Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 234 KE — Kunċett

(Artikolu 234 KE)

2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Obbligi tal-persuna taxxabbli

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112)

Summary

1. Sabiex tiddetermina jekk il-korp tar-rinviju għandux in-natura ta’ qorti skont l‑Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu.

Il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (kummissjoni Litwanjana tal-kontenzjuż fiskali), li għandha bħala funzjoni l-eżami b’mod imparzjali tar-rikorsi tal-persuni taxxabbli fil-qasam fiskali u li tieħu deċiżjonijiet skont il-liġi u motivati, tissodisfa dawn il-kriterji.

(ara l-punti 35, 36, 40)

2. Id-Direttiva 2006/112, dwar is‑sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis‑sens li tipprekludi li persuna taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud li tissodisfa r-rekwiżiti sostantivi sabiex tnaqqas din it-taxxa, skont id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u li tirreġistra ruħha għall-VAT f’terminu raġonevoli minn meta twettaq it-tranżazzjonijiet li taw lok għad‑dritt għal tnaqqis, tkun tista’ tiċċaħħad mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tnaqqis tat-taxxa fuq il‑valur miżjud imħallsa meta nxtraw beni għaliex din il-persuna taxxabbli ma kinitx reġistrata għat-taxxa fuq il-valur miżjud qabel użat dan id-dritt għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha li huma suġġetti għat-taxxa.

Fil-fatt skont l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva 2006/112, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 168(a) tal-imsemmija direttiva, fir-rigward tal-kunsinna ta’ beni u l-provvista ta’ servizzi, huwa suġġett biss għal rekwiżit proċedurali li jitlob li l-persuna taxxabbli żżomm il-fattura skont kif stabbilit fl-Artikoli 220 sa 236 u 238 sa 240 ta’ din id-direttiva. Ċertament, il-persuni taxxabbli għandhom ukoll l-obbligu li jiddikjaraw meta jibdew, ibiddlu u jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom, skont il-miżuri adottati għal dan l-iskop mill-Istati Membri, u dan skont l-Artikolu 213 tad-Direttiva 2006/112. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tawtorizza bl-ebda mod lill-Istati Membri, fil-każ fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix ippreżentata, milli jmexxu l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis sad-data li fiha t‑tranżazzjonijiet taxxabbli jiġu effettivament imwettqa jew iċaħħdu lill-persuni taxxabbli mill-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Barra minn hekk, il-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw, bis-saħħa tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, sabiex jiżguraw il-ġbir eżatt tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu tali għanijiet u ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni n-newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 214 tad‑Direttiva 2006/112, bħall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 213 ta’ din tal-aħħar, ma hijiex att kostituttiv tad-dritt għal tnaqqis, li jidħol fis-seħħ meta t-taxxa mnaqqsa ssir dovuta, iżda tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali għall-finijiet tal-kontroll. Għaldaqstant, persuna taxxabbli suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud ma tistax titwaqqaf milli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha għaliex ma kinitx irreġistrata għall-imsemmija taxxa qabel ma użat il-beni akkwistati fil-kuntest tal-attività taxxabbli tagħha.

(ara l-punti 47-51, 54 u d-dispożittiv)