Kawżi magħquda C-446/09 u C-495/09

Koninklijke Philips Electronics NV

vs

Lucheng Meijing Industrial Company Ltd et

u

Nokia Corporation

vs

Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen u mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

“Politika kummerċjali komuni — Ġlieda kontra l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ merkanzija ffalsifikata u ta’ merkanzija pirata — Regolamenti (KE) Nri 3295/94 u 1383/2003 — Maħżen doganali u tranżitu estern ta’ merkanzija provenjenti minn Stati terzi u kkostitwita minn imitazzjonijiet jew kopji ta’ prodotti li fl-Unjoni huma protetti mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali — Azzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri — Kundizzjonijiet”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika kummerċjali komuni — Miżuri intiżi li jipprevjenu t-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija ffalsifikata jew merkanzija pirata — Regolamenti Nru 3295/94 u Nru 1383/2003 — Merkanzija ffalsifikata jew merkanzija pirata —Kunċett

(Artikolu 131 KE; Artikolu. 206 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 3295/94 u Nru 1383/2003)

2.        Politika kummerċjali komuni — Miżuri intiżi li jipprevjenu t-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija ffalsifikata jew merkanzija pirata — Regolamenti Nru 3295/94 u Nru 1383/2003 — Merkanzija introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea taħt proċedura sospensiva u li tikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott protett fl-Unjoni —Azzjoni mill-awtoritajiet doganali — Kundizzjonijiet — Indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 3295/94 u Nru 1383/2003)

1.        Ir-Regolament Nru 3295/94, li jippreskrivi l-miżuri dwar id-dħul fil-Komunità u l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid mill-Komunità ta’ oġġetti li jiksru ċerti drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, kif emendat bir-Regolament Nru 241/1999, u r-Regolament Nru 1383/2003, li jikkonċerna l-azzjoni mill-awtoritajiet doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsab li tkun kisret dawk id-drittijiet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

- merkanzija provenjenti minn Stat terz u li tikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott protett fl-Unjoni Ewropea b’dritt ta’ trade mark jew kopja ta’ prodott protett fl-Unjoni bi dritt tal-awtur, dritt relatat jew disinn ma tistax tiġi kklasifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “[merkanzija] pirata” fis-sens tal-imsemmija regolamenti sempliċiment għaliex din ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt proċedura sospensiva;

- min-naħa l-oħra, din il-merkanzija tista’ tikser l-imsemmi dritt u għalhekk tiġi kklassifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “[merkanzija] pirata” meta jiġi ppruvat li din hija ddestinata għal tqegħid fis-suq fl-Unjoni Ewropea, fejn prova bħal din tista’, b’mod partikolari tiġi pprovduta meta jirriżulta li l-imsemmija merkanzija kienet is-suġġett ta’ bejgħ lil klijent fl-Unjoni jew ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ pubbliċità indirizzata għal konsumaturi fl-Unjoni, jew meta mid-dokumenti jew minn korrispondenza li tikkonċerna din il-merkanzija jirriżulta li hemm ippjanat li din tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.

Fil-fatt, il-merkanzija ta’ imitazzjoni u kopja provenjenti minn Stat terz u ttrasportata lejn Stat terz ieħor tista’ tkun skont ir-regoli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali fis-seħħ f’dawn iż-żewġ Stati. Fid-dawl tal-għan prinċipali tal-politika kummerċjali komuni, stabbilita fl-Artikoli 131 KE kif ukoll 206 TFUE u li jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ kummerċ dinji permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq l-iskambji internazzjonali, huwa għalhekk essenzjali li din il-merkanzija tkun tista’ tgħaddi, vija l-Unjoni, minn Stat terz lejn ieħor mingħajr ma din l-operazzjoni tkun ostakolata, anki b’żamma provviżorja, mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Issa, ostakolu bħal dan jista’ preċiżament jinħoloq li kieku r-Regolamenti Nru 3295/94 u Nru 1383/2003 jiġu interpretati fis-sens li huwa legalment possibbli li tinżamm merkanzija f’tranżitu mingħajr l-iċken indizju ta’ natura li joħloq suspett li din tista’ tkun is-suġġett ta’ devjazzjoni frawdolenti lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.

(ara l-punti 63, 78 u d-dispożittiv)

2.        Ir-Regolament Nru 3295/94, li jippreskrivi l-miżuri dwar id-dħul fil-Komunità u l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid mill-Komunità ta’ oġġetti li jiksru ċerti drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, kif emendat bir-Regolament Nru 241/1999, u r-Regolament Nru 1383/2003, li jikkonċerna l-azzjoni tal-awtoritajiet doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinsab li tkunu kisret dawk id-drittijiet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

- sabiex l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi dwar il-mertu tkun tista’ teżamina b’mod utli l-eżistenza ta’ din il-prova u ta’ elementi oħra li jikkostitwixxu ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali invokat, l-awtorità doganali adita b’talba ta’ azzjoni għandha, hekk kif ikollha indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza tal-imsemmi ksur, tissospendi l-ħelsien jew tipproċedi biż-żamma tal-imsemmija merkanzija; u li

- fost dawn l-indizji jistgħu jissemmew, b’mod partikolari, il-fatt li d-destinazzjoni tal-merkanzija ma tkunx ġiet iddikjarata minkejja li l-proċedura sospensiva mitluba teżiġi din id-dikjarazzjoni, in-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża jew affidabbli fuq l-identità jew l-indirizz tal-manifattur jew tal-kunsinnatur tal-merkanzija, nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali jew saħansitra l-iżvelar ta’ dokumenti jew ta’ korrispondenza dwar il-merkanzija inkwistjoni li tkun ta’ natura li tissuġġerixxi li din tista’ tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.

(ara l-punt 78 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Politika kummerċjali komuni – Ġlieda kontra l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ merkanzija ffalsifikata u merkanzija pirata – Regolamenti (KE) Nri 3295/94 u 1383/2003 – Maħżen doganali u tranżitu estern ta’ merkanzija provenjenti minn Stati terzi u kkostitwita minn imitazzjonijiet jew kopji ta’ prodotti li fl-Unjoni huma protetti mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Azzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawżi magħquda C‑446/09 u C‑495/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 234 KE u 267 TFUE introdotta mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju) (C-446/09) u mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) (C‑495/09), b’deċiżjonijiet rispettivament tal-4 u tas-26 ta’ Novembru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru u fit-2 ta’ Diċembru 2009, fil-proċeduri

Koninklijke Philips Electronics NV (C-446/09)

vs

Lucheng Meijing Industrial Company Ltd,

Far East Sourcing Ltd,

Röhlig Hong Kong Ltd,

Röhlig Belgium NV,

u

Nokia Corporation (C-495/09)

vs

Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs,

fil-preżenza ta’:

International Trade Mark Association,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tat-18 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Koninklijke Philips Electronics NV, minn C. De Meyer u C. Gommers, advocaten,

–        għal Far East Sourcing Ltd, minn A. Kegels, advocaat,

–        għal Nokia Corporation, minn J. Turner, QC, inkarigat minn A. Rajendra, solicitor,

–        għal International Trade Mark Association, minn N. Saunders, barrister, inkarigat minn M. Harris u A. Carboni, solicitors,

–        għall-Gvern Belġjan (C‑446/09), minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn T. de la Mare, barrister,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u K. Havlíčková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż (C-495/09), minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio (C-446/09) u minn W. Ferrante (C-495/09), avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk (C-495/09), minn M. Szpunar kif ukoll minn M. Laszuk u E. Gromnicka, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż (C-495/09), minn L. Fernandes u I. Vieira Lopes, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż (C-495/09), minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u B.‑R. Killmann (C‑446/09), kif ukoll minn dan tal-aħħar u R. Lyal (C‑495/09), bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jippreskrivi l-miżuri dwar id-dħul fil-Komunità u l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid mill-Komunità ta’ oġġetti li jiksru ċerti drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 318), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/1999, tal-25 ta’ Jannar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 148), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 469).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Koninklijke Philips Electronics NV (iktar ’il quddiem “Philips”) u Lucheng Meijing Industrial Company Ltd, stabbilita f’Wenzhou (iċ-Ċina) (iktar ’il quddiem “Lucheng”), u Far East Sourcing Ltd, stabbilita f’Hong Kong (iċ-Ċina) (iktar ’il quddiem “Far East Sourcing”), kif ukoll Röhlig Hong Kong Ltd u Röhlig Belgium NV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Röhlig”) dwar id-dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea ta’ merkanzija li allegatament tikser id-disinni u d-drittijiet tal-awtur li huma l-proprjetà ta’ Philips (C‑446/09) u, min-naħa l-oħra, Nokia Corporation (iktar ’il quddiem “Nokia”) u Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs (awtoritajiet doganali tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) dwar id-dħul fl-imsemmi territorju doganali ta’ merkanzija li allegatament tikser trade mark li hija l-proprjetà ta’ Nokia (C‑495/09).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Kodiċi Doganali

3        Ir-regoli bażiċi tal-Unjoni fil-qasam tad-dwana li huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), tħassru u ġew issotitwiti bir-Regolament (KE) Nru 450/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1).

4        Filwaqt li r-Regolament Nru 450/2008, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jagħtu l-kompetenza sabiex jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ implementazzjoni, daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju 2008, id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess regolament ġie stabbilit għal bejn l-24 ta’ Ġunju 2009, l-iktar jum kmieni, u l-24 ta’ Ġunju 2013, l-aħħar jum utli. Fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, il-Kawża C-446/09 għandha tiġi rregolata mir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 2913/92, kif emendat, bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239), u l-Kawża C-495/09 għandha tiġi rregolata mir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 13) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

5        L-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

15)      Trattament jew użu ta’ merkanzija bl-approvazzjoni doganali tfisser:

a)      it-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali,

b)      id-dħul tagħha ġo żona ħielsa jew maħżen ħieles,

ċ)      l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha mit-territorju doganali tal-Komunità,

d)      il-qerda tagħha,

e)      abbandun tagħha lit-Teżor;

16)      Proċedura doganali tfisser:

a)      ħelsien għal ċirkolazzjoni liberu,

b)      transitu,

ċ)      magażinaġġ doganali,

d)      proċessar tad-dħul,

e)      proċessar taħt il-kontroll doganali,

f)      dħul temporanju,

g)      proċessar tal-ħruġ,

h)      esportazzjoni;

[…]

20)      Ħelsien ta’ merkanzija tfisser l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu merkanzija disponibbli għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet;

[…]”

6        L-Artikolu 37 tal-istess kodiċi jistabbilixxi:

“1.      Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. […]

2.      Għandha tibqa’ taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-i status doganali tagħha, […], u fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità […], sakemm l-i status doganali tagħha jinbidel, tidħol f’żona ħielsa jew maħżen ħieles jew tkun esportata mill-ġdid jew meqruda […]”

7        L-Artikoli 48 sa 50 tal-Kodiċi Doganali huma redatti kif ġej:

“L-Artikolu 48

Merkanzija mhux tal-Komunità preżentata lid-dwana għandha tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana awtorizzat għal dik il-merkanzija mhux tal-Komunità.

L-Artikolu 49

1.      Fejn merkanzija tkun koperta b’dikjarazzjoni sommarja, il-formalitajiet neċessarji sabiex tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana għandhom jitwettqu fi żmien:

a)      45 jum mid-data li fiha d-dikjarazzjoni sommarja tiġi preżentata fil-każ ta’ merkanzija li tkun nġarret bil-baħar;

a)      20 jum mid-data li fiha d-dikjarazzjoni sommarja tiġi preżentata fil-każ ta’ merkanzija li tkun inġarret b’mod ieħor mhux bil-baħar;

[…]

L-Artikolu 50

Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-i status ta’ merkanzija f’ħażna temporanja […]”

8        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 56 tal-Kodiċi Doganali tipprovdi:

“Fejn iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jordnaw li l-merkanzija preżentata lid-dwana tinqered”.

9        L-Artikolu 58 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“1.      Ħlief fejn hemm provdut mod iehor, merkanzija tista’ f’kull żmien, taħt il-kondizzjonijiet stipulati, tkun assenjata kull trattament jew użu approvat mid-dwana […]

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux jipprekludi l-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ġustifikati għar-raġuni ta’ moralità pubblika, politika pubblika, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ bnedmin, annimali jew pjanti, il-protezzjoni ta’ teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ propjetà industrijali u kummerċjali.”

10      L-Artikolu 59(1) tal-istess kodiċi jippreċiża li “[i]l-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali”.

11      Skont l-Artikolu 75 tal-Kodiċi Doganali:

“Kull miżura neċessarja, inkluża l-konfiska u l-bejgħ, għandha tittiehed biex tittratta ma’ merkanzija li:

a)      ma tistax tinħeles billi:

[…]

–        id-dokumenti li jridu jiġu prodotti qabel ma l-merkanzija tista’ titqiegħed taħt il-proċedura doganali mitluba għadhom ma ġewx prodotti; jew,

[…]

–        hija soġġetta għal projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet;

[…]”

12      L-Artikolu 84(1)(a) tal-istess kodiċi jipprovdi:

“Fl-Artikoli 85 sa 90:

a)      meta jintuża t-terminu ‘proċedura’ jiġi miftiehem bħala li japplika, fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità, għall-arranġamenti segwenti:

–      transitu estern,

–      magażinaġġ doganali,

–      proċessar tad-dħul […]

–      proċessar taħt il-kontroll doganali

u

–      importazzjoni temporanja”.

13      L-Artikolu 91(1) tal-imsemmi kodiċi jistabbilixxi:

“Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

a)      merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;

[…]”

14      L-Artikolu 92 tal-istess kodiċi jistabbilixxi:

“1.      Il-proċedura ta’ transitu estern għandha tintemm u l-obbligazzjonijiet tad-detentur għandhom ikunu mwettqa meta l-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura u d-dokumenti meħtieġa jkunu ingħataw lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-proċedura in kwistjoni.

2.      L-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-proċedura meta jkunu f’pozizzjoni li jistbilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data disponibbli għall-uffiċju tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet korrettement”.

15      L-Artikolu 98(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Il-proċedura ta’ magażinaġġ doganali għandha tippermetti l-ħażna f’maħżen doganali ta’:

a)      merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji ta’ l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali;

[…]”

 Ir-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003

16      Ir-Regolament Nru 3295/94 tħassar, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2004, bir-Regolament Nru 1383/2003. Fid-dawl tad-data tal-fatti, il-kwistjoni fil-Kawża prinċipali C‑446/09 għandha tiġi rregolata bir-Regolament Nru 3295/94, kif emendata bir-Regolament Nru 241/1999. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni fil-Kawża prinċipali C‑495/09 hija rregolata bir-Regolament Nru 1383/2003.

17      It-tieni premessa tar-Regolament Nru 3295/94 tistabbilixxi:

“Billi l-kummerċ ta’ oġġetti ffalzifikati u oġġetti pirati jikkawża ħsara konsiderevoli lill-manufatturi u lin-negozjanti li jirrispettaw il-liġi u lil detenturi ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ drittijiet viċini u jqarraq bil-konsumaturi; billi oġġetti bħal dawn għandhom kemm jista’ jkun ma jitħallewx jitpoġġew fuq is-suq u għandhom jiġu addottati miżuri b’dan il-għan sabiex iwaqqfu effettivament din l-attività illegali mingħajr ma jxekklu il-libertà tan-negozju leġittimu; […]”

18      Il-premessi 2 u 3 tar-Regolament Nru 1383/2003 huma redatti kif ġej:

“(2)      Il-marketing ta’ merkanzija […] li jksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ma tikkontemplax [jikkawżaw] danni […] lid-detenturi tad-dritt, kif ukoll iqarraq u f’xi każi jipperikola s-saħħa u s-sigurezza tal-konsumaturi. Dawk l-oġġeti għandhom, sa fejn hu possibbli, ma jitħallewx jitqegħdu fis-suq u għandhom jiġu adottati miżuri […] mingħajr ma tiġi mfixxkla l-libertà tal-kummerċ leġittimu. […].

(3)      Fil-każi fejn merkanzija ffalsifikata, merkanzija kkupjata u, b’mod aktar ġenerali, merkanzija li tikser id-dritt tal-proprjetà intellettwali li joriġinaw fi jew li ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi, l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju doganali tal-Komunità, inkluż it-trasbord tagħhom, ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità, it-tqegħid taħt proċedura sospensiva u tqegħid f’żona ħielsa jew maħżen, għandhom ikunu pprojbiti u għandha tiġi stabbilita proċedura li tkun tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jinfurzaw din il-projbizzjoni bl-aktar mod effettiv.”

19      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1383/2003 jistabbilixxi:

“1.      Dan ir-Regolament jistipula l-kondizzjonijiet għall-azzjoni mill-awtoritajiet doganali fejn il-merkanzija tkun suspettata li tikser id-dritt ta’ proprjetà intellettwali fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)      fejn jiddaħħlu għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa, esportazzjoni jew esportazzjoni mill-ġdid […]

b)      fejn dawn jinstabu matul verifiki fuq merkanzija li tidħol jew tħalli t-territorju doganali tal-Komunità skond l-artikoli 37 u 183 tal-[Kodiċi Doganali], jitqedħdu taħt proċedura sospensiva skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 84(1)(a) ta’ [l-kodiċi], ikunu fil-proċess li jiġu esportati mill-ġdid suġġetti għan-notifikazzjoni […] jew jitqegħdu f’żiona ħielsa jew magaizzinaġġ ħieles […]

2.      Dan ir-Regolament jiffissa ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti fejn il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 tinstab li tkun tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.”

20      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 3295/94, fil-verżjoni tiegħu li jirriżulta mir-Regolament Nru 241/1999 (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 3295/94”), li japplika għall-kwistjoni fil-Kawża prinċipali C‑446/09, kien redatt bl-istess kliem bħal dak tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1383/2003.

21      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1383/2003 “merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali” tfisser:

“a)      ‘merkanzija falza’ jiġifieri:

i)      merkanzija […] li ikun jġorru mingħajr awtorizzazzjoni trejdmark identika għal trejdmark validament reġistrata fir-rigward ta’ l-istess tip ta’ merkanzija, jew li ma tkunx tista’ tiġi distinta fl-aspetti essenzali tagħha minn dik il-trejdmark, u li b’hekk tikser id-drittijiet tad-detentur tal-trejdmark taħt il-liġi tal-Komunità, kif hemm provvidiment dwar dan fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar il-marki tal-kummerċ tal-Komunità [ĠU 1994, L 11, p. 1] jew il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-azzjoni issir mill-awtoritajiet doganali;

[…]

b)      ‘merkanzija kkupjata’, jiġifieri merkanzija li tkun jew ikun fiha kopji magħmula mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt ta’ l-awtur, jew dritt relatat jew dritt ta’ disinn, […] jekk ikunx reġistrat fil-liġi nazzjonali, jew ta’ persuna awtorizzata mid-detentur tad-dritt fil-pajjiż ta’ produzzjoni fil-każi fejn it-tagħmil ta’ dawk il-kopji jikkostitwixxi ksur ta’ dak id-dritt taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar desinji tal-Komunità [ĠU 2002, L 3, p. 1] jew il-liġi ta’ l-Istat membru li fih issir l-applikazzjoni għall-azzjoni doganali;

(ċ)       il-merkanzija li, fl-Istat Membru li fih issir l-applikazzjoni għall-azzjoni doganali, jiksru:

i)      patenti taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru;

ii)      ċertifikat ta’ protezzjoni […]

(iii)      dritt nazzjonali ta’ varjetà tal-pjanti […]

iv)      deskrizzjonijiet ta’ l-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi […]

v)      deskrizzjonijiet ġeografiċi [...]”

22      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 3295/94 kien redatt fi kliem simili għal dak tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1383/2003.

23      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1383/2003 jistabbilixxi:

“F’kull Stat Membru detentur ta’ dritt jista’ japplika bil-miktub lid-dipartiment kompetenti doganali għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali fejnh titab il-merkanzija f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) (applikazzjoni għall-azzjoni).”

24      Skont l‑Artikolu 4(1) tal‑istess regolament:

“Fejn l-awtoritajiet doganali, fil-kors ta’ azzjoni f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) u qabel ma tkun intbgaħtet applikazzjoni mid-detentur tad-dritt jew ingħatat, ikollhom raġuni suffiċjenti li jissuspettaw li merkanzija tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali, huma jistgħu jissospendu r-rilaxx tal-merkanzija jew iżommuha […] sabiex id-detentur tad-dritt ikun jista’ jibgħat applikazzjoni għall-azzjoni skond l-Artikolu 5.”

25      L-Artikoli 3(1) u 4 tar-Regolament Nru 3295/94 kellhom kontenut simili għal dawk, rispettivament, tal-Artikoli 5(1) u 4(1) tar-Regolament Nru 1383/2003.

26      L-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 1383/2003, li jaqgħu taħt il-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Kondizzjonijiet li jirregolaw azzjoni mill-awtoritajiet doganali u mill-awtorità kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-każ” jistabbilixxu

“Artikolu 9

1.      Fejn uffiċċju doganali li lilu tkun intbgaħtet mid-detentur tad-dritt id-deċiżjoni li tingħata applikazzjoni […] ikunu sodisfatt, wara li jikkonsulta ma’ l-applikant fejn meħtieġ, li merkanzija f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ikunu suspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert b’dik id-deċiżjoni, huwa għandu jissospendi r-rilaxx tal-merkanzija u iżommha.

[…]

3.      Bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser […] l-uffiċċju doganali jew dipartiment li ikun ipproċessa l-applikazzjoni għandu jinforma lid-detentur tad-dritt, fuq it-talba tiegħu u jekk magħruf, bl-ismijiet u l-indirizzi tad-destinatarju, il-kunsinnatarju, id-dikjarant jew id-detentur tal-merkanzija u l-oriġini u l-provenjenza tal-merkanzija […].

[…]

Artikolu 10

Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija tkun mqegħda f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tgħodd meta jiġi deċiż jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser taħt il-liġi nazzjonali.

[…]”

27      Bl-istess mod, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3295/94 kien jistabbilixxi:

“1. Jekk l-uffiċċju tad-dwana fejn tkun intbagħtet id-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni tad-detentur ta’ dritt […] ikun sodisfatt, wara li jkun ikkonsulta lill-applikant jekk ikun hemm bżonn, li l-oġġetti li jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) jaqblu mad-deskrizzjoni ta’ l-oġġetti riferiti fl-Artikolu 1(2)(a) li jkunu jinsabu f’dik id-deċisjoni, huwa għandu jew jissospendi ir-rilaxx ta’ l-oġġetti jew iżommhom.

[…] l-uffiċċju tad-dwana jew is-servizz li jkun ħa ħsieb l-applikazzjoni għandu jinnotifika lid-detentur tad-dritt, fuq talba tiegħu, bl-isem u l-indirizz tad-dikjarant u, jekk ikunu magħrufa, dawk tad-destinatarju sabiex id-detentur tad-dritt ikun jista’ jsaqsi lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu deċiżjoni sostantiva. […]

[…]

2.      Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-oġġetti jitpoġġew f’waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) għandha tapplika fir-rigward ta’:

a)      riferenza lill-awtorità kompetenti sabiex din tieħu deċiżjoni sostantiva u notifikazzjoni immedjata lis-servizz ta’ dwana jew uffiċċju msemmi fil-paragrafu 1 dwar dik ir-riferenza, […]

b)      it-teħid tad-deċisjoni li għandha tittieħed minn dik l-awtorità. Fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward, il-kriterji li għandhom jintużaw sakemm tintlaħaq dik id-deċiżjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati biex jiġi stabbilit jekk l-oġġetti mmanufatturati fl-Istat Membru konċernat jiksrux id-drittijiet tad-detentur. […]”

28      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1383/2003 jistabbilixxi:

“Merkanzija misjuba li tkun tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-tmiem tal-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 9 ma għandhiexx:

–      titħalla tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità,

–      tiġi rilaxxata f’ċirkolazzjoni ħielsa,

–      titneħħa mit-territorju doganali tal-Komunità,

–      yiġu esportata,

–      tiġu esportata mill-ġdid,

–      titqiegħed taħt proċedura sospensiva jew

–      titqiegħed f’żona ħielsa jew maggazinaġġ ħieles.”

29      Bl-istess mod, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3295/94 kien jistabbilixxi:

“Id-dħul fil-Komunità, ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid, it-qegħid fuq proċedura sospensiva jew it-tqegħid f’żona ħielsa jew f’maħżen ħieles ta’ l-oġġetti misjuba li huma oġġetti riferiti fl-Artiklu 1(2)(a) mat-twettiq tal-proċedura provduta bl-Artikolu 6 għandhom jiġu projbiti.”

30      L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1383/2003 jipprovdi li “[k]ull Stat Membru għandu jintroduċi penalitajiet li japplikaw fil-każi ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważżivi”. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3295/94 kien redatt b’termini identiċi.

 Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

31      Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ u li jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marakech fil-15 ta’ April 1994, ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), fl-Artikolu 69 tiegħu jistabbilixxi:

“Il-Membri jaqblu li jikkooperaw bi ħsieb li jeliminaw il-kummerċ internazzjonali ta’ merkanzija li tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għal dan il-għan, huma għandhom jistabbilixxu punti ta’ kuntatt fi ħdan l-amministrazzjoni tagħhom u jinnotifikaw dan u għandhom ikunu lesti li jaqsmu l-informazzjoni fuq il-kummerċ ta’ din il-merkanzija. B’mod partikolari, huma għandhom jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali fil-qasam tal-kummerċ tal-merkanzija tat-trade mark ffalsifikata u pirata li tikser id-dritt tal-awtur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-446/09

32      Fis-7 ta’ Novembru 2002, fil-port ta’ Antwerpen (il-Belġju), l-awtoritajiet doganali Belġjani għamlu spezzjoni fuq tagħbija ta’ magni tal-leħja provenjenti miċ-Ċina u li jixbhu lill-mudelli tal-magni tal-leħja żviluppati minn Philips. Peress li dawn il-mudelli kienu protetti abbażi tar-reġistrazzjonijiet li jagħtu dritt esklużiv lil Philips f’diversi Stati, inkluż ir-Renju tal-Belġju, l-imsemmija awtoritajiet issuspettaw li l-prodotti spezzjonati jikkostitwixxu merkanzija pirata. Għalhekk huma ssospendew il-ħelsien fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3295/94.

33      Fit-12 ta’ Novembru 2002, Philips, skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament, ippreżentat talba għal intervent.

34      Wara din it-talba, li ġiet aċċettata fit-13 ta’ Novembru 2002, l-awtoritajiet doganali Belġjani kkomunikaw ċerta informazzjoni lil Philips, bħal ritratti tal-imsemmija magni tal-leħja u l-identità tal-impriżi involuti fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, jiġifieri Lucheng, li hija l-manufattriċi, Far East Sourcing, li ttrasportat il-merkanzija, kif ukoll, Röhlig, il-kunsinnatur.

35      Fid-9 ta’ Diċembru 2002, l-imsemmija awtoritajiet ipproċedew biż-żamma tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3295/94.

36      Fil-11 ta’ Diċembru 2002, Philips bdiet proċedura kontra Lucheng, Far East Sourcing u Röhlig quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Qorti ta’ Prim’Istanza ta’ Antwerpen) intiża, b’mod partikolari, li jiġi deċiż li dawn l-impriżi kisru d-dritt esklużiv mogħti lill-mudelli ta’ magni tal-leħja ta’ Philips kif ukoll kisru ċerti drittijiet tal-awtur ta’ dan tal-aħħar. Fost it-talbiet l-oħra, Philips titlob, minn naħa, il-kundanna tal-imsemmija kumpanniji sabiex jikkumpensawha għad-danni u, min-naħa l-oħra, il-qirda tal-merkanzija miżmuma.

37      Quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen ġie deċiż li l-imsemmija merkanzija kienet inizjalment is-suġġett ta’ dikjarazzjoni sommarja ta’ dħul li tagħtiha l-istatus ta’ merkanzija f’maħżen temporanju u, fid-29 ta’ Jannar 2003, ta’ dikjarazzjoni doganali mingħand Röhlig li permezz tagħha din talbet, fin-nuqqas ta’ ċertezza dwar id-destinazzjoni ta’ din il-merkanzija, li tiġi assenjat lilha l-proċedura ta’ maħżen doganali.

38      Philips issostni quddiem l-imsemmija qorti li hemm lok, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali invokati, li hija tibbaża ruħha fuq finzjoni li tipprovdi li l-merkanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinsab f’maħżen doganali li jinsab fit-territorju tar-Renju tal-Belġju u li hija miżmuma mill-awtoritajiet doganali Belġjani, titqies bħala li ġiet immanifatturata f’dan l-Istat Membru. Insostenn ta’ dan l-argument, Philips tinvoka l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3295/94.

39      Min-naħa l-oħra, Far East Sourcing, l-unika konvenuta li dehret quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen, issostni quddiem din tal-aħħar li l-merkanzija ma tistax tinżamm u, sussegwentement, tiġi kklassifikata bħala merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali għaliex ma hemm l-ebda prova li din kienet ser titqiegħed għal bejgħ fl-Unjoni.

40      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6(2)(b) tar-[Regolament Nru 3295/94] huwa regola tad-dritt Komunitarju uniformi li torbot lill-qorti tal-Istat Membru adita […] mid-detentur tad-dritt, u din ir-regola timplika li, sabiex tiddeċiedi, il-qorti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-istatus doganali ta’ importazzjoni temporanja jew l-istatus doganali ta’ tranżitu u li dik il-qorti għandha tapplika l-finzjoni li l-oġġetti kienu manifatturati f’dan l-Istat Membru u li, għalhekk, dik il-qorti għandha tiddeċiedi billi tapplika d-dritt ta’ dan l-Istat Membru għall-kwistjoni ta’ jekk l-oġġetti kkonċernati jippreġudikawx [id-dritt intellettwali] inkwistjoni?”

 Il-Kawża C-495/09

41      Matul ix-xahar ta’ Lulju 2008, fl-ajruport ta’ Heathrow Londra (ir-Renju Unit), il-Commissioners għamlu spezzjoni fuq tagħbija ta’ telefowns ċellulari kif ukoll fuq aċċessorji għall-imsemmija telefowns provenjenti minn Hong Kong (iċ-Ċina) u b’destinazzjoni l-Kolombja. Din il-merkanzija kellha sinjal identiku għat-trade mark Komunitarja li tagħha Nokia hija l-proprjetarja.

42      Peress illi ssuspettaw li kienu involuti prodotti ta’ imitazzjoni, il-Commissioners bagħtu, fit-30 ta’ Lulju 2008, kampjuni lil Nokia. Wara li dawn tal-aħħar ġew ivverifikati, Nokia informat lill-Commissioners li dawn effettivament kienu imitazzjoni u talbithom jekk huma kinux ser iżommu l-imsemmija tagħbija skont ir-Regolament Nru 1383/2003.

43      Fis-6 ta’ Awwissu 2008, il-Commissioners wieġbu lil Nokia li, fid-dawl tal-fatt li t-tagħbija kienet iddestinata għal Kolombja u fin-nuqqas ta’ prova li din kienet ser tiġi ddevjata lejn is-suq tal-Unjoni, ma jistax jiġi konkluż li hemm “merkanzija falza [ffalsifikata]” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1383/2003. Għalhekk, fil-fehma tagħhom, it-tagħbija ma setgħatx tinżamm.

44      Fl-20 ta’ Awwissu 2008, Nokia ressqet talba fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1383/2003, intiża li tikseb tagħrif dwar l-ismijiet u l-indirizzi tal-kunsinnatur u tad-destinatur kif ukoll tad-dokumenti kollha marbuta mal-merkanzija inkwistjoni. Il-Commissioners ipprovdew l-informazzjoni fil-pussess tagħhom, iżda, wara li eżaminathom, Nokia ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika la l-kunsinnatur u lanqas id-destinatur ta’ din il-merkanzija u qieset li dawn tal-aħħar għamlu azzjonijiet biex jaħbu l-identità tagħhom.

45      Fl-24 ta’ Settembru 2008, Nokia bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Commissioners fejn informathom bl-intenzjoni tagħha li tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li l-imsemmija tagħbija ma tiġix miżmuma. Fl-10 ta’ Ottubru 2008, dawn tal-aħħar wieġbu li, skont il-prattika tagħhom stabbilita wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Montex Holdings (C‑281/05, Ġabra p. I‑10881), il-merkanzija suspettata li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali ma għandhiex tinżamm f’każijiet bħal dawk inkwistjoni, meta ma jintweriex li l-merkanzija inkwistjoni ser probabbilment tiġi ddevjata lejn is-suq tal-Unjoni.

46      Fil-31 ta’ Ottubru 2008, Nokia ppreżentat rikors kontra l-Commissioners quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, li ġie miċħud minn din tal-aħħar bis-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2009. Nokia appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

47      Din tal-aħħar tikkonstata, minn naħa, li l-imsemmija telefowns huma imitazzjonijiet tal-prodotti li t-trade mark tagħhom hija ta’ proprjetà ta’ Nokia u, min-naħa l-oħra, li ma hemm l-ebda indizju ta’ natura li jwassal sabiex jiġi ssuspettat li din il-merkanzija ser titqiegħed għal bejgħ fl-Unjoni. Fid-dawl tar-rikors ippreżentat, fiċ-ċirkustanzi simili, minn Philips quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen, kif ukoll id-diverġenzi fl-interpretazzjonijiet mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Istati Membri, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Tista’ merkanzija mhux tal-Komunità li jkollha trade mark Komunitarja u li hija suġġetta għal sorveljanza doganali fi Stat Membru, u li tkun fi tranżitu minn Stat Membru terz għal Stat Membru terz ieħor tikkostitwixxi ‘merkanzija falza’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament 1383/2003 KE, jekk ma jkunx hemm evidenza li tindika li din il-merkanzija ser titqiegħed fis-suq fil-Komunità Ewropea, jew skont proċedura doganali jew permezz ta’ devjazzjoni illegali?”

48      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2011, il-Kawżi C-446/09 u C‑495/09 ngħaqdu għall-finijiet tal-konklużjonijiet u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

49      Permezz tad-domandi tagħhom, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk il-merkanzija provenjenti minn Stat terz u li tikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott protett fl-Unjoni b’dritt ta’ trade mark jew kopja ta’ prodott protett fl-Unjoni b’dritt tal-awtur, dritt relatat, jew disinni tistax tiġi kklasifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “pirata” fis-sens tar-Regolament Nru 1383/2003, u, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din, fis-sens tar-Regolament Nru 3295/94, sempliċiment għaliex din ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni, mingħajr ma tqiegħdet f’ċirkulazzjoni libera.

50      Skont id-definizzjoni tat-termini “merkanzija ffalsifikata” u “[merkanzija] pirata” li jinsabu fl-Artikoli 1(2) tar-Regolament Nru 3295/94 u 2(1) tar-Regolament Nru 1383/2003, dawn il-kunċetti jirrigwardaw ksur ta’ trade mark, ta’ dritt tal-awtur jew ta’ dritt relatat jew saħansitra ta’ disinn, li japplika skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih tkun tressqet it-talba għal azzjoni mill-awtoritajiet doganali. Minn dan isegwi li dawn jirrigwardaw biss ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif mogħtija bid-dritt tal-Unjoni u bid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

51      Fil-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li l-magni tal-leħja miżmuma fil-port ta’ Antwerpen setgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kklassifikati bħala “oġġetti ffalsifikati” [merkanzija ffalsifikata] fis-sens tar-Regolament Nru 3295/94 li kieku tqiegħdu għall-bejgħ fil-Belġju jew f’wieħed mill-Stati Membri l-oħra li fih Philips tgawdi minn drittijiet tal-awtur u tibbenefika mill-protezzjoni għad-disinni li hija tinvoka u huwa paċifiku wkoll li t-telefowns ċellulari spezzjonati fl-ajruport ta’ Heathrow Londra setgħu jiksru t-trade mark Komunitarja invokata minn Nokia u jikkostitwixxu għalhekk “merkanzija kkupjata [pirata]” fis-sens tar-Regolament Nru 1383/2003 li kieku din tqiegħdet għall-bejgħ fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni Ewropea mhux qed jaqblu fuq il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija merkanzija tistax tikser l-imsemmija drittijiet ta’ proprjetà intellettwali minħabba s-sempliċi fatt li din kienet, fit-territorju doganali tal-Unjoni, is-suġġett ta’ dikjarazzjoni fejn intalbet waħda mill-proċeduri sospensivi msemmija fl-Artikolu 84 tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri, fil-Kawża C‑446/09, maħżen doganali u, fil-Kawża C‑495/09, transitu estern.

52      Billi jinvokaw b’mod partikolari r-riskju ta’ devjazzjoni frawdolenti lejn il-konsumaturi tal-Unjoni ta’ merkanzija ddikjarata taħt proċedura sospensiva, kif ukoll ir-riskji għas-saħħa u għas-sigurtà li spiss jippreżentaw il-prodotti ta’ imitazzjoni u kopji, Philips, Nokia, il-Gvern Belġjan, Franċiż, Pollakk, Portugiż u Finlandiż, kif ukoll International Trade Mark Association, isostnu li prodotti ta’ imitazzjoni u kopji misjuba fil-fażi ta’ maħżen jew f’tranżitu lejn Stat Membru għandhom jinżammu u, jekk ikun il-każ, jiġu eliminati mill-kummerċ mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ elementi li jissuġġerixxu jew juru li din il-merkanzija hija jew ser tinbiegħ fl-Unjoni. Peress li dawn il-provi huma diffiċli li jinsabu, il-ħtieġa li jiġu pprovduti jtellef mill-effettività tar-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003.

53      Sabiex ir-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003 jiġu applikati b’mod effettiv, Philips u l-Gvern Belġjan jipproponu li tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ finzjoni, li tipprovdi li l-merkanzija ddikjarata f’maħżen jew f’tranżitu u li tkun is-suġġett ta’ talba għal azzjoni fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti titqies bħala li ġiet immanifatturata fl-Istat Membru li fih din it-talba tressqet, minkejja li huwa paċifiku li l-manifatturar seħħ f’Stat terz (finzjoni ta’ manifatturar).

54      Far East Sourcing, il-Gvern tar-Renju Unit u Ċek kif ukoll il-Kummissjoni, filwaqt li jirrikonoxxu l-problemi marbuta mat-traffiku internazzjonali ta’ imitazzjonijiet u kopji, iqisu li l-merkanzija la tista’ tiġi kklassifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” u lanqas bħala “[merkanzija] pirata” fis-sens tal-imsemmija regolamenti meta ma jeżisti l-ebda indizju li jwassal sabiex jiġi ssuspettat li l-prodotti inkwistjoni ser jitqiegħdu għal bejgħ fl-Unjoni. L-interpretazzjoni kuntrarja twessa’ indebitament il-portata territorjali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mogħtija bid-dritt tal-Unjoni kif ukoll bid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri u l-konsegwenza tagħha tkun li tostakola, f’diversi każijiet, l-operazzjonijiet leġittimi ta’ kummerċ internazzjonali ta’ prodotti li jgħaddu mill-Unjoni.

 Fuq iż-żamma provviżorja ta’ merkanzija mqiegħda taħt proċedura sospensiva

55      Il-proċeduri ta’ tranżitu u ta’ maħżen doganali huma kkaratterizzati rispettivament, kif jirriżulta mill-Artikoli 91, 92 u 98 tal-Kodiċi Doganali, miċ-ċirkulazzjoni tal-merkanzija bejn l-uffiċċji ta’ dwana u l-ħażna ta’ merkanzija f’maħżen imqiegħed taħt sorveljanza doganali. Evidentement, dawn l-operazzjonijiet ma jistgħux, bħala tali, jiġu analizzati bħala tqegħid fis-suq ta’ merkanzija fl-Unjoni (ara, fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ tranżitu intra-Komunitarju, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Rioglass u Transremar, C‑115/02, Ġabra p. I‑12705, punt 27, kif ukoll Montex Holdings, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeduċiet minn dan il-fatt li l-merkanzija mqiegħda taħt proċedura sospensiva ma tistax, mis-sempliċi fatt ta’ dan it-tqegħied, tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali applikabbli fl-Unjoni (ara b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna d-drittijiet relatati għal disinni, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑23/99, Ġabra p. I‑7653, punti 42 u 43, kif ukoll, għal dak li jikkonċerna d-drittijiet mogħtija bit-trade marks, is-sentenzi Rioglass u Transremar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; tat-18 ta’ Ottubru 2005, Class International, C‑405/03, Ġabra p. I‑8735, punt 47, kif ukoll Montex Holdings, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

57      Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm ksur tal-imsemmija drittijiet meta, matul it-tqegħid tagħha taħt proċedura sospensiva fit-territorju doganali tal-Unjoni, jew saħansitra qabel il-wasla tagħha f’dan it-territorju, il-merkanzija provenjenti minn Stati terzi tkun is-suġġett ta’ att kummerċjali dirett għall-konsumaturi tal-Unjoni, bħalma huwa l-bejgħ, offerta għal bejgħ jew pubbliċità (ara s-sentenzi Class International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C-324/09, Ġabra p. 1‑0000, punt 67).

58      Fir-rigward tar-riskju, diġà kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Polo/Lauren, C‑383/98, Ġabra p. I‑2519, punt 34), ta’ devjazzjoni frawdolenti lejn il-konsumaturi tal-Unjoni ta’ merkanzija maħżuna fit-territorju doganali ta’ din tal-aħħar jew li tgħaddi mit-territorju tagħha, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-eżistenza ta’ att kummerċjali li jkun diġà dirett għal dawn il-konsumaturi, ċirkustanzi oħra jistgħu wkoll jwasslu għal żamma provviżorja, mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, ta’ merkanzija kkostitwita minn imitazzjonijiet u kopji ddikjarati taħt proċedura sospensiva.

59      Kif enfasizzaw il-Gvern Franċiż, Taljan u Pollakk, it-tqegħid ta’ merkanzija provenjenti minn Stati terzi taħt proċedura sospensiva huwa spiss mitlub f’ċirkustanzi fejn id-destinazzjoni tal-merkanzija jew ma hijiex magħrufa jew hija ddikjarata bħala mhux affidabbli ħafna. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura moħbija tal-attivitajiet tat-traffikanti ta’ merkanzija ta’ imitazzjoni jew kopji, iż-żamma mill-awtoritajiet doganali tal-merkanzija li huma identifikaw bħala li hija imitazzjoni jew kopja ma tistax, salv li l-effettività tar-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003 tiġi mdgħajfa, tiġi suġġetta għall-prova li din il-merkanzija tkun diġà ġiet issuġġettata għal bejgħ għall-konsumaturi tal-Unjoni jew għal offerta ta’ bejgħ jew pubbliċità diretta lejn dawn tal-aħħar.

60      Bil-kontra, l-awtorità doganali li tkun ikkonstatat il-preżenza f’maħżen jew f’tranżitu ta’ merkanzija li timita jew tikkopja prodott protett fl-Unjoni b’dritt ta’ proprjetà intellettwali tista’ validament tieħu azzjoni meta hija jkollha indizji li jipprovdu li wieħed jew iktar mill-operaturi involuti fil-manifatturar, fil-kunsinna jew fid-distribuzzjoni tal-merkanzija, għalkemm ma jkunx għadu beda jidderiġi din il-merkanzija lejn il-konsumaturi tal-Unjoni, ikun għoddu ser jagħmel hekk jew jaħbi l-intenzjonijiet kummerċjali tiegħu.

61      Fir-rigward tal-indizji li għandha jkollha l-imsemmija awtorità sabiex tissospendi l-ħelsien jew iżżomm il-merkanzija fis-sens tal-Artikoli 6(1) tar-Regolament Nru 3265/94 u 9(1) tar-Regolament Nru 1383/2003, huwa biżżejjed, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 96 u 97 kif ukoll 110 u 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jkun hemm elementi ta’ natura li joħolqu dubju ta’ suspett. Jistgħu b’mod partikolari jikkostitwixxu dawn l-elementi l-fatt li d-destinazzjoni tal-merkanzija ma tkunx ġiet iddikjarata minkejja li l-proċedura sospensiva mitluba teżiġi din id-dikjarazzjoni, in-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża jew affidabbli fuq l-identità jew l-indirizz tal-manifattur jew tal-kunsinnatur tal-merkanzija, nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali jew saħansitra l-iżvelar ta’ dokumenti jew ta’ korrispondenza dwar il-merkanzija inkwistjoni li jissuġġerixxi li din tista’ tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.

62      Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan is-suspett għandu, fil-każijiet kollha, jirriżulta mill-fatti tal-kawża. Fil-fatt, li kieku l-imsemmi suspett u l-azzjoni li tirriżulta minnu setgħu jiġu bbażati fuq sempliċi kunsiderazzjoni astratta li devjazzjoni frawdolenti lejn il-konsumaturi fl-Unjoni ma tistax tiġi ipotetikament eskluża, kull merkanzija li tkun f’tranżitu jew f’maħżen doganali tista’, mingħajr l-iċken indizju konkret ta’ irregolarità, tinżamm. Din is-sitwazzjoni għandha r-riskju li trendi inċerti u eċċessivi l-azzjonijiet mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-merkanzija ta’ imitazzjoni u kopja provenjenti minn Stat terz u ttrasportata lejn Stat terz ieħor jistgħu jkunu skont ir-regoli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali fis-seħħ f’dawn iż-żewġ pajjiżi. Fid-dawl tal-għan prinċipali tal-politika kummerċjali komuni, stabbilita fl-Artikoli 131 KE kif ukoll 206 TFUE u li jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ kummerċ dinji permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq l-iskambji internazzjonali, huwa essenzjali li din il-merkanzija tkun tista’ tgħaddi, vija l-Unjoni, minn Stat terz lejn ieħor mingħajr ma din l-operazzjoni tkun ostakolata, anki b’żamma provviżorja, mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Issa, ostakolu bħal dan jista’ preċiżament jinħoloq li kieku r-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003 jiġu interpretati fis-sens li huwa legalment possibbli li tinżamm merkanzija f’tranżitu mingħajr l-iċken indizju ta’ natura li joħloq suspett li din tista’ tkun is-suġġett ta’ devjazzjoni frawdolenti lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.

64      Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mit-tieni premssa tal-imsemmija regolamenti, li tistabbilixxi li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa sempliċiment li jevita li “[titpoġġa] fuq is-suq” merkanzija li tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jadotta f’dan ir-rigward miżuri effikaċi “mingħajr ma jxekklu il-libertà tan-negozju leġittimu”.

65      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-merkanzija li għaliha ma hemm l-ebda indizju fis-sens tal-punt 61 ta’ din is-sentenza, iżda li dwarha hemm suspetti ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali fl-Istat terz ta’ destinazzjoni preżunta, għandu jiġi rrilevat li huwa legalment possibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li fihom din il-merkanzija tkun f’tranżitu estern li jikkooperaw, abbażi tal-Artikolu 69 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, mal-awtoritajiet doganali tal-imsemmi Stat terz bi ħsieb li l-merkanzija tiġi, jekk ikun il-każ, eliminata mill-kummerċ internazzjonali.

66      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preċedenti li, sabiex tevalwa jekk ir-rifjut għal Nokia mill-Commissioners huwiex skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1383/2003, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) għandha teżamina jekk dawn tal-aħħar kellhomx indizji ta’ natura li joħolqu suspett fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jobbligawhom konsegwentement sabiex jipproċedu, abbażi ta’ dan ir-regolament, bis-sospenzjoni mill-ħelsien jew biż-żamma tal-merkanzija sabiex din tiġi immoblizzata sakemm tingħata d-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-mertu. L-elementi fattwali invokati minn Nokia u msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, dwar b’mod partikolari l-impossibbiltà li jiġi identifikat il-kunsinnatur tal-merkanzija inkwistjoni, huma, jekk jirriżultaw eżatti, f’dan ir-rigward rilevanti.

 Fuq id-deċiżjoni dwar il-mertu wara ż-żamma provviżorja tal-merkanzija mqiegħda taħt proċedura doganali sospensiva

67      Bid-differenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), imsejħa tiddeċiedi kawża bejn Nokia u l-Commissioners dwar ir-rifjut tagħhom li jżommu l-merkanzija, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen għandha, fil-kawża ppreżentata minn Philips, tiddetermina, skont l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3295/94, li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1383/2003, jekk il-merkanzija diġà miżmuma mill-awtoritajiet doganali skont l-imsemmi Artikolu 6(1) effettivament tiksirx id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali invokati.

68      Issa, kuntrarjament għad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità doganali li żżomm provviżorjament il-merkanzija permezz taż-żamma msemmija fl-Artikoli 6(1) tar-Regolament Nru 3295/94 u 9(1) tar-Regolament Nru 1383/2003, id-deċiżjoni dwar il-mertu fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3295/94 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1383/2003 ma tistax tittieħed fuq il-bażi ta’ suspett, iżda għandha tkun ibbażata fuq eżami tal-kwistjoni dwar jekk hemmx eżistenza ta’ prova ta’ ksur tad-dritt invokat.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li fil-każ fejn l-awtorità ġudizzjarja jew oħra, kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-mertu, tikkonstata ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali invokat, il-qirda jew l-abbandun tal-merkanzija inkwistjoni jikkostitwixxu l-uniċi destinazzjonijiet doganali li din tista’ tirċievi. Dan jirriżulta mill-Artikoli 2 tar-Regolament Nru 3295/94 u 16 tar-Regolament Nru 1383/2003, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, fejn l-Artikoli 11 u 18 rispettivament tal-imsemmija regolamenti jippreċiżaw barra minn hekk li għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet effettivi u dissważivi għall-ksur ikkonstatat fuq il-bażi ta’ dawn ir-regolamenti. Huwa ċar li l-operaturi kkonċernati ma jistgħux iġarrbu esproprijazzjoni bħal din u s-sanzjonijiet bħal dawn biss abbażi ta’ riskju ta’ frodi mhux sostnut minn indizji serji u verifikabbli jew abbażi ta’ finzjoni bħal dik proposta minn Philips u l-Gvern Belġjan.

70      Għalhekk, kif ġustament isostnu l-Gvern tar-Renju Unit u Ċek kif ukoll il-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ma tistax tikklassifika bħala “merkanzija ffalsifikata” u “[merkanzija] pirata” jew, b’mod iktar ġenerali, “merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali”, merkanzija li dwarha awtorità doganali għandha suspett li din tikser id-dritt ta’ proprjetà intellettwali applikabbli fl-Unjoni, iżda li għaliha, wara eżami dwar il-mertu, ma hemmx provi li din hija ddestinata għal tqegħid fis-suq tal-Unjoni.

71      Fir-rigward tal-provi li għandha jkollha l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu sabiex jiġi kkonstatat li merkanzija ta’ imitazzjoni jew kopja introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma din titqiegħed f’ċirkulazzjoni libera tista’ tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali applikabbli fl-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li jistgħu b’mod partikolari jikkostitwixxu dawn il-provi l-eżistenza ta’ bejgħ ta’ merkanzija lil klijenti fl-Unjoni, l-eżistenza ta’ offerta ta’ bejgħ jew ta’ pubbliċità indirizzata għal konsumaturi fl-Unjoni, jew saħansitra l-eżistenza ta’ dokumenti jew ta’ korrispondenza dwar il-merkanzija inkwistjoni li turi li hemm ippjanant li din tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.

72      L-interpretazzjoni pprovduta fil-punt preċedenti dwar l-oneru tal-prova quddiem l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu ma hijiex invalidata mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja minn ċerti partijiet fil-kawża prinċipali u minn ċerti gvernijiet li jipprovdu li kull nuqqas ta’ qirda ta’ merkanzija ta’ imitazzjoni jew kopja żvelata fit-territorju doganali tal-Unjoni, li jirriżulta minn dan ir-rekwiżiti dwar l-oneru tal-prova, jikser l-effettività tar-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003 u jikser, barra minn hekk, il-fatt li, f’bosta oqsma tal-kummerċ, inkluż dak li jirrigwarda l-oġġetti elettroniċi, merkanzija bħal din tippreżenta riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tal-konsumaturi.

73      Minn naħa, fir-rigward tal-effettività tal-imsemmija regolamenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-operazzjonijiet illegali ma hijiex imdgħajfa mill-fatt li l-awtorità doganali li tkun żammet il-merkanzija hija obbligata li twaqqaf din l-azzjoni kull darba li l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tikkonstata li ma huwiex indebitament ippruvat li l-merkanzija hija ddestinata għal tqegħid fis-suq fl-Unjoni.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tmiem taż-żamma ta’ merkanzija abbażi tar-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003 bl-ebda mod ma jimplika li din il-merkanzija ser taħrab minn issa ’l quddiem is-sorveljar doganali. Fil-fatt, mill-Artikolu 37 tal-Kodiċi Doganali u mid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tiegħu jirriżulta li kull stadju tal-proċedura sospensiva, bħalma huwa dak marbut mat-tranżitu estern, għandu jiġi strettament ikkontrollat u ddokumentat mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u li kull deroga sinjifikattiva fid-data indikata fid-dikjarazzjoni tista’ tagħti lok għal azzjoni fuq il-merkanzija mill-imsemmija awtoritajiet.

75      Il-ġlieda kontra l-operazzjonijiet illegali lanqas ma hija mxekkla mill-fatt, diġà kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa impossibbli għall-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li jadixxi lill-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu meta l-operaturi responsabbli mill-preżenza tal-merkanzija inkwistjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni jkunu ħbew l-identità tagħhom (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Adidas, C‑223/98, Ġabra p. I‑7081, punt 27). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt doganali tal-Unjoni jistabbilixxi l-prinċipju li jipprovdi li kull merkanzija ddestinata li titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, DP grup, C‑138/10, Ġabra p. I‑0000, punt 33). Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali u mid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tiegħu, il-konsegwenza ta’ dikjarazzjoni li ma hijiex identifikabbli, minħabba l-fatt li hija hi vvizjata minn ħabi tal-isem jew tal-indirizz tad-dikjarant jew tal-operaturi l-oħra rilevanti, hija li l-ħelsien tal-merkanzija għall-finijiet previsti mill-proċedura doganali ma tkunx tista’ validament tingħata. Barra minn hekk, jekk in-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar l-identità jew l-indirizz tal-operaturi responsabbli jippersisti, il-merkanzija tista’, skont l-Artikolu 75 tal-istess kodiċi, tiġi kkonfiskata.

76      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tal-konsumaturi li jistgħu ġieli jippreżentaw il-prodotti ta’ imitazzjoni jew kopji, mill-proċess kif ukoll mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1383/2003 jirriżulta li dawn ir-riskji huma ampjament iddokumentati u li l-eżistenza tagħhom hija rrikonoxxuta mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif irrilevaw, b’mod partikolari, Nokia u l-Gvern Portugiż, kunsiderazzjonijiet ta’ prekawzjoni jistgħu jimmilitaw favur qbid immedjat tal-merkanzija identifikata bħala li tippreżenta dawn ir-riskji, u dan irrispettivament mill-proċedura doganali li fih din tinsab. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk l-operaturi responsabbli mill-manufatturar u mid-distribuzzjoni ta’ din il-merkanzija kinux ser jiddiriġuha lejn il-konsumaturi fl-Unjoni jew fi Stati terzi hija, f’dan il-kuntest, mingħajr rilevanza.

77      Għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003, li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qrati tar-rinviju, jikkonċernaw biss il-ġlieda kontra l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ merkanzija li tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Fl-interess ta’ ġestjoni korretta tar-riskji għas-saħħa u għas-sigurtà tal-konsumaturi, għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħat u l-obbligi tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fir-rigward ta’ merkanzija li tippreżenta dawn ir-riskji għandhom jiġu evalwati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, fosthom l-Artikoli 56, 58 u 75 tal-Kodiċi Doganali.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li r-Regolamenti Nri 3295/94 u 1383/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–      merkanzija provenjenti minn Stat terz u li tikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott protett fl-Unjoni b’dritt ta’ trade mark jew kopja ta’ prodott protett fl-Unjoni b’dritt tal-awtur, dritt relatat, jew disinn ma tistax tiġi kklasifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “[merkanzija] pirata” fis-sens tal-imsemmija regolamenti sempliċiment għaliex din ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt proċedura sospensiva;

–      min-naħa l-oħra, din il-merkanzija tista’ tikser l-imsemmi dritt u għalhekk tiġi kklassifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “[merkanzija] pirata” meta jiġi ppruvat li din hija ddestinata għal tqegħid fis-suq fl-Unjoni, fejn prova bħal din tista’, b’mod partikolari tiġi pprovduta meta jirriżulta li l-imsemmija merkanzija kienet is-suġġett ta’ bejgħ lil klijent fl-Unjoni jew ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ pubbliċità indirizzata għal konsumaturi fl-Unjoni, jew meta mid-dokumenti jew minn korrispondenza li tikkonċerna din il-merkanzija jirriżulta li hemm ippjanant li din tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni;

–      sabiex l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi dwar il-mertu tkun tista’ teżamina b’mod utli l-eżistenza ta’ din il-prova u ta’ elementi oħra li jikkostitwixxu ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali invokat, l-awtorità doganali adita b’talba ta’ azzjoni għandha, hekk kif ikollha indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza tal-imsemmi ksur, tissospendi l-ħelsien jew tipproċedi biż-żamma tal-imsemmija merkanzija, u li

–      fost dawn l-indizji jistgħu jissemmew, b’mod partikolari, il-fatt li d-destinazzjoni tal-merkanzija ma tkunx ġiet iddikjarata minkejja li l-proċedura sospensiva mitluba teżiġi din id-dikjarazzjoni, in-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża jew affidabbli fuq l-identità jew l-indirizz tal-manifattur jew tal-kunsinnatur tal-merkanzija, nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali jew saħansitra l-iżvelar ta’ dokumenti jew ta’ korrispondenza dwar il-merkanzija inkwistjoni li tkun ta’ natura li tissuġġerixxi li din tista’ tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jippreskrivi l-miżuri dwar id-dħul fil-Komunità u l-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid mill-Komunità ta’ oġġetti li jiksru ċerti drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/1999, tal-25 ta’ Jannar 1999, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        merkanzija provenjenti minn Stat terz u li tikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott protett fl-Unjoni Ewropea b’dritt ta’ trade mark jew kopja ta’ prodott protett fl-Unjoni b’dritt tal-awtur, dritt relatat jew disinn ma tistax tiġi kklasifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “[merkanzija] pirata” fis-sens tal-imsemmija regolamenti sempliċiment għaliex din ġiet introdotta fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt proċedura sospensiva;

–        min-naħa l-oħra, din il-merkanzija tista’ tikser l-imsemmi dritt u għalhekk tiġi kklassifikata bħala “merkanzija ffalsifikata” jew “[merkanzija] pirata” meta jiġi ppruvat li din hija ddestinata għal tqegħid fis-suq fl-Unjoni Ewropea, fejn prova bħal din tista’, b’mod partikolari tiġi pprovduta meta jirriżulta li l-imsemmija merkanzija kienet is-suġġett ta’ bejgħ lil klijent fl-Unjoni jew ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ pubbliċità indirizzata għal konsumaturi fl-Unjoni, jew meta mid-dokumenti jew minn korrispondenza li tikkonċerna din il-merkanzija jirriżulta li hemm ippjanant li din tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni;

–        sabiex l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi dwar il-mertu tkun tista’ teżamina b’mod utli l-eżistenza ta’ din il-prova u ta’ elementi oħra li jikkostitwixxu ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali invokat, l-awtorità doganali adita b’talba ta’ azzjoni għandha, hekk kif ikollha indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza tal-imsemmi ksur, tissospendi l-ħelsien jew tipproċedi biż-żamma tal-imsemmija merkanzija, u li

–        fost dawn l-indizji jistgħu jissemmew, b’mod partikolari, il-fatt li d-destinazzjoni tal-merkanzija ma tkunx ġiet iddikjarata minkejja li l-proċedura sospensiva mitluba teżiġi din id-dikjarazzjoni, in-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża jew affidabbli fuq l-identità jew l-indirizz tal-manifattur jew tal-kunsinnatur tal-merkanzija, nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali jew saħansitra l-iżvelar ta’ dokumenti jew ta’ korrispondenza dwar il-merkanzija inkwistjoni li tkun ta’ natura li tissuġġerixxi li din tista’ tiġi ddevjata lejn il-konsumaturi fl-Unjoni.

Firem


* Lingwi tal-kawża: l-Olandiż u l-Ingliż.