SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-persuni — Aċċess għat-tagħlim tal-ħaddiema migranti u tal-membri tal-familja tagħhom — Finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla barra t-territorju tal-Istat Membru kkonċernat — Kundizzjoni ta’ residenza”

Fil-Kawża C-542/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Rozet u M. van Beek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, J. Langer u K. Bulterman, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġent,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi jeżiġi li l-ħaddiema migranti u l-membri tal-familji tagħhom dipendenti fuqhom jissodisfaw rekwiżit ta’ residenza, jiġifieri r-regola msejħa “ta’ tliet snin minn sitta” sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla f’pajjiż barra mill-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem “finanzjament li jista’ jinġarr”), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (K[E]E) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92 tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2 p. 69, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1612/68”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

[...]”

3

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

Stati Membri għandhom jinkoraġġixu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

4

L-Artikolu 2(2) tal-Liġi tal-2000 dwar il-finanzjament tal-istudji (Wet studiefinanciering 2000, iktar ’il quddiem il-“WSF 2000”), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-istudenti jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament sħiħ tal-edukazzjoni ogħla tagħhom jekk jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-finanzjament tal-istudji jista’ jingħata lil studenti:

a)

li għandhom in-nazzjonalità Olandiża;

b)

li ma humiex ċittadini Olandiżi, iżda li huma ttrattati, fir-rigward tal-finanzjament tal-istudji, bħala ċittadini Olandiżi abbażi ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali [...]

[...]”

5

Fir-rigward tal-finanzjament li jista’ jinġarr, mill-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000 jirriżulta li jistgħu jirċievu tali vantaġġ l-istudent li, minn naħa waħda, huwa intitolat għal finanzjament sħiħ ta’ studji fil-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, kien legalment residenti għal mill-inqas tliet snin matul is-sitt snin qabel ma rregistra ruħu għal edukazzjoni ogħla barra dak l-Istat Membru.

6

Skont l-Artikolu 11(5) tal-WSF 2000, il-ministru kompetenti jista’, f’każijiet ċari ta’ inġustizzja gravi, jidderoga mill-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-Artikolu 2(14)(2) ta’ din il-liġi.

7

Sal-1 ta’ Jannar 2014, ir-regola msejħa “ta’ tliet snin minn sitta” ma hijiex applikabbli għall-istudenti kollha li jistgħu jippretendu finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jixtiequ jsegwu din l-edukazzjoni f’ċerti reġjuni tal-fruntiera, jiġifieri fi Vlaanderen u fir-Région de Bruxelles-Capitale fil-Belġju, kif ukoll f’Nordrhein-Westfalen, f’Niedersachsen u fi Bremen fil-Ġermanja.

Il-proċedura prekontenzjuża

8

Fin-nofs tal-2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment fir-rigward tal-kundizzjoni tar-residenza prevista fl-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000, li tistabilixxi li sabiex jibbenefika minn finanzjament li jista’ jinġarr, student għandu, fost kundizzjonijiet oħra, ikollu residenza legali ta’ mill-inqas tliet snin fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sitt snin qabel ma jkun irreġistra għal edukazzjoni ogħla.

9

Wara skambju ta’ korrispondenza mal-awtoritajiet Olandiżi, fl-4 ta’April 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. F’din l-ittra, il-Kummissjoni sostniet li l-kundizzjoni tar-residenza prevista mill-WSF 2000, sa fejn tapplika għall-ħaddiema migranti inklużi l-ħaddiema transkonfinali u l-membri tal-familja tagħhom, kienet kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

10

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2008, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni fejn sostna li r-regola msejħa “ta’ tliet snin minn sitta” tosserva d-dritt tal-Unjoni u li huwa kien issodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

11

Wara laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi, dawn bagħtu lill-Kummissjoni risposta addizzjonali, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2008. L-imsemmija awtoritajiet esprimew ukoll l-intenzjoni tagħhom sabiex iressqu fil-Parlament tal-Pajjiżi l-Baxxi abbozz ta’ liġi li jemenda r-regola imsejħa “ta’ tliet snin minn sitta”.

12

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha kkonkludiet li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma osservax l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 45 u 7(2) tat-TFUE tar-Regolament Nru 1612/68, u stidnitu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.

13

Fil-15 ta’ Ġunju 2009, dan l-Istat Membru tenna l-pożizzjoni tiegħu, fejn enfasizza li l-kundizzjoni tar-residenza prevista mill-WSF 2000 ma tiksirx id-dritt tal-Unjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Lulju 2010, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Isvezja ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

15

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li, fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C-3/90, Ġabra p. I-1071), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għajnuna għall-manteniment u għat-taħriġ intiż għall-edukazzjoni fil-livell sekondarju jew ogħla, għandha tiġi kkunsidrata bħala vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Skont din l-istess ġurisprudenza, li ġiet ikkonfermata fis-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C-337/97, Ġabra p. I-3289), il-wild ta’ ħaddiem migrant jista’ jinvoka l-Artikolu 7(2) sabiex jikseb finanzjament għall-edukazzjoni tiegħu fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati għall-ulied ta’ ħaddiema nazzjonali, mingħajr tista’ tiġi imposta fuqu kundizzjoni addizzjonali dwar residenza.

16

Il-Kummissjoni tosserva li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom indiretti kollha ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, jaspiraw għall-istess riżultat. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li jinvokaw deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni li għandhom jipproduċu l-prova, f’kull każ individwali, li r-regoli tagħhom huma neċessarji u proporzjonali sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

17

Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista mill-WSF 2000 tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Jidher ċar li, anke jekk l-imsemmija kundizzjoni tapplika b’mod identiku għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni Ewropea, ikun naturalment iktar faċli li tiġi sodisfatta mill-ħaddiema nazzjonali u għaldaqstant tista’ tkun ta’ żvantaġġ b’mod iktar partikolari għall-ħaddiema migranti.

18

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni hija saħansitra iktar diskriminatorja għall-ħaddiema tal-fruntiera u għal uliedhom li, bid-definizzjoni tagħhom stess, huma residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru li jimpjegahom u ma jkunux jistgħu jissodisfaw ir-regola msejħa “ta’ tliet snin minn sitta”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li, wara li sar jaf b’din il-problema, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppropona emenda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jippermetti finanzjament li jista’ jinġarr għall-istudenti, fil-waqt li jkunu eliġibbli għal finanzjament għal edukazzjoni ogħla fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li jkunu għexu fil-“Belġju, f’wieħed mir-reġjuni tal-fruntieri Ġermaniżi jew fil-Lussemburgu għal mill-inqas tliet snin matul is-sitt snin ta’ qabel il-bidu ta’ studju barra”.

19

Il-Kummissjoni tqis li l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni jikkostitwixxi dritt fundamentali u li kwalunkwe restrizzjoni nazzjonali ma tistax tiġi ġġustifikata sakemm ma tkunx parti minn għan kompatibbli mat-Trattat FUE, tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, tkun adegwata sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

20

Il-Kummissjoni tallega li n-natura neċessarja u proporzjonali tar-regola “ta’ tliet snin minn sitta” ma tirriżultax, kif jallegaw l-awtoritajiet Olandiżi, mis-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119), u tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C-158/07, Ġabra p. I-8507). Fil-fatt, f’dawn is-sentenzi, l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażata fuq is-sitwazzjoni ta’ studenti li ma humiex ekonomikament attivi li la jaqgħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u lanqas taħt ir-Regolament Nru 1612/68 u li minnhom l-awtoritajiet nazzjonali jkunu f’pożizzjoni li jirrikjedu ċertu grad ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, skont il-Kummissjoni, huwa fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE u tar-Regolament Nru 1612/68 li għandu jiġi evalwat l-aċċess ta’ ħaddiema migranti u ta’ membri tal-familja dipendenti tagħhom li l-ħaddiema jibqgħu jipprovdu għalihom, għal vantaġġi soċjali, bħal għajnuna mogħtija sabiex tiġi segwita edukazzjoni ogħla.

21

Kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li tiġġustifika ostakolu għad-dritt fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni tiddubita li r-regola “ta’ tliet snin minn sitta” hija l-unika waħda li kapaċi tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq. F’dan ir-rigward, ir-restrizzjoni taż-żona ġeografika li fiha l-finanzjament li jista’ jinġarr huwa applikabbli u t-tul tiegħu jikkostitwixxu miżuri alternattivi. Sabiex jiġu evitati frodi, jistgħu jsiru kontrolli fit-territorju ta’ Stati Membri barra mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li, barra minn hekk, jistgħu jsiru permezz tal-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri.

22

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li r-rikors jiġi miċħud.

23

Prinċipalment, huwa jsostni li r-regola “ta’ tliet snin minn sitta” ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta. L-imsemmija regola tagħmel distinzjoni bejn il-ħaddiema li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal aktar minn tliet snin u dawk li ma jkunux residenti f’dan l-Istat matul dan il-perijodu, għaliex din tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex paragunabbli. Peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(14) tal-WSF 2000 huma intiżi sabiex jippromwovu l-edukazzjoni barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, dan jimplika b’mod ċar kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrileva wkoll li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet differenzi fit-trattament ibbażati fuq postijiet differenti ta’ residenza.

24

Sussidjarjament, f’każ li s-sitwazzjonijiet ikkonċernati kellhom jiġu kkunsidrati paragunabbli, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni tattribwixxi kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ wisq għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68. Dan l-artikolu ma huwiex intiż, fil-prinċipju, għall-ħaddiem migrant innifsu, fil-waqt li l-vantaġġi mogħtija lil uliedu fil-qasam tat-tagħlim ikunu s-suġġett tal-Artikolu 12 tal-istess regolament. Dan l-Istat Membru jenfasizza li dan l-aħħar artikolu jimponi kundizzjoni tar-residenza għall-ulied li ġustifikazzjoni tagħha hija preċiżament li tiġi stabbilita ċerta relazzjoni mas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Peress li tali kundizzjoni hija nieqsa mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, l-applikazzjoni tagħha għall-ulied ta’ ħaddiema twassal sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmi Artikolu 12.

25

B’mod iktar sussidjarju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jallega li r-regola “ta’ tliet snin minn sitta” hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan mixtieq.

26

Skont dan l-Istat Membru, il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti hija possibbli biss jekk il-benefiċjarji tal-finanzjament li jista’ jinġarr ikollu konnessjoni reali mal-Pajjiżi l-Baxxi. Minn naħa, dan il-finanzjament huwa intiż li jipprovdi opportunità ta’ edukazzjoni barra mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-istudenti li normalment ikollhom jagħmlu dan fil-Pajjiżi l-Baxxi. Min-naħa l-oħra, l-abbandun tar-regola “ta’ tliet snin minn sitta” jkollha konsegwenzi finanzjarji inaċċettabbli u jistgħu jaffettwaw l-eżistenza stess ta’ din l-iskema ta’ għajnuna. Li ma din id-definizzjoni ta’ benefiċjarji jiżdiedu ċerti limitazzjonijiet bil-għan li l-finanzjament ikun jista’ jkompli jiġi żgurat ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bidar u Förster.

27

Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-protezzjoni ta’ dawk l-interessi tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regola “ta’ tliet snin minn sitta” wkoll għall-persuni impjegati, minħabba r-riskju li jkun hemm kategoriji ta’ studenti eliġibbli għall-finanzjament li jista’ jinġarr li ma jkunx intiż għalihom. Dan ikun, pereżempju, il-każ ta’ studenti ħaddiema li jeżerċitaw għal żmien qasir impjieg fil-Pajjiżi l-Baxxi biss sabiex jiksbu l-imsemmi finanzjament.

28

Fir-rigward tar-regola tal-proporzjonalità “ta’ tliet snin minn sitta”, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi osserva li l-ebda miżura oħra, bħall-għarfien tal-lingwa Olandiża, l-istabbiliment tal-konfini ġeografiċi li lil hinn minnhom il-benefiċċju tal-finanzjament li jista’ jinġarr ikun eskluż jew iż-żieda fit-tul ta’ residenza, ma’ tistax tkun biżżejjed sabiex tipproteġi b’mod effettiv ukoll l-interessi involuti. Barra minn hekk, jeżistu, għall-ulied ta’ ħaddiema migranti fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jirresjedu barra dan l-Istat Membru, possibbiltajiet ta’ finanzjament oħrajn, prinċipalment finanzjament tal-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru fejn jirrisjedu jew f’istituzzjonijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi.

29

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jfakkar, barra minn hekk, li l-Artikolu 11.5 tal-WSF 2000 jistabbilixxi regola li tippermetti l-ekwità, li tippermetti, f’każ konkret, li ssir deroga għall-kundizzjoni ta’ residenza sabiex tiġi evitata inġustizzja gravi.

30

Fl-aħħar nett, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni tinjora l-fatt li, mill-1 ta’ Settembru 2007, ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta” ma tapplikax għall-ulied ta’ ħaddiema transkonfinali li jixtiequ jistudjaw fir-reġjuni konfinanti mal-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri l-Vlaanderen u r-Région de Bruxelles-Capitale, u n-Nordrhein-Westfalen, Niedersachsen u Bremen fil-Ġermanja. Din l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-kundizzjoni tar-residenza ġiet estiża sal-1 ta’ Jannar 2014.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

L-Artikolu 45(2) TFUE jipprovdi li l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri dwar l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

32

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jibbenefika, fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali.

33

Din id-dispożizzjoni tibbenefika mingħajr distinzjoni kemm lill-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ħaddiema transkonfinali li, filwaqt li jeżerċitaw l-impjieg bi ħlas tagħhom fl-Istat Membru tal-aħħar, huma residenti fi Stat Membru ieħor (sentenza tat-18 Lulju 2007, Geven, C-213/05, Ġabra p. I-6347, punt 15).

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ intiża sabiex tiġi segwita l-edukazzjoni universitarja li twassal għal kwalifika professjonali tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair, 39/86, Ġabra p. 3161, punt 24, u Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23.

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-finanzjament tal-edukazzjoni mogħti minn Stat Membru lill-ulied ta’ ħaddiema jikkostitwixxi, għal ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7(2) fejn dan tal-aħħar ikompli jipprovdi manteniment tal-wild (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bernini, punti 25 u 29, u Meeusen, punt 19).

36

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jobbliga Stat Membru, minħabba li joffri, lill-ħaddiema nazzjonali tiegħu, il-possibbiltà li jattendu taħriġ provdut fi Stat Membru ieħor, li jestendi din il-possibbiltà għall-ħaddiema tal-Unjoni stabbiliti fit-territorju tiegħu (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci, 235/87, Ġabra p. 5589, punt 16, u tat-13 ta’ Novembru 1990, di Leo, C-308/89, Ġabra p. I-4185, punt 14).

37

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, jipprekludi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda anki kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament iwasslu għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C-57/96, Ġabra p. I-6689, punt 44, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-269/07, Ġabra p. I-7811, punt 53).

38

Dan hu l-każ, b’mod partikolari, ta’ miżura bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li tirrikjedi tul ta’ residenza preċiż, peress li din għandha r-riskju li prinċipalment tkun ta’ detriment għall-ħaddiema migranti u għall-ħaddiema transkonfinali ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn dawk li ma humiex residenti ħafna drabi ma humiex ċittadini (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Ciola, C-224/97, Ġabra p. I-2517, punt 14; tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C-382/08, Ġabra p. I-139, punt 34). F’dan il-kuntest, huwa immaterjali jekk il-miżura kontenzjuża taffettwax, jekk ikun il-każ, kemm iċ-ċittadini nazzjonali li ma jkunux jistgħu josservaw tali kriterji kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tiffavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 14).

39

L-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000 huwa bbażat preċiżament fuq dan it-tip ta’ kriterju, sa fejn jissuġġetta l-finanzjament li jista’ jinġarr, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata jkollha residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi għal mill-inqas tliet snin matul is-sitt snin qabel ma tkun irreġistrat għal edukazzjoni ogħla barra dan l-Istat Membru.

40

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, madankollu, li l-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni tiddistingwi bejn il-ħaddiema li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal mill-inqas tliet snin u dawk li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni għaliex tirrigwarda sitwazzjonijiet differenti. Fil-fatt, f’termini ta’ mobbiltà tal-istudenti, is-sitwazzjoni fejn l-istudenti li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi huma mħeġġa li jmorru barra mill-Pajjiżi l-Baxxi tkun kompletament differenti minn dik fejn l-istudenti li jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi jkunu mħeġġa sabiex jistudjaw barra dan l-Istat Membru. Karatteristika inerenti ta’ din il-leġiżlazzjoni hija li din tikkonċerna biss persuni li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u li l-ewwel reazzjoni tkun, naturalment, sabiex jistudjaw f’dan l-Istat Membru. Il-fatt li dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli allura jeskludi kwalunkwe diskriminazzjoni.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, diskriminazzjoni tista’ biss tinbet mill-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew inkella mill-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30; u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-253/09, Ġabra p. I-12391, punt 50).

42

L-applikazzjoni mhux diskrezzjonali ta’ dan il-prinċipju jirrikjedi li l-kriterju tal-pargunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tkun bbażata fuq elementi oġġettivi, faċilment identifikabbli. Dan il-kriterju ma jistax ikun ibbażat fuq is-sempliċi probabbiltà li ħaddiema li huma impjegati fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor qed jistudjaw, mhux fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda fl-Istat Membru ta’ residenza.

43

Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 53 tal-konklużjonijiet tagħha, billi jirrikonixxi li l-ulied ta’ ħaddiema migranti li jkunu jixtiequ jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi għandu jkollhom aċċess għal finanzjament għall-edukazzjoni ogħla tagħhom eżattament taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Olandiżi, indipendentement minn jekk jirrisjedux jew le fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi impliċitament jirrikonoxxi li ċerti wlied ta’ ħaddiema migranti jistgħu minn tal-inqas, bħall-ulied ta’ ħaddiema Olandiżi, ikunu predisposti li jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi indipendentement minn jekk jirrisjedux hemmhekk jew le. Minħabba f’hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux jibqgħu jsostnu legalment li l-Istat Membru ta’ residenza jistabbilixxi, kważi b’mod awtomatiku, il-post fejn il-ħaddiem migrant jew it-tfal dipendenti tiegħu ser jistudjaw.

44

Konsegwentement, għall-finijiet tal-aċċess għall-finanzjament li jista’ jinġarr, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem migrant li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor jew dik ta’ ħaddiem migrant li jirresjedi u li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma jkunu jistgħu jsostnu t-tul tar-residenza rikjesta mill-miżura kontenzjuża tista’ tiġi paragunata ma’ dik ta’ ħaddiem Olandiż li, fl-istess żmien, jirresjedi u jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi.

45

Sussidjarjament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni wisq wiesgħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, sa fejn din id-dispożizzjoni tikkonċerna, fil-prinċipju, biss lill-ħaddiem migrant. Il-vantaġġi għall-ulied ta’ dawn tal-aħħar li jikkonċernaw l-aċċess għat-tagħlim jaqgħu taħt l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi kundizzjoni ta’ residenza applikabbli għall-imsemmija wlied.

46

Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sentenzi Bernini u Meeusen, iċċitati iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 kien applikabbli għall-ulied ta’ ħaddiema migranti, jidher li injorat din id-differenza fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet. Madankollu, hija għamlet dan biss għaliex fil-kawżi li taw lok għall-imsemmijin sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha diskriminazzjoni diretta. Għaldaqstant, kien ikun neċessarju li jiġi applikat l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Għall-kuntrarju, f’każijiet fejn ma hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta, bħal din il-kawża, din il-ħtieġa hija inqas imperattiva u l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament tkun meħtieġa.

47

F’dan ir-rigward, għandhom isiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

48

Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Peress li l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal wild ta’ ħaddiem migrant jikkostitwixxi għall-ħaddiem migrant vantaġġ soċjali, il-wild jista’ juża din id-dispożizzjoni hu nnifsu sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, jingħata direttament lill-istudent. Dan il-benefiċċju ma jikkostitwixxix, madankollu, għall-ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali skont l-imsemmija dispożizzjoni, sa fejn huwa jkompli jiżgura l-appoġġ tad-dixxendent tiegħu (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, Ġabra p. 2811, punti 12 u 13, kif ukoll Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 26).

49

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jagħti lill-ulied ta’ ħaddiem migrant dritt indipendenti ta’ aċċess għat-tagħlim. Dan id-dritt la huwa suġġett għall-istatus ta’ wild dipendenti (sentenza tal-4 ta’ Mejju 1995, Gaal, C-7/94, Ġabra p. I-1031, punt 25) u lanqas għad-dritt ta’ residenza tal-ġenituri tagħhom fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim, C-310/08, Ġabra p. I-1065, punt 40). Lanqas ma huwa limitat għall-ulied ta’ ħaddiema migranti peress li huwa wkoll applikabbli għall-ulied ta’ ħaddiema li kienu migranti (sentenza Ibrahim, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

50

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jeżiġi biss li l-wild ikun għex mal-ġenituri tiegħu jew ma’ wieħed minnhom fi Stat Membru waqt li mill-inqas wieħed mill-ġenituri tiegħu jkun jirrisjedi hemm fil-kwalità ta’ ħaddiem (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 1998, Brown, 197/86, Ġabra p. 3205, punt 30, u tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C-480/08, Ġabra p. I-1107, punt 52).

51

Għalkemm huwa minnu li l-Artikoli 7(2) u 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni personali differenti, jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn l-artikoli jippromulgaw it-tnejn, bl-istess mod, regola ġenerali li, fil-qasam tat-tagħlim, timponi fuq kull Stat Membru li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tiegħu u l-ulied ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju tiegħu (sentenzi di Leo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

52

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar is-sentenzi Bernini u Meeusen, iċċitati iktar ’il fuq, għandu jiġi sempliċiment mfakkar li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, skont liema l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ovvji, ibbażati fuq in-nazzjonalità iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu, fil-fatt, għall-istess riżultat.

53

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-obbligu ta’ ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma tistax tiddependi fuq in-natura tad-diskriminazzjoni.

54

Minn dan isegwi li l-kundizzjoni tar-residenza stabbilita fl-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000 tistabbilixxi inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema Olandiżi u l-ħaddiema migranti residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi jew li jwettqu l-attività tax-xogħol tagħhom f’dan l-Istat Membru bħala ħaddiema transkonfinali f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal finanzjament li jista’ jinġarr.

55

Tali inugwaljanza tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta pprojbita mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll, f’każ simili, li l applikazzjoni ta’ tali miżura tkun adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Lyon, C-325/08, Ġabra p. I-2177, punt 38).

56

F’dan il-każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiċċita żewġ raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-kundizzjoni ta’ residenza kontenzjuża. Min-naħa waħda, din hija meħtieġa sabiex jiġi evitat piż finanzjarju irraġonevoli li jista’ jaffettwa l-eżistenza stess ta’ din l-iskema ta’ għajnuna. Barra minn hekk, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha l-għan li tippromwovi l-edukazzjoni barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, din il-kundizzjoni tiżgura li l-finanzjament li jista’ jinġarr għandu jibbenefika biss lill-istudenti li, fin-nuqqas ta’ dan il-finanzjament, ikollhom isegwu l-istudji tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi.

57

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq ħlasijiet addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ residenza, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi għall-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-protezzjoni soċjali miżuri ta’ protezzjoni soċjali li huwa jkun jixtieq li jadotta, huma madankollu ma humiex fihom infushom l-għan ta’ din il-politika u, għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni kontra ħaddiema migrant (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C-187/00, Ġabra p. I-2741, punt 59, u tal-10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi, C-196/02, Ġabra p. I-1789, punt 53).

58

Li jiġi aċċettat li kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jiġġustifikaw trattament differenti bejn ħaddiema migranti u ħaddiema nazzjonali jkun jimplika li l-applikazzjoni u l-portata ta’ regola tant fundamentali tad-dritt tal-Unjoni bħalma hu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jistgħu jvarjaw fiż-żmien u fl-ispazju, skont l-istat tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Frar 1994, Roks, C-343/92, Ġabra p. I-571, punt 36, u tal-11 ta’ Settembru 2003 Steinicke C-77/02, Ġabra p. I-9027, punt 67).

59

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jenfasizza madankollu, illi fis-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-leġittimità tal-għan li jiġu ristretti, permezz tal-kundizzjoni ta’ residenza; il-benefiċjarji ta’ għajnuna intiża sabiex tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ studenti minn Stati Membri oħra sabiex jiġi żgurat li din l-għajnuna ma ssirx piż mhux raġonevoli fuq l-Istat Membru ospitanti. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fis-sentenza Förster, iċċitata iktar ’il fuq.

60

Issa, għandu jiġi rrilevat li fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Bidar u Förster iċċitati iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet ta’ residenza imposti mill-Istat Membru kkonċernat, għal boroż ta’ studju, lil studenti minn Stati Membri oħra li ma kinux jikkwalifikaw bħala ħaddiema migranti jew bħala membri tal-familja tagħhom.

61

Filwaqt li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istudenti inkwistjoni jistgħu jkunu obbligati mill-Istat Membru ospitanti, li juru ċertu grad ta’ integrazzjoni f’dan l-Istat sabiex ikunu jistgħu jirċievu għotja ta’ manteniment, il-fatt jibqa’ li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan biss wara li stabbilixxiet li l-persuni kkonċernati ma kinux jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1612/68 (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bidar, punt 29, kif ukoll Förster, punti 32 u 33).

62

Bl-istess mod, fis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, Ġabra p. I-7573), il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel ma tivverifika jekk ċittadin ta’ Stat Membru li ma jkollux riżorsi suffiċjenti jistax jinvoka l-istatus tiegħu bħala ċittadin u d-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikolu 21 TFUE, sabiex jibbenefika, fi Stat Membru ieħor, minn benefiċċju ta’ assistenza soċjali, mill-ewwel rrinvijat ir-responsabbiltà tal-verifiki fattwali lill-qorti nazzjonali neċessarji sabiex tevalwa jekk iċ-ċittadin inkwistjoni għandux il-kwalità ta’ ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

63

Għalkemm il-fakultà li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lill-Istati Membri, suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, li teżiġi minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetajiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi soċjali, bħal għajnuna finanzjarja għat-tagħlim, ma hijiex limitata għas-sitwazzjonijiet fejn l-applikanti għall-għajnuna kkonċernata huma ċittadini ekonomikament inattivi, ir-rekwiżit ta’ kundizzjoni ta’ residenza bħal dik prevista fl-Artikolu 2.14(2) tal-WST 2000, sabiex turi l-integrazzjoni meħtieġa hija, fil-prinċipju, mhux adegwata fil-każ ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali.

64

L-eżistenza ta’ distinzjoni bejn il-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom, minn naħa waħda, u ċ-ċittadini tal-Unjoni li japplikaw għall-għajnuna mingħajr ma jkunu ekonomikament attivi, min-naħa l-oħra, tirriżulta mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). Jekk din l-aħħar dispożizzjoni tistabilixxi fil-paragrafu 1 tagħha l, li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jirrisjedu skont din id-direttiva fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu ugwaljanza fit-trattament “fl-iskop tat-Trattat”, hija tispeċifika, fil-paragrafu 2 tagħha, li Stat Membru jista’, fir-rigward ta’ persuni li ma humiex ħaddiema impjegati, il-persuni li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jżommu tali status u l-membri tal-familji tagħhom, jillimita l-għoti tal-għajnuna ta’ manteniment fil-forma ta boroż ta’ studju jew self għall-istudenti li ma jkunux kisbu d-dritt ta’ residenza permanenti.

65

Fir-rigward ħaddiema migranti u transkonfinali, il-fatt li jkunu daħlu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru joħloq, fil-prinċipju, il-konnessjoni ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imqabbla ma’ ħaddiema nazzjonali inkwantu għall-vantaġġi soċjali. Dan il-prinċipju huwa applikabbli mhux biss għall-kundizzjonijiet kollha ta’ impjieg u ta’ xogħol, iżda wkoll għall-vantaġġi kollha li, huma jew ma humiex marbuta ma’ kuntratt ta’ impjieg, jingħataw ġeneralment lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment, minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew għas-sempliċi fatt tar-residenza ordinarja tagħhom fit-territorju nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 25, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

66

Il-konnessjoni ta’ integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li, mal-kontribuzzjonijiet fiskali li jħallas fl-Istat Membru ospitanti skont l-impjieg li jwettaq, il-ħaddiem migrant jikkontribwixxi wkoll għall-finanzjament ta’ politika soċjali ta’ dan l-Istat u għandu jgawdi l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali.

67

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mit-tielet premessa tar-Regolament Nru 1612/68, skont liema ċ-ċaqliq tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni għandu jkun wieħed mill-mezzi li bih il-ħaddiem jiġi ggarantit lilu l-possibbiltà li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tiegħu u li jiffaċilita l-avvanz soċjali tiegħu, filwaqt li jkompli jikkontribwixxi biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-ekonomiji tal-Istati Membri.

68

Fir-rigward tar-riskju ta’ abbuż invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jirriżulta b’mod partikolari mill-eżerċizzju ta’ impjieg għal perijodu qasir bl-għan waħdieni li jinkiseb finanzjament li jista’ jinġarr, huwa importanti li wieħed jenfasizza li l-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal Artikolu 45 TFUE għandu portata awtonoma proprja għad-dritt tal-Unjoni u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għandha tiġi kkunsidrata bħala “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet li huma tant minimi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala purament marġinali u anċillari. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ xogħol hija, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et, C-345/09, Ġabra p. I-9879, punt 89).

69

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, l-għan intiż mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jiġi evitat piż finanzjarju irraġonevoli ma jistax jitqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ikbar li seta’ jiġġustifika inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema Olandiżi u l-ħaddiema minn Stati Membri oħra.

70

Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-kundizzjoni tar-residenza prevista fl-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000 tista’ finalment issib il-leġittimità tagħha fuq il-bażi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għajr dik li jkun evitat piż finanzjarju irraġonevoli. L-għan tal-finanzjament li jista’ jinġarr iżid ukoll il-mobbiltà tal-istudenti billi jħeġġiġhom sabiex isegwu edukazzjoni barra l-Pajjiżi l-Baxxi. Din l-edukazzjoni mhux biss tarrikkixxi l-istudenti, iżda hija wkoll vantaġġjuża għas-soċjetà Olandiża inġenerali u għas-suq tax-xogħol Olandiż b’mod partikolari.

71

Huwa paċifiku li l-għan li tiġi inkoraġġita l-mobbiltà ta’ studenti huwa ta’ interess ġenerali. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jiġi enfasizzat li huwa parti mill-azzjonijiet li l-Artikolu 165 TFUE assenja lill-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-politika tal-edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali, żgħażagħ u sport. Barra minn hekk, dan jirriżulta mill-ewwel premessa tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà (ĠU 2006 L 394, p. 5), li l-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ hija parti integrali fil-moviment ħieles tal-persuni u hija wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-azzjoni tal-Unjoni.

72

F’dan id-dawl, il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

73

Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni li għandha n-natura li tirrestrinġi l-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħall-moviment liberu tal-ħaddiema, ma tistax tiġi leġittimament ġġustifikata ħlief jekk din tkun intiża sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dan jintlaħaq.

74

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-kundizzjoni tar-residenza prevista fl-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li din il-kundizzjoni hija l-garanzija li l-finanzjament li jista’ jinġarr għandu biss jibbenefika lill-istudenti li l-mobbiltà tagħhom għandha tkun imħeġġa.

75

Meta jgħid li r-regola “ta’ tliet snin minn sitta” hija essenzjali sabiex il-finanzjament li jista’ jinġarr ikun applikabbli esklużivament għal kategorija mmirata ta’ studenti, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bbaża ruħu fuq żewġ premessi.

76

Min-naħa waħda, is-sistema Olandiża ta’ għajnuna għall-edukazzjoni barra l-Pajjiżi l-Baxxi hija indirizzata għall-istudenti li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi li, fin-nuqqas ta’ din l-iskema, ikollhom isegwu l-edukazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru. Għall-kuntrarju, l-istudenti li ma humiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom l-ewwel istint li jistudjaw fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom u, għalhekk, il-mobbiltà ma tiġix stimulata. L-Istat Membru ta’ residenza tal-istudent, kemm jekk jirrigwarda r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll jekk le, jiddetermina, b’mod kważi awtomatiku, fejn ikun se jistudja.

77

Min-naħa l-oħra, billi jenfasizza l-merti tal-politika li tiffavorixxi l-mobbiltà ta’ studenti permezz tal-arrikkiment li l-edukazzjoni barra l-Pajjiżi l-Baxxi ġġib mhux biss lill-istudenti iżda wkoll lis-soċjetà u lis-suq tax-xogħol Olandiż, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa mistenni li l-istudenti li jibbenefikaw mill-imsemmija skema se jerġgħu lura għall-Pajjiżi l-Baxxi wara li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom sabiex jirrisjedu u jaħdmu hemmhekk.

78

Kif ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-Pajjiżi l-Baxxi rrikonoxxew ukoll li ċerti wlied ta’ ħaddiema migranti jista’ jkollhom it-tendenza li jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi kemm jekk jgħixu hemmhekk jew le. Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-fatturi indikati fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq għandhom tendenza li jirriflettu s-sitwazzjoni tal-maġġoranza tal-istudenti.

79

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni tar-residenza fl-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000 hija adegwata sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti.

80

Jibqa’ sabiex jiġi ddeterminat jekk tali kundizzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

81

Skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-awtoritajiet nazzjonali, li meta jadottaw miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit tal-Unjoni, għandhom jippruvaw, f’kull każ partikolari, li din il-miżura tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom għaldaqstant jinkludu analiżi ta’ kemm il-miżura adottata minn dan l-Istat hija adattata u proporzjonali, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li tissostanzja l-argumenti tagħha (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-147/03, Ġabra p. I-5969, punt 63, kif ukoll tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C-73/08, Ġabra p. I-2735, punt 71).

82

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jġorr ir-responsabbiltà u mhux biss jistabbilixxi li l-miżura nazzjonali tkun proporzjonata għall-għan mixtieq iżda wkoll li jiġu identifikati elementi li jistgħu jiġġustifikaw tali konklużjoni.

83

Fir-risposta tiegħu, ir Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna li ma hemm ebda regola li tipproteġi b’mod effettiv l-interessi li huma wara l-WSF 2000. Kundizzjoni ta’ għarfien tal-lingwa nazzjonali jew fir-rigward tal-kisba ta’ diploma Olandiża ma jikkostitwixxux mezz effettiv sabiex jiġi promoss l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Skont dan l-Istat Membru, minbarra l-fatt li tali kundizzjonijiet jagħtu lok għal diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, dawn il-kriterji jagħmlu sens biss kieku kienu jirrigwardaw studji fil-Pajjiżi l-Baxxi.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jkollhomx l-oneru li jippruvaw li l-kundizzjoni tar-residenza ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ, ma huwiex biżżejjed li dan l-Istat Membru sempliċement jagħmel riferiment għal żewġ miżuri alternattivi li, fl-opinjoni tal-istess Stat, huma iktar diskriminatorji mill-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000.

85

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-oneru tal-prova ma jistax iwassal sabiex dan l-Istat Membru jintalab juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma tippermetti li jintlaħaq dan il-għan imfittex, fl-istess kundizzjonijiet (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 66).

86

Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 158 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu minn tal-inqas juri għaliex għażel l-hekk imsejħa regola “ta’ tliet snin minn sitta”, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe element ieħor rappreżentattiv. Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li din ir-regola għandha natura wisq esklużiva. Fil-fatt, billi timponi perijodi speċifiċi ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, l-hekk imsejħa regola “ta’ tliet snin minn sitta”, tiffavorixxi element li ma huwiex neċessarjament l-uniku rappreżentattiv tal-grad effettiv ta’ konnessjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru.

87

Għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jipprova li l-kundizzjoni tar-residenza prevista fl-Artikolu 2(14)(2) tal-WSF 2000 ma tmurx lill hin minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan mixtieq ta’ din il-leġiżlazzjoni.

88

Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni nazzjonali tistabbilixxi inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema Olandiżi u l-ħaddiema migranti residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi jew li jwettqu attivitajiet ta’ persuni impjegati f’dak l-Istat Membru bħala ħaddiema transkonfinali bi ksur tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

89

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li billi jimponi kundizzjoni ta’ residenza, jiġifieri l-hekk imsejħa “ta’ tliet snin minn sitta”, fuq il-ħaddiema migranti u l-membri tal-familja dipendenti tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-finanzjament li jista’ jinġarr, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

Fuq l-ispejjeż

90

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi jimponi kundizzjoni ta’ residenza, jiġifieri r-regola msemmija “ta’ tliet snin minn sitta”, fuq il-ħaddiema migranti u l-membri tal-familji dipendenti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill, (K[E]E) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92 tas-27 ta’ Lulju 1992.

 

2)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.