaSonera Mobile Networks AB hija tal-opinjoni li l-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, ma hijiex qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 234 KE, minħabba l-fatt li d-dover ta’ sorveljanza tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja.

14      Tele2 Sverige AB tikkunsidra li l-attività deċiżjonali tal-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, taqa’ taħt l-attività eżekuttiva tagħha u ma tistax tixxebbah ma’ attività ġudizzjarja. Barra minn hekk, ma hemmx kwistjoni bejn il-partijiet kif deskritta mill-korp tar-rinviju.

15      Il-Gvern Ċek jesponi li l-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, ma taqax taħt is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat. Peress li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni quddiem il-Länsstyrelse u li, fil-każ ta’ awtorità kważi-ġudizzjarja għandhom jiġu applikati b’mod iktar strett il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta’ indipendenza, hija ma hijiex qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

16      Il-Gvern Franċiż jiddubita jekk il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, tistax tiġi kklassifikata bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

17      Il-Kummissjoni Ewropea tal-Komunitajiet Ewropej tirrileva li, bħala awtorità ta’ sorveljanza, il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, tista’ tindirizza ordnijiet fuq l-operaturi tat-telefonija mobbli, u dan jikkostitwixxi funzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, ma tistax tiġi adita bi kwistjoni quddiemha, u hija ma tintalabx sabiex tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tirriżulta f’deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. Barra minn hekk, peress li l-kunsill muniċipali jista’ jirrevoka l-ħatra tal-membri kollha ta’ din il-kummissjoni meta l-maġġoranza politika tal-kunsill muniċipali ma tibqax tikkorrispondi għal dik eżistenti fi ħdan l-imsemmija kummissjoni, jew fil-każ ta’ emenda fl-organizzazzjoni ta’ din tal-aħħar, skont l-Artikolu 10a tal-Kapitolu 4 tal-Liġi komunali 1991:900 [kommunallagen (1991:900)], ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-korp tar-rinviju ma huwiex sodisfatt.

18      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 234 KE jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss meta jkollhom kwistjoni pendenti quddiemhom u meta jkunu msejħa jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi sabiex iwasslu għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara d-digriet tat-18 ta’ Ġunju 1980, Borker, 138/80, Ġabra p. 1975, punt 4; is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C 53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29 kif ukoll tal-25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort, C-14/08, Ġabra p. I 5439, punt 34).

19      B’hekk, meta jagħmel deċiżjoni amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma jkun mitlub jiddeċiedi kwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-korp tar-rinviju ma jistax jitqies li qiegħed jeżerċita funzjoni ġudizzjarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre, C-111/94, Ġabra p. I-3361, punt 11; tal-15 Jannar 2002, Lutz et, C-182/00, Ġabra p. I-547, punt 14, kif ukoll Roda Golf & Beach Resort, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

20      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-ilment ippreżentat quddiemha minn D. Bengtsson, il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, teżerċita funzjonijiet ta’ natura amministrattiva.

21      Fil-fatt, l-ewwel nett, jidher li din il-kummissjoni muniċipali hija responsabbli għas-sorveljanza fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa u għandha bħala funzjoni li tadotta l-miżuri korrettivi neċessarji.

22      It-tieni nett, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’ebda mod ma jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ D. Bengtsson, qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita mill-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, kienet tat lok għal deċiżjoni li kontriha ġiet ippreżentata azzjoni quddiem dik il-kummissjoni. Għalhekk, din hija l-ewwel awtorità li semgħet it-talba sabiex jitnaqqsu r-radjazzjonijiet mhux jonizzati maħruġa mill-bażijiet fil-qrib tar-residenza ta’ D. Bengtsson (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, id-digrieti tad-10 ta’ Lulju 2001, HSB-Wohnbau, C-86/00, Ġabra p. I-5353, punt 15; tat-22 ta’ Jannar 2002, Holto, C-447/00, Ġabra p. I-735, punt 21, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2010, Amiraike Berlin, C-497/08, Ġabra p. I-0101, punt 20).

23      Konsegwentement, fil-kuntest li ta lok għal din id-domanda preliminari, il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, ma għandhiex l-funzjoni li tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni. Il-funzjoni tagħha tikkonsisti f’li tieħu pożizzjoni, għall-ewwel darba, fuq ilment ta’ individwu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma tintalabx sabiex tiddeċiedi kwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Victoria Film, C-134/97, Ġabra p. I 7023, punti 16 u 18).

24      Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-fatt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati jistgħu jippreżentaw xi osservazzjonijiet quddiem il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, peress li tali fakultà ma taffettwax in-natura tal-attività imwettqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2001, Salzmann, C-178/99, Ġabra p. I-4421, punt 18).

25      Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami tal-ilment ippreżentat quddiemha minn D. Bengtsson, il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden qiegħda taġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr ma hija mitluba, fl-istess ħin, tiddeċiedi kwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li qiegħda teżerċita funzjoni mhux ġudizzjarja.

26      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat, skont l-Artikoli 92(1) u 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula mill-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden.

 Fuq l-ispejjeż

27      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward ta’ D. Bengtsson, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden, hija din li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ D. Bengtsson, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tordna:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Mora kommun, Miljö- och hälsoskyddsnämnden (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.