Kawża C-429/09
Günter Fuß
vs
Stadt Halle
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Halle)
“Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttivi 93/104/KE u 2003/88/KE — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Pompieri impjegati fis-settur pubbliku — Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE — Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa — Qbiż — Kumpens għad-danni kkawżati minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni — Kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens — Regoli proċedurali — Obbligu li ssir talba minn qabel lill-persuna li timpjega — Forma u portata tal-kumpens — Ħin liberu supplimentari jew kumpens — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”
Sommarju tas-sentenza
1. Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa
(Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 6, punt 2; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 6(b))
2. Dritt tal-Unjoni — Drittijiet mogħtija lill-individwi — Ksur minn Stat Membru — Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi — Kundizzjonijiet
(Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 6, punt 2; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 6(b))
3. Dritt tal-Unjoni — Drittijiet mogħtija lill-individwi — Ksur minn Stat Membru — Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi — Forma tal-kumpens
(Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 6, punt 2; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 6(b))
4. Dritt tal-Unjoni — Drittijiet mogħtija lill-individwi — Ksur minn Stat Membru — Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi
(Direttiva tal-Kunsill 93/104, Artikolu 6, punt 2; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88)
1. Ħaddiem li ħadem, bħala pompier impjegat f’dipartiment ta’ intervent li jaqa’ fis-settur pubbliku, ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li jaqbeż dak previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, jista’ jinvoka d-dritt tal-Unjoni sabiex jistabbilixxi r‑responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bl-għan li jikseb il-kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ din id‑dispożizzjoni.
Fil-fatt, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, billi jimponi fuq l‑Istati Membri limitu massimu fir-rigward tal-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li minnu għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu, jikkostitwixxi regola ta’ dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari li l-portata tagħha ma tistax tkun suġġetta għal kwalunkwe kundizzjoni jew restrizzjoni u li tikkonferixxi lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta jkun sar bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, matul il-perijodu kkonċernat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk teżistix rabta kawżali diretta bejn l-imsemmi ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 u d-dannu subit mill-ħaddiem, li jirriżulta mit-telf tal-ħin ta’ mistrieħ li kien jibbenefika minnu li kieku l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa previst f’din id-dispożizzjoni kien ġie osservat.
Il-kumpens għad-dannu kkawżat lil individwu jista’ jingħata minn korp ta’ dritt pubbliku, meta dan id-dannu ġie kkawżat minħabba miżuri interni meħuda minn dan tal-aħħar bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li r-responsabbiltà ta’ tali korp ta’ dritt pubbliku li jagħti kumpens għad-dannu kkawżat lil individwu minħabba tali miżuri tista’ tiġi applikata minbarra dik tal-Istat Membru nnifsu.
Dawn il-konlużjonijiet huma identiċi kemm jekk il-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt id dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104/KE, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE jew taħt dawk tad-Direttiva 2003/88.
(ara l-punti 49, 58, 59, 61, 63, 99 u d-dispożittivi 1, 4)
2. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d‑dritt għal ħaddiem fis-settur pubbliku li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għal kundizzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ nuqqas li jmur lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tal-imsemmi dritt. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ tali kundizzjoni supplimentari jkollu l-effett li jikkontesta d-dritt għal kumpens ibbażat fuq is-sistema legali tal-Unjoni.
Dawn il-konklużjonijiet huma identiċi kemm jekk il-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt id dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104/KE, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE jew taħt dawk tad-Direttiva 2003/88.
(ara l-punti 67, 70, 99 u d-dispożittivi 2, 4)
3. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dritt ta’ ħaddiem fis-settur pubbliku li jikseb kumpens għad-dannu subit mill-ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għall-kundizzjoni li ssir talba minn qabel lill-persuna li timpjegah sabiex jikseb l-osservanza ta’ din id‑dispożizzjoni.
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huma l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, li għandhom jirregolaw ir-regoli proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu protetti d‑drittijiet li l-individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn dawn ir-regoli josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Issa, ir-rekwiżit ta’ tali talba minn qabel imur kontra l-prinċipju ta’ effettività.
Il-ħaddiem għandu, fil-fatt, jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħufija, tali ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah meta t-talba għal dawn tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn dan tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ impjieg għad-detriment ta’ dan il‑ħaddiem.
Barra minn hekk, f’kawża li tittratta ksur minn entità li timpjega fis-settur pubbliku ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, l-obbligu għall-ħaddiema kkonċernati li jindirizzaw lill-persuna li timpjegahom, sabiex jiksbu kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ tali dispożizzjoni, talba minn qabel sabiex jitwaqqaf dan il-ksur, għandu bħala effett li jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jpoġġu sistematikament fuq l-individwi r-responsabbiltà li jiżguraw l-osservanza ta’ tali regoli, billi joffri lil dawn l-awtoritajiet, skont il-każ, il-possibbiltà li jeżentaw lilhom infushom mill-osservanza tagħhom meta tali talba ma ssirx. Issa, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, mhux talli ma jirrikjedix li l-ħaddiema kkonċernati jitolbu lill-persuna li timpjegahom sabiex tosserva r-rekwiżiti minimi previsti minn din id‑dispożizzjoni, iżda jobbliga lil din tal-aħħar, meta d-dritt nazzjonali jimplementa d-deroga prevista fl-Artikolu 22 tal-istess direttiva, sabiex tikseb il‑kunsens individwali, espress b’mod espliċitu u liberu, tal-imsemmi ħaddiem għar-rinunzja tad-drittijiet mogħtija minn dan l-Artikolu 6(b).
Barra minn hekk, meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu jistgħu jiġu invokati mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali, l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, bħal-Länder, l-ibliet u l-komuni, skont il-każ, fil-kwalità tagħhom bħala entità pubblika li timpjega, huma obbligati, minħabba dan il-fatt biss, japplikawhom. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li ma jkunx raġonevoli li l‑ħaddiem li sofra dannu minħabba l-ksur mill-persuna li timpjegah tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, li jiġi rikjest jagħmel talba minn qabel lill-persuna li timpjegah sabiex ikollu d-dritt jikseb il-kumpens għal dan id-dannu.
Dawn il-konlużjonijiet huma identiċi kemm jekk il-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt id dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104/KE, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE jew taħt dawk tad-Direttiva 2003/88.
(ara l-punti 72, 80, 81, 83-87, 90, 99 u d-dispożittivi 2, 4)
4. Il-kumpens, li huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, għad-danni li dawn ikkawżaw lill-individwi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun xieraq għad-dannu subit. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa d-dritt nazzjonali kkonċernat li għandu jistabbilixxi, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, minn naħa, jekk id-dannu subit minn ħaddiem li ħadem ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li jaqbeż dak previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, minħabba l-ksur ta’ tali regola tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi kkumpensat bl-għoti lil dan tal-aħħar ta’ ħin liberu supplimentari jew ta’ kumpens finanzjarju, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-regoli li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens. Il-perijodi ta’ referenza previsti fl-Artikoli 16 sa 19 tad-Direttiva 2003/88 huma irrilevanti f’dan ir-rigward.
Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-forma li għandu jkollu l-kumpens għad-dannu, billi la l-għoti ta’ ħin liberu u lanqas dak ta’ kumpens finanzjarju jidhru li ser jirrendu fil-prattika tali kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-qorti tar-rinviju jkollha b’mod partikolari tiżgura li l‑modalità ta’ kumpens magħżula tosserva l-prinċipju ta’ ekwivalenza evalwat fid-dawl tal-kumpens mogħti mill-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ talbiet jew azzjonijiet simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.
Dawn il-konlużjonijiet huma identiċi kemm jekk il-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt id dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104/KE, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE jew taħt dawk tad-Direttiva 2003/88.
(ara l-punti 95, 98, 99 u d-dispożittivi 3, 4)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
25 ta’ Novembru 2010 (*)
“Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttivi 93/104/KE u 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Pompieri impjegati fis-settur pubbliku – Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE – Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa – Qbiż – Kumpens għad-danni kkawżati minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens – Regoli proċedurali – Obbligu li ssir talba minn qabel lill-persuna li timpjega – Forma u portata tal-kumpens – Ħin liberu supplimentari jew kumpens – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”
Fil-Kawża C‑429/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Halle (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura
Günter Fuß
vs
Stadt Halle,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur) u, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Settembru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal G. Fuß, minn M. Geißler, avukat,
– għall-iStadt Halle, minn T. Brümmer, avukat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta dwar l-interpretazzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/104”), kif ukoll id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).
2 Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Fuß u l-persuna li timpjegah, l‑iStadt Halle, dwar talba għal kumpens li huwa ressaq minħabba t-tul eċċessiv ta’ ħin tax-xogħol imwettaq fil-kuntest tas-servizz mogħti lil dan tal-aħħar bħala pompier.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/104
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/104, intitolat “Skop u qasam ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2)(a) tiegħu li:
“1. Din id-Direttiva tiffissa rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fl-organizzazzazjoni tal-ħin tax-xogħol.
2. Din id-Direttiva tapplika għal:
(a) perjodi minimi ta’ serħan ta’ kuljum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal pawża u ħin massimu ta’ xogħol f’ġimgħa”.
4 L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. ħin tax-xogħol tfisser kull perjodu li l-ħaddiem ikun qed jaħdem, għad-disposizzjoni ta’ min iħaddem, qed iwettaq l-attivitajiet tiegħu u d-dmirijiet li jtih, skond il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali;
[…]”
5 Taħt it-titolu “Ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa”, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, b’konformità mal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:
1. il-perjodu ta’ ħin ta’ xogħol huwa limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;
2. il-medja ta’ ħin maħdum għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma taqbiżx it-48 siegħa.”
6 Skont il-punt 2 tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 93/104, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw, għall-applikazzjoni tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-Artikolu 6 tagħha, perjodu ta’ referenza ta’ mhux aktar minn erba’ xhur, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 17 tal-istess direttiva. Skont il-paragrafu (4) ta’ dan l-aħħar artikolu, din l-għażla tad-deroga mill-imsemmi punt 2 tal-Artikolu 16 ma tistax tirriżulta fl-istabbiliment ta’ perijodu ta’ referenza li jaqbeż is-sitt xhur jew, fejn dawn il-perijodi ta’ referenza huma ffissati fi ftehim kollettivi jew fi ftehim konklużi bejn imsieħba soċjali, tnax-il xahar.
7 L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 93/104 jgħid li ġej:
“1. (a) L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d‑disposizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sat-23 ta’ Novembru 1996, jew għandhom jiżguraw li sa din id-data iż‑żewġ naħat ta’ l-industrija jwaqqfu l-miżuri meħtieġa bi ftehim, filwaqt li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jieħdu kull pass neċessarju li jgħinhom biex jiggarantixxu f’kull ħin li d‑disposizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva huma mħarsa.
(b) i) Madankollu, Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, sakemm jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li:
– l-ebda persuna li tħaddem ma teħtieġx li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa fuq perjodu ta’ sebat ijiem, maħdum bħala medja għal perjodu ta' referenza imsemmi fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 16, jekk ma jkunx qabel kiseb il-kunsens tal-ħaddiem li jagħmel dan ix-xogħol,
– l-ebda ħaddiem ma hu suġġett għal kull detriment minn min iħaddmu għar-raġuni li ma jridx jagħti l-kunsens tiegħu biex jagħmel dan ix-xogħol,
– min iħaddem iżomm reġistru kurrenti tal-ħaddiema kollha li jagħmlu dan ix-xogħol,
– ir-reġistru jkun disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jillimitaw il-possibilità li jinqabżu s-sigħat massimi tax-xogħol fil-ġimgħa,
– min iħaddem jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom b’informazzjoni dwar każijiet fejn ingħata l‑kunsens mill-ħaddiema biex jagħmlu xogħol li jaqbeż it‑48 siegħa fuq perjodu ta’ sebat ijiem, maħduma bħala medja għal perjodu msemmi fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 16.
[…]”
Id-Direttiva 2003/88
8 Kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 2003/88 twettaq, għal skopijiet ta’ ċarezza, kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104.
9 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”:
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.
2. Din id-Diretiva tapplika għal:
(a) il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u
[…]”
10 L-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:
“Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. “ħin tax-xogħol” ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi”.
11 Taħt it-titolu “Ħin massimu ta' xogħol matul ġimgħa”, l-Artikolu 6 tal-istess direttiva jipprovdi li:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il‑ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:
(a) il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;
(b) il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”
12 Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għall-applikazzjoni tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa stabbilit fl-Artikolu 6 tagħha, perijodu ta’ referenza li ma jeċċedix erba’ xhur, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikoli 17 u 18 tal-istess direttiva. Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, din l-għażla tad-deroga mill-imsemmi Artikolu 16 ma tistax tirriżulta fl-istabbiliment ta’ perijodu ta’ referenza li jaqbeż is-sitt xhur jew, fejn dawn il-perijodi ta’ referenza huma ffissati fi ftehim kollettivi jew fi ftehim konklużi bejn imsieħba soċjali, tnax-il xahar.
13 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmija direttiva:
“Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, u basta li hu jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jassigura li:
(a) li min jimpjega ma jkunx jeħtieġ li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 16(b), sakemm ma jkunx l-ewwel akkwista l-ftehim tal-ħaddiem ħalli jwettaq xogħol bħal dak;
(b) l-ebda ħaddiem ma jkun suġġett għal xi detriment minn min jimpjegah minħabba li hu ma jkunx lest li jagħti l-ftehim tiegħu għal twettieq ta’ xogħol bħal dak;
(ċ) min jimpjega iżomm rekords aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu xogħol bħal dak;
(d) li r-rekords jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirristrinġu l-possibbiltà li jkunu misbuqa s-sigħat massimi ta’ xogħol matul ġimgħa;
(e) min jimpjega jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom b’informazzjoni dwar każi li fihom ftehim ikun seħħ ma ħaddiema ħalli jwettqu xogħol b’eċċess ta’ 48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 16(b).”
14 Skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2003/88, id-Direttiva 93/104 hija mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda t-termini ta’ traspożizzjoni.
15 Skont l-Artikolu 28 tagħha, id-Direttiva 2003/88 daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2004.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
16 L-Artikolu 2(1) tal-liġi tal-Land Sachsen-Anhalt fuq il-ħin tax-xogħol tal-uffiċjali li jaħdmu bħala pompieri fl-ibliet u fil-komuni (Verordnung über die Arbeitszeit der Beamtinnen und Beamten im feuerwehrtechnischen Dienst der Städte und Gemeinden des Landes Sachsen-Anhalt), tas-7 ta’ Ottubru 1998 (iktar ’il quddiem l-“ArbZVO‑FW 1998”), fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2007, jipprovdi dan li ġej:
“Il-ħin normali medju ta’ xogħol tal-uffiċjali impjegati f’xogħol bix-xift u li l‑attività fil-ġimgħa titwettaq essenzjalment fi ħdan id-dipartiment ta’ emerġenza huwa ta’ 54 siegħa. […]”
17 B’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, l-ArbZVO‑FW 1998 ġiet issostitwita bl‑ArbZVO‑FW tal-5 ta’ Lulju 2007 (iktar ’il quddiem l-“ArbZVO-FW 2007”).
18 L-Artikolu 2(1) tal-ArbZVO‑FW 2007 jistabbilixxi:
“Il-ħin normali ta’ xogħol fil-ġimgħa tal-uffiċjali jammonta għal medja ta’ 48 siegħa kkalkolata fuq sena sħiħa, sahra inkluża”.
19 L-Artikolu 4 tal-istess ArbZVO‑FW 2007, intitolat “Ftehim individwali”, jipprovdi s-segwenti:
“1. Bla ħsara għall-prinċipji ġenerali tas-sigurtà u tal-protezzjoni tas-saħħa, il‑ħin ta’ xogħol bix-xift jista’ jaqbeż il-ħin medju normali fil-ġimgħa msemmi fl‑Artikolu 2(1), jekk il-persuni kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u l-persuna li timpjega tipprovdi l-prova ta’ dan.
2. Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi rrevokat b’avviż ta’ sitt xhur. Il‑persuni kkonċernati għandhom jiġu informati bil-miktub”.
20 L-Artikolu 72(3) tal-liġi dwar is-servizz pubbliku tal-Land Sachsen-Anhalt (Beamtengesetz Land Sachsen-Anhalt), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi li, għas-servizzi ta’ emerġenza, il-ħin tax-xogħol jista’ jiġi estiż skont il-bżonnijiet tas-servizz, iżda ma għandux madankollu jeċċedi 54 siegħa fil-ġimgħa.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 G. Fuß ilu impjegat mal-iStadt Halle mill-10 ta’ Mejju 1982. Matul is-sena 1998 ġie nnominat uffiċjal fil-grad ta’ “Oberbrandmeister” (Sub Officer), u ilu mill‑15 ta’ Diċembru 2005 jokkupa l-kariga ta’ “Hauptbrandmeister” (Station Officer).
22 Sal-4 ta’ Jannar 2007, G. Fuß kien jifforma parti mid-dipartiment ta’ intervent “protezzjoni kontra n-nar” tal-pompieri tal-iStadt Halle bħala xufier tal-vetturi. Il‑ħin tax-xogħol tiegħu kien jikkonsisti minn medja ta’ 54 siegħa fil-ġimgħa, li jinkludi xifts ta’ 24 siegħa. Kull wieħed minn dawn ix-xifts, li matulhom il‑pompier huwa obbligat ikun preżenti fl-istazzjon tal-pompieri, kien kompost minn perijodu ta’ servizz attiv u minn perijodu ta’ permanenza li seta’ jiġi interrott b’intervent.
23 Permezz tal-ittra tat-13 ta’ Diċembru 2006, G. Fuß, billi invoka d-digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg (C-52/04, Ġabra p. I‑7111), talab li, fil-futur, il-ħin ta’ xogħol tiegħu fil-ġimgħa ma jeċċedix il-limitu massimu medju ta’ 48 siegħa stabbilit fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88. Permezz ta’ din l-istess ittra, G. Fuß talab kumpens għas-sahra mwettqa illegalment matul il‑perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006, liema kumpens seta’ jingħatalu fil-forma ta’ ħin liberu jew permezz ta’ somma flus li tikkorrispondi għas-sahra mwettqa.
24 Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Jannar 2007, l-iStadt Halle ttrasferixxa lil G. Fuß għaċ‑ċentru ta’ kmand għal perijodu ta’ madwar sentejn, peress li dan it‑trasferiment kien meħtieġ għal raġunijiet tal-organizzazzjoni tad-dipartiment. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett tas-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß (C‑243/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).
25 Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2007, l-iStadt Halle ċaħad it-talba għal kumpens magħmula minn G. Fuß għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006, billi rrefera għal digriet tal-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt, tas-17 ta’ Ottubru 2006, skont liema d-dritt għal kumpens permezz ta’ ħin liberu jibda mill-jum tal-preżentazzjoni ta’ talba magħmula għal dan il-għan. L-iStadt Halle, min-naħa l-oħra, laqa’ t-talba ta’ G. Fuß intiża għall-kumpens permezz ta’ ħin liberu għas-sahra mwettqa mix-xahar ta’ Jannar tas-sena 2007. Madankollu, billi l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa mwettaq minn dan tal-aħħar ġie osservat mit-trasferiment tiegħu f’servizz ieħor, huwa ma seta’ jingħata l-ebda kumpens finanzjarju għal dan il-perijodu la bħala danni u lanqas skont id-“dritt ta’ eliminazzjoni tal-konsegwenzi dannużi”.
26 Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2007, l-iStadt Halle ċaħad l-ilment imressaq minn G. Fuß kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda tal-20 ta’ Marzu 2007, billi kkunsidra li, jekk dan tal-aħħar jista’ jitlob il-waqfa tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-qbiż tal-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa, dan japplika unikament għall-perijodu li jibda mill-aħħar tax-xahar li matulu saret it-talba, billi kull uffiċjal huwa obbligat jikkontesta minn qabel mal-persuna li timpjegah l-imġiba illegali ta’ dan tal-aħħar.
27 Il-Verwaltungsgericht Halle, li quddiemha tressaq rikors kontra dawn id‑deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-20 ta’ Marzu u tal-25 ta’ April 2007, issostni li, skont id-dritt nazzjonali, G. Fuß ma għandu l-ebda dritt għal kumpens permezz ta’ ħin liberu u lanqas dritt għal kumpens għas-sahra mwettqa. Fil-fatt, id-dritt għal eżenzjoni mis-servizz sal-ħin globali tas-sahra mwettqa ma għandu l‑ebda bażi legali fid-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, G. Fuß lanqas ma jiddisponi mid-dritt għal kumpens għas-sahra meta huwa ma kienx obbligat jaħdem sigħat ikkwalifikati bħala tali.
28 Skont din il-qorti, id-dritt ta’ eżenzjoni mis-servizz jista’ jkun ibbażat biss, fid-dritt nazzjonali, fuq il-prinċipju ta’ bona fide fis-sens tal-Artikolu 242 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”). Madankollu, tali dritt jippresupponi li l-uffiċjal ikkonċernat jagħmel talba lill-persuna li timpjegah intiża sabiex jaħdem biss il-ħinijiet tax-xogħol previsti fil-liġi. F’każ bħal dan, kumpens ikun dovut biss għas-sigħat imposti illegalment wara li tkun saret din it-talba.
29 Madankollu l-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nnifisha jekk dritt għal kumpens jistax jiġi dedott mid-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ talba minn qabel lill-persuna li timpjega jillimita l-effikaċja prattika tad-dritt tal-Unjoni għall-każijiet fejn l‑uffiċjali jinvokaw ir-rispett ta’ dan id-dritt, liema fatt jikkostitwixxi inċitament għal imġiba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni biss meta tintalab l-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-iStadt Halle kien iddikjara li huwa kien ser jipproċedi bit-trasferiment, mid-dipartiment ta’ intervent lejn dipartiment ieħor, ta’ persuni li jinvokaw id‑drittijiet li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva u kien ittrasferixxa effettivament lil G. Fuß wara li għamel it-talba tiegħu intiża sabiex ma jaħdimx numru ogħla ta’ sigħat ta’ xogħol mill-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa. Tqum anki l-kwistjoni jekk dritt għal kumpens permezz ta’ ħin liberu jistax jirriżulta mid-dispożizzjonijiet dwar il-perijodi ta’ referenza previsti fl-istess direttiva.
30 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Halle ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Jistgħu jitnisslu mid-Direttiva [2003/88] id-drittijiet ta’ kumpens, meta min iħaddem (pubbliku) ikun iffissa ħin ta’ xogħol li jaqbeż il-limiti tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva [2003/88]?
2) Fil-każ li l-ewwel risposta titwieġeb fil-pożittiv, id-dritt inkwistjoni jirriżulta sempliċiment mill-ksur tad-Direttiva [2003/88], jew id-dritt Komunitarju jissuġġetta dan id-dritt għal rekwiżiti addizzjonali, bħalma huwa l-fatt illi min iħaddem ikun intalab biex inaqqas il-ħinijiet tax-xogħol jew il-fatt illi jkun sar żball meta l-ħinijiet ta’ xogħol ikunu ġew stabbiliti?
3) Fil-każ li jeżisti dritt għal kumpens, id-domanda tqum dwar jekk huwiex intiż bħala kumpens f’ħin liberu jew bħala kumpens finanzjarju, u liema huma d-dispożizzjonijiet fid-dritt [tal-Unjoni] li jistabbilixxu l-kalkolu tal-imsemmi kumpens?
4) Il-perijodi ta’ referenza tal-Artikolu 16(b) u/jew tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva [2003/88] huma direttament applikabbli fil-każ bħal dak fil-kawża preżenti fejn id-dritt nazzjonali jistabbilixxi sempliċiment ħin ta’ xogħol li jisboq il-ħin massimu stabbilit mill-Artikolu 6(b) tad-Direttiva [2003/88], u li ma jistabbilixxix kumpens? Fil-każ li l-applikabbiltà diretta tiġi aċċettata, id-domanda tqum dwar jekk, u meta jkun il-każ, kif, għandu jsir il-kumpens meta min iħaddem ma jkunx ta’ [ta] dan il-kumpens qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ referenza?
5) X’risposti għandhom jingħataw għad-domandi 1 sa 4 fid-dawl tas-sistema stabbilita mid-Direttiva [93/104][?]”
Fuq id-domandi preliminari
Kunsiderazzjonijiet preliminari
31 Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il‑kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ dritt għal kumpens għad-dannu subit f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiem, impjegat bħala pompier f’dipartiment ta’ intervent li jaqa’ taħt is-settur pubbliku, ħadem ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li jaqbeż dak previst mid-Direttivi 93/104 u 2003/88, u, min-naħa l-oħra, dwar ir-regoli proċedurali u l-kriterji ta’ għoti ta’ tali dritt għal kumpens.
32 Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi osservat qabelxejn li t-talba għal kumpens magħmula fil-kawża prinċipali li tirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006 taqa’, kif sewwa kkonstatat il-qorti tar-rinviju, parzjalment taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104, li kienet fis-seħħ sal-1 ta’ Awwissu 2004, u, parzjalment taħt dawk tad-Direttiva 2003/88, li kkodifikat, mit-2 ta’ Awwissu 2004, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Direttiva 93/104. Madankollu, billi d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id‑direttivi ġew redatti b’termini essenzjalment identiċi u billi r-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi tal-qorti tar-rinviju huma, minħabba din l‑identiċità, l-istess tkun xi tkun id-direttiva applikabbli, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi għandu jsir riferiment biss għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88.
33 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxi regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ importanza partikolari li minnha għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu, li timponi fuq l-Istati Membri l‑obbligu li jistabbilixxu limitu ta’ 48 siegħa bħala ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, limitu massimu li jinkludi s-sahra, kif espressament ippreċiżat fl‑imsemmija dispożizzjoni, u li minnha, fin-nuqqas tal-implementazzjoni fid-dritt nazzjonali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, ma tista’ ssir ebda deroga fir-rigward ta’ attivitajiet bħal dawk tal-pompieri inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ħlief bil-kunsens tal-ħaddiem ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punti 98 u 100, kif ukoll Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 sa 35 u 38).
34 Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma jistgħux jiddeterminaw unilateralment il-portata tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 billi jissuġġettaw għal xi kundizzjoni jew restrizzjoni, tkun liema tkun, l‑applikazzjoni tad-dritt tal‑ħaddiema li l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa ma jaqbiżx dan il-limitu massimu (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pfeiffer et, punt 99, kif ukoll Fuß, punt 52).
35 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2033/88 għandu effett dirett billi jagħti lill-individwi drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Pfeiffer et, punti 103 sa 106, kif ukoll Fuß, punti 56 sa 59).
36 Issa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 60 tas-sentenza Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, huwa paċifiku li, matul il-perijodu li huwa s-suġġett tat-talba għal kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it‑terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 93/104, ikkodifikata mid-Direttiva 2003/88, kien skada u l-Land Sachsen-Anhalt ma kienx ittrasponiha fid-dritt nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-pompieri impjegati f’dipartiment ta’ intervent.
37 B’mod partikolari, huwa stabbilit li l-ArbZVO‑FW 1998, applikabbli fl-imsemmi perijodu fir-rigward tal-pompieri, kienet tippermetti l-ħidma ta’ ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li jeċċedi l-limitu massimu ta’ 48 siegħa previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 u li dan il-Land ma kienx, f’dan il-perijodu, ittraspona fid-dritt intern tiegħu l-possibbiltà ta’ deroga prevista fl-Artikolu 22(1) ta’ din id‑direttiva, l-implementazzjoni ta’ liema tirrikjedi, b’mod partikolari, li jkun inkiseb il-kunsens tal-ħaddiem ikkonċernat, billi t-traspożizzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet varji tal-imsemmija direttiva saret biss mill-1 ta’ Jannar 2008 permezz tal-adozzjoni tal-ArbZVO-FW 2007 (ara s-sentenza Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36, 37 u 45).
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħaddiem bħal G. Fuß, impjegat mill-iStadt Halle f’dipartiment ta’ intervent, jista’ jibbenefika direttament mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 203/88 fil-konfront ta’ tali entità pubblika li timpjega sabiex jiġi rrispettat id-dritt, li jirriżulta minnha, għal ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li ma jeċċedix it-48 siegħa (sentenza Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha u dak, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali kollha sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri. Tali obbligi huma responsabbiltà ta’ dawn l-awtoritajiet, inklużi, jekk ikun il-każ, fil-kwalità tagħhom bħala entità pubblika li timpjega (sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 85).
40 Minn dan jirriżulta, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, li, fin-nuqqas li jkunu jistgħu jinterpretaw u jimplementaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali skont ir‑rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali u l-korpi amministrattivi huma obbligati japplikaw id-dritt tal-Unjoni b’mod sħiħ u jipproteġu d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwi, billi ma japplikawx jekk hemm bżonn id‑dispożizzjonijiet kunfliġġenti kollha tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839, punt 33; tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punti 68 u 69, kif ukoll Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).
41 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jingħataw risposta.
Fuq l-ewwel domanda
42 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2003/88, jagħtix lil ħaddiem li, bħal G. Fuß fil-kawża prinċipali, ħadem, bħala pompier impjegat f’dipartiment ta’ intervent fis-settur pubbliku, ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li jaqbeż il-limitu ta’ 48 siegħa previst fl-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva, dritt għal kumpens għad-dannu subit.
43 Għandu jiġi mfakkar li l‑għan tad-Direttiva 2003/88 huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol tal-ħaddiema permezz tal‑approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, il‑ħinijiet ta’ xogħol. Din l-armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea fil‑qasam tal-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa, u billi tipprovdi limitu massimu fuq il-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pfeiffer et, punt 76, kif ukoll Fuß, punt 32).
44 ,Kif osservat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttiva 2003/88 ma fiha ebda dispożizzjoni għal dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti minimi li hija tistipula, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l‑ħinijiet tax-xogħol, u, għaldaqstant, ma fiha ebda regola partikolari għal dak li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu eventwali subit mill-ħaddiema minħabba tali ksur.
45 Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa attribwibbli lilu huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom dan tal-aħħar huwa bbażat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 35; tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C-48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 31, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, Ġabra p. I-635 , punt 29).
46 Mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li dan l-obbligu japplika għal kull każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, tkun xi tkun l-awtorità pubblika li wettqet tali ksur u tkun xi tkun dik li għandha, bħala prinċipju u skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, l-obbligu ta’ dan il-kumpens (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, C‑302/97, Ġabra p. I‑3099, punt 62; tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, Ġabra p. I‑5123, punt 27, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punt 31).
47 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens dment li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il‑ksur u d-dannu subit mill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Transportes Urbanos y Servicios Generales, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
48 L-implementazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r‑responsabbiltà tal-Istati Membri għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, skont il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq tali implementazzjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑446/04, Ġabra p. I‑11753, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, għal dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, li mill-punti 33 sa 35 ta’ din is‑sentenza jirriżulta li l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, billi jimponi fuq l‑Istati Membri limitu massimu fir-rigward tal-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li minnu għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu, jikkostitwixxi regola ta’ dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari li l-portata tagħha ma tistax tkun suġġetta għal kwalunkwe kundizzjoni jew restrizzjoni u li tikkonferixxi lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali.
50 F’dawn il-kundizzjonijiet, jidher ċar li l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxi regola tad-dritt tal-Unjoni intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi u li, għaldaqstant, l-ewwel kundizzjoni għall-eżistenza ta’ dritt għal kumpens hija sodisfatta fil-kawża prinċipali.
51 Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni timplika li l-Istat Membru jinjora, b’mod ċar u serju, il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, peress li l-elementi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-liġi li tiġi miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-liġi li tkun ġiet miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et, C‑278/05, Ġabra p. I‑1053, punt 70).
52 F’kull każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun suffiċjentement serju meta jkun twettaq bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, tat-28 ta’ Ġunju 2001, Larsy, C‑118/00, Ġabra p. I‑5063, punt 44, u Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).
53 Jekk, bħala prinċipju, huma l-qrati nazzjonali, hekk kif ġie indikat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li għandhom jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà tal-Istati li tirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni humiex sodisfatti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji sabiex tevalwa jekk il-fatti inkwistjoni għandhomx jiġu kkwalifikati bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications, C‑392/93, Ġabra p. I‑1631, punt 41, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et, C‑283/94, C‑291/94 u C‑292/94, Ġabra p. I‑5063, punt 49).
54 Fil-fatt, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, meta, fil-perijodu li huwa s‑suġġett tat-talba għal kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006, G. Fuß kien obbligat, skont l‑ArbZVO‑FW 1998, jaħdem ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ 54 siegħa, li jinkludi xifts ta’ 24 siegħa komposti minn perijodu ta’ servizz attiv u perijodu ta’ permanenza li matulu huwa kien obbligat ikun preżenti fil-post tax-xogħol tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà tat is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, Ġabra p. I-7963), id-digriet tat-3 ta’ Lulju 2001, CIG (C‑241/99, Ġabra p. I‑5139), u s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, Ġabra p. I‑8389).
55 Issa, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti għall-fatti tal-kawża prinċipali jirriżulta b’mod ċar li l-ħin tax-xogħol li jikkorrispondi għal emerġenzi u għall-perijodi ta’ permanenza mwettqa mill-persunal skont is-sistema tal-preżenza fiżika tal-ħaddiem ikkonċernat fil-post tax-xogħol jifforma parti mill-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 u li, għaldaqstant, din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li, peress li jinkludi tali perijodi ta’ emerġenza u ta’ permanenza, jeċċedi l-limitu massimu fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva (ara s‑sentenza Simap, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 sa 52; id-digriet CIG, iċċitat iktar ’il fuq, punti 33 u 34, kif ukoll is-sentenza Jaeger, iċċitata iktar ’il fuq, punti 68 sa 71, 78 u 79).
56 Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet fil-5 ta’ Ottubru 2004, jiġifieri matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija ġurisprudenza dwar il-perijodi ta’ permanenza maħduma minn ħaddiema li jaqgħu, bħal f’dan il-każ, fis-settur tal-protezzjoni ċivili.
57 Barra minn hekk, dejjem f’dan l-istess perijodu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-ġurisprudenza kollha msemmija fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza u billi din il-kwistjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli, adottat fl-14 ta’ Lulju 2005, skont l‑Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, id-digriet Personalrat der Feuerwehr Hamburg, iċċitat iktar ’il fuq, fejn hija ddeċidiet li l-attivitajiet eżerċitati mill-forzi ta’ intervent tas-servizz pubbliku tal-pompieri – salv fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li ma japplikawx fil-kawża prinċipali – jaqgħu taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, b’mod li, bħala regola, l‑Artikolu 6(b) tal‑imsemmija direttiva jipprekludi li jinqabeż il-limitu ta’ 48 siegħa stabbilit bħala ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, inklużi s-servizzi ta’ emerġenza (ara s-sentenza Fuß, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
58 F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li billi n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali sar bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, it-tieni kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens hija wkoll sodisfatta fil-kawża prinċipali.
59 Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita r‑responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, kif jidher li jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, teżistix rabta kawżali diretta bejn l-imsemmi ksur tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 u d-dannu subit minn G. Fuß, li jirriżulta mit-telf tal-ħin ta’ mistrieħ li kien jibbenefika minnu li kieku l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa previst f’din id-dispożizzjoni kien ġie osservat.
60 Għaldaqstant, jidher li, bla ħsara għall-verifiki li jridu jsiru mill-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-għoti ta’ dritt għal kumpens fil-kawża prinċipali huma sodisfatti, liema fatt il-gvern Ġermaniż stess ammetta matul is-seduta.
61 Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-kumpens għad-dannu kkawżat lil individwu jista’ jingħata minn korp ta’ dritt pubbliku, bħal, fil-kawża prinċipali, l-iStadt Halle jew il-Land Sachsen-Anhalt, meta dan id-dannu ġie kkawżat minħabba miżuri interni meħuda minn dan tal-aħħar bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li r-responsabbiltà ta’ tali korp ta’ dritt pubbliku li jagħti kumpens għad-dannu kkawżat lil individwu minħabba tali miżuri tista’ tiġi applikata minbarra dik tal-Istat Membru nnifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Haim, iċċitata iktar ’il fuq, punts 31 u 32).
62 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bla ħsara għad-dritt għal kumpens li huwa msejjes direttament fuq id-dritt tal-Unjoni, meta huma sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà li l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jistgħux ikunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 123, kif ukoll Transportes Urbanos y Servicios Generales, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).
63 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li ħaddiem, bħal G. Fuß fil-kawża prinċipali, li ħadem, bħala pompier impjegat f’dipartiment ta’ intervent li jaqa’ fis-settur pubbliku, ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li jaqbeż dak previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, jista’ jinvoka d-dritt tal-Unjoni sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bl-għan li jikseb il-kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni.
Fuq it-tieni domanda
64 Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dritt għal ħaddiem li jaqa’ fis-settur pubbliku li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, għall-kundizzjoni supplimentari tal-eżistenza ta’ nuqqas attribwibbli lill-persuna li timpjega. Permezz tat-tieni parti ta’ din l-istess domanda, hija tistaqsi jekk dan id-dritt għal kumpens jistax jiġi suġġett għall-obbligu li ssir talba minn qabel lill-persuna li timpjega sabiex tinkiseb l-osservanza ta’ din id‑dispożizzjoni.
Fuq il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ nuqqas attribwibbli lill-persuna li timpjega
65 Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit dritt għal kumpens favur individwi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Brasserie du pêcheur u Factortame, punt 66, kif ukoll Köbler, punt 57).
66 Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jeskludix li r‑responsabbiltà tal-Istat għal ksur ta’ dan id-dritt tista’ tiġi stabbilita f’kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa min-naħa l-oħra jipprekludi li din timponi kundizzjonijiet supplimentari f’dan ir-rigward.
67 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm ċerti elementi oġġettivi u suġġettivi li, fil-kuntest ta’ sistema legali nazzjonali, jistgħu jkollhom konnessjoni mal-kunċett ta’ nuqqas u jistgħu jkunu rilevanti, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi evalwat jekk ksur tad-dritt tal-Unjoni huwiex suffiċjentement serju jew le, xorta jibqa’ l-fatt li l‑obbligu li jingħata kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi ma jistax ikun suġġett għal kundizzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ nuqqas li jmur lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ tali kundizzjoni supplimentari jkollu l-effett li jikkontesta d-dritt għal kumpens ibbażat fuq is-sistema legali tal-Unjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Brasserie du pêcheur u Factortame, punti 78 sa 80, kif ukoll Haim, punt 39).
68 Issa, dan ikun il-każ meta kundizzjoni tistipula, f’kawża bħal dik prinċipali, li d‑dritt għal kumpens għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni hija suġġetta għall-prova tal-eżistenza ta’ nuqqas partikolari, bħal nuqqas intenzjonali jew ta’ negliġenza, imwettaq mill-persuna li timpjega, f’dan il-każ l-iStadt Halle, meta, kif jirriżulta mill-punti 51 sa 58 ta’ din is-sentenza, l-ArbZVO-FW 1998 tikkostitwixxi fiha nnifisha ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.
69 Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fil-kuntest tal-kawża li tressqet quddiemha, jekk tali kundizzjoni supplimentari hija fil-fatt prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi l-Gvern Ġermaniż indika, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta, li n-nuqqas min-naħa tal-persuna li timpjega bl-ebda mod ma jikkostitwixxi, skont id-dritt nazzjonali, kundizzjoni għad-dritt għal kumpens.
70 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tieni domanda hija li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, id‑dritt għal ħaddiem fis-settur pubbliku li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, għal kundizzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ nuqqas li jmur lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tal-imsemmi dritt.
Fuq il-kundizzjoni dwar l-obbligu li ssir talba minn qabel lill-persuna li timpjega
71 Skont l-iStadt Halle u l-Gvern Ġermaniż, il-kundizzjoni li tgħid li talba minn qabel għandha tiġi indirizzata lill-persuna li timpjega, li l-oriġini tagħha tinsab fil-ġurisprudenza nazzjonali, hija ġġustifikata mill-fatt li d-dritt ta’ kull uffiċjal li jikseb kumpens permezz ta’ ħin liberu meta l-ħin tax-xogħol tiegħu jkun qabeż dak legalment permess huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ bona fide fis-sens tal-Artikolu 242 tal-BGB u, għalhekk, huwa parti integrali tar-relazzjoni ta’ fiduċja kif ukoll ta’ servizz li teżisti bejn l-uffiċjal u l-entità pubblika li timpjega. Dan ir‑rekwiżit jagħti l-possibbiltà lil din tal-aħħar li torganizza lilha nnifisha sabiex tosserva dan l-obbligu ta’ kumpens u temenda konsegwentement l-iskeda tax-xogħol. L-iStadt Halle jżid f’dan ir-rigward li l-imsemmi rekwiżit jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur nazzjonali li jevita, sabiex jiżgura l-kontinwità tas-servizz pubbliku, l-akkumulazzjoni ta’ numru kbir ta’ sigħat ta’ ħin liberu bħala kumpens.
72 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, huma l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, li għandhom jirregolaw ir-regoli proċedurali tar-rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu protetti d‑drittijiet li l-individwi jinvokaw mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn dawn ir-regoli josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara s‑sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 12; Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, Ġabra p. I‑10467, punt 43).
73 F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-elementi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, ir-rekwiżit ta’ talba minn qabel indirizzata lill-persuna li timpjega, peress li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ bona fide previst fl-Artikolu 242 tal-BGB, jidher li jikkonċerna, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ir‑rikorsi kollha ppreżentati mill-uffiċjali kontra l-persuna li timpjegahom intiżi għal kumpens għad-dannu subit, kemm meta dan jirriżulta minn ksur tad-dritt nazzjonali jew ksur tad-dritt tal-Unjoni.
74 Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-kundizzjoni tmurx kontra l‑prinċipju ta’ effettività peress li tista’ tirrendi l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni eċċessivament diffiċli.
75 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għal dak li jirrigwarda l‑implementazzjoni tar-rimedji legali disponibbli sabiex tiġi stabbilita r‑responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qorti nazzjonali tista’ tivverifika jekk il-persuna leża kinitx raġonevolment diliġenti sabiex tevita d-danni jew tillimita l-portata tagħhom u jekk, b’mod partikolari, hija rrikorrietx fil-ħin għar-rimedji legali kollha li kienu disponibbli għaliha (sentenzi Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84; Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 124, kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 60).
76 Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, il‑persuna leża, sabiex tevita li jkollha tbati hija stess id-danni, għandha tagħti prova ta’ diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tad-danni (sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I‑3061, punt 33, Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85, kif ukoll Danske Slagterier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).
77 Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li l‑persuni leżi jkunu sistematikament irrikorrew għar-rimedji legali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom imur kontra l-prinċipju ta’ effettività meta dan iġib miegħu diffikultajiet eċċessivi jew ma jkunx jista’ jkun meħtieġ minnhom b’mod raġonevoli (sentenza Danske Slagterier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).
78 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżerċizzju tad-drittijiet li d‑dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni jagħtu lill-individwi jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli jekk it-talbiet tagħhom għal kumpens ibbażati fuq il-ksur ta’ dan id-dritt kellhom jiġu miċħuda jew imnaqqsa għar-raġuni biss li l-individwi ma talbux li jibbenefikaw mid-dritt mogħti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u li l-liġi nazzjonali rrifjutatilhom, sabiex jikkontestaw ir-rifjut tal-Istat Membru permezz tar-rimedji legali previsti għal dan l-għan, billi jinvokaw is-supremazija u l-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni (ara s‑sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C‑397/98 u C‑410/98, Ġabra p. I‑1727, punt 106, kif ukoll Danske Slagterier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).
79 F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, intiż sabiex jiggarantixxi protezzjoni effikaċji tas-siġurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema billi jiżgura fil-konfront tagħhom il‑benefiċċju effettiv ta’ ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa kif ukoll ta’ perijodi minimi ta’ mistrieħ, jikkostitwixxi regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandha importanza partikolari u li minnha, fin-nuqqas tal-implementazzjoni tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, il-persuna li timpjega ma tistax tidderoga fir-rigward ta’ ħaddiem bħal G. Fuß.
80 Issa, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).
81 Fil-fatt, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħjufija, tali ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah meta t-talba għal dawn tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ impjieg għad-detriment ta’ dan il‑ħaddiem.
82 Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-iStadt Halle avża immedjatament lill-impjegati tiegħu li huwa kien ser jittrasferixxi ħaddiema li jinvokaw drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/88 u, meta G. Fuß talab lill-persuna li timpjegah, billi jinvoka d-digriet Personalrat der Feuerwehr Hamburg, iċċitat iktar ’il fuq, sabiex il-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva jiġi osservat fid-dipartiment ta’ intervent li fih kien impjegat, huwa ġie ttrasferit kontra r-rieda tiegħu u b’effett immedjat lejn dipartiment ieħor.
83 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, f’kawża bħal dik prinċipali, li tittratta ksur minn entità li timpjega fis-settur pubbliku ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, l-obbligu għall-ħaddiema kkonċernati li jindirizzaw lill-persuna li timpjegahom, sabiex jiksbu kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ tali dispożizzjoni, talba minn qabel sabiex jitwaqqaf dan il-ksur, għandu bħala effett li jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat ipoġġu sistematikament fuq l-individwi r-responsabbiltà li jiżguraw l-osservanza ta’ tali regoli, billi joffri lil dawn l-awtoritajiet, skont il-każ, il-possibbiltà li jeżentaw lilhom infushom mill-osservanza tagħhom meta tali talba ma ssirx.
84 Issa, kif osservaw ġustament G. Fuß u l-Kummissjoni, l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, mhux talli ma jirrikjedix li l-ħaddiema kkonċernati jitolbu lill-persuna li timpjegahom sabiex tosserva r-rekwiżiti minimi previsti minn din id‑dispożizzjoni, iżda jobbliga lil din tal-aħħar, meta d-dritt nazzjonali jimplementa d-deroga prevista fl-Artikolu 22 tal-istess direttiva, sabiex tikseb il‑kunsens individwali, espress b’mod espliċitu u liberu, tal-imsemmi ħaddiem għar-rinunzja tad-drittijiet mogħtija minn dan l-Artikolu 6(b) (ara s-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 82 u 84).
85 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, u kif jirriżulta diġà mill-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu jistgħu jiġu invokati mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali, l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, bħal-Länder, l-ibliet u l-komuni, skont il-każ, fil-kwalità tagħhom bħala entità pubblika li timpjega, huma obbligati, minħabba dan il-fatt biss, japplikawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Costanzo, punti 30 sa 33, kif ukoll Fuß, punti 61 u 63).
86 F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li ma jkunx raġonevoli li l‑ħaddiem, li, bħal G. Fuß, sofra dannu minħabba l-ksur mill-persuna li timpjegah tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, jiġi rikjest jagħmel talba minn qabel lill-persuna li timpjegah sabiex ikollu d-dritt jikseb il-kumpens għal dan id-dannu.
87 Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit ta’ tali talba minn qabel imur kontra l-prinċipju ta’ effettività.
88 F’dan ir-rigward, l-iStadt Halle ma jistax jiġġustifika l-imsemmi rekwiżit bix-xewqa li tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ numbru kbir ta’ sigħat ta’ ħin liberu bħala kumpens, meta l-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 hija biżżejjed sabiex twaqqaf tali akkumulazzjoni.
89 Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż huwa żbaljat meta jipprova jistabbilixxi analoġija bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l‑ewwel inċiż tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, ir-rekwiżit tal-preżentazzjoni minn qabel ta’ talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra previst f’din id-dispożizzjoni bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati mill-uffiċjali tal-Unjoni jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ rimedju kontra att individwali li jikkawża preġudizzju adottat mill-istess awtorità u mhux, bħal f’dan il-każ, it-tqegħid inkwistjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kkawżat dannu lill-individwi billi tikser id-dritt tal-Unjoni, li l-osservanza tiegħu għandha tiġi żgurata, kif jirriżulta mill-punti 83 sa 85 ta’ din is-sentenza, mill-Istati Membri nnifishom mingħajr ma jagħtu dan l-obbligu lil dawn l-individwi.
90 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tat-tieni domanda hija li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dritt ta’ ħaddiem fis-settur pubbliku li jikseb kumpens għad-dannu subit mill-ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 għall-kundizzjoni li ssir talba minn qabel lill-persuna li timpjegah sabiex jikseb l-osservanza ta’ din id‑dispożizzjoni.
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
91 Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar x’tip ta’ dritt għal kumpens għandu jingħata kif ukoll dwar il-metodu kif l-imsemmi kumpens għandu jiġi kkalkolat.
92 Għal dak li jirrigwarda l-forma u l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens għad-dannu, għandu jiġi enfasizzat li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun xieraq għad-dannu subit, ta’ natura li jiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).
93 Kif jirriżulta diġà mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li għandha tistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l‑portata tal-kumpens (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).
94 Minn dan jirriżulta li huwa d-dritt nazzjonali tal-Istati Membri li għandu, billi josserva ż-żewġ prinċipji msemmija fiż-żewġ punti preċedenti, minn naħa, jiddetermina jekk il-kumpens għad-dannu kkawżat lil individwu minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi affettwat mill-għoti ta’ ħin liberu supplimentari jew ta’ kumpens finanzjarju u, min-naħa l-oħra, jiddefinixxi r-regoli li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens.
95 Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-forma li għandu jkollu l-kumpens għad-dannu, għandu jiġi enfasizzat li, billi la l-għoti ta’ ħin liberu u lanqas dak ta’ kumpens finanzjarju jidhru li ser jirrendu fil-prattika tali kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-qorti tar-rinviju jkollha b’mod partikolari tiżgura li l‑modalità ta’ kumpens magħżula tosserva l-prinċipju ta’ ekwivalenza evalwat fid-dawl tal-kumpens mogħti mill-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ talbiet jew azzjonijiet simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.
96 F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu G. Fuß u l-Kummissjoni, billi d-Direttiva 2003/88 ma fiha ebda ħjiel dwar il-kumpens għad-dannu subit minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet tagħha, ma jistax jiġi dedott li d-dritt tal-Unjoni tippreferi waħda jew l-oħra mill-forom ta’ kumpens.
97 F’kull każ, għal dak li jirrigwarda l-perijodi ta’ referenza previsti fl-Artikoli 16 sa 19 tad-Direttiva 2003/88 għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(b) tagħha sabiex jiġi ddeterminat il-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa, dawn ma jistgħu jkollhom ebda rilevanza f’kawża bħal dik prinċipali, peress li, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhom f’dan ir-rigward effett dirett (sentenza Simap, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70), huwa paċifiku li l-perijodi ta’ referenza kollha inkwistjoni kienu skadew għal dak li jirrigwarda l-perijodu msemmi fit-talba għal kumpens magħmula minn G. Fuß fil-kawża prinċipali.
98 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u r-raba’ domanda hija li l-kumpens, li huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, għad-danni li dawn ikkawżaw lill-individwi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun xieraq għad-dannu subit. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa d-dritt nazzjonali kkonċernat li għandu jistabbilixxi, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk id-dannu subit minn ħaddiem, bħal G. Fuß fil-kawża prinċipali, minħabba l-ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi kkumpensat bl-għoti lil dan tal-aħħar ta’ ħin liberu supplimentari jew ta’ kumpens finanzjarju, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-regoli li jirrigwardaw il‑metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens. Il-perijodi ta’ referenza previsti fl-Artikoli 16 sa 19 tad-Direttiva 2003/88 huma irrilevanti f’dan ir-rigward.
Fuq il-ħames domanda
99 Fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li r-risposti mogħtija għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma identiċi, kemm jekk il-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104 jew taħt dawk tad-Direttiva 2003/88.
Fuq l-ispejjeż
100 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ħaddiem, bħal G. Fuß fil-kawża prinċipali, li ħadem, bħala pompier impjegat f’dipartiment ta’ intervent li jaqa’ fis-settur pubbliku, ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa li jaqbeż dak previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, jista’ jinvoka d-dritt tal-Unjoni sabiex jistabbilixxi r‑responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bl-għan li jikseb il-kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ din id‑dispożizzjoni.
2) Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali:
– li tissuġġetta, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, id-dritt għal ħaddiem fis-settur pubbliku li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, għal kundizzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ nuqqas li jmur lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tal-imsemmi dritt, u
– li tissuġġetta d-dritt ta’ ħaddiem fis-settur pubbliku li jikseb kumpens għad-dannu subit mill-ksur, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 għall-kundizzjoni li ssir talba minn qabel lill-persuna li timpjegah sabiex jikseb l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni.
3) Il-kumpens, li huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, għad-danni li dawn ikkawżaw lill-individwi bil-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun xieraq għad-dannu subit. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa d-dritt nazzjonali kkonċernat li għandu jistabbilixxi, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk id-dannu subit minn ħaddiem, bħal G. Fuß fil-kawża prinċipali, minħabba l-ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi kkumpensat bl-għoti lil dan tal-aħħar ta’ ħin liberu supplimentari jew ta’ kumpens finanzjarju, kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-regoli li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-kumpens. Il-perijodi ta’ referenza previsti fl-Artikoli 16 sa 19 tad-Direttiva 2003/88 huma irrilevanti f’dan ir-rigward.
4) Ir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma identiċi, kemm jekk il-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt id‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000 jew taħt dawk tad-Direttiva 2003/88.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.